Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu (02074/2011 – C7-0090/2011 – 2011/0901A(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill (02074/2011),
– wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont it-termini tagħhom ġie ppreżentat l-abbozz tal-att lill-Parlament (C7-0090/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(4) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0596),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Mejju 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0185/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinstab hawn hekk;
2. Jinnota li, fid-dawl tat-tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Ottubru 2012 u l-bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa neċessarju li l-emendi proposti għall-Istatut dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, dik tal-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu adottati mingħajr aktar dewmien, kif irrimarka l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-ittra tiegħu tat-8 ta' Mejju 2012;
3. Jirriżerva d-dritt tiegħu li jeżamina l-parti tat-talba dwar il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju ulterjuri;
4. Jirriżolva li jinżamm dibattitu fil-Parlament fil-futur qarib dwar il-merti tal-introduzzjoni tal-possibbiltà li jinħarġu opinjonijiet kuntrarji fil-Qorti tal-Ġustizzja;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012.)