Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2701(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0389/2012

Dibattiti :

PV 05/07/2012 - 17.1
CRE 05/07/2012 - 17.1

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 18.1

Testi adottati :

P7_TA(2012)0299

Testi adottati
PDF 308kWORD 70k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2012 - Strasburgu
Il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika
P7_TA(2012)0299RC-B7-0389/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika (2012/2701(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem(UDHR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li tenfasizza li n-nisa kollha għandhom id-dritt li jikkontrollaw u jieħdu deċiżjonijiet b'mod ħieles u responsabbli dwar kwistjonijiet relatati mas-sesswalità tagħhom mingħajr ma' jġarrbu sfurzar, stigmatizzazzjoni u vjolenza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u r-Rapport tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Novembru 2011 dwar liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom u l-identità tal-ġeneru tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-diskussjoni f'panel tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, li saret fis-7 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-bniedem tan-NU Navanethem Pillay, magħmula fid-diskussjoni f'panel dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru waqt id-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-7 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2012 tal-organizzazzjoni Amnesty International dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, li jgħid li kibret l-intolleranza kontra persuni Leżbjani, Gej, Bisesswali u Transesswali (LGBT) fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari l-Artikoli 8(4) u 9,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-individwi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-bqija tad-dinja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta' Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u tal-President tal-Parlament Ewropew fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija fl-2010, 2011, u 2012,

–  wara li kkunsidra s-Sett ta' Strumenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gej, Bisesswali u Transesswali (LGBT toolkit),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjarjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2011)0840), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla' (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali(1), u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-Uganda:“l hekk imsejjaħ ”abbozz ta' liġi Bahati' u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT(2), tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Uganda: il-qtil ta' David Kato(3), u tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-NU(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kull bniedem jitwieled ħieles u b'dinjità u drittijiet indaqs; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jevitaw il-vjolenza u t-tixwix ta' mibegħda msejsa fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, u r-rispett tal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi d-drittijiet ta' nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali huma l-istess drittijiet tal-bniedem bħal dawk tan-nisa u l-irġiel kollha, li jridu jiġu mħarsa indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom;

C.  billi xi pajjiżi Afrikani kienu fuq quddiem fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, filwaqt li l-kostituzzjoni post-apartheid tal-Afrika ta' Isfel kienet l-ewwel waħda fid-dinja li abolixxiet id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u billi dan l-istess pajjiż ta bidu għar-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

D.  billi jeżistu movimenti u mexxejja politiċi li se jkunu jistgħu iwittu t-triq għall-bidla u għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa, u d-drittijiet ta' persuni leżbjani, gej, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fl-Afrika;

E.  billi qed jikbru l-istigmatizzazzjoni u l-vjolenza kontra nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kif ukoll nisa meqjusa bħala tali, min-naħa tal-forzi tal-istat u tal-pulizija, tal-familji u tal-komunitajiet tagħhom fl-Afrika, u dan hu tħassib komuni, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki Moon, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Navanethem Pillay, u r-Riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

F.  billi fid-diskussjoni annwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, li saret fil-25 u s-26 ta' Ġunju 2012, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, Margret Sekaggya, indikat li l-ksur li jsofru d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem isir f'sura speċifika għall-ġeneru, fosthom abbuż verbali abbażi tas-sess, abbuż sesswali u stupru; li dawn in-nisa tqiesu li qed jisfidaw in-normi soċjali aċċettati, il-kultura jew it-tradizzjonijiet, u li xi drabi tqiesu li qed jisfidaw preskrizzjonijiet reliġjużi u sussegwentement ġew stigmatizzati; u li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġu attenzjoni speċifika, għax it-tbatija li jġarrbu fix-xogħol tagħhom xi drabi hija akbar minn dik li jġarrbu l-kontropartijiet maskili tagħhom;

G.  billi n-nisa li jiksru n-normi soċjali u kulturali jistgħu jiġu ttimbrati leżbjani u jissograw li jġarrbu mġiba maskili vjolenti u/jew trattament degradanti, u billi dan il-fatt jirriżulta fit-trażżin tal-espressjoni tas-sesswalità u l-libertà tal-għażla tan-nisa kollha, anke dak tan-nisa eterosesswali; billi d-drittijiet sesswali huma relatati mal-awtonomija tal-ġisem u l-libertà tal-għażla tan-nisa kollha;

H.  billi fl-Afrika, l-omosesswalità femminili hi legali f'27 pajjiż u illegali f'27, filwaqt li l-omosesswalità maskili hi legali f'16-il pajjiż u illegali fi 38 pajjiż, u billi l-piena għall-omosesswalità hija l-mewt fil-Mawritanja, fis-Sudan, f'partijiet mis-Somalja u min-Niġerja, u billi abbozz ta' liġi mressaq minn deputat quddiem il-parlament tal-Uganda jipprevedi l-piena kapitali għall-omosesswalità;

I.  billi l-liġijiet li jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet u s-sesswalità bejn persuni tal-istess sess u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' klima li tinkoraġġixxi l-vjolenza kontra nisa leżbjani, jew nisa li jitqiesu li huma leżbjani,

J.  billi l-qtil, it-tortura, il-priġunerija, il-vjolenza, l-istigmatizzazzjoni u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, xi drabi leġittimizzat bil-liġi, huma rappurtati fir-reġjuni kollha tad-dinja; u billi kien hemm atti ta' vjolenza u aggressjoni ripetuti kontra nisa leżbjani f'diversi pajjiżi Afrikani;

K.  billi l-ġlieda għall-ugwaljanza u l-ġustizzja u għall-viżibilità u d-drittijiet tal-leżbjani hi konnessa mill-qrib mal-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa b'mod ġenerali; billi l-leżbjani wkoll, bħal ħafna nisa oħra, huma suġġetti għall-vjolenza, kemm abbażi tal-fatt li huma nisa kif ukoll abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

L.  billi fil-Kamerun, fi Frar 2012, għaxar nisa ġew arrestati u tlieta minnhom akkużati għall-ewwel darba, li pprattikaw l-omosesswalità; billi qed ikomplu jsiru arresti u swat min-naħa tal-pulizija, fejn l-aħħar każ magħruf seħħ fl-24 ta' Ġunju 2012; billi l-avukat Alice Nkom ġiet mhedda bil-mewt u bi vjolenza f'diversi okkażjonijiet talli ddefendiet persuni akkużati b'omosesswalità; billi laqgħa tal-komunità LGBTI f'Yaoundé ġiet imwaqqfa b'mod vjolenti minn klikka vjolenti fid-19 ta' Mejju 2012;

M.  billi s-Senat tal-Liberja bħalissa qed jiddibatti proposta biex ikompli jestendi l-projbizzjoni ta' relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess lil hinn minn dak li tipprevedi l-liġi attwalment; billi l-midja u l-opinjoni pubblika qegħdin kulma jmur ifittxu li jintimidaw lil persuni LGBTI, u billi żewġ nisa leżbjani ġew attakkati riċentement minn irġiel armati;

N.  billi fil-Malawi, l-omosesswalità femminili ġiet projbita f'Jannar 2011; billi l-President il-ġdid Joyce Banda qalet li se titlob lill-parlament jirrevoka l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-omosesswalità,

O.  billi n-Niġerja qed tfittex li tikriminalizza r-reġistrazzjoni, l-operat jew l-eżistenza ta' ċerta organizzazzjonijiet, u l-laqgħat jew purċissjonijiet tagħhom, u tipprojbixxi attivitajiet li jagħmlu parti strettament mill-ambitu tal-ħajja privata;

P.  billi fl-Afrika t'Isfel, “l hekk imsejħa ”stupri korrettivi' ta' nisa leżbjani u transġeneru għadhom għaddejjin bla rażan; billi d-dibattiti kontinwi dwar il-protezzjoni kostituzzjonali ta' persuni vittmizzati minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom qed ikebbsu l-vjolenza kontra persuni LGBTI; billi l-attivist gej Thapelo Makutle riċentement ġie ttorturat u maqtul, filwaqt li Phumeza Nkolonzi, leżbjana ta' 22 snin, sparawlha f'rasha minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha, u Neil Daniels qala' daqqiet ta' sikkina, u ġie mutilat u maħruq ħaj minħabba li kien gej;

Q.  billi fi Sważiland qed isiru sforzi pożittivi biex tiġi evitata jew ikkurata l-HIV/AIDS fost popolazzjonijiet f'riskju, inklużi n-nisa, u l-irġiel li jkollhom x'jaqsmu mal-irġiel, minkejja l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-pajjiż;

R.  billi fl-Uganda, laqgħat privati ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem twaqqfu fi Frar u f'Ġunju 2012 mill-forzi tal-pulizija u l-Ministru għall-Etika u l-Integrità, mingħajr mandati u b'nuqqas ta' rispett għal-libertà tal-għaqda taċ-ċittadini; billi l-Ministru qed jippjana li jabolixxi 38 organizzazzjoni li hu mifhum li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; billi l-Abbozz kontra l-Omosesswalità li ġie propost għall-ewwel darba fl-2009 għadu qed jiġi diskuss, u jista' jinkludi dispożizzjonjiet dwar il-piena kapitali; billi l-kawżi pendenti u l-indaġnijiet fl-Uganda u fl-Istati Uniti juru r-rwol, fost l-oħrajn, ta' Scott Lively u l-Abiding Truth Ministries, grupp evanġeliku fundamentalista ibbażat fl-Istati Uniti, fit-tixrid tal-mibegħda u l-intolleranza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u fl-introduzzjoni tal-liġi;

Diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa leżbjani fl-Afrika

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjonikontra l-leżbjani f'pajjiżi Afrikani fejn qed iseħħu, inklużi forom estremi ta' vjolenza, bħal stupri “korrettivi”, u forom oħra ta' vjolenza sesswali;

2.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal kampanji u inizjattivi li jimmiraw li jabolixxu l-liġijiet diskriminatorji kontra n-nisa u persuni LGBTI; jitlob lil dawk il-pajjiżi Afrikani li għad għandhom liġijiet diskriminatorji fis-seħħ biex jabolixxuhom immedjatament, inklużi liġijiet li jipprojbixxu l-omosesswalitàu liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa f'termini ta' stat ċivili, proprjetà u drittijiet tal-wirt;

3.  Jikkonferma li l-ġlieda favur id-drittijiet fundamentali u umani tal-leżbjani fl-Afrika hi marbuta mill-qrib mal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttivi tan-nisa kollha; jitlob, għaldaqstant, lill-UE tieħu impenn sod f'termini ta' riżorsi u politika ta' appoġġ għas-saħħa sesswali u riproduttivi fix-xogħol tagħha ma' pajjiżi sħab fl-Afrika;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet relevanti fl-Afrika biex jipproteġu b'mod effettiv lin-nisa kollha mill-qtil, mill-istupru hekk imsejjaħ “korrettiv” u minn vjolenza sesswali oħra, u biex l-atturi ta' dawn id-delitti jiġu proċessati;

5.  Jinnota li l-istigmatizzazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali sikwit ikunu marbuta mad-diskriminazzjoni;

6.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu mal-atturi kollha li jaħdmu favur aġenda aktar b'saħħitha tad-drittijiet tan-nisa;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet LGBTI fl-Afrika fil-ġlieda tagħhom għall-ugwaljanza, l-awtonomija tal-ġisem u d-dritt tal-libertà fis-sesswalità għan-nisa u għall-persuni LGBTI kollha; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lil-leżbjani fi ħdan il-moviment LGBTI u fi ħdan il-moviment tan-nisa, kif ukoll f'movimenti soċjali oħra, sabiex tiġi denunzjata d-diskriminazzjoni doppja jew xi drabi multipla li jħabbtu wiċċhom magħha l-leżbjani f'pajjiżi Afrikani;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, is-SEAE u l-Istati Membri jħaffu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-għanijiet stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta' Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp, u jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet ta' nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kemm fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi kif ukoll meta jagħtu appoġġ lil organizzazzjonijiet mhux governattivi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

Drittijiet LGBTI fl-Afrika

9.  Jisteiden lis-76 pajjiż fid-dinja fejn l-omosesswalità hi illegali, fosthom 38 pajjiż fl-Afrika, biex jiddikriminalizzaw l-omosesswalità;

10.  Jiddenunzja t-tixwix għall-mibegħda u l-vjolenza għal raġunijiet tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru; jitlob lill-pajjiżi msemmija aktar “il fuq biex jirrispettaw b'mod effettiv id-dritt tal-ħajja u d-dinjità ta' persuni LGBTI, u jikkundanna kull att ta' vjolenza, diskriminazzjoni, stigmatizzazzjnoi u umiljazzjoni kontrihom;

11.  Jistieden lill-mexxejja politiċi u reliġjużi jikkundannaw il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u jieħdu pożizzjoni soda kontra l-omofobija, u jingħaqdu mas-sejħa tal-Arċisqof Desmond Tutu kontra l-inġustizzja u l-prġudizzju u favur is-solidarjetà u l-ġustizzja;

12.  Jistieden lill-SEAE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jfakkru lill-pajjiżi Afrikani, fid-djalogi politiċi magħhom, bl-obbligu tagħhom li jwettqu l-impenji li ħadu fl-ambitu ta' strumenti u konvenzjonijiet internazzjonali u legalment vinkolanti tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari li jirrispettaw u jippromwovu d-dritt li ma jklunx hemm diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

13.  Jilqa' l-fatt li xi pajjiżi Afrikani, fosthom il-Kap Verde, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Gabon, il-Ginea Bissaw, il-Malawi, il-Mawrizju, ir-Rwanda, São Tomé u Principe, l-Afrika t'Isfel u s-Sważiland urew l-oppożizzjoni tagħhom għall-kriminalizzazzjoni, żguraw aċċess għall-kura tas-saħħa għal persuni LGBTI, jew wegħdu li jiddekriminalizzaw l-omosesswalità;

14.  Jistieden lill-Grupp ta' Stati tal-ACP biex jipparteċipaw f'diskussjoni aperta, kostruttiva u b'rispett reċiproku;

15.  Jitlob lill-pajjiżi Afrikani jżidu s-sigurtà għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI, u jitlob lill-UE biex tassisti s-soċjetà ċivili lokali bi programmi ta' bini tal-kapaċità fl-Afrika;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, l-SEAE u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mit-Toolkit LGBT, u jħeġġu lil pajjiżi terzi jiddekriminalizzaw l-omosesswalità, filwaqt li jgħinu biex tonqos il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u jipproteġu d-drittijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u b'mod partikolari lil Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex tieħu azzjoni konkreta billi timmobilizza l-istrumenti xierqa kollha biex tagħmel pressjoni sabiex tipproteġi l-persuni mid-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u sabiex tqajjem dawn il-kwistjonijiet fir-relazzjonijiet u d-djalogi tagħha ma' pajjiżi terzi;

o
o   o

18.  Jagħti Struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Istati tal-ACP, lill-Ambaxxaturi tal-Istati tal-ACP għall-Unjoni Ewropea, lill-Parlament tal-Afrika ta' Isfel, lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.

(1) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.
(2) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 134.
(3) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 62.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0427.
(5) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.

Avviż legali - Politika tal-privatezza