Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni (11113/2012 – C7-0147/2012 – 2012/2071(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 310 u 314 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea għall-Enerġija Atomika u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15, 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2011(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-talba għal trasferiment DEC 9/2012, adottata fis-7 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-16 ta' April 2012 (COM(2012)0181),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012, li gie stabbilit mill-Kunsill fil-11 ta' Ġunju 2012 (11113/2012 – C7-0147/2012),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (COM(2010)0815),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0206/2012),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit tal-2012 il-bilanċ favorevoli mis-sena finanzjarja 2011, li jammonta għal EUR 1 496 968 014,
B. billi l-elementi prinċipali ta' dak il-bilanċ favorevoli huma sottoeżekuzzjoni ta' EUR 0,73 biljun fl-infiq, eżitu pożittiv fuq l-introjtu ta' aktar minn EUR 0,67 biljun, u differenza pożittiva fir-rata tal-kambju li tammonta għal EUR 0,1 biljun,
C. billi l-parti l-kbira tan-naħa tal-introjtu (EUR 0,45 biljun minn EUR 0,67 biljun) ġejja minn multi u imgħax fuq l-arretrati,
D. billi s-sottoeżekuzzjoni fl-infiq, li tikkonċerna l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2011 għal EUR 0,56 biljun u r-riporti mill-2010 għal EUR 0,17 biljun, ma tirriżultax minn diffikultajiet ta' assorbiment jew ġestjoni ħażina iżda mir-regoli fis-seħħ għall-aġġustament tat-tqassim tal-pagamenti skont il-bżonnijiet, b'mod partikolari matul l-aħħar ġimgħat tas-sena finanzjarja,
E. billi, għall-kuntrarju, din is-sena l-indikaturi disponibbli kollha juru nuqqas fil-pagamenti f'ħafna oqsma ta' intervent tal-UE, b'mod partikolari peress li fl-2011, għat-tieni sena konsekuttiva, l-Awtorità Baġitarja naqqset il-livell tal-2012 tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-Unjoni b'aktar minn EUR 3 biljun, inkluż għar-riċerka u l-politika ta' koeżjoni, meta mqabbel mal-estimi inizjali tal-Kummissjoni,
F. billi, fil-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba għal trasferiment DEC 9/2012, il-Kunsill naqqas b'mod drastiku l-approprjazzjonijiet ta' pagament trasferiti fil-qasam tar-riċerka, fejn bżonnijiet urġenti fil-pagamenti huma riportati sabiex jissodisfaw impenji preċedenti, iżda finalment qed jerġà jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest tat-talba għal trasferiment DEC 19/2012,
G. billi l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li kull diskrepanza mal-estimi għandha tkun irreġistrata fil-baġit tal-Unjoni permezz ta' baġit emendatorju li jkun jitratta biss dik id-diskrepanza,
1. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 li jikkonċerna biss l-ibbaġitjar tal-bilanċ favorevoli tal-2011, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju; jisħaq li dan tal-aħħar jippermetti ċertu marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tad-destinazzjoni tal-bilanċ favorevoli;
2. Jieħu nota tal-fatt li l-elementi prinċipali ta' dak il-bilanċ favorevoli huma sottoeżekuzzjoni ta' EUR 0,73 biljun fl-infiq, eżitu pożittiv fuq l-introjtu ta' aktar minn EUR 0,67 biljun, u differenza pożittiva fir-rata tal-kambju li tammonta għal EUR 0,1 biljun;
3. Jenfasizza li s-sottoeżekuzzjoni fl-infiq (EUR 0,73 biljun) ma tirriżultax minn diffikultajiet ta' assorbiment jew ġestjoni ħażina iżda mir-regoli attwalment fis-seħħ għall-aġġustament tat-tqassim tal-pagamenti skont il-bżonnijiet; iqis b'hekk li dan l-element għandu jiġi trattat b'mod differenti mill-parti tal-bilanċ favorevoli li jirriżulta minn varjazzjonijiet fid-dħul; jenfasizza, barra minn hekk, li parti kbira minn din is-sottoeżekuzzjoni ġejja mid-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jadottax l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet previsti fir-Regolament tal-Persunal;
4. Jiddeplora l-fatt li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 310(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tajba u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament miftiehma mit-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura baġitarja tal-2012, il-Kunsill inizjalment iddeċieda jnaqqas b'żewġ terzi l-livell tat-talba għal trasferiment DEC 9/2012 ta' EUR 485 miljun mill-proġetti tal-enerġija b'appoġġ għall-irkupru ekonomiku li minnhom irriżultat sottoeżekuzzjoni sabiex jiġu rinforzati t-tliet linji baġitarji taħt il-FP7 - Kooperazzjoni;
5. Jisħaq li dan kien iżid b'mod artifiċjali s-sottoeżekuzzjoni għall-pagamenti tal-2012 u għalhekk iżid il-bilanċ favorevoli tal-2012, meta din is-sena l-indikaturi disponibbli kollha qed juru nuqqas fil-pagamenti fil-qasam tar-riċerka u oqsma ta' intervent oħra tal-UE; jilqa' għalhekk il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu bl-adozzjoni tat-talba ta' trasferiment DEC 19/2012;
6. Japprova, bla ma jemenda, l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2012 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.