Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ***
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai
 Ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ***I
 L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2011
 Nisa fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet Politiċi
 L-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati
 Proċess ta' Bolonja
 Statistika Ewropea

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ***
PDF 201kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu (05306/2010 – C7-0030/2010 – 2009/0189(NLE))
P7_TA(2012)0066A7-0020/2012

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra il-proposta għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05306/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 għal dan (14938/2003),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0030/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0020/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożiżżjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, tar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai
PDF 202kWORD 34k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai (2010/2285(IMM))
P7_TA(2012)0067A7-0050/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai, imressqa fit-13 ta' Ottubru 2010 mill-Qorti Distrettwali Ċentrali ta' Pest f'Budapest (l-Ungerija) b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem din il-qorti, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-24 ta' Novembru 2010,

–  wara li sema' lil Krisztina Morvai, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub mill-Qorti Distrettwali Ċentrali tad-19 ta' Diċembru 2011 bi tweġiba għat-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 7(3) għal aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0050/2012),

A.  billi l-Qorti Distrettwali Ċentrali ta' Pest talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Krisztina Morvai, b'rabta mal-proċedimenti quddiemha;

B.  billi t-talba mill-Qorti tirreferi għal proċedimenti kriminali relatati mal-offiża kriminali ta' malafama pubblika b'konnessjoni ma' dikjarazzjonijiet magħmula minn Krisztina Morvai rigward individwu privat fl-Ungerija;

C.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux ikunu suġġetti għal ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

D.  billi l-fatti tal-każ, kif manifestat fis-sottomissjonijiet li saru mill-Qorti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet saru fi żmien meta Krisztina Morvai ma kinitx Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Krisztina Morvai;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Krisztina Morvai.

(1) Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u l-Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).


Ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ***I
PDF 291kWORD 38k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (COM(2009)0154 – C7-0236/2009 – 2009/0157(COD))
P7_TA(2012)0068A7-0045/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0154),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 251(2) u l-Artikolu 61(c) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0236/2009),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2010 (1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0045/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar tal-istrumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u fil-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

P7_TC1-COD(2009)0157


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 650/2012.)

(1) ĠU C 44, 11.2.2011, p.148. 148.


L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2011
PDF 363kWORD 126k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2011 (2011/2244(INI))
P7_TA(2012)0069A7-0041/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta' Diċembru 1979,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 t'April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(1),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1949 dwar it-Trażżin tat-Traffikar ta' Persuni u l-Isfruttar tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5 (2000), Beijing+10 (2005) u Beijing+15 (2010),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem “Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara” (COM(2010)0078),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2011 bl-isem “Rapport dwar il-progress għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2010” (SEC(2011)0193),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-Omofobija, it-Transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi(2010),

–   wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE għall-Vittmi li hu magħmul mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2011 bl-isem “It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE” (COM(2011)0274), “Proposta li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità” (COM(2011)0275) u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili” (COM(2011)0276),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'” COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola” (COM(2008)0638),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi u s-sentenza relatata tal-1 ta' Marzu 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ Test-Achats (C-236/09)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(6) u tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozji(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti ewlenin ta' qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0041/2012),

A.   billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u billi l-Unjoni tat lilha nnifisha l-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi minkejja l-progress gradwali mwettaq f'dan il-qasam, għad fadal bosta inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;

B.   billi fi żminijiet ta' kriżi ekonomika, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol u tal-indipendenza ekonomika tagħhom ma tirrappreżentax biss obbligu morali, iżda ukoll neċessità ekonomika; billi l-Istrateġija UE 2020 tinkludi l-mira ewlenija li żżid għal 75% r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel tal-età bejn 20-64 sena;

C.   billi l-kompetittività u l-prosperità ekonomika tal-futur tal-Ewropa jiddependu kruċjalment fuq il-kapaċità tagħha li tuża b'mod sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha, inkluż b'parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi waħda mill-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 hija li jkun hemm iżjed nisa jaħdmu sabiex tintlaħaq ir-rata ta' impjieg ta' 75% għan-nisa sal-2020; billi, b'mod kumparattiv, hemm aktar nisa milli rġiel li jaħdmu f'impjiegi part-time jew b'kuntratti temporanji u għalhekk ikun aktar faċli li huma jispiċċaw bla xogħol f'perjodi ta' kriżi u hemm ir-riskju li r-riċessjoni attwali ser iddewwem l-avvanzi jew saħansitra treġġa' lura l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi minkejja l-opportunitajiet ta' xogħol part-time f'xi każijiet u għal xi perjodi jistgħu jkollhom effett pożittiv għan-nisa u l-irġiel sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata;

D.   billi l-għan tal-ugwaljanza bejn is-sessi jinvolvi rapprezentazzjoni politika aqwa tan-nisa; billi r-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi ma għaddiet minn ebda titjib lineari fis-snin riċenti – il-bilanċ bejn is-sessi fil-parlamenti nazzjonali madwar l-UE baqa' mhux mibdul b'24 % nisa u 76 % irġiel, u l-persentaġġ ta' nisa li huma membri parlamentari f'xi Stati Membri ma jaqbiżx il-15 %, bl-ammont ta' nisa jammonta għal 23 % biss tal-ministri kollha; billi n-numru ta' viċipresidenti nisa tal-Parlament Ewropew naqas fit-tieni nofs tal-leġiżlatura tal-mandat parlamentari 2009-2014;

E.   billi fil-bidu l-kriżi ekonomika laqtet l-iktar l-impjiegi tal-irġiel, iżda t-tnaqqis fl-infiq pubbliku hu mistenni li joħloq impatt sproporzjonat fuq l-impjiegi tan-nisa u d-differenza fil-paga, peress li hemm ħafna aktar nisa milli rġiel impjegati fis-settur pubbliku; billi setturi partikolarment kritiċi ddominati min-nisa huma s-settur tas-saħħa, il-qasam tal-edukazzjoni u l-kura soċjali; huwa importanti li tingħata attenzjoni mhux biss lir-rati ta' impjieg, iżda wkoll lill-kundizzjonijiet ta' impjieg ugwali, il-kwalità, inklużi l-opportunitajiet ta' karriera, u l-pagi;

F.   billi l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-vjolenza psikoloġoika hija ostaklu maġġuri għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u hija ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u tibqa wieħed mill-aktar ksur komuni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, minkejja l-miżuri kollha meħuda mill-politiċi biex jiġġielduha; billi r-riċessjoni ekonomika ħolqot kundizzjonijiet relatati ma' żieda fil-vjolenza f'relazzjonijiet intimi u il-miżuri ta' awsterità li jolqtu s-servizzi ta' appoġġ iħallu n-nisa vittmi ta' vjolenza iżjed vulnerabbli mis-soltu

G.   billi l-ekonomisti u d-demografi (il-Bank Dinji, l-OECD, l-FMI) jużaw mudelli ekonomiċi u matematiċi biex jenfasizzaw il-valur ekonomiku tal-produzzjoni domestika – imwettqa primarjament min-nisa – u billi l-kontribuzzjoni tan-nisa għall-PDG tkun anke ogħla jekk jiġi kkunsidrat ix-xogħol mhux imħallas tagħhom, u dan jagħti prova tad-diskriminazzjoni li teżisti kontra x-xogħol tan-nisa;

H.  billi t-tnaqqis fil-baġit għal servizzi soċjali, bħall-kura tat-tfal, kompla jxekkel il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

I.   billi l-aċċess għal servizzi ta' kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni oħra dipendenti huwa essenzjali biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, billi għadha ssir diskriminazzjoni ma' min jagħti l-kura fid-djar minħabba li s-snin li jagħmlu jaħdmu ma jgħoddulhomx għall-pensjonijiet u għal drittijiet oħrajn;

J.   billi l-2012 hija s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet u huwa importanti li jiġi enfasizzat li iżjed nisa minn irġiel ta' età avvanzata jgħixu f'unità domestika unika minħabba għomor ta' ħajja itwal;

K.   billi l-Parlament Ewropew, f'Ottubru 2011, adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva ġdida dwar il-Liv tal-Maternità li testendi l-liv tal-maternità għal 20 ġimgħa b'paga sħiħa u tistabbilixxi wkoll liv tal-paternità mħallsa ta' mill-inqas ġimgħatejn;

L.  billi l-aċċess għall-kapital hu limitat bil-qawwi mill-kriżi bankarja, u din il-problema aktarx tolqot lill-imprendituri nisa b'mod sproporzjonat, peress li aktar nisa qegħdin jaħdmu għal rashom, sabiex ikunu jistgħu jikkombinaw aħjar ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

M.   billi l-ġbir u l-analiżi ta' data diżaggregata abbażi tal-ġeneru huma ta' importanza kbira fl-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġel fl-Unjoni Ewropea;

N.  billi l-progress għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi kien kajman ħafna, b'mod partikolari l-ugwaljanza ekonomika; billi l-mexxejja politiċi għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi sostenn formali, billi minflok jagħtuha prijorità fl-istrateġiji ekonomiċi tagħhom;

O.   billi d-diskrepanza bejn il-paga li jirċievu n-nisa u dik li jirċievu l-irġiel għadha għolja ħafna (xi każijiet jeċċedu 25%), u minkejja l-isforzi u l-progress magħmula d-differenza bejn il-paga mhijiex qed tiċkien iżda minflok qed tistaġna;

P.   billi r-rati ta' impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali, u barra minn hekk, kwantità kbira ta' nisa ma jidhrux b'mod uffiċjali fis-suq tax-xogħol, u għaldaqstant mhux irreġistrati la bħala qegħda u lanqas ma huma inklużi fl-istatistiċi fuq il-qgħad, u dan joħoloq problemi finanzjarji u legali speċifiċi f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, il-kisba ta' drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta' divorzju; billi ż-żoni rurali huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol ta' kwalità għolja;

Q.   billi medja ta' 3 minn kull 10 domiċilji fl-Unjoni Ewropea huma magħmula minn persuna waħedha, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa jgħixu waħedhom, b'mod partikolari nisa anzjani, u billi dan il-persentaġġ qiegħed kulma jmur dejjem jikber; billi dawn id-domiċilji huma vulnerabbli aktar u jinsabu f'riskju ta' faqar akbar, b'mod partikolari fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika; billi f'ħafna mill-Istati Membri domiċilji b'persuna waħedha jew bi dħul uniku huma trattati b'mod sfavorevoli, f'termini assoluti u relattivi, fir-rigward tat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet; billi l-politiki pubbliċi ma għandhomx jippenalizzaw, b'mod volontarju jew involontarju lill-persuni għaliex jgħixu waħedhom;

R.   billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u għandhom ikunu garantiti għan-nisa kollha, irrispettivament mill-istatus soċjali ta' età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini etnika;

S.   billi bosta nisa, bħal nisa b'diżabilità, nisa li jieħdu ħsieb tat-tfal, tal-anzjani u nisa b'diżabilità, nisa minn minoranzi etniċi u speċjalment nisa Roma u nisa immigranti jsofru minn diskriminazzjoni multipla u intersettorjali huma iżjed vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem;

T.   billi l-familji fl-Unjoni Ewropea huma differenti u jinkludu ġenituri miżżewġa, mhux miżżewġa u li għandhom sieħeb/sieħba, ġenituri ta' sess differenti u tal-istess sess, ġenituri waħedhom u ġenituri foster li jixirqilhom protezzjoni ugwali taħt il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea;

U.   billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Test Achats turi l-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet preċiżi, ċari u mhux ambigwi fil-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

V.   billi d-differenzi bejn is-sessi jkunu iżgħar qabel il-formazzjoni tal-familja u jiżdiedu meta l-individwi jiffurmaw koppja; billi jkun hemm tnaqqis fir-rata tal-impjieg tan-nisa wara li titwieled l-ewwel tarbija u l-iżvantaġġi fis-suq tax-xogħol jakkumulaw fl-istadji bikrija taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, b'konnessjoni mal-kura tat-tfal, li fi stadju iżjed tard tinbidel fil-kura tal-anzjani, u dan ta' spiss iwassal għal faqar fost dawk li jaħdmu;

W.   billi l-azzjonijiet pożittivi immirati lejn in-nisa wrew li huma fundamentali għall-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali;

X.   billi n-nisa f'żoni rurali jsofru minn diskriminazzjoni u sterjotipi tal-ġeneru saħansitra ikbar min-nisa fiż-żoni urbani u r-rata ta' impjieg ta' dawn in-nisa hija ħafna iktar baxxa minn ta' dawk fil-bliet;

Y.   billi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma l-iżjed nisa u bniet;

L-indipendenza ekonomika ugwali

1.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar iż-żwieġ, id-divorzju u l-proprjetà matrimonjali ma jikkostitwux nasba finanzjarja, diretta jew indiretta, għall-miżżewġin, b'mod partikolari għan-nisa, u jiżguraw li koppji żgħażagħ ikunu konxji u informati bis-sħiħ fi żmien xieraq dwar l-implikazzjonijiet legali u finanzjarji taż-żwieġ u tad-divorzju;

2.  Jitlob lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja għall-kura tat-tfal, tal-morda, tal-persuni b'diżabilità, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħrajn, billi jiżguraw li dawn ikollhom ħinijiet flessibbli u li jkunu aċċessibbli biex l-akbar numru ta' nies ikunu jistgħu jikkombinaw il-ħajja professjonali u privata; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li n-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani għandhom jirċievu rikonoxximent billi jagħtuhom drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' pensjonijiet individwali; jistieden lis-sħab soċjali jippreżentaw inizjattivi speċifiċi li jivvalidaw il-ħiliet miksuba waqt perjodu ta' liv marbut mal-kura;

3.  Jitlob lill-Istati Membri biex jimxu lejn sistemi individwalizzati ta' sigurtà soċjali, sabiex jiżdiedu l-awtonomija individwali u l-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà

4.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-kunċett legali ta' sjieda konġunta bl-għan li jiġi garantit rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-agrikoltura, protezzjoni adegwata fis-settur tas-sigurtà soċjali u rikonoxximent tax-xogħol tan-nisa, u l-bżonn li jiġi mmodifikat ir-Regolament tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) sabiex ikun possibbli, kif inhu l-każ taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li tittieħed azzjoni pożittiva favur in-nisa fil-perjodu ta' programmar futur 2014-2020, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dan kien fattibbli fil-perjodi aktar bikrija imma ma jistax isir fil-perjodu attwali, u li tali miżuri jkollhom effetti ta' benefiċċju kbir fuq l-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ifasslu proposti għar-rikonoxximent reċiproku tal-unjoni ċivili u ta' familji tal-istess sess madwar l-Ewropa, fost dawk il-pajjiżi fejn din il-leġiżlazzjoni diġà daħlet fis-seħħ, sabiex jiżguraw it-trattament ugwali fir-rigward tax-xogħol, il-moviment liberu, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni tad-dħul tal-familji u t-tfal;

6.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u puntwali tagħha;

7.  Jiddispjaċih rigward l-implimentazzjoni minn xi Stati Membri ta' definizzjonijiet restrittivi ta' “familja” sabiex tiġi miċħuda l-protezzjoni legali għal koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom; ifakkar li l-liġi tal-UE tapplika mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jenfasizza li l-konsolidazzjoni fiskali mingħajr kunsiderazzjoni tar-riskji tal-ugwaljanza bejn is-sessi taf twassal għal iżjed segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, iżjed xogħol prekarju fost in-nisa, differenza ikbar fil-pagi bejn is-sessi, iżjed femminizzazzjoni tal-faqar u iżjed diffikultajiet biex jiġu kkombinati l-kura u x-xogħol;

9.  Jitlob lill-Kunsill jipproċedi “l quddiem fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga għal nisa li jkunu għadhom kemm welldu, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-indipendenza ekonomika tan-nisa matul dan il-perjodu.

10.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jimmonitorjaw b'mod attiv u mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas tas-Sħab Soċjali dwar il-Liv tal-Ġenituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-perjodu mhux trasferibbli u jiżguraw li jitneħħew l-ostakli kollha biex ikun hemm iktar irġiel li jużaw il-liv tal-ġenituri;

11.  Jenfasizza li d-dħul u x-xogħol bi qligħ u ta' kwalità tan-nisa huma ċ-ċavetta għall-awtonomija ekonomika u għal ugwaljanza aħjar bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas soċjali;

12.  Jitlob lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jinkludu b'mod speċjali l-ħaddiema nisa fit-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali f'“impjiegi ħodor” meqjusa mill-Kummissjoni tal-UE bħala “sezzjoni ta' tkabbir ewlieni” tas-suq tax-xogħol Ewropew;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw u jeliminaw l-ostakli għad-dħul fis-suq tax-xogħol, jew għall-impjieg għal rashom, tan-nisa Roma, u wkoll biex jenfasizzaw kif inhu xieraq ir-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ekonomiku tar-Roma emarġinati u fit-tnedija ta' negozji;

14.  Jitlob li jittieħdu azzjonijiet fuq livell nazzjonali u Ewropew għall-promozzjoni tal-ispirtu imprenditorjali tan-nisa permezz tal-ħolqien ta' strutturi ta' taħriġ u ta' pariri professjonali u legali u bl-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjamenti pubbliċi u privati;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jevalwaw l-impatt fuq il-ġeneru tal-kriżi ekonomika u finanzjarja permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru u miżuri sussegwenti ta' bbaġitjar abbażi tal-ġeneru;

16.  Jitlob lill-Istati Membri jinvestu l-infiq tal-Fondi Strutturali attwali għall-perjodu 2007-2013 fl-iżvilupp ta' servizzi ta' kura li jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel biex jikkombinaw il-ħajja professjonali u privata tagħhom;

L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur

17.  Jinnota li minkejja n-numru ma jingħaddx ta' kampanji, objettivi u miżuri fis-snin reċenti, id-differenza fil-pagi bejn is-sessi għadha kbira ħafna, bin-nisa jaqilgħu medja ta' 17.5% anqas mill-irġiel madwar l-UE, u kien hemm biss tnaqqis marġinali fid-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi tul dawn l-aħħar snin; jitlob lill-Istati Membri jirduppjaw l-impenn tagħhom biex idaħħlu fis-seħħ imiżuri Ewropej bil-għan li titnaqqas din id-diskrepanza;

18.  Jitlob strateġija b'ħafna aspetti mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u s-Sħab Soċjali biex jindirizzaw id-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi, inkluża mira ta' paga ugwali Ewropea, mira għat-tnaqqis tad-differenza fil-paga b'10 punti perċentwali f'kull Stat Membru biex ikun żgurat ħlas ugwali għan-nisa u għall-irġiel għall-istess xogħol u għall-istess kwalifiki, u jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni għat-tnedija ta' Jum Ewropew għall-Pagi Ndaqs (EEPD); jiddispjaċih li ma tressqet l-ebda proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Novembru 2008 u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi bħala konsegwenza diretta tad-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u jevalwaw l-impatt tas-sistemi ġodda tal-pensjoni fuq diversi kategoriji ta' nisa, b'attenzjoni partikolari fuq il-kuntratti part-time u l-kuntratti mhux standard,

20.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri mmirati biex jiżguraw status finanzjarju aħjar u aktar ġust għal impjieg soċjali. hu tal-fehma li l-impjiegi fl-edukazzjoni u l-kura għandhom jitpoġġew fuq l-istess livell finanzjarju ma' impjiegi oħrajn, u ma għandu jirriżulta l-ebda żvantaġġ finanzjarju meta l-irġiel u n-nisa jagħżlu attivitajiet soċjali;

21.  Jinsab imħasseb li l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fil-baġit ser ikompli jkabbar il-problema, peress li n-nisa ser jibqgħu jkunu affettwati b'mod sproporzjonat, u jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u ukoll lill-imsieħba soċjali biex ifasslu pjan ta' azzjoni u miri reali u ambizzjużi;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw aħjar il-ħiliet ta' migranti nisa kwalifikati ħafna u biex jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ inklużi korsijiet tal-lingwa sabiex ikun evitat it-telf ta' ħiliet u sabiex jiżguraw opportunitajiet ta' impjieg indaqs u jippromwovu l-integrazzjoni tal-migranti; jitlob lill-Istati Memrbi jagħtu attenzjoni lill-adozzjoni ta' miżuri għal nisa migranti u jħeġġeġ il-konsultazzjoni ta' NGOs u ta' organizzazzjonijiet ta' nisa migranti dwar politiki u miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni soċjali tagħhom;

23.   huwa mħasseb dwar il-leġiżlazzjoni f'ċerti Stati Membri li ma jipprojbixxux b'mod espliċitu l-possibilità li tingħata r-riżenja ffirmata minn qabel lil min iħaddem fil-mument tar-reklutaġġ tan-nisa, bil-konsegwenza li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-maternità;

L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet

24.  Iqis li l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol Ewropew mhux biss għandhom effett pożittiv fuq l-intrapriżi, iżda huma wkoll ta' benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi u din hija kwistjoni li tikkonċerna d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija: in-nisa jirrappreżentaw 60% tal-gradwati universitarji ġodda, iżda għadhom sottorappreżentati f'karigi għat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi;

25.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-proġetti ta' rkupru ekonomiku għadhom jiffokaw prinċipalment fuq l-impjiegi fejn l-irġiel impjegati jikkostitwixxu maġġoranza; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 u tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, u biex jagħtu prijorità ogħla lit-trattament tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq in-nisa b'diżabilità, migranti u nisa f'minoranza etnika, nisa ta' età bejn il-54 u 65 sena u n-nisa Roma; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex isibu bilianċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u sabiex isiru finanzjarjament indipendenti, in-nisa għandu jkollhom aċċess għal forom flessibbli ta' impjieg, inkluż it-teleworking; jinnota li teżisti sotto-rappreżentanza tan-nisa f'setturi li x'aktarx jespandu bħal impjiegi fis-settur tar-rinnovabbli, fix-xjenza u f'impjiegi teknoloġikament intensivi, u għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jfasslu politiki għall-ħolqien tal-impjiegi li jikkonċernaw r-rappreżentanza bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn is-setturi l-ġodda;

26.  Jitlob li jingħata appoġġ lil inizjattivi u kampanji li jkissru l-isterjotipar fir-rigward tal-effikaċja baxxa ta' impjegati nisa u n-nuqqas ta' ħiliet maniġerjali tagħhom; jitlob ukoll sabiex in-nisa jkunu appoġġjati fl-iżvilupp tal-karriera u fl-isforzi tagħhom biex jilħqu f'karigi maniġerjali;

27.  Jiddispjaċih min-nuqqas ta' progress lejn iż-żieda tan-numru ta' nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji kif muri fir-rapport tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi; josserva, li fl-UE bħala medja 12 % biss tal-impjiegi maniġerjali huma nisa fl-akbar intrapriżi kkwotati fil-borża u li 3 % minnhom biss huma presidenti nisa

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun, data komprensiva attwali dwar ir-rappreżentanza femminili f'kull tip ta' kumpanija fl-UE u dwar il-miżuri obbligatorji u mhux obbligatorji meħuda mis-settur kummerċjali kif ukoll dawk adottati reċentement mill-Istati Membri, bil-għan din ir-rappreżentanza tikber; jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, il-passi meħuda mis-settur kummerċjali kif ukoll mill-Istati Membri huma inadegwati; jilqa' l-konsultazzjoni mħabbra dwar il-miżuri biex jitjieb il-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, madankollu, hu diżappuntat li l-Kummissjoni Ewropea toqgħod lura milli tieħu miżuri leġiżlattivi immedjati, kif impenjat ruħha li tagħmel fil-każ li l-miri ma jintlaħqux; jemmen li l-progress żgħir li sar fl-2011 jistħoqlu miżuri iktar konkreti minn sempliċi konsultazzjoni; Itenni, għalhekk, it-talba tiegħu tal-2011 biex sal-2012 tiġi proposta leġiżlazzjoni li tinkludi kwoti biex tiżdied ir-rappreżentanza femminili fil-korpi ta' ġestjoni korporattivi titla' għal 30% sal-2015 u 40% sal-2020, b'kunsiderazzjoni ukoll tar-responsabilitajiet tal-Istati Membri u tal-partikolaritajiet ekonomiċi, strutturali (jiġifieri dawk relatati mad-daqs tal-kumpaniji) legali u reġjonali;

29.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw miżuri, b'mod partikolari b'mezzi legali, li bihom jistabbilixxu miżuri vinkolanti li jiggarantixxu l-preżenza bbilanċjata ta' nisa u rġiel f'karigi ta' responsabiltà f'impriżi, fl-amministrazzjoni pubblika u fl-organi politiċi; jirreferi għall-eżempji ta' suċċess tan-Norveġja, Spanja, il-Ġermanja, l-Italja u Franza;

30.  Ifakkar li l-Elezzjonijiet Ewropej 2014, segwiti bil-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u n-nomini għall-karigi amministrattivi għolja fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, huma opportunità li jsir pass lejn id-demokrazija ta' parità fil-livell tal-UE.

31.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jitlob lill-President tal-Kummissjoni innominat biex jimmira għall-parità meta jifforma l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni attwali biex tappoġġja pubblikament din il-proċedura;

32.  Jindika li l-użu tal-kwoti elettorali għandu effetti pożittivi fuq ir-rappreżentanza tan-nisa u jilqa' s-sistemi ta' parità leġiżlati u l-kwoti tas-sessi introdotti fi Franza, Spanja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Portugall u l-Polonja; jitlob lill-Istati Membri b'rappreżentenza partikolarment baxxa tan-nisa f'assemblej politiċi biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri ekwivalenti;

33.  Jilqa' ż-żieda sinifikanti fin-numri ta' karigi femminali tal-kumitati parlamentari u n-numru ta' MEPs nisa fil-leġiżlatura 2009-2014, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' viċi presidenti nisa tal-PE fit-tieni nofs tal-leġiżlatura; għaldaqstant jipproponi miżuri għal bilanċ assolut bejn is-sessi dwar il-karigi ta' viċi presidenti;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju, gwida u taħriġ vokazzjonali biex jinkoraġġixxu lin-nisa jistabbilixxu l-kumpaniji tagħhom;

Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-vjolenza u l-fastidju ta' natura omofobika u transfobika fil-programmi ta' azzjoni tagħha kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

36.  Jilqa' l-isforzi, kemm dawk fil-livell Komunitarju u f'dak nazzjonali, għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, l-irġiel u t-tfal bħall-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-pakkett leġiżlattiv għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, iżda jenfasizza li dan il-fenomenu jibqa' problema ewlenija mingħajr soluzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw politiki li jiġġieldu kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż l-abbuż sesswali, fiżiku u psikoloġiku, il-vjolenza domestika, l-fastidju u l-ħtieġa biex il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-politiki ta' kooperazzjoni u għall-iżvilupp ta‐UE; jenfasizza l-ħtieġa sabiex jinstabu l-implikazzjonijiet reali tal-problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-UE; jinnota l-ħidma importanti li għandha ssir f'dan il-qasam mill-Osservatorju Ewropew dwar il-Vjolenza Abbażi tal-ġeneru u jitlob għalhekk biex l-Osservatorju isir operattiv malajr kemm jista' jkun;

37.  Itenni l-ħtieġa biex il-Kummissjoni tressaq strateġija mifruxa mal-UE kollha biex titwaqqaf il-vjolenza kontra n-nisa bl-inklużjoni ta' strument leġiżlattiv ta' dritt kriminali għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif mitlub mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-2015 bħala s-Sena tal-UE biex Ittemm il-Vjolenza kontra n-Nisa;

38.  Jinkuraġġixxi l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' informazzjoni dwar fastidju u mobbing fuq il-post tax-xogħol, sabiex nisa li huma soġġetti għal trattament bħal dan ikunu jistgħu jieħdu kontromiżuri effettivi;

39.  Jiddefinixxi l-vjolenza domestika bħala vjolenza li tinkludi kull abbuż sesswali, fiziku, u psikoloġiku; jinnota li l-vjolenza tal-ġeneru ta' kull sena tikkaġuna bosta mwiet madwar l-UE; għalhekk jitlob li jittieħdu miżuri adegwati sabiex il-vjolenza tal-ġeneru tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta' sigurtà pubblika u bi ksur tad-drittijiet fundamentali, aktar milli bħala kwistjoni privata u domestika, u bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jiġi żgurat fost affarijiet oħra, l-aċċess għal forom ta' prevenzjoni, protezzjoni legali u assistenza, anke fir-rigward tal-istalking;

40.  Jesprimi sodisfazzjon dwar l-adozzjoni reċenti tad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, li għandha l-għan li tipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-ġeneru - u jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom malajr sabiex jippermettu l-funzjonament tajjeb tal-Ordni ta' Protezzjoni Ewropew;

41.  Jinnota f'dan il-kuntest il-Pakkett tal-UE għall-Vittmi; jitlob lill-Istati Membri jinkludu f'dan il-pakkett azzjonijiet u riżorsi speċifiċi kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza domestika, il-vjolenza sesswali, il-fastidju, l-hekk imsejjaħ qtil għall-unur, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u forom oħra ta' vjolenza u ksur tad-drittijiet individwali;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta' riabilitazzjoni u programmi psikoloġiċi għal min jikkommetti abbuż fiżiku, li għandhom inaqqsu l-inċidenza ta' abbuż simili; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni, għall-imġiba aggressiva li qed tiżdied fost il-bniet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tan-nisa li kienu vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz ta' strumenti bħall-FSE jew il-programm PROGRESS;

45.  Jinnota li t-tisħiħ tal-indipendenza soċjali u ekonomika kif ukoll tal-awtonomija tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-libertà li wieħed jew waħda jagħżlu s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom huma prekundizzjonijiet importanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dimensjoni tal-ġeneru fis-saħħa bħala parti essenzjali tal-politiki tas-saħħa tal-UE u jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jadottaw strateġija doppja bl-integrazzjoni tal-ġeneru u l-età u b'azzjonijiet speċifiċi marbuta mal-ġeneru fil-politiki tas-saħħa tal-UE u nazzjonali;

47.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tad-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar tal-2010 u tat-8 ta' Marzu tal-2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 u 2010; jesprimi tħassib f'dan ir-rigward, dwar it-tnaqqis riċenti fil-finanzjament għall-ippjanar tal-familja u għall-edukazzjoni sesswali u ukoll ir-restrizzjonijiet għall-aċċess ta' saħħa sesswali u riproduttivi f'ċerti Stati Membri, b'referenza partikolari għall-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità u għall-abort sigur u legali; jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom inkluż b'aċċess għal kontraċettivi ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli;

48.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar in-numru dejjem jikber ta' każijiet ta' HIV/AIDS u ta' mard ieħor trażmess sesswalmment, speċjalment fost in-nisa; jinnota li 45 % tan-nisa u t-tfajliet li reċentement ġew infettati bl-HIV huma bejn 15 u 24 sena; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni, sabiex fl-istrateġija tagħha fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS tagħti aktar attenzjoni għall-prevenzjoni, u permezz tal-inklużjoni tal-edukazzjoni sesswali, l-aċċess liberu għall-kondoms u għat-testijiet tal-HIV iżżid il-kuxjenza ġenerali dwar il-periklu ta' mard trażmess sesswalment u b'hekk tnaqqas in-numru ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV;

49.  Jitlob għal dibattitu fil-livell Ewropew u f'dak tal-Istati Membri dwar kif jiġu miġġielda l-isterjotipip marbutin mal-irwoli rispettitivi tan-nisa u l-irġiel; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-promozzjoni tar-rappreżentanza tal-immaġni tal-mara b'tali mod li tirrispetta d-dinjità tan-nisa, u l-ġlieda persistenti kontra l-isterjotipi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-prevalenza ta' immaġni degradanti, filwaqt li tkun rispettata bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa;

50.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintegraw, bħala parti mir-rekwiżit tas-simplifikazzjoni abbażi tal-ġeneru, fil-politiki kollha tagħhom, attenzjoni speċifika għan-nisa bi bżonnijiet speċifiċi.

51.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi ta' nisa vulnerabbli: in-nisa b'diżabilità, in-nisa ta' età avvanzata, b'taħriġ limitat jew mingħajr l-ebda taħriġ, b'persuni dipendenti fuqhom, immigranti nisa jew nisa li huma parti minn gruppi ta' minoranzi kollha jikkostitwixxu gruppi speċifiċi li għalihom għandhom jittieħdu miżuri adattati għaċ-ċirkostanzi tagħhom;

52.  Jistieden lill-organi nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli biex jiżguraw l-ugwaljanza biex jintroduċu approċċi integrati għal titjib fir–reazzjoni u l-ġestjoni ta' każijiet ta' diskrimininazzjoni multipla; jenfasizza, barra minn hekk wkoll li dawn il-korpi għandhom joffru lill-imallfin tagħhom, lill-avukati u lill-persunal inġenerali taħriġ li jippermettilhom jidentifikaw, jipprevjenu u jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta' diskriminazzjoni multipla;

Ugwaljanza bejn is-sessi lil hinn mill-Unjoni

53.  Jitlob li d-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u l-kapaċità li jużawhom b'mod effettiv jingħataw l-ogħla prijorità fil-politiki esterni tal-UE; jitlob ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu;

54.  Jesprimi tħassib tiegħu – filwaqt li jilqa' ċ-ċaqliq lejn aktar demokrazija u libertà fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran – li d-drittijiet tan-nisa jistgħu saħansitra jiddgħajfu aktar b'riżultat tar-Rebbiegħa Għarbija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri ta' appoġġ speċjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn il-pajjiżi;

55.  Jiddeplora l-fatt li l-istupru għadu jintuza f'ċerti reġjuni tad-dinja bħala arma; jistieden lill-Unjoni Ewropea, permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, sabiex tinkludi dan il-fenomenu bħala prijorita' fl-aġenda politika tagħha;

56.  Jinnota li din is-sena l-popolazzjoni tad-dinja laħqet is-7 biljuni; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-ippjanar tal-familja għandu jitqiegħed fuq quddiem nett tal-aġenda politika;

57.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress kajman fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, b'mod partikolari l-MDG5: It-titjib tas-Saħħa Materna, u peress li l-progress lejn tnaqqis ta' ħamsa u sebgħin fil-mija tar-rata ta' mortalità materna jinsab lura ħafna u peress li l-għan għall-kisba tal-aċċess universali għas-saħħa reproduttiva sal-2015 għadu “l bogħod milli jintlaħaq; jinnota li kuljum għadhom imutu madwar 1000 mara minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala jew fit-twelid, li jistgħu jiġu evitati faċilment;

58.  Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u reliġjużi sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ u pubblikament l-MDG5 u biex jappoġġjaw is-servizzi għas-saħħa sesswali u reproduttiva moderni;

59.  Jitlob lill-Istati Membri jikkonfermaw is-sostenn politiku u finanzjarju tagħhom għall-MDGs, u anke jkabbru l-isforzi tagħhom biex jinkiseb l-MDG5, minkejja ż-żminijiet ta' kriżi ekonomika;

60.  Jilqa' d-deċiżjoni reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħolqien ta' Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet fil-11 ta' Ottubru, li hija mod qawwi ta' kif jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet u d-drittijiet partikolari tal-bniet, u li tippromwovi iżjed azzjoni u investiment sabiex jippermettu lill-bniet jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millenju;

61.  Ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri bl-impenn tagħhom li jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jħeġġeġ li l-għoti ta' għajnuna umanitarja tal-UE jsir b'mod effettivament indipendenti mir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja imposti mill-Istati Uniti, b'mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet li huma vittmi ta' stupru f'kunflitti armati;

Governanza

62.  Jitlob lill-Kunsill li jmiss biex jiżblokka d-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, bil-għan li din tiġi adottata tul il-Presidenza Daniża;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-każ Test Achats fil-leġiżlazzjoni fil-futur sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali, notevolment u b'mod urġenti b'rabta mad-d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi;

65.  Jitlob lill-Kunsill fi ħdan in-negozjati kontinwi dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE 2014-2020 biex jintroduċi bbaġitjar responsiv għas-sessi fil-proċess tal-ibbaġitjar tal-UE u biex jiggarantixxi l-prevedibbiltà u li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fil-livell tal-finanzjament tal-UE għal attivitajiet dwar id-drittijiet tan-nisa u dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi - inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, fir-rigward ta' politiki interni u esterni;

66.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress mill-Istati Membri dwar pjanijiet għall-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-maternità u l-paternità u jitlob li jinstab kompromess ibbilanċjat mal-Presidenza Daniża futura tal-UE, bil-għan li tiġi adottata fl-ewwel nofs tal-2012, biex tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-familji Ewropej u tal-ekonomija Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal arranġamenti ta' liv għall-kura ta' qraba anzjani jew morda;

67.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni komprensiva dwar is-sitwazzjoni tad-domiċilji b'persuna waħda fl-UE, bi proposti tal-politika biex jinkiseb trattament ġust f'oqsma bħat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet, abbażi tal-prinċipju tan-newtralità tal-politika fir-rigward tal-kompożizzjoni tad-domiċilji;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw data u indikatturi kwalitattivi tal-ġeneru affidabbli u diżaggregati skont il-ġeneru biex ikunu jistgħu jevalwaw u jaġġornaw kif xieraq l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel( 2010-2015) kif ukoll biex jimmonitorjaw in-naturi transversali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha;

69.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal Pjan Direzzjonali dwar l-Ugwaljanza għal-persuni LGBTI, li jkun analogu għall-Pjan Direzzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

70.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti tal-midja dwar vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li qegħdin jiġu trattati bħala kriminali minflok ma jingħataw appoġġ, u jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga t-trattament tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, tal-iskjavitù sesswali u tal-prostituzzjoni sforzata fl-Istati Membri;

71.  Jitlob li tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni ta' mekkaniżmi istituzzjonali li jinvolvu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri, sabiex it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, ir-riformi kontinwi u ristrutturar ieħor ma jkollhomx effett negattiv partikulari fuq dawn il-mekkaniżmi, li mingħajrhom il-prijorità orizzontali tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bl-ispeċifiċità tal-ġestjoni tagħha aktarx li ma tkunx effettiva;

72.  Jindika li jinħtieġ titjib fl-arranġamenti għall-kooperazzjoni u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, u tas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, fil-proċessi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) Anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-7 ta' Marzu 2011.
(3) ĠU C 130, 30.4.2011, p. 4.
(4) ĠU C 233E, 28.9.2006, p. 130.
(5) ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 31.
(6) ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 35.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0085.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0330.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0127.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0086.
(11) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 79.


Nisa fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet Politiċi
PDF 327kWORD 90k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi – kwalità u ugwaljanza (2011/2295(INI))
P7_TA(2012)0070A7-0029/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 23 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU  dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-1979(CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Biejing +10 (2005) u Beijing +15 (2010),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa dwar “il-Parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha” tal-2006,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa 1997/2 dwar l-Oqsma Kritiċi ta' Tħassib tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing 1996-1999,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/58/142 dwar in-nisa u l-parteċipazzjoni politika u r-Riżoluzzjoni III tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, dwar in-nisa u l-parteċipazzjoni politika, approvata fit-18 ta' Novembru 2011; Riżoluzzjoni A/C.3/66/L.20/Rev.1,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi ta' l-esperti stabbiliti minnha(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Rec (2003)3 dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, adottata fit-12 ta' Marzu 2003, u r-riżultat taż-żewġ rawnds ta' monitoraġġ tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni Rec (2003)3, ibbażati fuq kwestjonarju dwar dejta separata skont il-ġeneru dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, li twettqu fl-2005 u l-2008 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Assemblea Parlamentari tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) 1079 (1996), dwar ir-rappreżentanza akbar tan-nisa fil-PACE, ir-Rakkomandazzjoni 1413 (1999) dwar ir-rappreżentanza ugwali fil-ħajja politika, ir-Riżoluzzjoni 1348 (2003) dwar ir-rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi fil-PACE, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni 1665 (2004), dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet, u r-Riżoluzzjoni 303 (2010) dwar il-kisba ta' ugwaljanza sostenibbli bejn is-sessi fil-ħajja politika lokali u reġjonali,

–  wara li kkunsidra l-Kungress ta' Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 85 (1999), ir-Rakkomandazzjoni 68 (1999) dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika fir-reġjuni tal-Ewropa u r-Rakkomandazzjoni 111 (2002) dwar id-drittijiet ta' votazzjoni individwali tan-nisa u r-rekwiżiti demokratiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-liġi (“Kummissjoni ta' Venezja”),

–  wara li kkunsidra l-manwal “Gender budgeting: practical implementation” (Ibbaġitjar tal-ġeneru: implimentazzjoni prattika) imħejji mid-Direttorat Ġeneali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa (April 2009),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1899(2010) tal-Assemblea Parlamentaru tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika permezz tas-sistema elettorali, adottata fis-27 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2000 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0029/2012),

A.  billi hemm parteċipazzjoni żbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi u sottorappreżentanza ċara tan-nisa f'karigi politiċi eletti u nominati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha; billi hemm sottorappreżentanza allarmati ta' nisa fl-elezzjonijiet ta' nofs it-terminu fi ħdan il-Parlament Ewropew;

B.  billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u l-metodi, l-istrateġiji u l-attitudnijiet u l-għodod kulturali fil-ġlieda kontra d-diskrepanzi jvarjaw ħafna fil-livell nazzjonali fi ħdan l-UE u fost l-Istati Membri, partiti politiċi u sħab soċjali tagħha;

C.  billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew żdiedet għal 35% iżda għadha ma laħqitx il-parità; billi n-nisa huma saħansitra aktar sottorappreżentati fil-karigi ewlenin fil-kumitati u l-gruppi politiċi; billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-Kummissjoni Ewropea hi staġnata għal terz tal-Kummissjoni, u l-Kummissjoni qatt ma kienet ippreseduta minn mara;

D.  billi, l-istatistika tindika li minkejja d-diversi azzjonijiet imwettqa, l-inugwaljanza għadha qawwija, u r-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi tul dawn l-aħħar snin staġnat minflok ma uriet titjib kostanti, bil-bilanċ bejn is-sessi fil-parlamenti nazzjonali madwar l-UE jibqa' fil-livelli ta' 24% nisa u 76% irġiel, bi 23% minnhom biss ikunu ministri nisa(5);

E.  billi llum teżisti de facto sistema ta' kwoti informali, fejn l-irġiel huma privileġġati fuq in-nisa u fejn l-irġiel jagħżlu l-irġiel għal pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li mhijiex sistema formalizzata madankollu din hi kultura sistematika u b'għeruq profondi ta' trattament pożittiv tal-irġiel;

F.  billi r-rappreżentanza ugwali ta' nisa u irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi hi kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem u ta' ġustizzja soċjali u hi rekwiżit essenzjali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika; billi s-sottorappreżentanza persistenti tan-nisa tfisser żvantaġġ demokratiku li jimmina l-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjonijiet kemm fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;

G.  billi t-teħid ta' deċiżjonijiet jissejjes fuq preparazzjonijiet amministrattivi u għaldaqstant in-numru ta' nisa f'karigi amministrattivi, b'mod speċjali fit-tmexxija, hi kwistjoni ta' ugwaljanza u jiżgura l-kunsiderazzjoni tal-aspetti tal-ġeneru fil-preparazzjoni tal-politiki kollha;

H.  billi l-Elezzjonijiet Ewropej li għandhom jinżammu fl-2014, segwiti mill-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u n-nominazzjonijiet għall-“Aħjar Impjiegi” tal-UE, huma opportunità biex isir pass “il quddiem lejn id-demokrazija ta' ugwaljanza fil-livell tal-UE u biex l-UE tkun mudell f'dan il-qasam;

I.  billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tiddikjara, inter alia, li l-Istati Partijiet għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż miżuri pożittivi, għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja politika u pubblika;

J.  billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tħeġġeġ għal:

   riformi fis-sistemi elettorali sabiex dawn isiru aktar favorevoli għar-rappreżentanza tan-nisa;
   dispożizzjonijiet kontra d-diskrimazzjoni abbażi tal-ġeneru fil-liġijiet kostituzzjonali u elettorali bl-eċċezzjoni meħtieġa, li tippermetti miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva favur dak is-sess sottorappreżentat;
   edukazzjoni ċivika sensittiva għall-ġeneru u l-eliminazzjoni ta' stereotipi abbażi tal-ġeneru u l-preġudizzju “intrinsiku” kontra l-kandidati nisa, b'mod speċjali fi ħdan il-partiti politiċi u wkoll fil-midja;

K.   billi d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing dwar in-nisa fil-poter u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tenfasizza l-fatt li l-parteċipazzjoni ugwali hi kundizzjoni meħtieġa biex jitqiesu l-interessi tan-nisa u hi meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija u għall-promozzjoni tal-funzjonament xieraq tagħha; billi itenni mill-ġdid li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa, f'termini ugwali mal-irġiel, fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet hija essenzjali għall-kisba tal-ugwaljanza, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u d-demokrazija;

L.  billi teżisti segregazzjoni qawwija fir-rigward ta' pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi mħollija f'idejn in-nisa u kompiti distributtivi bħas-saħħa, il-benesseri soċjali u l-ambjent, u l-kompiti ta' poter mħollija f'idejn l-irġiel, u li huma relatati mar-riżorsi, bħall-ekonomija, il-kummerċ, il-baġit u l-affarijiet barranin, li toħolq tgħawwiġ fl-istruttura tal-poter u fl-allokazzjoni ta' riżorsi, minħabba l-istereotipi tal-ġeneru;

M.  billi partiti politiċi, li għandhom ir-responsabbiltà għall-għażla, il-klassifikazzjoni u n-nomina ta' kandidati għal pożizzjonijiet ewlenin, għandhom rwol ċentrali biex jiggarantixxu r-rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-politika u għandhom għaldaqstant jippromwovu prattiki tajbin bħal kwoti volontarji għall-elezzjonijiet fil-partiti, peress li dawn diġà ġew introdotti minn xi partiti politiċi fi 13-il Stat Membru tal-UE;

N.  billi l-istudju dwar il-“Korruzzjoni u n-Nisa fil-Gvern” imħejji mill-Bank Dinji fl-1999, jikkonkludi li hemm livelli ta' korruzzjoni governattiva aktar baxxi meta jkun hemm livelli ogħla ta' parteċipazzjoni tan-nisa għax, skont il-konklużjonijiet ta' din ir-riċerka, in-nisa għandhom standards ogħla ta' mġiba etika u juru lilhom inushom aktar ikkonċernati dwar il-“ġid komuni”;

O.  billi jenħtieġu strateġiji varjati komprensivi li jikkonsistu f'miżuri nonvinkolanti bħal miri u kwoti volontarji fil-partit, li jippermettu miżuri bħall-edukazzjoni dwar il-ġeneru, mentoring u t-tkabbir tal-għarfien u miżuri legalment vinkolanti bħal kwoti elettorali skont il-ġeneru, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-miżuri legalment vinkolanti, li huma kompatibbli mas-sistema istituzzjonali u elettorali u li jirrikjedu regoli ta' gradazzjoni ta' kariga, monitoraġġ u sanzjonijiet effettivi għal nonkonformità, jidhru li huma l-aktar effikaċi fil-kisba ta' bilanċ tal-ġeneru fil-politika;

P.  billi l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament ta' kampanji elettorali spiss huwa aktar ristrett, minħabba diskriminazzjoni fi ħdan il-partiti politiċi, l-esklużjoni tan-nisa minn netwerks ta' flus u d-dħul u t-tfaddil aktar baxx tagħhom;

Q.  billi l-proċeduri f'sistemi elettorali, istituzzjonijiet politiċi u partiti politiċi jwettqu rwol deċiżiv u għandhom impatt serju fuq l-effikaċja tal-istrateġiji applikati u fuq il-limitu safejn jintlaħaq il-bilanċ bejn is-sessi fil-politika;

R.  billi l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi għadha mxekkela minn diversi ostakoli bħan-nuqqas ta' ambjenti favorevoli fl-istrutturi tal-istituzzjonijiet politiċi u tal-benesseri tas-soċjetà, l-istereotipi persistenti bbażati fuq il-ġeneru kif ukoll il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika reċenti u r-riperkussjonijiet negattivi fuq kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

S.  billi l-fatt li l-livell baxx tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-governanza huwa attribwit primarjament għal problemi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja fil-familja, id-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet fil-familja, li jiddependu b'mod qawwi fuq in-nisa, u d-diskriminazzjoni persistenti fuq ix-xogħol u fit-taħriġ tax-xogħol;

Ir-rappreżentanza tan-nisa f'karigi eletti

1.  Jistieden lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi u strateġiji varjati u effikaċi għall-kisba tal-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fit-tmexxija politika fl-attivitajiet kollha tagħhom fil-livelli kollha, speċjalment fl-oqsma tal-politika makroekonomika, il-kummerċ, ix-xogħol, il-baġits, id-difiża u l-affarijiet barranin, li jevalwaw l-impatt u jagħmlu dan disponibbli għall-pubblika permezz ta' indiċijiet u indikaturi xierqa ta' ugwaljanza, li jiżguraw objettivi kwantifikabbli u dati ta' skadenza, pjanijiet ta' azzjoni ċari u mekkaniżmi ta' monitoraġġ regolari li jkunu segwiti b'azzjonijiet korrettivi legali, vinkolanti meta l-objettivi stabbiliti ma jitlaħqux fid-dati ta' skadenza;

2.  Jilqa' s-sistemi ta' parità/kwoti skont il-ġeneru għal elezzjonijiet introdotti permezz ta' leġiżlazzjoni f'ċerti Stati Membri; jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu miżuri leġiżlattivi , bħal ,iżuri ta' azzjoni pożittivi, sabiex isir progress lejn l-ugwaljanza u tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn il-miżuri meta l-kompatibilità mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi ikunu nkarigati mill-kompożizzjoni tal-lista elettorali, permezz ta' sistemi alternati, monitoraġġ u sanzjonijiet effettivi sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni aktar ibbilanċjat tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

3.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinfurzaw l-ugwaljanza fil-livelli kollha biex jibgħatu messaġġi ċari kontra d-diskriminazzjoni, billi jipprovdu riżorsi xierqa, bl-użu ta' għodod speċifiċi u bil-promozzjoni tat-taħriġ meħtieġ għal impjegati taċ-ċivil responsabbli għall-preparazzjoni tal-baġits fl-ibbaġitjar tal-ġeneru;

4.  Jitlob lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jagħtu attenzjoni speċjali għal programmi edukattivi dwar il-ġeneru mmirati partikolarment għas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, li jibdew minn età bikrija, u li jirrikonoxxu li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u li l-ugwaljanza hija essenzjali fil-ħajja politika;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iniedu impenn lil partiti politiċi kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, biex iwettqu miżuri li jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tan-nisa fil-ħajja politika u fl-elezzjonijiet, biex jiksbu l-ugwaljanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet interni tagħhom, fin-nomini tagħhom għal karigi eletti u fil-listi elettorali tal-partit, permezz tal-introduzzjoni ta' kwoti u meta jkun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi jkunu nkarigati mill-kompożizzjoni ta' listi elettorali, biex jagħtu attenzjoni għall-pożizzjoni tal-kandidati nisa f'dawn il-listi;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-partiti politiċi bħala fatturi ewlenin fil-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru; jitlob għaldaqstant biex l-Istati Membri jirrikjedu lill-partiti nazzjonali, meta jkun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi huma inkarigati mill-kompożizzjoni tal-listi elettorali, sabiex joħolqu kwoti u japplikaw sistemi ta' kwoti u tipi oħrajn ta' azzjoni pożittiva, biex japplikaw regoli ta' gradazzjoni għal-listi elettorali ta' kandidati għall-elezzjonijiet reġjonali, nazzjonali u tal-UE, u biex jiddefinixxu u jinfurzaw sanzjonijiet xierqa f'każ ta' nuqqas ta' konformità; jitlob lill-Istati Membri jinsġu flimkien u jiffissaw miri msejsa fuq il-parità bejn is-sessi għall-partiti politiċi bħala pre-rekwiżit għall-finanzjament;

7.  Jitlob lill-partiti politiċi madwar l-Ewropa biex jintroduċu sistema ta' kwoti għal-list ta' kandidati għall-organi tal-partiti u għall-elezzjonijiet, meta dan ikun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi huma nkarigati mill-kompożizzjoni tal-lista elettorali, speċjalment fir-rigward tal-listi għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; fir-rigward tal-proċedura għat-tfassil tal-listi elettorali, li permezz tagħhom in-nisa kandidati jalternaw mal-irġiel fil-quċċata tal-lista bħala l-aħjar mezz biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu passi konkreti mfassla biex tinkiseb l-ugwaljanza f'karigi eletti fil-parlamenti nazzjonali u fil-Parlament Ewropew (bħall-President, Viċi Presidenti, Chairs and Viċi-Chairs), pereżempju bit-tfassil ta' objettiv ta' rappreżentanza ta' 50% ta' rġiel u nisa f'kull waħda minn dawn il-karigi;

9.  Jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, permezz tal-programmi finanzjarji “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” u “Ewropa għaċ-Ċittadini”; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura d-disponibilità ta' finanzjament fil-programmi ta' ħidma annwali tagħha fl-2013-2014 għal finanzjament inter alia, ta' kampanji adegwati ta' tqajjim ta' kuxjenza fil-midja biex iħeġġu li n-nisa jiġu eletti u jiżguraw li dan il-finanzjament ikun aċċessibbli b'mod faċli għall-partiti nazzjonali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-inizjattivi ta' proġetti bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tiffinanzja azzjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-ugwaljanza f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u f'attivitajiet politiċi fil-programmazzjoni tal-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 li jmiss, għall-programmi msemmija hawn fuq jew għas-suċċessuri tagħhom, kif ukoll fl-ippjanar ta' azzjonijiet għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini prevista fl-2013;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi kampanji mmirati fuq l-ugwaljanza fil-listi elettorali għall-Parlament Ewropew għall-inqas sentejn qabel kull sejħa għall-elezzjoni u li tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu azzjonijiet simili fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom;

Ir-rappreżentanza tan-nisa f'karigi nominati

12.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jistieden lill-President tal-Kummissjoni jikseb l-ugwaljanza fit-tfassil tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja pubblikament din il-proċedura; ifakkar li l-Parlament għandu jagħti kunsiderazzjoni partikolari rigward il-bilanċ tal-ġeneru f'din il-proċedura u jtenni l-importanza li tiġi kkunsidrata rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel meta tagħti l-kunsens tagħha għall-Kummissjoni l-ġdida, skont l-Artikolu 106;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom li jilħqu l-mira tal-parità fil-korpi kollha għat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom, billi jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta' kwoti u tipi oħra ta' azzjoni pożittiva, fir-reklutaġġ ta' uffiċjali ta' livell għoli; jitlob lill-gvernijiet nazzjonali jinnominaw nisa u rġiel għal karigi fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jieħu nota tal-impenn tal-Kummissjoni dikjarat fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel – 2010-2015 biex tissorvelja l-progress fit-twettiq tal-objettiv ta' 40% ta' membri mill-istess sess fil-kumitati u fil-gruppi ta' esperti tagħha, u jitlob lill-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE jwettqu passi konkreti u jfasslu strateġiji bil-għan li jiksbu parteċipazzjoni bbilanċjata fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom;

15.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' azzjoni pożittiva, inkluż miżuri leġiżlattivi vinkolanti, bil-għan li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-korpi ta' governanza u fil-karigi pubbliċi u biex jiżviluppaw għodod għall-monitoraġġ tal-ġeneru f'nominazzjonijiet u f'elezzjonijiet;

Miżuri għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' azzjoni pożittiva, bħal trattament preferenzjali, f'każ ta' sottorappreżentanza ta' wieħed mis-sessi; en

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex il-proċeduri tal-għażla għan-nomina tal-irġiel u n-nisa għal ħatra f'korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, ikunu trasparenti nkluż permezz ta' talbiet pubbliċi ta' kurrikuli u ta' għażla fuq il-bażi tal-merti, il-kompetenzi u r-rappreżentattività;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-miżuri ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tan-nisa, inkluż billi jipprovduhom b'finanzjament adegwat u bil-ħolqien ta' pjattaformi għall-kooperazzjoni u b'kampanji favur il-ġeneru fl-elezzjonijiet;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw in-netwerks tan-nisa u jippromwovu l-mentoring, it-taħriġ adegwat, u l-iskambju ta' prattiki tajba u programmi, b'enfasi speċjali fuq in-nisa li jfasslu l-politika tul il-bidu tal-karriera tagħhom;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess, saħansitra bi trattament preferenzjali, għal taħriġ u pożizzjonijiet ta' tmexxija bħala parti mill-promozzjoni tal-karriera sabiex jissaħħu l-ħiliet ta' tmexxija u l-esperjenza tan-nisa;

21.  Jirrikonoxxi l-atturi l-oħrajn bħala parti rilevanti minn proċess demokratiku aktar wiesa' u għaldaqstant jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromovu u jħeġġu l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati u t-trejdunjins, lis-settur privat, lill-organizzazzjonjiiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet kollha li normalment jiffurmaw parti mill-kunsilli konsultattivi marbutin mal-gvern sabiex jiksbu l-ugwaljanza tan-nisa' u l-irġiel fl-istrutturi tagħhom, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

22.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu lin-nisa u l-irġiel jieħdu sehem attiv fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi billi jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol permezz ta' miżuri bħall-qsim indaqs tal-ispejjeż ta' filjazzjoni bejn dawk li jimpjegaw lill-ġenituri u l-iżgurar ta' servizzi aċċessibbli u adegwati għal pereżempju l-kura tat-tfal u tal-anzjani u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa, permezz ta' proposti leġiżlattivi adegwati fil-forma ta' direttivi, l-aċċess indaqs għas-servizzi, id-dħul minimu u l-ħelsien minn vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

23.  Ifakkar fl-importanza ta' trattament preferenzjali u ta' miżuri speċjali għall-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nies minn sfondi differenti u minn gruppi żvantaġġjati, bħall-persuni b'diżabilità, nisa migranti u membri ta' minoranzi etniċi u sesswali, f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; en

24.  Jieħu nota tal-importanza tal-midja u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fir-riforma ta' xejriet soċjetarji; jenfasizza l-importanza taż-żieda tal-għarfien mill-midja u x-xandara pubbliċi, b'mod partikolari, dwar il-ħtieġa li tkun żgurata kopertura ġusta u bbilanċjata ta' kandidati irġiel u nisa matul l-elezzjonijiet u dwar il-monitoraġġ tal-midja fl-identifikazzjoni tal-iżbilanċ tal-ġeneru u beħsiebu jindirizza dan u għalhekk jippromwobi sforzi għall-eliminazzjoni tal-isterjotipi u tiġi promossa ta' immaġni pożittivi tan-nisa bħala mexxejja, inkluż politiċi nisa bħala xempji pożittivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jippromwovu u jiskambjaw prattiki tajba li jikkontribwixxu għall-kisba ta' bilanċ bejn is-sessi f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, billi jsaħħu r-rwol u r-riżorsi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u billi jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet non-governattivi tan-nisa;

26.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, inkluż bil-parteċipazzjoni tal-EIGE, fejn xieraq, biex jiġbru, janalizzaw u jqassmu data skont il-ġeneru, sabiex jissorveljaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fis-setturi kollha (pubbliċi u privati) u fil-livelli ġerarkiċi kollha u bħala bażi għal miżuri ulterjuri f'każ li ma jintlaħqux il-miri stipulati; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiġbor u tqassam dejta komparattiva fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta' bażi ta' dejta dwar in-nisa u l-irġiel f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jitlobha tiżviluppa dan l-osservatorju f'mappa Ewropea dwar il-bilanċ bejn is-sessi li tinkludi l-varjazzjonijiet annwali fuq livell tal-UE, statali u reġjonali fil-qasam tal-bilanċ bejn is-sessi skont indikaturi komuni, iqis li din il-mappa għandha tinkludi għall-inqas:

   l-għanijiet li jippromwovu l-bilanċ bejn is-sessi espressi bħala perċentwali ta' rappreżentanza u inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u tar-reġjuni Ewropej li għandhom setgħa leġiżlattiva biex jirregolaw il-proċessi elettorali tagħhom;
   il-perċentwali ta' rappreżentanza ta' kull ġeneru fil-parlamenti Ewropew, statali u reġjonali u fl-istituzzjonijiet lokali;
   il-perċentwali ta' rappreżentanza ta' kull ġeneru fil-korpi eżekuttivi eletti jew ikkontrollati mill-istituzzjonijiet leġiżlattivi msemmija aktar kmieni;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatt fuq il-bilanċ tar-rappreżentanza tan-nisa, tad-diversi sistemi elettorali fuq livell nazzjonali, lokali u Ewropew, kif ukoll tal-miżuri u l-prattiki tajbin attwali f'livelli differenti; it

Il-Promozzjoni ta' rappreżentanza bbażata fuq il-ġeneru fil-politiki għal relazzjonijiet esterni

29.  Ifakkar fid-domanda tiegħu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha fil-ħatra ta' persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jitlob li lis-SEAE jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u tiżgura li d-delegazjonijiet kollha li jirrappreżentaw l-UE jirrispettaw il-prinċipju tal-parità bejn is-sessi fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom u li jkun hemm bilanċ fil-ħin allokat għal diskors għan-nisa u l-irġiel f'dawn il-kuntesti; jinnota l-bżonn li jiżdied in-numru ta' nisa bħala medjaturi u negozjaturi ewlenin fi proċessi ta' osservazzjoni ta' sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-bini tal-paċi, kif ukoll fi proċessi oħra tan-negozjati bħall-kummerċ internazzjonali u negozjati dwar l-ambjent; en

30.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' assistenza finanzjarja u teknika adegwata għal programmi speċjali li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni ċivika u l-mobilizzazzjoni tal-midja, u l-parteċipazzjoni tal-NGOs lokali, flimkien mal-finanzjament għal programmi tal-edukazzjoni ġenerali li jippromwovu l-kuxjenza ċivika dwar is-sessi, l-eliminazzjoni ta' sterjotipi bbażati fuq is-sess u ta' preġudizzju “intrinsiku” kontra n-nisa;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu r-rappreżentanza bbilanċjata tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja politika, f'organizzazzjonijiet multinazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, fil-gvernijiet u fil-parlamenti nazzjonali, kif ukoll fil-livelli reġjonali u lokali u fl-awtoritajiet lokali u biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom ma' atturi oħrajn fil-livell internazzjonali, bħall-UN WOMEN u l-Unjoni Inter-Parlamentari, sabiex jippromwovu dawn l-objettivi; en

32.  Jitlob lid-dipartimenti tal-politika tal-Parlament Ewropew biex jiżguraw li d-delegazzjonijiet dejjem jinkludu perspettiva ta' ġeneru u jagħmel enfasi dwar l-importanza tal ugwaljanza bejn is-sess;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-7 ta' Marzu 2011.
(2) ĠU L 154, 27.6.2000, p. 34.
(3) ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11.
(4) ĠU C 346, 4.12.2000, p. 82.
(5) Ara l-aġġornament ta' kull tliet xhur tal-bażi ta' data tal-Kummissjoni dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet.


L-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati
PDF 339kWORD 90k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (2011/2116(INI))
P7_TA(2012)0071A7-0432/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 54, 151 u 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 193 tal-ILO tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar il-promozzjoni ta' kooperattivi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (COM(2004)0018),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: “'Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “'Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin'” (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu “'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali'” (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ”Flimkien għal tkabbir ġdid'“(COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi dwar id-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(6),

–  wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bit-titolu “'Resilience of the Cooperative Business Model in Times of Crisis'”(8),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-diversi forom ta' intrapriżi(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2010 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (COM(2010)0481),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0432/2011),

A.  billi l-intrapriżi kooperattivi jippromwovu l-interessi tal-membri u l-utenti tagħhom, kif ukoll is-soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, u jfittxu kemm li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-membri u jiżguraw l-għajxien tagħhom permezz ta' politika tan-negozju fit-tul u sostenibbli kif ukoll li jqiegħdu l-benesseri tal-klijenti, l-impjegati u l-membri fir-reġjun kollu fiċ-ċentru tal-istrateġija tan-negozju,

B.  billi l-intrapriżi tal-kooperattiva, fin-natura tagħhom, huma strutturalment marbutin maż-żona li fiha huma bbażati u għalhekk għandhom rwol importanti fl-aċċelerazzjoni tal-iżvilupp lokali, li huwa fattur deċisiv għall-ħolqien ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali reali; billi, f'soċjetajiet kooperattivi, il-finanzjament tat-taħriġ kontinwu fl-oqsma tar-responsabbiltà soċjali u l-intraprenditorija, żewġ oqsma li mhumiex koperti kompletament minn strumenti oħra ta' parteċipazzjoni soċjali, huwa ta' importanza fundamentali,

C.  billi, f'intrapriżi kooperattivi, il-parteċipazzjoni tal-membri tal-intrapriża għandha tingħata preċedenza u tkun riflessa fl-istruttura tal-governanza u s-sjieda tal-kooperattiva,

D.  billi l-kooperattivi huma pilastru importanti tal-ekonomija Ewropea u mutur ewlieni għall-innovazzjoni soċjali, u għalhekk b'mod partikolari jippreservaw l-infrastruttura u s-servizzi lokali speċifikament f'żoni rurali u konurbazzjonijiet, u billi l-Ewropa għandha 160 000 kooperattiva, proprjetà ta' aktar minn kwart tal-Ewropej kollha, li jipprovdu xogħol għal madwar 5.4 miljun impjegat,

E.  billi l-kooperattivi jikkompetu ma' kumpaniji mmexxija minn investituri f'ħafna oqsma ekonomiċi, billi l-intrapriżi kooperattivi għandhom setgħa ekonomika konsiderevoli fuq is-swieq globalizzati u saħansitra l-kooperattivi multinazzjonali ħafna drabi jibqgħu marbutin ma' bżonnijiet lokali,

F.  billi l-banek kooperattivi wrew livelli għoljin ta' sostenibbiltà u reżiljenza matul il-kriżi finanzjarja, permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom; billi permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, b'inqas fallimenti u sensji; billi l-intrapriżi kooperattivi jipprovdu wkoll impjiegi ta' kwalità għolja, inklużivi u reżiljenti għall-kriżijiet, spiss bi proporzjonijiet għolja ta' ħaddiema nisa u migranti u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' żona billi jipprovdu impjiegi lokali u mhux trasferibbli; billi l-kooperattivi jistgħu jitqiesu bħala approċċ ta' suċċess u kontemporanju għall-ekonomija soċjali u jistgħu jikkontribwixxu sabiex jipprovdu prospetti ta' impjiegi fiż-żgur u jippermettu lill-ħaddiema jippjanaw ħajjithom b'mod flessibbli fil-post tal-oriġini tagħhom, b'mod partikolari fiż-żoni rurali,

G.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li l-kwistjoni ta' kemm tkun attraenti forma ġuridika lma tistax tiġi indirizzata biss mill-perspettiva tal-azzjonisti; billi għandu jiġi nnutat li, bħala organizzazzjoni soċjali, intrapriża għandha responsabbiltajiet lejn l-azzjonisti, l-impjegati, il-kredituri u s-soċjetà u dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat f'tali valutazzjonijiet;

H.  billi l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kooperattivi u tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tvarja sostanzjalment fl-UE,

I.  billi l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) sa issa huwa l-uniku forma legali għall-ekonomija soċjali disponibbli fil-livell tal-UE, wara l-irtirar tal-proposti tal-Kummissjoni għal Assoċjazzjoni Ewropea u Soċjetà Mutwalistika Ewropea fl-2003 u filwaqt li l-istatut għall-Fondazzjoni Ewropea għadu f'fażi ta' żvilupp,

J.  billi l-istabbiliment ta' statut għal SCE huwa mmirat biex iħeġġeġ l-iżvilupp tas-suq intern billi tiġi ffaċilitata l-attività ta' dan it-tip ta' kumpanija fil-livell tal-UE,

K.  billi l-introduzzjoni tal-istatut għal SCE huwa pass importanti fir-rikonoxximent tal-mudell għan-negozju kooperattiv fil-livell tal-UE, anki f'dawk l-Istati Membri fejn il-kunċett ta' kooperattivi ġie skreditat għal raġunijiet storiċi,

L.  billi, f'Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), l-involviment transnazzjonali tal-impjegati, inkluż id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fuq bords amministrattivi, huwa ta' vantaġġ;

M.  billi l-istrateġija UE 2020 titlob ekonomija bbażata fuq livelli għoljin ta' impjieg, li tipprovdi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi din tinkludi ekonomija soċjali b'saħħitha,

N.  billi s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012 tipprovdi opportunità eċċellenti għall-promozzjoni tal-mudell għan-negozju kooperattiv,

Kooperattivi fil-kuntest tal-UE

1.  Ifakkar li l-kooperattivi u l-intrapriżi għall-ekonomija soċjali oħrajn huma parti mill-mudell soċjali Ewropew u s-suq uniku u għalhekk jixirqilhom rikonoxximent u appoġġ qawwi, kif stipulat fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE;

2.  Ifakkar li l-kooperattivi jistgħu jikkostitwixxu pass ieħor fil-kompletar tas-suq intern tal-UE u jimmiraw li jnaqqsu l-ostakli transkonfinali eżistenti u jsaħħu l-kompetittività tiegħu;

3.  Jindika li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (minn hawn “il quddiem l-Istatut) u d-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (minn hawn ”il quddiem id-Direttiva) huma marbutin flimkien mill-qrib;

4.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012)0072; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissimplifika r-Regolament SCE filwaqt li ssaħħaħ l-elementi speċifiċi għall-kooperattivi, u l-fatt li dan se jkun akkumpanjat minn konsultazzjoni mal-partijiet interessati; jitlob li l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-SCE tiġi kkunsidrata f'dan il-proċess;

5.  Iqis b'dispjaċir il-fatt li l-SCE sa issa ma kinitx suċċess meta jitqies l-użu skars tagħha - sal-2010 kienu stabbiliti 17-il SCE biss, b'total ta' 32 impjegat(13); jenfasizza li dawn iċ-ċifri kefrin juru li l-Istatut ma tantx hu adattat għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa minkejja l-fatt li l-imprendituri esprimew interess li jwaqqfu SCE; jilqa' l-fatt li twettqet valutazzjoni dettaljata tal-Istatut sabiex tiġi aċċertata r-raġuni għaliex dan ma kienx meqjus attraenti, kellu impatt daqshekk limitat u x'jista' jsir biex jiġu megħluba n-nuqqas ta' esperjenza fl-implimentazzjoni u ostakli oħra;

6.  Jinnota li l-użu tal-SCE spiss huwa ristrett għall-kooperattivi tat-tieni grad li jikkonsistu minn persuni legali biss, minn soċjetajiet mutwalistiċi, li ma għandhomx statut Ewropew iżda li jixtiequ jużaw status legali assoċjat mal-ekonomija soċjali, u minn kumpaniji kbar; jinnota li għadu diffiċli għal soċjetajiet kooperattivi żgħar, - li jikkostitwixxu parti ewlenija tal-moviment tal-kooperattivi fl-Ewropa - jkollhom aċċess għall-SCE;

Parteċipazzjoni tal-impjegati fl-SCEs

7.  Jilqa' l-fatt li d-dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impjegati huma kkunsidrati element ewlieni fl-SCE; jindika madankollu, li huma għandhom jipprovdu għar-rekwiżiti marbuta man-natura speċjali tal-kooperattivi;

8.  Jindika li diversi Stati Membri għadhom ma ttrasponewx artikoli tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-impjegati, inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-ġeneru, u li dan wassal għal numru ta' lakuni fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, u jenfasizza l-ħtieġa li dan ikun irrimedjat sabiex jiġu evitat l-abbuż mill-arranġamenti tal-SCE; jinnota b'dispjaċir il-fatt li r-regoli standard dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi amministrattivi ma jeżiġux li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun rekwiżit;

9.  Huwa sodisfatt madankollu, li xi Stati Membri mhux biss ittrasponew tajjeb id-Direttiva, iżda fil-fatt marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva;

10.  Madankollu, jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/72/KE sabiex jiġi evitat li tintuża ħażin bl-iskop li l-impjegati jiċċaħdu mid-drittijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva;

11.  Jinnota li l-Artikolu 17 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tagħha u jekk meħtieġ, teżaminaha; jenfasizza li l-użu modest tal-Istatut jimpedixxi l-valutazzjoni kif suppost tad-Direttiva;

12.  Jinnota li d-Direttiva m'għandhiex tkun riveduta qabel l-Istatut u jitlob biex jitqies l-inserzjoni tad-dispożizzjoniijet dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati direttament fl-Istatut għall-fini ta' semplifikazzjoni u regolamentazzjoni aktar intelliġenti;

13.  Jenfasizza li reviżjoni tad-Direttiva għandha tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-impjegati fil-kooperattivi, inkluża l-għażla li jkunu kemm sid u kemm impjegat tal-istess intrapriża; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti sabiex tiffaċilita s-sjieda tal-impjegat u tal-utent tal-kooperattivi; jimmira biex il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'intrapriżi ssir xi ħaġa fatta fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea; huwa favur il-parteċipazzjoni akbar tal-impjegati fil-forom transkonfinali ta' intrapriżi milli fiż-żamma fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx;

14.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(14), partikolarment fir-rigward tal-miżuri proposti biex jippromwovu l-SCE billi jżidu l-għarfien tagħhom permezz ta' programmi edukattivi indirizzati lill-konsulenti fil-liġi kooperattiva u l-atturi soċjali u billi jippromwovu l-kooperazzjoni bejn soċjetajiet kooperattivi f'livell transkonfinali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kooperattivi jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-SNB u jimplimentaw politiki ta' diversità sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħajja professjonali u l-ħajja privata u, b'mod partikolari jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet amministrattivi għolja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-perspettiva tal-ġeneru fil-monitoraġġ tal-implementazzjoni korretta tad-Direttiva, kif ukoll fir-reviżjoni futura tar-regolament tas-SCE;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SCEs fir-regolamenti Ewropej possibbli biex jiġi żgurat li n-nisa jkunu rappreżentati aħjar f'livelli amministrattivi għoljin u fuq il-bordijiet ta' kumpaniji pubbliċi u dawk kwotati fil-boroż, fil-każ li l-kumpaniji ma jiksbux volontarjament l-objettivi ta' 30% sal-2015 u 40% sal-2020;

Il-futur tal-Istatut

17.  Jenfasizza li minħabba l-kumplessità tiegħu, l-Istatut jissodisfa biss parzjalment il-ħtiġijiet tal-kooperattivi u li għandu jkun issimplifikat u jsir intelliġibbli għal kulħadd sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-użu tiegħu, ikun jinftiehem malajr u jiġi applikat aħjar, biex b'hekk jiġu żgurati d-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati kollha mingħajr ma tintilef il-kwalità;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diversità tat-tradizzjonijiet u l-liġijiet dwar il-kooperattivi madwar l-UE; jenfasizza li l-Istatut għandu jipprovdi qafas awtonomu legali għall-SCEs b'mod parallel mal-liġi nazzjonali eżistenti dwar il-kooperattivi u li armonizzazzjoni diretta għalhekk mhijiex qed isseħħ;

19.  Jenfasizza li l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea ma għandux isir aktar attraenti billi jitnaqqsu l-istandards; huwa tal-fehma li r-rieżami tal-Istatut għandu jiffaċilita r-rikonoxximent ulterjuri ta' dan it-tip ta' intrapriża fl-UE; jenfasizza li l-piż ekonomiku tal-intrapriżi kooperattivi, ir-reżiljenza tagħhom għall-kriżijiet u l-valuri li huma bbażati fuqhom juru biċ-ċar li huma rilevanti fl-UE tal-lum u jiġġustifikaw reviżjoni tal-Istatut; jenfasizza li inizjattivi u miżuri futuri tal-SCE Ewropea għandhom jiffukaw fuq it-trasparenza, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet interessati u r-rispett tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jindika li għal ċertu kooperattivi nazzjonali, l-inċentiv tal-użu tal-Istatut huwa sfortunatament limitat minħabba l-istruttura ta' “holding” attwali tagħhom; jenfasizza li l-possibbiltà ta' inkorporazzjoni ta' kooperattivi nazzjonali minn Stati Membri differenti għandha tissaħħaħ;

20.  Jinsisti fuq l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' reviżjoni, speċjalment l-atturi soċjali involuti fil-moviment tal-kooperattivi u t-trade unions, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-proċess jitlesta f'waqtu;

Iż-żieda fl-impjiegi fil-kooperattivi u l-SCEs u t-tisħiħ tal-kooperattivi bħala l-elementi ċentrali tal-ekonomija soċjali

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva;

22.  Jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar il-kooperattivi fil-maġġorparti tagħhom kienu injorati mill-Kummissjoni; ifakkar li r-riżoluzzjoni(15) talbet:

   li l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkunu rikonoxxuti u kkunsidrati fil-politiki Ewropej,
   li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-Osservatorju Ewropew tal-SMEs jinkludi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istħarriġ tiegħu,
   li jiżdied id-djalogu mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali,
   li jittejjeb il-qafas legali għal intrapriżi ta' din ix-xorta fl-Istati Membri;

23.  Ifakkar li f'COM(2004)0018 il-Kummissjoni kkommettiet ruħha għal tnax-il azzjoni li jinkludu:

   l-appoġġ għall-partijiet interessati u l-organizzazzjoni ta' skambju ta' informazzjoni strutturat,
   it-tixrid tal-aħjar prattika għat-titjib tal-leġiżlazzjoni nazzjonali,
   il-ġbir ta' statistiki Ewropej dwar il-kooperattivi,
   is-simplifikazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kooperattivi,
   il-bidu ta' programmi edukattivi adattati u l-inklużjoni ta' referenzi għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji tal-FEI;

24.  Jiddeplora l-fatt li, minn din il-lista ta' impenji, tlieta biss tqiegħdu fil-prattika, mingħajr riżultati sinifikanti; jenfasizza li nuqqasijiet ta' din ix-xorta jillimitaw il-potenzjal ta' żvilupp tal-kooperattivi;

25.  Jindika li nuqqas ta' riżorsi jwassal għal nuqqas ta' riżultati; jenfasizza l-bżonn ta' titjib urġenti fi ħdan il-Kummissjoni f'termini ta' organizzazzjoni u riżorsi allokati għall-ekonomija soċjali, fid-dawl tat-tixrid attwali tal-kompetenzi u r-riżorsi umani li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija soċjali fi ħdan il-Kummissjoni;

26.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fl-oqsma kollha jeħtiġilhom jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet u l-valur miżjud tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, permezz ta' adattament xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u r-regolament finanzjarju;

27.  Jitlob lill-Istati Membri jrawwmu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-kooperattivi, bħall-aċċess għall-kreditu u l-inċentivi fiskali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-istruttura finanzjarja tal-kooperattivi b'konnessjoni mal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' kapital u l-istandards għall-kontabbiltà u r-rappurtar; jindika li l-kooperattivi kollha, u b'mod partikolari l-banek kooperattivi, jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-ħlas lura ta' ishma kooperattivi u r-riservi indiviżibbli;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi speċifiċi li nħolqu mir-rivoluzzjoni diġitali li jrid iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-midja, b'mod partikolari l-pubblikaturi li qegħdin joperaw bħala kooperattivi;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal metodu ta' koordinazzjoni miftuħ għall-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, li huma atturi ewlenin f'dan is-settur, li jinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll il-partijiet interessati sabiex ikunu inkoraġġiti l-iskambji tal-aħjar prattiki u jseħħ titjib gradwali fil-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-kooperattivi, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, self, piżijiet amministrattivi, u miżuri ta' appoġġ għan-negozji;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Att dwar is-Suq Uniku jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi promossa l-ekonomija soċjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi l-wisq mistennija “'Inizjattiva ta' Negozju Soċjali'” ibbażata fuq prinċipji kooperattivi(16);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis Sena Ewropea tal-Ekonomija Soċjali;

33.  Jappoġġja miżuri ta' appoġġ għan-negozji, b'mod partikolari konsulenza għan-negozji u taħriġ għall-impjegati, u aċċess għall-fondi għall-kooperattivi, speċjalment għall-akkwisti mill-impjegati jew klijenti, minħabba li dawn huwa għodod sottovalutati għas-salvataġġ ta' intrapriżi fi żmien ta' kriżi u għat-trasferiment ta' intrapriżi tal-familja;

34.  Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-kooperattivi fil-qasam tas-servizzi soċjali u tal-beni pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza f'dan is-settur irrispettivament mill-istatus ta' min iħaddem;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-input tal-kooperattivi fid-djalogu soċjali fuq livell tal-UE;

36.  Jisħaq dwar il-potenzjal tal-SCE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki u programmi f'livelli differenti, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-programmi ta' taħriġ kontinwu; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjoni f'livelli differenti għandha effett ekonomiku pożittiv u toħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-persuni promettenti u kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni u ta' superviżjoni; jenfasizza barra minn hekk li ċerti aspetti tax-xogħol kooperattiv jippermettu flessibbiltà li tiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-Istati Membri;

37.  Jenfasizza li l-SCE jista' jirrispondi għall-ħtiġijiet tan-nisa, itejbilhom l-istandard tal-għajxien permezz tal-aċċess għal opportunitajiet deċenti ta' imjieg, istituzzjonijiet ta' tfaddil u self, akkomodazzjoni u servizzi soċjali, edukazzjoni u taħriġ;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.
(2) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.
(3) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.
(4) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.
(5) Imwettaq minn Fernando Valdés Dal-Ré, Prof. tal-Liġi tax-Xogħol, Labour Asociados Consultores, 2008.
(6) Imwettaq mill-Kooperattivi Ewropej, Istitut Ewropew għar-Riċerka dwar l-Intrapriżi Kooperattivi u Soċjali, Ċentru EKAI, 2010.
(7) Nazzjonijiet Uniti, A/RES/64/136.
(8) Johnston Birchall and Lou Hammond Ketilson, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2009.
(9) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.
(10) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(11) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 11.
(12) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 429.
(13) COM (2010)0481.
(14) Kuntratt Nru SI2.ACPROCE029211200 tat-8 ta' Ottubru 2009.
(15) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(16) http://www.ica.coop/coop/principles.htmlhttp://www.ica.coop/coop/principles.html.


Proċess ta' Bolonja
PDF 342kWORD 113k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja (2011/2180(INI))
P7_TA(2012)0072A7-0035/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, iffirmata fil-25 ta' Mejju 1998 f'Pariġi mill-erba' ministri responsabbli minn dan il-qasam ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit (id-Dikjarazzjoni ta' Sorbonna)(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Bolonja ffirmata fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja)(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni maħruġa mill-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja fit-28-29 ta' April 2009 f'Leuven u f'Louvain-la-Neuve(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li uffiċjalment nidiet iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(8) (EQF-LLL),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(9),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel(12),

–  wara li kkunsidra rr-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 Żgħażagħ f'Moviment - il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bit-titolu “Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni” (COM(2006)0208),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa” (COM(2011)0567),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2009: Żviluppi fil-Proċess ta' Bolonja” (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2009)(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2010: L-Impatt tal-Proċess ta' Bolonja” (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2010)(15),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2007 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-għalliema professjonisti (16),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2009 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-istudenti (17),

–  wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Eurostat tas-16 ta' April 2009 bit-titolu “Il-Proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa - Indikaturi ewlenin dwar id-dimensjoni soċjali u l-mobilità”(18),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f'Yerevan, fl-Armenja, bejn it-8 u d-9 ta' Settembru 2011(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bologna u l-mobbiltà tal-istudenti(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0035/2012),

A.  billi l-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja – li tiġi żgurata l-kompatibilità tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u li jitneħħew l-ostakoli li ma jħallux lill-persuni jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor sabiex jistudjaw jew jaħdmu u sabiex l-edukazzjoni għolja tkun attraenti għal kemm jista' jkun nies possibbli, inklużi żgħażagħ minn pajjiżi terzi – għadhom validi, filwaqt li t-tkomplija tal-proċess – permezz ta' djalogu bejn il-livelli differenti tas-sistema edukattiva sabiex jiġu żviluppati kurrikuli li għandhom jinbnew fuq kull livell preliminari – qiegħda sservi l-għanijiet tat-tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, l-aktar fil-kriżi ekonomika attwali; billi jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-evoluzzjoni tal-Proċess u sabiex jitqiesu s-suċċessi, il-problemi, in-nuqqas ta' ftehim u l-oppożizzjoni esperjenzjati;

B.  billi r-rwol tal-edukazzjoni għolja hu li tipprovdi ambjent ta' tagħlim, miftuħ għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, li jippromwovi l-awtonomija, il-kreattività, l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u t-twessigħ tal-għarfien, u għal dan il-għan huwa essenzjali li jiġi ggarantit li tkun involuta l-komunità akkademika b'mod ġenerali, partikolarment l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi, fl-iżvilupp tad-diversi stadji tal-edukazzjoni universitarja;

C.  billi, fid-dawl tat-tliet funzjonijiet tagħhom (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), l-universitajiet għandhom rwol kruċjali fil-ġejjieni tal-Unjoni u fl-edukazzjoni taċ-ċittadini tagħha;

D.  billi l-università hija aspett ewlieni tal-wirt Ewropew, li issa laħaq kważi l-elf sena, li s-sinifikat tagħha bħala forza għall-progress fis-soċjetà ma jistax jiġi ridott għall-kontribut tagħha lill-ekonomija, u li l-iżvilupp tagħha ma jistax ikun kontinġenti biss fuq il-ħtiġijiet ekonomiċi;

E.  billi, minkejja d-diffikultajiet iffaċċjati – l-istruttura fuq tliet ċikli qed tiġi applikata fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Proċess ta' Bolonja, u f'xi każijiet b'suċċess;

F.  billi l-impenn li titmexxa “l quddiem ir-riforma m'għandux jiġi segwit permezz ta' azzjoni frammentata u mingħajr appoġġ finanzjarju adegwat; billi t-tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni li qed isir f'ċerti Stati Membri mhux qed jgħin biex jiġu promossi r-riformi meħtieġa;

G.  billi l-mobilità għandha tkun disponibbli għal kulħadd u hija l-pedament tar-riforma tal-edukazzjoni għolja; billi l-mobilità tal-istudenti fl-aħħar tista' tgħin biex tkattar il-mobilità professjonali; billi, madankollu, tul il-proċess kollu għandha titqies ukoll l-aċċessibilità għal kulħadd;

H.  billi jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu iktar sforzi biex jiggarantixxu r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, li hu kruċjali għas-suċċess tal-proċess;

I.  billi d-dimensjoni soċjali trid tissaħħaħ bħala kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-Proċess ta' Bolonja, bl-objettiv li d-dritt għall-istudju jsir ekonomikament aċċessibbli għall-istudenti kollha – speċjalment dawk minn gruppi vulnerabbli – sabiex jinħoloq aċċess ġust għal kulħadd u opportunatjiet aħjar ta' impjegi;

J.  billi l-universitajiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi jridu juru impenn b'saħħtu favur l-impjegabilità; billi l-università għandha tipprovdi lill-individwi l-għodod u l-ħiliet meħtieġa biex tiżgura l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal uman tagħhom; billi t-tagħlim akkademiku għandu jqis ukoll il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li l-istudenti jingħataw il-ħiliet li għandhom bżonn sabiex isibu impjieg stabbli u mħallas sew;

K.  billi l-aċċess għall-edukazzjoni – valur fundamentali tal-UE – huwa responsabilità pubblika tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE u ta' atturi ewlenin oħrajn, u billi l-Unjoni Ewropea għanda rwol ewlieni fl-istabbiliment taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja billi tappoġġa l-isforzi u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam; billi l-koordinazzjoni akbar tal-edukazzjoni u tal-lawrji – filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà – hija prekondizzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-impjegabilità fl-Ewropa;

L.  billi l-Proċess ta' Bolonja m'għandux ikollu effetti retroattivi fuq studenti li diġà bdew il-lawrja tagħhom skont il-pjan pre-Bolonja;

Ir-rilevanza tal-proċess

1.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni bħala l-qasam ewlieni għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi essenzjali tax-xogħol u tal-iżvilupp tal-istrateġija UE 2020 u l-irkupru ekonomiku tant meħtieġ;

2.  Jappella għat-tisħiħ fil-livell tal-UE tal-appoġġ għall-Proċess ta' Bolonja, b'mod partikulari fir-rigward tal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki akkademiċi, l-armonizzazzjoni tal-istandards akkademiċi, il-promozzjoni tal-mobilità, id-dimensjoni soċjali u l-impjegabilità, il-parteċipazzjoni demokratika, u l-analiżi tal-istat tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' Bolonja, u t-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi; jistieden lill-Istati Membri jtennu l-impenn tagħhom għall-Proċess billi jsaħħu s-sistema tal-finanzjament sabiex jiksbu l-objettivi ta' tkabbir stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jinnota li ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) hija kisba maġġuri mil-lat tal-ħolqien u t-tkattir ta' ċittadinanza Ewropea ġenwina; iqis li din għandha tissarraf fit-tisħiħ tal-EHEA permezz tal-użu ta' għodod u proċeduri xierqa;

4.  Jenfasizza li l-Proċess ta' Bolonja u l-EHEA għandhom rwol ewlieni fl-istrateġija Ewropa 2020 u jindika li r-rabta bejn it-tagħlim u r-riċerka hija kruċjali daqs kemm hi karatteristika distinta tal-edukazzjoni għolja Ewropea;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet stabbiliti fil-Proċess ta' Bolonja – il-mobilità, l-għarfien, l-impjegabilità – jirrappreżentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun iggarantit li kull student li jinkiteb f'università Ewropea jkollu d-dritt li jiggradwa u jara li l-kwalifi tiegħu jkunu rikonoxxuti f'kull pajjiż tal-UE;

Governanza

6.  Jappella għall-iżvilupp ta' approċċ effettiv “il fuq, li jkun jinvolvi l-atturi kollha importanti bħall-universitajiet, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-settur tan-negozju u, fuq kollox, l-għalliema u l-istudenti, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u l-istaff tal-università;

7.  Jinnota li xi Universitajiet Ewropej qed isibuha bi tqila biex jagħmlu l-isforzi suffiċjenti għall-kisba ta' EHEA konsolidata filwaqt li, għal xi wħud minnhom, jekk jixtiequ jsaħħu l-kompetittività u l-kwalità tal-għarfien li jipproduċu, l-uniku mezz hu billi jiffurmaw parti mill-EHEA;

8.  Jappella għal impenn min-naħa tal-universitajiet għal strateġiji ġodda ta' tagħlim u taħriġ professjonali u tul il-ħajja – billi jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda u bl-għarfien tal-importanza tal-forom kumplimentarji tat-tagħlim bħal sistemi edukattivi non-formali – li huma ffukati fuq is-sisien ta' sistema universitarja ffukata fuq it-tagħlim, fuq l-istudent u fuq ir-riċerka li kapaċi tipprovdi ħsieb kritiku, ħiliet kreattivi, żvilupp professjonali kontinwu kif ukoll għarfien teoretiku u prattiku li l-istudenti jkollhom bżonn fil-ħajja tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jappoġġjaw finanzjarjament lill-universitajiet fl-isforzi tagħhom li jbiddlu u jiżviluppaw il-prattiki edukattivi tagħhom;

9.  Iħeġġeġ li l-programmi ta' taħriġ għall-għalliema għandhom jissaħħu u jiġu estiżi, billi jitqiesu l-possibilitajiet offruti permezz ta' teknoloġiji ġodda u ta' tagħlim tul il-ħajja;

10.  Jenfasizza li l-ftuħ tal-Universitajiet Ewropej għall-ħtiġijiet tal-ekonomija globali u iktar konsolidazzjoni tal-EHEA għandhom jitqiesu bħala sforzi tal-universitajiet Ewropej biex jgħinu lill-Ewropa tirkupra mill-perjodu ta' insigurtà ekonomika ġenerali u biex l-Ewropa terġa' titqiegħed fit-triq it-tajba lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir;

11.  Jappella għall-iżvilupp tat-“tielet missjoni” tal-universitajiet fis-soċjetà, li għandu jitqies ukoll b'rabta mal-kriterji multidimensjonali li għandhom jitfasslu għal raġunijiet ta' klassifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-eċċellenza;

12.  Jitlob għal żieda fl-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja, partikolarment immirat biex jiġġieled il-kriżi ekonomika bi tkabbir abbażi ta' ħiliet u għarfien imtejba, u biex iwieġeb għad-domanda ogħla tal-istudenti għal kwalità mtejba ta' edukazzjoni u servizzi, partikularment boroż ta' studju, u aċċess għalihom; jemmen li t-tnaqqis fil-baġit għandhu impatt negattiv fuq l-isforzi biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni, li hi l-prinċipju li fuqu hu bbażat il-proċess ta' Bolonja; jappella, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-UE jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjament ġodda, immirati u flessibbli – u biex jippromwovu għotjiet madwar l-Ewropa kollha – bil-għan li jappoġġjaw it-tkabbir, l-eċċellenza u l-vokazzjonijiet partikulari u diversi tal-universitajiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ta' fondi multipli, definit b'regoli ċari u effettivi, maħsub biex jkun jista' jlaħħaq mal-mudell ta' finanzjament futur tal-UE u biex jiżgura l-indipendenza tal-universitajiet;

Konsolidazzjoni

13.  Jirrimarka li l-Proċess ta' Bolonja u l-programm Erasmus taw spinta lill-mobilità tal-istudenti u għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal mobilità tax-xogħol imsaħħa; jiddispaċih, madankollu, li r-rati ta' mobilità għadhom relattivament baxxi;

14.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-universitajiet jistabbilixxu mekkaniżmi biex ikunu pprovduti l-informazzjoni u l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv għall-istudenti, l-akkademiċi u l-persunal kollha sabiex irawmu flussi ta' mobilità strutturati; jappella għall-introduzzjoni tal-programm Erasmus għal studenti li diġà għandhom lawrja u jappella għat-tisħiħ tas-servizzi tal-Erasmus b'mod ġenerali u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi edukattivi, permezz ta' finanzjament itjeb, ibbażat fuq kriterji soċjali, il-ftuħ tal-programm għal firxa akbar ta' studenti, għarfien ġenwin u effettiv tal-credits, possibilitajiet imtejba għall-inklużjoni ta' simestri barra mill-pajjiż bħala parti mit-taħriġ, u flessibilità akbar fil-kalendarju awtorizzat; jinsisti, madankollu, li l-mobilità fl-ebda każ m'għandha toħloq diskriminazzjoni kontra l-istudenti b'riżorsi finanzjarji limitati;

15.  Huwa tal-fehma li l-mobilità fost il-letturi universitarji twessa' l-edukazzjoni u l-esperjenza mhux biss tal-letturi nfushom, iżda wkoll, indirettament, tal-istudenti tagħhom, filwaqt li tgħinhom jipparteċipaw fit-tħejjija tal-materjal pedagoġiku;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenn tagħhom għall-portabilità sħiħa tas-self u l-għotjiet, u biex itejbu b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti mobbli biex ikun jaqbel maż-żidiet fil-programmi l-ġodda tal-UE; jitlob lill-UE biex tqis kif il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet għal-libertà tal-moviment tista' titjieb permezz tal-garanzija tal-portabilità tas-self u l-għotjiet;

17.  Jitlob lill-UE tqis iktar bi sħiħ l-immigrazzjoni mill-Afrika, l-Ażja u l-Amerika Latina sabiex jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu għar-rikonoxximent ta' kwalifiki edukattivi miksuba fil-pajjiżi tal-oriġini;

18.  Jitlob lill-UE, bil-għan li tiggarantixxi l-fiduċja reċiproka u tiffaċilita r-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) f'kull Stat Membru, tikkonsolida sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta' assikurazzjoni tal-kwalità skont l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, filwaqt li jirrispettaw id-diversità tal-korsijiet u l-approċċi fost l-universitajiet f'termini ta' kontenut u metodi ta' tagħlim; iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità japplikaw għar-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u jappoġġaw il-kooperazzjoni Ewropea u l-iskambju tal-aqwa prattiki wkoll permezz tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA);

19.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi skali ta' gradi fl-Istati Membri u lejn il-ħtieġa għal konverżjoni xierqa tal-punti ECTS fi gradi;

20.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-Proċess ta' Bolonja jimplimentaw oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-Qafas tal-Kwalifiki tal-EHEA u jiżviluppaw u jappoġġjaw finanzjarjament ir-rikonoxximent reċiproku;

21.  Jappella għal appoġġ finanzjarju aktar b'saħħtu għall-ftehimiet dwar kurrikuli fundamentali komuni, li jiggarantixxu riżultati ta' tagħlim definiti sew, kif ukoll billi jiġi studjat l-approċċ metodoloġiku żviluppat mill-proġett “Tuning” u permezz tal-esperjenza ta' “Tuning Academy”; jappella biex tingħata attenzjoni partikulari lin-natura speċifika tal-kurrikuli umanistiċi, bħala sies sod għad-demokrazija u mutur għall-kisba tal-koeżjoni Ewropea; sabiex jiġi determinat liema għarfien u ħiliet speċifiċi għandhom ikunu koperti mill-korsijiet tal-lawrji sabiex jiġi mħeġġeġ it-tagħlim f'forma li tgħaqqad il-ħiliet ġenerali li jistgħu jitkejlu (riflessi fl-abbiltà li wieħed juża l-għarfien) u t-tagħlim u r-riċerka bħala analiżi kritika oriġinali; isostni li, minbarra l-għarfien tal-materjal bażiku, kull programm ta' kull suġġett għandu jipprovdi kompetenzi trasversali ewlenin li jistgħu jiġu applikati f'sitwazzjonijiet differenti bħall-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni u l-ħiliet imprenditorjali;

22.  Jitlob aktar appoġġ għall-miżuri nazzjonali u Ewropej bil-għan li jiggarantixxu l-inklużjoni ekwa, l-aċċess ġust għall-istudju, progress b'suċċess u sistema sostenibbli ta' appoġġ (eż. akkomodazzjoni, spejjeż ta' trasport, eċċ.) għall-istudenti kollha, kif ukoll appoġġ immirat partikolarment għal dawk li jappartjenu għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed, dawk minn sfondi soċjalment żvantaġġati u dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, sabiex titnaqqas ir-rata ta' studenti li jieqfu jistudjaw u jkun żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu indipendenti minn fatturi soċjoekonomiċi li joħolqu żvantaġġi u biex jiġi żgurat li t-tagħlim jissodisfa l-ħtiġijiet inidividwali; jirrakkomanda li għandu jitħaffef il-proċess tal-ħolqien ta' ċentri ta' konsulenza dwar il-karrieri li joffru servizzi bla ħlas lill-istudenti;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-communiqué ta' Londra tal-2007(21), li poġġa d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni wieħed mill-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja, bl-għan ikun li jiġu żgurat aċċess ekwu għall-edukazzjoni irrispettivament mill-isfond ta' dak li jkun; jiddispjaċih għall-fatt li ma sarx biżżejjed progress għall-ilħuq ta' dan l-objettiv, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-progress;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu r-rikonoxximent reċiproku billi jeliminaw l-ostakoli amministrattivi għal dan;

25.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet partikulari tal-Baċellerat, kif ukoll fir-rigward tal-kurrikuli tiegħu, l-aċċess minnu għall-Masters, u l-impjegabilità tiegħu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi, bħall-iżvilupp ta' kurrikuli ta' teorija/prattika, u ta' kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet, l-Istati Membri u l-atturi ekonomiċi u soċjali sabiex jittejbu l-prospettivi għall-iggradwati tal-ġejjieni biex isibu xogħol stabbli u mħallas sew li jikkorrispondi mal-livell tal-kwalifiki li jkunu kisbu; jitlob, għalhekk, li l-universitajiet jiżviluppaw is-sistema tagħhom tal-għoti tal-apprendistati u jtejbu l-integrazzjoni ta' apprendistati tat-taħriġ fil-korsijiet tal-universita;

26.  Jenfasizza li l-miżuri biex jippromwovu l-impjegabbiltà, bħat-tagħlim tul il-ħajja, u l-iżvilupp ta' medda usa' ta' ħiliet adegwati għas-suq tax-xogħol, għandhom ikun l-ogħla prijorità sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jintlaħqu l-objettivi ta' prosperità; f'dan ir-rigward, jappoġġja bis-sħiħ l-iskambji tal-għalliema u tal-istudenti tal-università, id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, l-apprendistati u l-passaport tal-ħiliet;

27.  Iqis li l-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) se tassisti l-mobilità professjonali fl-Ewropa u tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti billi tipprovdi assigurazzjoni li l-kwalifiki miksuba fi Stat Membru ieħor ikunu rikonoxxuti madwar l-UE;

28.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-kunċett metodoloġiku “monodixxiplinarju” tax-xjenza li għadu popolari fl-universitajiet Ewropej lejn il-kunċetti ta' “interdixxiplinarjetà” u “transdixxiplinarjetà”;

29.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju bħala objettiv komuni tal-EHEA konsolidata sabiex tiżdied l-impjegabilità tal-gradwati mill-universitajiet Ewropej;

30.  Jindika l-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi u kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol bil-għan li jiġu żviluppati kurrikuli aktar rilevanti, li l-edukazzjoni ssir aktar konsistenti u sabiex titjieb l-impjegabilità billi jiġu stabbiliti kriterji simili għall-aċċettazzjoni fil-professjonijiet;

31.  Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tad-disponibilità ta' għadd sufficjenti ta' apprendistati tat-taħriġ għall-istudenti, sabiex jiġi faċilitat iktar id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32.  Jappella lill-gvernijiet nazzjonali u lill-Kummissjoni jiżviluppaw sistema ta' kooperazzjoni strutturata sabiex jingħataw lawrji konġunti, fi ħdan oqsma ta' dixxiplini, li jkunu rikonoxxuti madwar l-UE, billi tittejjeb il-prestazzjoni u l-appoġġ finanzjarju tal-Erasmus Mundus u tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tal-ġejjieni u billi jiġi promoss il-ħolqien ta' skema Ewropea ta' akkreditazzjoni tal-programmi konġunti;;

33.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni b'referenza għal Skema ta' Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta' Masters;

34.  Iqis id-dottorati, inklużi dawk imwettqa b'kollaborazzjoni mal-intrapriżi, bħala rabta importanti bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, u jfakkar il-potenzjal tagħhom bħala komponent importanti fil-ħolqien ta' innovazzjoni u tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien; jagħraf l-importanza li jitwettqu dottorati fl-intrapriżi, f'termini ta' integrazzjoni ta' individwi b'lawrji ta' livell għoli fis-suq tax-xogħol; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa Skema Ewropea tad-Dottorat Industrijali fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie;

35.  Jemmen li kooperazzjoni aħjar l-EHEA u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun sors potenzjali għat-titjib tal-innovattività u l-iżvilupp tal-Ewropa;

36.  Jenfasizza l-kontribut tas-7 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka, tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tkun iffaċilitata l-mobilità tar-riċerkaturi tal-UE u jinkiseb il-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-UE;

37.  Jappella biex titwaqqaf strateġija effettiva ta' appoġġ għall-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa u inizjattivi sostenibbli li jkunu integrati b'mod sħiħ fl-istituzzjoni u jippromwovu kultura tat-tagħlim tul il-ħajja; jitlob, bl-istess mod, li jitħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja bbażat fil-kumpaniji sabiex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jżidu t-taħriġ u l-ħiliet tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-universitajiet joffru flessibilità akbar fil-programmi bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim, jirrikonoxxu tagħlim non-formali u informali u joffru servizzi ta' appoġġ għall-metodi ta' tagħlim billi jippromwovu sħubiji bejn universitajiet, intrapriżi, u istituti ta' taħriġ vokazzjonali ta' livell għoli sabiex jimlew il-vojt li hemm fil-ħiliet xjentifiċi, umanistiċi u tekniċi;

38.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi stabbilit l-istatus għall-istudenti ta' qabel il-Proċess ta' Bolonja f'dawk il-pajjiżi fejn jinsabu żvantaġġati f'termini ta' applikazzjonijiet biex jinkitbu f'programmi tal-Masters;

39.  Jinnota li s-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) għandha tkun iktar trasparenti u toffri tqabbil iktar preċiż bejn il-kwalifiki u d-diplomi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-istrument imtejjeb tal-ECTS sabiex jiffaċilitaw il-mobilità għall-istudenti u l-professjonisti;

Azzjoni Ewropea

40.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li żżid b'mod sinifikanti l-fondi ddedikati għall-programmi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika proporzjon sinifikanti ta' dawn il-fondi biex tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-universitajiet skont l-objettivi tal-proċess ta' Bolonja u l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn il-programmi għall-istudenti b'diffikultajiet finanzjarji wkoll;

41.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-UE biex jiddeterminaw jekk il-korsijiet ta' studju jistgħux jinkludu perjodu obbligatorju ta' taħriġ li għandu jitlesta f'università fi Stat Membru li m'huwiex il-pajjiż tal-oriġini tal-istudent;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta qawwija bejn il-Proċess ta' Bolonja u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-Kummissjoni b'manjiera li tkun konsistenti għall-aħħar mal-Proċess ta' Bolonja; isostni li r-rabta tista' tissaħħaħ aktar billi l-istudenti jingħataw l-informazzjoni prattika relevanti kollha dwar l-għarfien tad-diplomi miksuba minn barra u l-opportunitajiet ta' xogħol li jġib it-taħriġ barra l-pajjiż;

43.  Jappella, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u sabiex isir progress lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja reali, sabiex isir tqabbil tar-rekwiżiti minimi nazzjonali ta' taħriġ u biex ikun hemm skambji aktar regolari bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet professjonali;

44.  Jipproponi li r-rikonoxximent minn universitajiet sħab tal-krediti miksuba skont il-Programm Erasmus għandu jkun element obbligatorju għall-istituzzjonijiet kollha li jipparteċipaw fl-iskambji tal-istudenti appoġġjati mill-fondi tal-UE sabiex tissaħħaħ is-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS);

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-implimentazzjoni konsistenti tas-sistema ECTS; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw tabella komparattiva li tkun tindika l-għadd ta' krediti tal-ECTS mogħtija għall-korsijiet, bil-għan li tiżdied il-konsistenza u tiġi ffaċilitata l-mobilità professjonali u tal-istudenti; jinnota l-ostakoli li l-istudenti iħabbtu wiċċhom magħhom meta jittrasferixxu l-krediti minn università għall-oħra, u jemmen li dawn id-diffikultajiet jistgħu jiskuraġġixxu l-istudenti milli jieħdu sehem fi skambji akkademiċi;

46.  Jappella li tiġi żviluppata strateġija effikaċi għall-armonizzazzjoni sħiħa tat-titoli akkademiċi madwar l-Unjoni Ewropea bil-possibilità ta' rikonoxximent retroattiv (inklużi titoli akkademiċi preċedenti) minn meta ġie stabbilit il-Proċess ta' Bolonja;

47.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw bejniethom deċiżjoni finali u ċara dwar ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki u d-diplomi jew jistabbilixxu pjan direzzjonali għal meta fl-aħħar tkun possibbli din id-deċiżjoni;

48.  Jitlob li l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet tiġi organizzata b'mod iktar sistematiku u tissaħħaħ, biex jiżdied l-impatt fuq l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja u biex jibbenefikaw minnha l-istudenti u l-persunal;

49.  Jipproponi li l-universitajiet fl-istati firmatarji jagħrfu l-apprendistati tat-taħriġ prattiku bħala parti mill-programmi ta' mobilità appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea;

50.  Jappella għal trasparenza akbar fl-informazzjoni mogħtija lill-istudenti qabel ma jibda skambju partikulari fir-rigward tal-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw, u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkooperaw flimkien meta jkunu qed jivvalutaw l-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw għall-korsijiet; jinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi komuni sabiex tinħoloq bażi ta' għarfien u kompetenzi definita minn professjonisti u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bil-għan possibbli li tinkiseb approssimazzjoni ta' xi diplomi, filwaqt li jitħares id-dritt li jitħallew l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, pereżempju s-sistema tal-għarfien awtomatiku tal-kwalifiki professjonali fl-UE(22);

51.  Jappella għal netwerking, koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn l-universitajiet tal-UE sabiex jitħaffef l-għarfien ta' diplomi ġodda, jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-krediti, jitjieb l-għarfien u l-fehim tas-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-diversità tal-programmi Ewropej;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fl-ambitu tal-programmi l-ġodda ta' edukazzjoni u taħriġ, tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta' inċentivi finanzjarji, dwar il-kurrikuli transnazzjonali, lawrji konġunti u rikonoxximent reċiproku; hu favur iż-żieda fl-għadd ta' sħubiji ta' apprendistati tal-ERASMUS fil-prattika;

53.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta' bosta istituzzjonijiet li jittrattaw l-edukazzjoni għolja u r-riċerka Ewropej; jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi mezzi biex dawn ikunu kkoordinati taħt l-istess qafas;

54.  Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti inizjattivi biex jgħinu lill-istudenti jittrasferixxu r-rekords tagħhom minn università għall-oħra matul l-istudji universitarji tagħhom;

55.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu dejta aġġornata u komparabbli – fost l-oħrajn dwar il-proporzjon tar-rappreżentanza tal-gruppi vulnerabbli – li abbażi tagħha tiġi mmoniterjata l-implimentazzjoni tal-EHEA u, għal dan il-għan, biex jitneħħew l-ostakoli u jiġu solvuti l-problemi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-proċess, u ma jiġux penalizzati dawk l-istituzzjonijiet li għadhom ma implimentawx ir-riformi ppjanati; jemmen li din id-dejta għandha tiġi ppubblikata kull sena fuq bażi ta' kull pajjiż għalih u kull università għaliha biex ikun iktar faċli li wieħed jifhem fejn jeħtieġ li jsir progress;

56.  Iħeġġeġ lill-universitajiet biex jarmonizzaw l-istandards akkademiċi tagħhom billi jiffurmaw sħubiji għall-iskambju tal-prattiki tajbin;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni u riċerka, u biex jiżviluppaw programmi ġodda, abbażi ta' interessi reċiproċi mal-universitajiet tal-pajjiżi terzi, partikolarment dawk li jinsabu f'żoni ta' kunflitt, sabiex ikun possibbli l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ għal studenti minn dawn il-pajjiżi, mingħajr l-ebda forma ta' diskriminazzjoni;

58.  Iqis li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) maħluqa mill-Proċess ta' Bolonja hi progressiva; jappella, għaldaqstant, għat-twaqqif ta' Żona Ewro-Mediterranja ta' Edukazzjoni Għolja li tkun inkorporata f'din l-istruttura eżistenti, u biex isir progress favur it-twaqqif ta' Żona ta' Edukazzjoni Għolja effettiva għall-pajjiżi involuti fil-kooperazzjoni tal-Isħubija tal-Lvant kif ukoll żoni interstatali oħra fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli għall-moviment tal-istudenti u l-għalliema, biex tappoġġja n-netwerking tal-universitajiet Ewro-Mediterranji, inkluża l-EMUNI, u biex tkompli l-prattiki tajba tal-programmi Tempus u Erasmus Mundus;

59.  Jindika l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar il-Proċess ta' Bolonja u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) permezz ta' politika ta' komunikazzjoni komprensiva, effettiva u għall-Ewropa kollha bl-għan li l-universitajiet isiru iktar attraenti fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-trasferibilità tas-self u l-għotjiet, partikolarment il-boroż ta' studju abbażi tal-mertu u tal-ħtiġijiet, bejn il-pajjiżi kollha Ewropej, sabiex jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta' mobilità;

61.  Jippromwovi l-ħolqien ta' marki (brands) universitarji magħquda fil-livell reġjonali sabiex jissaħħaħ il-prestiġju tal-universitajiet fil-livell internazzjonali skont l-għanijiet tal-Proċess ta' Bolonja;

62.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jwaqqfu mekkaniżmi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jimplimentaw l-għanijiet ta' Bolonja, li jista' jseħħ b'rappurtaġġ regolari u b'użu mmirat tal-programmi tal-UE, inklużi dawk li jinvolvu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi fl-EHEA li mhumiex membri tal-UE;

63.  Jitlob lill-UE tappoġġja l-implimentazzjoni tal-impenji tagħha ta' Bolonja fil-politika tagħha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti li mhumiex membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jadottaw rwol aktar determinat fit-tmexxija tagħhom ta' dawn l-inizjattivi;

64.  Jemmen li l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni fil-laqgħa ministerjali tas-sena d-dieħla f'Bukarest se jwassal għal pjan direzzjonali ċar għat-twaqqif ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-iskadenza tal-2020; jisħaq li għandhom jitressqu proposti intersettorjali, f'dak li jikkonċerna t-taħriġ fl-ICT, it-tagħlim vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll it-taħriġ fil-post tax-xogħol, u li dawn il-proposti jippromwovu attivament kemm l-inklużjoni kif ukoll it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli, b'mod li jagħtu lill-UE vantaġġ kompetittiv fid-dinja ta' wara l-kriżi fir-rigward tal-ħolqien ta' impjiegi, il-kapital uman, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien fit-totalità tagħha;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ministru tal-edukazzjoni tal-UE jutilizzaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li toffri l-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fl-EHEA u biex jadottaw rwol ta' tmexxija biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Bolonja, u lill-Ministri biex l-impenji tagħhom fil-Proċess ta' Bolonja jsaħħuhom b'impenji konġunti fil-livell tal-UE fil-Kunsill, b'appoġġ mill-Kummissjoni, sabiex dan il-proċess ta' appoġġ reċiproku jkompli b'implimentazzjoni armonjuża;

66.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Laqgħa Ministerjali Semestrali tal-2012 tal-Proċess ta' Bolonja f'Bukarest trid tqis il-fatt li l-ħolqien tal-EHEA jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu kontribut b'saħħtu u unifikat għall-Proċess ta' Bolonja abbażi tar-responsabilitajiet konġunti tagħhom fil-kwistjoni tal-edukazzjoni għolja, tal-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fil-proċess, u tal-impenn komuni bejniethom għall-azzjoni, appoġġjati minn dikjarazzjonijiet ta' politika mill-istituzzjonijiet tal-UE;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/SORBONNE_DECLARATION1.pdf
(2) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/BOLOGNA_DECLARATION1.pdf
(3) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqu%C3%A9_April_2009.pdf
(4) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Budapest-Vienna_Declaration.pdf
(5) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(6) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.
(7) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
(8) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(9) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(10) ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.
(11) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
(12) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(13) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(14) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/099EN.pdf
(15) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/122EN.pdf
(16) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl198_en.pdf
(17) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_260_en.pdf.
(18) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-78-09-653/EN/KS-78-09-653-EN.PDF
(19) http://www.ehea.info/news-details.aspx?ArticleId=253
(20) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
(21) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/London_Communique18May2007.pdf
(22) Anness V, dwar ir-Rikonoxximent abbażi tal-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ, għad-Direttiva 2005/36/KE dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali.


Statistika Ewropea
PDF 218kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea (2011/2289(INI))
P7_TA(2012)0073A7-0037/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” (COM(2011)0211),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0037/2012),

A.  billi l-Eurostat ilu jeżisti mill-1953 u l-ħtieġa għas-salvagwardja tal-indipendenza tiegħu hija rikonoxxuta sew;

B.  billi statistika affidabbli u preċiża hija essenzjali għat-tfassil effettiv tal-politika ekonomika u baġitarja min-naħa tal-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni;

C.  billi s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-pakkett ta' tmexxija ekonomika, inkluż is-Semestru Ewropew, jirrikjedi statistika ta' kwalità għolja;

D.  billi dawk li jużaw l-istatistika għandhom jiġu fornuti b'data rilevanti, f'waqtha u preċiża li tinġabar u tiġi kkompilata minn aġenziji nazzjonali skont il-prinċipji tal-imparzjalità, l-oġġettività u l-indipendenza professjonali;

E.  billi l-istatistika għandha tkun pubblikament aċċessibbli, li tinftiehem faċilment kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għaċ-ċittadini u xierqa għal tqabbil fuq bażi sena b'sena;

F.  billi l-kwalità tal-Istatistika Ewropea tiddependi fuq l-integrità tal-proċess ta' produzzjoni kollu; billi l-modernizzazzjoni li għaddejja bħalissa tal-metodi għall-produzzjoni tal-istatistika tirrappreżenta investiment pubbliku vitali sabiex tiġi ssimplifikata l-katina ta' produzzjoni kollha, u teħtieġ impenn kontinwu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

G.  billi l-kriżi tad-dejn fiż-żona tal-euro enfasizzat il-perikli ta' ineżattezza tal-istatistika u l-frodi tal-istatistika li jirriżultaw minn nuqqasijiet kemm fil-kwalità tad-data upstream tal-kontabilità pubblika kif ukoll fl-arranġament attwali tal-governanza tal-istatistika;

H.  billi l-uffiċċji tal-istatistika mhux talli għandhom ikunu statutorjament indipendenti, iżda għandu jkollhom fis-seħħ ukoll mekkaniżmi u “firewalls” biex jiżguraw li l-uffiċċji tal-istatistika huma separati mill-proċess politiku u b'hekk jevitaw nuqqasijiet sistemiċi; fl-istess ħin, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Istat huwa responsabbli għall-korrettezza u l-awtentiċità tad-data tal-istatistika;

I.  billi r-relazzjoni bejn l-Eurostat u l-qrati tal-awdituri nazzjonali għandha tiġi msaħħa;

J.  billi l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika għandhom jiġu riformati fl-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea l-ġdida malajr kemm jista' jkun;

K.  billi madwar 350 regolament tal-istatistika li japplikaw għall-Istati Membri jimponu piż ta' konformità tal-istatistika proporzjonalment ogħla fuq l-Istati Membri ż-żgħar;

L.  billi l-Eurostat se jipprovdi l-indikaturi ekonomiċi meħtieġa għas-sorveljanza tal-politiki fiskali u t-tabella ta' valutazzjoni dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi, flimkien ma' mekkaniżmi ta' infurzar ġodda; billi r-riformi legali riċenti, notevolment is-“six pack” tal-governanza ekonomika, qiegħdu statistika robusta u affidabbli fiċ-ċentru tal-governanza ekonomika fil-livell tal-UE;

1.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm approċċ sistematiku għall-kwalità, li jista' jeħtieġ riforma fil-metodu tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea u tranżizzjoni gradwali minn approċċ korrettiv għal approċċ preventiv għal ġestjoni tal-kwalità tal-Istatistika Ewropea b'mod ġenerali u tal-istatistika fuq il-finanzi pubbliċi b'mod partikolari; jilqa' n-natura vinkolanti tar-regoli relatati mal-produzzjoni u l-verifika tal-preċiżjoni tal-istatistika Ewropea; iqis li, li jkun hemm korpi tal-istatistika indipendenti huwa essenzjali sabiex tinżamm il-kredibilità tad-data tal-istatistika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u kompetenza lill-Istati Membri biex tgħinhom jindirizzaw limitazzjonijiet ta' riċerka u ostakli metodoloġiċi kbar, bil-ħsieb li jiżguraw il-konformità u l-forniment ta' data ta' kwalità għolja;

3.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi emendi għar-Regolament (KE) Nru. 223/2009 (Regolament tal-Istatistika) sabiex jiġi stabbilit approċċ proattiv għall-monitoraġġ u evalwazzjoni tad-data tal-finanzi pubbliċi fi stadju bikri upstream sabiex tippermetti azzjoni korrettiva fil-punt l-aktar kmieni possibbli; jissekonda l-proposta biex jiġi stabbilit qafas legali mmirat biex isaħħaħ il-qafas ta' governanza, speċjalment fir-rigward tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u l-Eurostat, u biex l-istati Membri kollha jkollhom l-obbligu li jadottaw formalment l-impenn li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-livell nazzjonali biex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika u biex isir infurzar aktar rigoruż tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposti għal leġiżlazzjoni mmirata biex iddaħħal elementi tal-Kodiċi ta' Prattika dwar l-Istatistika Ewropea riveduta fil-liġi tal-UE, bl-għan li jkun hemm distinsjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-aġenziji tal-istatistika nazzjonali u dawk tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tiġi żgurata r-responsabbiltà aktar trasparenti u kkoordinata għall-kwalità tad-data;

5.  Iħeġġeġ lill-Eurostat ikompli, b'kollaborazzjoni mal-fornituri tad-data u l-utenti tad-data ewlenin, bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-metodi ta' produzzjoni tal-Istatistika Ewropea sabiex tinżamm il-kost-effettività;

6.  Jistieden lill-Eurostat jiżgura li jkunu stabbiliti b'mod standardizzat sistemi ta' kontabilità pubblika fl-Istati Membri kollha u li jkunu msaħħa kemm b'mekkaniżmi ta' verifika interni kif ukoll esterni, inkluża l-applikazzjoni tal-qafas legali rieżaminat reċentament tar-Regolament (KE) Nru. 479/2009, kif ukoll bi proposti leġiżlattivi ulterjuri kif jitqies xieraq; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti setgħat ta' investigazzjoni akbar lill-Eurostat;

7.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-istatistika tkun preċiża fil-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ lill-Eurostat jiżvela pubblikament jekk għandux dubji rigward din il-preċiżjoni fit-tipi kollha ta' statistika;

8.  Iqis li l-pakkett adottat reċentament jeħtieġ standards rigward data granulari dwar kxif tas-settur pubbliku relatat mal-garanziji u r-responsabbiltajiet kontinġenti, pereżempju permezz ta' garanziji u kxif tas-settur pubbliku għal sħubiji pubbliċi-privati (PPPs); dawn għandhom jiġu żviluppati fil-pront u żvelati mill-Eurostat, fejn għandhom jitqiesu l-livelli kollha tal-gvern;

9.  Jilqa' l-azzjoni tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB) biex ikun hemm superviżjoni indipendenti tal-Eurostat u tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika; jistieden lill-Eurostat u lill-uffiċċji tal-istatistika l-oħra jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-ESGAB imressqa fir-rapport annwali tiegħu tal-2011;

10.  Jenfasizza li l-ħtieġa li l-Eurostat jiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-persunal tiegħu stess billi jippubblika informazzjoni dwar l-uffiċjali (li huma impjegati taċ-ċivil) u l-aġenti kuntrattwali tiegħu, u jipprovdi informazzjoni dwar il-mod li bih jintużaw l-esperti nazzjonali;

11.  Jenfasizza li l-indipendenza tas-servizzi tal-istatistika għandha tkun salvagwardjata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew mit-theddida ta' interventi politiċi possibbli.

12.  Jinnota li s-sistema għal ġestjoni ta' kwalità se teħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-korpi nazzjonali responsabbli għall-verifika tad-data upstream marbuta mal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti li jiżguraw indipendenza akbar u aktar koerenza fil-kompetenzi tal-qrati tal-awdituri nazzjonali fil-verifika tal-kwalità tas-sorsi użati u biex jiġi stabbiliti ċifri tad-dejn u tad-defiċit nazzjonali u t-tisħiħ tar-rwol ta' koordinament tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

13.  Jenfasizza li l-ġestjoni tal-kwalità tal- istatistika finanzjarja tal-gvern kif ukoll statistika finanzjarja nazzjonali oħra kif ukoll il-preċiżjoni u r-rappurtar fil-ħin tad-data huma essenzjali sabiex is-Semestru Ewropew jiffunzjona kif suppost.

14.  Jirrikonoxxi li l-provvista ta' statistika preċiża ħafna drabi tista' tinvolvi l-ġbir u t-tqabbil ta' data minn sorsi numerużi; jinnota, għalhekk, li t-tqassir tal-iskedi għall-pubblikazzjoni tal-istatistika jista“, f'xi każi, inaqqas l-affidabbiltà jew il-preċiżjoni tal-istatistika jew iżid l-ispiża tal-ġbir tad-data; jirrakkomanda li, meta jkunu qegħdin jitqiesu l-aħjar prassi f'dan il-qasam, il-bilanċ bejn il-waqt xieraq, l-affidabbiltà u l-ispiża ta' tħejjija jistgħu jitqiesu sew;

15.  Iħeġġeġ lill-Eurostat jikkunsidra metodi biex il-pubblikazzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari dawk onlajn, ikunu jistgħu jintużaw aktar faċilment miċ-ċittadin medju u dawk mhux professjonijisti speċjalment fir-rigward tal-użu tal-grafika; jemmen li l-websajt tal-Eurostat għandu jippermetti aċċess aktar faċli biex jitlesta serje tad-data fit-tul u għandu jinkludi grafiki komparattivi intuwittivi sabiex jingħata aktar valur miżjud liċ-ċittadini; iżid, barra minn hekk, li l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu għandhom jipprovdu, fejn possibbli, informazzjoni dwar kull Stat Membru u joffru serje sena b'sena u xahar b'xahar u, fejn possibbli u utli, serje tad-data fit-tul;

16.  Jenfasizza li l-provvista ta' statistika preċiża, rilevanti u ta' kwalità għolja hija ta' importanza ewlenija għal żvilupp reġjonali sostenibbli u bbilanċjat; jinnota li data preċiza u eżatta tikkostitwixxi bażi għall-ksib ta' informazzjoni dettaljata dwar oqsma individwali bħad-demografija, l-ekonomija u l-ambjent, u għalhekk għandha r-rwol ewlieni fil-proċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp reġjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza l-bżonn ta' informazzjoni tal-istatistika affidabbli li tippermetti lill-politiki tal-UE jirreaġixxu aħjar għar-realtajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fil-livell reġjonali;

18.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Eurostat li jistabbilixxi qafas legali “għall-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”; jenfasizza li l-konformità mar-regola tal-kunfidenzjalità tad-data fl-SSE (is-Sistema Statistika Ewropea), kif ukoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, se tgħin biex tkabbar il-fiduċja fl-aġenziji tal-istatistika;

19.  Jinnota li huwa essenzjali li jitjieb il-mod ta' kif jaħdmu s-sistemi ta' kontabbiltà pubblika; madankollu jitlob lill-Kummissjoni tiċċara jekk l-istandardizzar tas-sistemi ta' kontabbiltà pubbliċi fl-Istati Membri huwiex meħtieġ u possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tfassal metodoloġija komuni u timplimenta soluzzjonijiet effettivi, adattati u stabbiliti;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema koerenti għal riċerka fi proċessi soċjoekonomiċi f'żoni transkonfinali, inklużi dawk fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma' statistika dwar il-makroreġjuni, sabiex tinkiseb stampa affidabbli, kompluta u preċiża tal-ekonomija f'termini ta' żvilupp reġjonali u makroreġjonali, li tkopri kemm id-dimensjoni urbana kemm iż-żoni rurali; jemmen li l-mekkaniżmi ta' riċerka marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti għandhom jitjiebu; jinnota, ukoll, li l-kontijiet reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib bħala parti minn sistema robusta ta' ġestjoni ta' kwalità għall-istatistika Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza