Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050
 Siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet
 Ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja
 Kazakistan
 Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
 Is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma
 It-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari fil-każ ta' Solomon W.
 Palestina: attakki minn forzi Iżraeljani fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Palestinjani
 Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn
 Bini ta' Kapaċitajiet Xjentifiċi fl-Afrika: il-promozzjoni ta' sħubijiet Ewropej-Afrikani dwar ir-radjuastronomija
 L-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla
 L-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea

Ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050
PDF 396kWORD 161k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (2011/2095(INI))
P7_TA(2012)0086A7-0033/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” (COM(2011)0112) u d-dokumenti ta' ħidma li jakkumpanjawha (SEC(2011)0288) u (SEC(2011)0289),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta' rilaxx tal-karbonju” (COM(2010)0265) u d-dokument li jakkumpanjaha (SEC(2010)0650),

–  wara li kkunsidra l-proposti għat-tfassil mill-ġdid (COM(2011)0656) u l-emendar tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) (COM(2011)0652) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (MAD) (COM(2011)0651) fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-ETS tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE (il-“Klawsola Soċjali”),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Agrikoltura u Iżvilupp Rurali (A7-0033/2012),

A.  billi madwar 90 firmatarju għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, inklużi l-ekonomiji emerġenti, li flimkien huma responsabbli għal aktar minn 80% tal-emissjonijiet globali, għamlu dikjarazzjonijiet unilaterali dwar l-objettivi għal tnaqqis kwantifikat tal-emissjonijiet prodotti mill-attività ekonomika kollha anke jekk dawn l-objettivi mhumiex legalment vinkolanti;

B.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew iddikjaraw l-ambizzjoni tagħhom li jiżguraw livell ta' tnaqqis ta' 80 sa 95% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050;

C.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tilħaq ftehim dwar miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex tipprovdi l-bażi u l-qafas għall-atti leġiżlattivi neċessarji u għal miżuri oħra;

D.  billi l-Pjan Direzzjonali juri li l-objettiv attwali ta' tnaqqis ta' 20%, li l-parti l-kbira minnu jista' jinkiseb permezz ta' tnaqqis mhux domestiku, mhuwiex mezz kosteffikaċi li jwassal għal tnaqqis ta' 80% sal-2050 meta mqabbel mal-1990; billi t-tnaqqis ta' 80% hu l-minimu fit-tnaqqis ta' bejn it-80 u l-95% li l-IPCC qieset bħala neċessarju għall-pajjiżi industrijalizzati u li l-Kunsill Ewropew adotta bħala l-objettiv tal-UE għall-2050;

E.  billi l-industrija teħtieġ li jkollha stampa ċara dwar l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, appoġġjata wkoll miċ-ċertezza regolatorja, minn objettivi ambizzjużi u minn mekkaniżmi ta' finanzjament imfassla sew, bil-għan li jsiru investimenti ekoloġiċi fuq perjodu ta' żmien twil;

F.  billi hu fl-interess tal-Istati Membri li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq fornituri barranin tal-enerġija, speċjalment minn pajjiżi bi problemi politiċi,

G.  billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija kkalkulat li erbgħa minn kull ħamsa tat-total tal-emissjonijiet tas-CO2 permessi sal-2035 fix-Xenarju 450 huma diġà allokati mill-istokk kapitali eżistenti;

H.  billi hemm il-bżonn ta' valutazzjoni u ta' azzjoni kontra r-riskji li, fin-nuqqas ta' sforz globali suffiċjenti, l-isforzi interni jwasslu għal bidla fis-sehem tas-suq favur installazzjonijiet inqas effiċjenti, u għalhekk għal żieda globali ta' emissjonijiet, i.e. rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

I.  billi r-rapport Stern jikkalkola li l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni fil-ħarsien tal-klima se jkun ekwivalenti għall-inqas għal madwar 5% tal-PDG globali kull sena;

J.  billi l-produzzjoni u l-konsum tal-bijomassa bħala sors ta' enerġija għadhom mhumiex definiti bħala newtrali fl-emissjonijiet tal-karbonju;

K.  billi l-aspetti soċjali jridu jiġu kkunsidrati permezz tal-istrument tal-“valutazzjoni tal-impatt soċjali”;

1.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji għall-Istati Membri, u fejn meħtieġ, għar-reġjuni tagħhom, li jiżviluppaw ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; għaldaqstant japprova l-Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, flimkien mal-perkors tiegħu, l-istadji speċifiċi għal tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi ta' 40%, 60% u 80% rispettivament għall-2030, l-2040 u l-2050, u l-firxiet ta' miri intermedjarji speċifiċi għas-settur, bħala l-bażi għat-tressiq ta' proposti leġiżlattivi u inizjattivi oħra dwar il-politika ekonomika u dik dwar il-klima; jirrikonoxxi li l-perkors u l-istadji huma bbażati fuq il-mudell PRIMES bil-għan li jippreparaw l-istrumenti leġiżlattivi u regolatorji neċessarji;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi tnaqqis temporanju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 u l-2040, inklużi objettivi konkreti għal kull settur, flimkien ma' kalendarju ambizzjuż;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fi żmien sentejn tressaq il-miżuri neċessarji għall-kisba tal-objettivi tal-2030, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-potenzjal u l-kapaċitajiet nazzjonali partikolari, kif ukoll il-progress internazzjonali rigward l-azzjoni dwar il-klima;

4.  Iqis li għandhom ikunu implimentati miżuri b'mod koordinat, kosteffikaċi u effettiv, li jippermettu karatteristiċi speċifiċi għall-Istati Membri;

5.  Jitlob għal konsistenza akbar fost il-programmi u l-politiki Komunitarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali u sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tiegħu jkunu integrati b'mod sħiħ fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2014-2020; jirrikonoxxi li biex tilħaq il-mira ta' 20% ta' effiċjenza enerġetika, l-UE trid tkun tista' tnaqqas l-emissjonijiet interni tagħha ta' CO b'25% jew aktar sal-2020, u li dan it-tnaqqis xorta waħda jkun kosteffettiv fit-triq li twassal għall-mira fuq terminu twil ta' żmien ta' tnaqqis ta' 80-95% ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jinnota li skont il-pjan direzzjonali, approċċ inqas ambizzjuż iwassal għal nefqa ferm akbar tul il-perjodu kollu; ifakkar, madankollu, li l-kosteffikaċja tal-investimenti għandha dejjem titkejjel fid-dawl tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri;

6.  Ifakkar li fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Durban dwar il-Klima, il-Parlament Ewropew sejjaħ sabiex l-objettiv ta' tnaqqis ta' CO ikun aktar minn 20% sal-2020;

7.  Jenfasizza li l-miri ċari tal-emissjonijiet se jistimulaw l-investimenti bikrija meħtieġa fir-R&Ż, għad-demostrazzjoni u t-tħaddim ta' tekonoloġiji b'emissjonijiet baxxi, u li huwa importanti ħafna li tiġi definita strateġija fit-tul li tiżgura li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għan miftiehem tagħha ta' tnaqqis ta' emissjonijiet sal-2050;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kosteffettiv tat-twettiq tal-pjan propost fuq il-livell ta' Stat Membru, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi nazzjonali li joħorġu minn żviluppi teknoloġiċi u ħtiġijiet ta' investimenti differenti (u l-aċċettabilità soċjali tagħhom) kif ukoll l-eżistenza ta' firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet globali possibbli;

9.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għandha potenzjal qawwi ta' ħolqien ta' impjiegi filwaqt li tiżgura tkabbir ekonomiku u tipprovdi vantaġġ kompetittiv għall-industrija Ewropea;

10.  Ifakkar li t-tranżizzjoni għal teknoloġiji nodfa tnaqqas drastikament it-tniġġiż tal-arja u għalhekk tiżgura benefiċċji sinifikanti fis-saħħa pubblika kif ukoll fl-ambjent.

Id-dimensjoni internazzjonali

11.  Jinnota li l-iżvilupp u l-applikazzjoni madwar id-dinja tat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju qegħdin jiżdiedu b'mod rapidu, u li hu essenzjali għall-kompetittività futura tal-Ewropa li jiżdiedu l-livelli ta' investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-applikazzjoni fir-rigward ta' dawn it-teknoloġiji;

12.  Jinnota ċ-ċaqliq fl-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika sostenibbli lil hinn mill-Ewropa lejn partijiet oħra tad-dinja, li tista' twassal biex l-UE titlef il-pożizzjoni teknoloġika ewlenija tagħha f'dan il-qasam u ssir importatur nett ta' dawn it-teknoloġiji u ta' prodotti relatati; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-valur miżjud Ewropew fl-iżvilupp u l-produzzjoni domestika ta' teknoloġiji u prodotti, b'mod partikolari fl-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

13.  Jenfasizza li ċ-Ċina qiegħda fuq quddiem f'termini ta' kapaċità ta' turbini tar-riħ installati, li l-produtturi Ċiniżi u Indjani huma fost l-akbar għaxar produtturi tat-turbini tar-riħ, u li ċ-Ċina u t-Tajwan bħalissa jimmanifatturaw il-parti l-kbira tal-panelli fotovoltajċi fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jippromwovu fl-UE l-iżvilupp u l-produzzjoni ekoeffiċjenti ta' dawn it-teknoloġiji u ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

14.  Jitlob sabiex l-UE jkompli jkollha rwol attiv fin-negozjati internazzjonali biex jiġi finalizzat ftehim ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti; jieħu nota tal-importanza li l-UE turi l-konvinzjonijiet tagħha u taġixxi bħal mudell fit-turija tal-benefiċċji u l-vijabilità tal-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jilqa' r-riżultat tal-konferenza ta' Durban li fiha sar qbil dwar kalendarju ċar għat-tfassil ta' ftehim internazzjonali post 2012 u l-aċċettazzjoni li l-pajjiżi li huma l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet, kemm jekk għandhom ekonomiji żviluppati jew li qed jiżviluppaw, iridu jadottaw miri ambizzjużi u suffiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

15.  Jenfasizza li l-UE għandha tkompli taħdem b'mod kostruttiv fin-negozjati globali dwar il-klima u li jeħtieġ tiġi żviluppata aktar id-diplomazija Ewropea dwar il-klima, taħt il-kappa tal-SEAE;

16.  Jindika li l-isfida ewlenija biex naslu għal ekonomija sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju hi li jkun żgurat li l-politiki tat-tibdil fil-klima jiġu integrati fl-oqsma ewlenin kollha ta' attività relatati mal-enerġija, it-trasport, l-agrikultura, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, eċċ;

17.  Jenfasizza li d-dewmien biex tittieħed azzjoni globali u Ewropea dwar il-klima jwassal għal spejjeż akbar mhux biss biex tintlaħaq l-objettiv tal-2050, minħabba investimenti marbuta fi stokk ta' kapital b'livell għoli ta' karbonju u tagħlim teknoloġiku aktar bil-mod, iżda wkoll f'termini ta' telf tar-rwol ta' tmexxija innovattiva għall-UE fir-riċerka, fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-iggwidar għal ekonomija sostenibbli u aktar ekoloġika; jirrimarka, barra minn hekk, li d-dewmien biex tittieħed azzjoni għall-2020 jikkomprometti l-potenzjal ta' tnaqqis għall-2030 u għas-snin ta' wara;

18.  Itenni li l-emissjonijiet kumulattivi huma deċiżivi għas-sistema klimatika; jinnota li anke bi tnaqqis ta' 30% fl-2020, 55% fl-2030, 75% fl-2040 u 90% fl-2050, l-UE xorta tkun għadha responsabbli għal madwar id-doppju tas-sehem tagħha per capita tal-baġit tal-karbonju globali kompatibbli mal-objettiv ta' 2°C, u li jekk it-tnaqqis tal-emissjonijiet idum ma jsir is-sehem kumulattiv jiżdied b'mod sinifikanti;

19.  Ifakkar li l-limitazzjoni fiż-żieda tat-temperatura globali għall-medja ta' 2°C mhix garanzija li se jiġu evitati impatti negattivi sinifikanti tal-klima;

Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet

20.  Jirrikonoxxi li s-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) hija l-istrument prinċipali, għalkemmn mhux l-uniku, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali u l-promozzjoni tal-investiment f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jinnota li huwa meħtieġ titjib addizzjonali tal-ETS; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkumplimentaw l-ETS tal-UE b'approċċ teknoloġiku u innovattiv sabiex jassigura t-tnaqqis sinifikanti meħtieġ;

21.  Jinnota li l-ETS tal-UE qed tiffunzjona kif maħsub, u li l-prezz aktar baxx tal-karbonju huwa r-riżultat ta' attività ekonomika mnaqqsa kif ukoll allowances disponibbli li huma ħafna ikbar mid-domanda; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li nuqqas ta' stimolu għal investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u riskji akbar marbuta mal-effiċjenza enerġetika joħolqu żvantaġġ lill-UE fir-rigward tal-kompetituri industrijali tagħha; jirrikonoxxi rapporti li l-prezz tal-karbonju mhux mistenni jitla' fin-nuqqas ta' tkabbir ferm ikbar jew aġġustament tal-ETS;

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-prezz attwali tal-karbonju ma jinċentivax l-investimenti f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u għalhekk jagħti kontribut limitat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, filwaqt li hemm riskju li jżomm l-UE f'infrastrutturi b'użu intensiv tal-karbonju għall-għexieren ta' snin li ġejjin;

23.  Jenfasizza li l-politiki ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima ma jistgħux iserrħu biss fuq mekkaniżmi bbażati fuq is-suq,

24.  Jirrikonoxxi li l-ETS qed tesperjenza problemi li ma kinux orġinarjament antiċipati, u li l-eċċess li qed jakkumula ta' kwoti se jnaqqas l-inċentiv li jiġu promossi investimenti f'teknoloġiji bi ftit emissjonijiet ta' karbonju għal ħafna snin; jinnota li dan jipperikola l-effikaċja tal-ETS bħala l-mekkaniżmu prinċipali tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal teknoloġiji li jikkompetu ma' xulxin, tingħata l-flessibilità lill-kumpaniji biex jiżviluppaw l-istrateġija ta' mitigazzjoni tagħhom stess u jiġu provduti miżuri speċifiċi biex tiġi miġġielda r-rilokazzjoni tal-karbonju,Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

   (a) il-preżentazzjoni malajr kemm jista' jkun ta' rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li għandu jeżamina, fost l-oħrajn, l-impatti fuq l-inċentivi għal investimenti f'teknoloġiji bi ftit emissjonijiet ta' karbonju u r-riskju ta' rilokazzjoni tal-karbonju. Qabel il-bidu tat-tielet fażi, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, temenda r-regolament imsemmi fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE biex timplimenta miżuri xierqa li jistgħu jinkludu ż-żamma tal-ammont neċessarju ta' kwoti.
   (b) tipproponi leġiżlazzjoni kemm jista' jkun malajr li timmodifika r-rekwiżit annwali għal tnaqqis lineari ta' 1,74% sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-mira ta' tnaqqis tas-CO2 għall-2050;
   (c) it-twettiq u l-pubblikazzjoni ta' valutazzjoni tal-valur tal-istabbiliment ta' prezz ta' riżerva għall-irkant tal-kwoti;
   (d) tieħu passi biex iżżid id-dħul ta' informazzjoni relevanti u t-trasparenza tar-reġistru tal-iskema tan-negozjar tal-emissjonijiet sabiex jingħata lok għal monitoraġġ u valutazzjoni iktar effikaċi;
   (e) tkompli ttejjeb l-użu tal-mekkaniżmi ta' kumpens, pereżempju billi tillimita l-aċċess għal kumpens li jissussidja l-kompetituri industrijali tal-Ewropa, bħal fil-qasam tal-HFCs;
   (f) l-iżgurar madankollu li ebda minn dawn il-miżuri ma jkollhom l-effett li jnaqqsu l-livell ta' kwoti għal setturi li jistgħu jkunu suxxettibbli għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju skont id-Deċiżjoni tal-Parametru ta' Referenza (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE);

25.  Jinnota li dawn il-miżuri se jżidu d-dħul mill-irkant għall-Istati Membri, ifakkar lill-gvernijiet li ma hemm l-ebda limitu fir-rigward tal-proporzjon ta' tali flus li jista' jintnefaq għal skopijiet relatati mal-klima, u jirrakkomanda li l-ammonti kkonċernati jintużaw biex jiġu promossi investimenti b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-industrija jew biex jitħeġġu mezzi oħrajn ta' ħolqien ta impjiegi bħal pereżempju billi jitnaqqsu t-taxxi imposti fuq ix-xogħol;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti sal-aħħar tal-2013 biex ir-rekwiżit li l-kwoti tal-emissjonijiet jinxtraw permezz ta' rkant jiġi estiż għal dawk l-industriji li jużaw ħafna enerġija u li jaffaċċaw theddida minima minn kompetizzjoni barranija;

27.  Jirrikonoxxi li sabiex jinkisbu l-miri tal-Pjan Direzzjonali għal Livell Baxx ta' Emissjonijiet tal-Karbonju, trid tiġi aġġustata d-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz (Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju

28.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika dettalji tal-kontribuzzjoni reali tal-UE mill-1990 biex tnaqqas l-emissjonijiet globali tas-CO2, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-konsum tagħha ta' prodotti li issa qegħdin jiġu mmanufatturati xi mkien ieħor;

29.  Jinsisti li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha tiġi appoġġjata b'approċċ regolatorju raġonevoli u meqjus; jafferma li konformità ambjentali b'piż żejjed mil-lat amministrattiv u finanzjarju jkollha impatt sinifikanti fuq l-impjiegi u l-produzzjoni fis-setturi li jużaw ħafna enerġija, u żżid ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonjiet tal-karbonju, filwaqt li twassal ukoll biex in-negozji u b'hekk l-impjiegi jmorru barra mill-UE.

30.  Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri ta' aġġustament konfinali jew miżuri li jinkludu l-importazzjonijiet fl-ETS jeħtieġ ikunu kkombinati mal-irkant sħiħ għas-setturi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi analiżi tas-setturi li għalihom l-allokazzjoni bla ħlas ta' allowances tonqos milli tevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura maħsuba biex tagħti kumpens lill-industriji fejn ikun ġie ppruvat li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal spejjeż indiretti relatati mal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra kif previst fid-direttiva kemm jista' jkun malajr;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi analiżi dwar in-nuqqas ta' kriterju ġeografiku fil-valutazzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għas-suq tal-elettriku fix-Xlokk tal-Ewropa;

33.  Jinnota li, skont il-konklużjoni tal-pjan direzzjonali, is-settur tal-enerġija għandu jelimina kważi kompletament l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 (tnaqqis ta' 93% - 99% fl-emissjonijiet); madankollu jirrikonoxxi li minn perspettiva industrijali tal-UE, dawk li jagħmlu l-ewwel pass fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet għandhom vantaġġ kompetittiv f'dinja b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju ta' llum u ta' għada; jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet għandu, għalhekk, jintlaħaq b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-kompetittività tal-UE u li jindirizza r-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju, partikolarment fis-setturi b'konsum għoli ta' enerġija;

Effiċjenza enerġetika

34.  Ifakkar li l-valutazzjonijiet attwali jindikaw li l-objettiv ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u ta' tnaqqis fl-użu tal-enerġija ta' 20% meta mqabbel mat-tbassir għall-2020 attwalment ma jidhirx li se jintlaħaq; jappella għal azzjoni rapida, ambizzjoni akbar u impenn politiku aktar b'saħħtu f'termini ta' kisba tal-miri tal-2020 u biex isir ippjanar lil hinn mill-2020, li jwassal biex jiġi attirat investiment xieraq; japprova l-konklużjoni tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li tagħraf li l-politiki tal-effiċjenza enerġetika huma essenzjali biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-karbonju; iqis għalhekk li ma għandhomx ikunu esklużi miri vinkolanti; jenfasizza li l-miżuri ta' effiċjenza enerġetika jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi, fl-iffrankar tal-enerġija, u sabiex jissaħħu s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività; jilqa' f'dan ir-rigward il-prijoritajiet stabbiliti mill-proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, u partikolarment fil-bini permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti, b'enfasi b'mod partikolari fuq ir-rinnovazzjoni ta' bini pubbliku; jitlob biex jiżdiedu r-riżorsi u l-miżuri sabiex ikunu mobilizzati sorsi ġodda ta' fondi fuq livell Ewropew u nazzjonali, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji ġodda; jenfasizza l-importanza tal-investiment privat sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet baġitarji attwali fis-settur pubbliku;

35.  Jiddeplora n-nuqqas ta' miżuri biex jinqabad il-potenzjal tat-tnaqqis bi spiża negattiva tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u jitlob li jiġi aċċellerat ix-xogħol skont id-Direttiva tal-Ekodisinn (2009/125/KE), l-applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-anqas spiża taċ-ċiklu tal-ħajja jew li l-miżuri ta' implimentazzjoni jiġu stabbiliti fil-livell ta' dawk li qed jiksbu l-aħjar riżultati, kif ukoll li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti minimi għall-prodotti li mhumiex tal-elettriku;

36.  Jitlob li x-xogħol skont id-Direttiva tal-Ekodisinn jinkludi t-tagħmir ta' tisħin, il-bojlers u l-materjal iżolanti, li jistgħu jiffaċilitaw it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi filwaqt li jippermettu riċiklaġġ ikbar, kif ukoll l-estensjoni u l-iżvilupp tar-rekwiżiti ta' tikkettar li jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika jiġi aġġornat b'miri vinkolanti li jinkludu firxa sħiħa ta' miżuri ġenwini u kkwantifikati tul il-katina tal-provvista tal-enerġija;

38.  Iqis li l-effiċjenza enerġetika hija l-istrument l-iktar effikaċi biex tiġi ammeljorata l-innovazzjoni teknoloġika industrijali u ssir kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ġenerali b'mod ekonomikament effiċjenti filwaqt li jiġu stimulati l-impjiegi. jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika billi tistabbilixxi skemi ta' inċentivi fit-tul u stabbli għall-promozzjoni ta' teknoloġiji li jkunu l-iktar effikaċi mill-perspettiva tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji; jemmen li sabiex jinkiseb l-objettiv tal-effiċjenza enerġetika 2020, għandu jiġi garantit levell adegwat ta' armonizzazzjoni tal-istandards ta' effiċjenza Ewropej;

39.  Itenni l-importanza li jkunu provduti inċentivi għal investimenti pubbliċi u privati maħsuba għat-tfassil u l-iżvilupp ta' teknoloġiji li jistgħu jiġu kkuppjati faċilment sabiex itejbu l-kwalità tal-iffrankar u l-effiċjenza enerġetika;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, tistabbilixxi miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati l-inċentivi negattivi li jseħħu bejn il-konsumaturi u d-distributuri tal-enerġija;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mira fit-tul għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-UE sal-2050;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri ma investewx biżżejjed f'miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 jew biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-kostruzzjoni u t-trasport; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jallokaw aktar fondi għal miżuri li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u ta' netwerks urbani ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, kemm fil-kuntest tar-rieżami tal-Perspettiva Finanzjarja attwali kif ukoll fl-Oqsfa Finanzjarji Multiannwali ġejjiena;

L-enerġija rinnovabbli

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika dwar il-provvista tal-bijomassa biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijomassa; jenfasizza li din għandha tinkludi kriterji ta' sostenibilità għal bijomassa differenti li tqis il-marka tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' sorsi differenti, bi prijorità mogħtija għall-iżgurar tal-ewwel valur minn materja prima tal-bijomassa aktar milli l-użu tagħhom għall-enerġija; jinsisti li l-kisba tal-mira tal-UE marbuta mal-bijofjuwils ma tridx tolqot ħażin il-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf jew twassal għal telf ta' bijodiversità;

44.  Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ssegwi approċċ usa' fir-rigward tal-kwistjoni tal-ILUC u tippromwovi protezzjoni adegwata tal-ambjent f'pajjiżi terzi affettwati mill-bidla fl-użu tal-art b'mod bilaterali u multilaterali sabiex jitqiesu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra attribwibbli għal bidliet fix-xejriet tal-użu tal-art; dan jista' jinkiseb permezz tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' sostenibilità addizzjonali għal ċerti kategoriji ta' bijofjuwils impurtati minn pajjiżi terzi;

45.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda fl-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u tal-produzzjoni tal-bijoenerġija u jenfasizza li l-UE għandha tisfrutta kull innovazzjoni disponibbli sabiex tilħaq il-miri tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

46.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-iżviluppi innovattivi f'dan il-qasam u jinsisti dwar l-urġenza li jinstabu soluzzjonijiet aħjar dwar kif jinħażnu dawn l-enerġiji, biex tikber l-effiċjenza tagħhom, u tkun żgurata trażmissjoni effiċjenti tal-enerġija, inklużi miżuri infrastrutturali xierqa; jirrikonoxxi l-progress sinifikanti li għamlu l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn meta ġew stabbiliti miri vinkolanti għall-2020; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jitkompla dan l-approċċ u li jiġu stabbiliti aktar miri vinkolanti dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2030, filwaqt li jitqiesu l-fattibilità u l-impatt makroekonomiku tagħhom; jirrimarka li din l-azzjoni tgħin biex jintlaħqu l-objettivi għall-2050, tagħti lill-industrija ċ-ċertezza tal-investiment li teħtieġ, tnaqqas sew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, toħloq l-impjiegi, tippromwovi l-indipendenza enerġetika tal-UE, u tinkoraġġixxi leadership teknoloġika u l-innovazzjoni industrijali; jenfasizza li hu ferm importanti li jinżammu l-miri stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli biex jintlaħqu l-miri globali tal-UE sal-2050; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri fejn il-miri nazzjonali ma jintlaħqux;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura li l-adozzjoni ta' tali miri ma tnaqqasx l-inċentivi għall-investiment f'forom oħrajn ta' ġenerazzjoni tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tippubblika sa tmiem l-2012 ir-rapport meħtieġ tagħha dwar il-progress li qed jagħmel kull Stat Membru biex jilħaq ir-rekwiżiti legali fir-rigward tal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, flimkien ma' valutazzjoni dwar jekk il-miri 2020 humiex se jintlaħqu, tipproponi programm ta' azzjonijiet li se jittieħdu sabiex tiġi promossa l-konformità tal-Istati Membri li preżentament mhumiex fit-triq it-tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti;

49.  Ifakkar li n-netwerks tal-elettriku se jkollhom jiġu aġġornati u żviluppati, b'mod partikolari biex jittrasportaw l-enerġija rinnovabbli prodotta f'żoni ta' potenzjal kbir, bħall-enerġija mir-riħ offshore fil-Baħar tat-Tramuntana u l-enerġija solari fin-Nofsinhar tal-Ewropa u biex jakkomodaw il-produzzjoni diċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli;

50.  Jenfasizza li żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz, pereżempju, ta' riċiklaġġ tal-iskart, ġestjoni aħjar tal-iskart u bidla fl-imġiba, għandha rwol importanti ħafna biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-UE għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

51.  Jinnota li, bl-għarfien u t-tekniki dispobibbli llum il-ġurnata, l-ażjendi agrikoli diġà jistgħu jsiru awtosuffiċjenti fl-enerġija, bil-possibilità kemm li jżidu l-profitti kif ukoll li joħolqu gwadann ambjentali permezz tal-produzzjoni lokali tal-bijoenerġija mill-iskart organiku;

52.  Jinnota li, għal raġunijiet ta' użu effiċjenti ta' riżorsi, il-bdiewa għandhom jiġu inkoraġġuti jużaw aħjar il-potenzjal tal-bijogass u l-prodotti sekondarji tiegħu f'termini ta' sostituzzjoni tal-fertilizzanti;

53.  Jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, li mhux biss jipprovdi enerġija rinnovabbli, iżda jnaqqas ukoll il-pressjoni ambjentali u huwa sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fil-forma ta' konċentrati ta'minerali; jenfasizza f'dan ir-rigward, li jekk id-demel irid jiġi kkunsidrat bħala sors tal-enerġija, huwa essenzjali li d-demel ipproċessat jiġi rikonoxxut bħala sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fid-Direttiva dwar in-Nitrati;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-awtosuffiċjenza enerġetika tal-ażjendi agrikoli, permezz ta' inċentivi għall-enerġija rinnovabbli fuq il-post, bħat-turbini tar-riħ, il-pannelli solari u t-teknoloġija tal-bijofermentazzjoni, minħabba li dan inaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u jżid il-vijabilità ekonomika, billi jipprovdi sors alterattiv ta' dħul għall-bdiewa;

Riċerka

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li Horizon 2020 u s-Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni taħt l-Unjoni tal-Innovazzjoni jagħtu prijorità lill-bżonn li jiġu żviluppati t-tipi kollha ta' teknoloġiji b'emissjoni baxxa ta' karbonju, sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE, ikunu promossi l-opportunitajiet ta' impjiegi ekoloġiċi u tinħoloq bidla fl-imġiba tal-konsumaturi;

56.  Jenfasizza li huma meħtieġa b'mod urġenti iktar finanzjament u sforzi ta' riċerka għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' prattiki agrikoli effiċjenti fir-rigward tal-klima u li jużaw l-enerġija b'inqas intensità u metodi agrikoli li jniġġsu inqas u produzzjoni tal-enerġija iktar effiċjenti; jinnota barra minn hekk li diġà jeżistu alternattivi li jniġġsu inqas u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jikkunsidra r-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam bħala parti essenzjali mill-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan strateġiku tat-teknoloġija tal-enerġija, u li dan jitlob għal investiment addizzjonali; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat, b'rabta ma' dan, li r-riżultati tar-riċerka jiġu tradotti fil-prattika fil-livell tal-kumpaniji; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabilixxi qafas ġdid tar-riċerka (Horizon 2020);

57.  Jitlob li l-appoġġ baġitarju jkun konsistenti mal-Eur 50 biljun meħtieġa minn sorsi pubbliċi u privati biex jiġi impimentat kompletament il-pjan SET;

58.  Jenfasizza l-importanza tar-R&Ż biex ikunu żviluppati teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet u effiċjenti fl-enerġija; jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fir-riċerka ta' teknoloġiji favur l-ambjent u effiċjenti fl-enerġija u sabiex tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sieħba internazzjonali tagħha, b'enfasi partikolari fuq teknoloġiji nodfa u sostenibbli li jwasslu biex jintlaħqu l-objettivi stabiliti għall-2020 fil-Pjan SET (li hi l-inizjattiva emblematika tal-UE għat-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju); jenfasizza li għandhom jiżdiedu l-fondi għal kull tip ta' riċerka dwar l-enerġija skont l-inizjattiva Horizon 2020, partikolarment dawk dwar l-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-allokazzjonijiet finanzjarji attwali fil-qasam tal-enerġija jirrappreżentaw 0,5% biss tal-baġit tal-UE għall-2007-2013, u li dan mhux konformi mal-prijoritajiet politiċi tal-UE;

Il-qbid u l-ħżin tal-karbonju

59.  Jirrikonoxxi l-importanza li tiġi applikata t-teknoloġija tas-CCS, meta jkun fattibbli, biex jintlaħqu l-għanijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' karbonju bl-inqas spiża possibbli, u jagħraf li d-dewmien proċedurali, in-nuqqasijiet finanzjarji kif ukoll in-nuqqas ta' impenn min-naħa ta' xi Stati Membri x'aktarx jisfratta l-kisba tal-ambizzjoni tal-Kunsill Ewropew li sal-2015 ikollu joperaw sa 12-il proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS; jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika Pjan ta' Azzjoni dwar is-CCS; jirrikonoxxi li s-CCS mhux se jkun xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, anke sal-2050, u jista' jkun limitat għal installazzjonijiet kbar u l-evitar ta' emissjonijiet mill-proċess industrijali; jitlob appoġġ fir-rigward ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji f'oqsma oħrajn sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet oħrajn lil hinn mill-qafas tas-CCS;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li l-fondi li ma jintużawx għall-proġetti tas-CCS fil-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku jiġu riallokati favur proġetti ta' dimostrazzjoni alternattivi tas-CCS;

Pjanijiet direzzjonali nazzjonali u speċifiċi għas-settur

61.  Jinnota li l-ftehim ta' Cancún jipprevedi li l-pajjiżi żviluppati kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji għal livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

62.  Jilqa' l-produzzjoni ta' strateġiji għal livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju minn xi Stati Membri tal-UE iżda jitlob lill-Istati Membri kollha biex jipproduċu dawn l-istrateġiji mhux aktar tard minn Lulju 2013; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tintroduċi proposti leġiżlattivi li jirrikjedu l-preparazzjoni tagħhom jekk sal-aħħar tal-2012 mhux l-Istati Membri kollha jkunu ħadu dan l-impenn;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-adegwatezza ta' dawn il-pjanijiet fir-rigward tal-kontribut għall-objettiv ta' Cancún li ż-żieda fit-temperatura medja dinjija tinżamm taħt iż-2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali u settorjali jkunu suġġetti għal skrutinju indipendenti sabiex jiġi evalwat jekk l-użu potenzjali tal-aqwa teknoloġiji disponibbli kienx meqjus bis-sħiħ u jekk l-ispejjeż proposti jkunux jaqblu mal-prattika miftiehma;

65.  Jistenna li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-pjanijiet direzzjonali meta tħejji inizjattivi politiċi, u li tenfasizza wkoll il-każijiet fejn is-setturi tal-industrija naqqsu milli jħejju dawn il-pjanijiet ta' azzjoni;

66.  Jitlob lill-gruppi industrijali relevanti biex jippreparaw pjanijiet direzzjonali speċifiċi għas-settur li jistabbilixxu kif l-objettivi tal-UE għal livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jistgħu l-aħjar jintlaħqu, inklużi l-livelli ta' investiment meħtieġa u s-sorsi ta' ffinanzjar li jridu jiġu użati;

67.  Jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw lis-setturi li ħejjew il-pjanijiet direzzjonali tagħhom, biex jiġu żviluppati aktar l-inizjattivi u s-sħubiji li jsegwu minnhom, għall-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi biex jitnaqqsu l-livelli tal-karbonju ta' dawk l-industriji b'konsum intensiv tal-enerġija kkonċernati;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-previżjonijiet u l-pjan direzzjonali 2050 kull 3-5 snin, u jistedinha tintegra l-pjanijiet direzzjonali settorjali, reġjonali u tal-Istati Membri fil-verżjoni aġġornata tal-pjanijiet direzzjonali, il-mudelli u l-metodoloġiji tal-Kummissjoni użati għal dan il-għan u li jkunu totalment trasparenti;

69.  Jenfasizza li sabiex tinkiseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, jeħtieġ li jkun hemm użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw jew isaħħu l-istrateġiji eżistenti dwar l-effiċjenza fir-riżorsi, u jintegrawhom fil-politiki nazzjonali dwar it-tkabbir u l-impjiegi sal-2013;

Ġenerazzjoni tal-elettriku

70.  Ifakkar li d-domanda dinjija tal-enerġija primarja se tiżdied b'aktar minn 30% sal-2035, u b'hekk se żżid il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-enerġija;

71.  Isostni li l-Istati Membri għandu jkollhom l-usa' mezzi possibbli biex jiksbu ġenerazzjoni tal-elettriku b'livell baxx ta' karbonju (inklużi sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, enerġija nukleari, l-użu tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u bijomassa prodotta b'mod sostenibbli) u li l-ebda minnhom m'għandu jkun eskluż mill-alternattivi disponibbli biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti fir-rigward ta' kwalunkwe rilokazzjoni tal-produzzjoni enerġetika barra mill-ETS tal-EU, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-Istati Membri b'interkonnessjonijiet ma' pajjiżi barra mill-UE;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività tal-mekkaniżmi li jippermettu t-tħaddim tajjeb tas-suq tal-elettriku f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u, jekk ikun hemm bżonn, tressaq proposti leġiżlattivi biex ikun hemm integrazzjoni aktar mill-qrib mas-swieq transkonfinali tal-elettriku u għal miżuri oħra li jindirizzaw il-ħtieġa li jkun determinat il-bilanċ u d-disponibilità tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni;

74.  Jistieden l-UE timpenja ruħha għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija sal-2050;

75.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jinvestu aktar fl-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa biex issir it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli; jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' standards u teknoloġiji bl-internet interoperabbli relatati mal-enerġija u ta' applikazzjonijiet tal-ICT effiċjenti fl-enerġija, b'mod partikolari netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti, l-applikazzjoni sħiħa u fil-ħin ta' sistemi intelligenti fid-djar bħal miters intelliġenti mfassla biex minnhom jibbenefika l-konsumatur, kif ukoll l-immodernizzar u l-iżvilupp ta' supersistema ta' distribuzzjoni Ewropea u ta' infrastrutturi LNG; jenfasizza, fir-rigward tal-konnessjonijiet interreġjonali, il-ħtieġa li jitnieda pjan ta' investiment ibbażat l-aktar fuq il-Pakkett dwar l-Infrastrutturi Enerġetiċi tal-UE sabiex jiżgura d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet prattiċi għall-integrazzjoni effiċjenti ta' ammonti kbar ta' sorsi rinnovabbli billi tippromwovi regoli tas-suq li jippermettu skambju internazzjonali tal-enerġija effiċjenti u trasparenti; jitlob, għalhekk, sabiex ikunu integrati u utilizzati b'mod rapidu s-swieq transkonfinali tal-elettriku; jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti ta' viżjoni fit-tul minħabba li hemm bżonn ħafna snin biex tinbena infrastruttura tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien; jilqa' l-enfasi li qed tingħata fuq l-infrastruttura tal-enerġija fil-proposta dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

76.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-objettiv attwali ta' 20% huwa msejjes fuq il-kontribut tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija f'għadd ta' Stati Membri; jinnota li l-pubblikazzjoni “World Energy Outlook 2011” tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) tinkludi x-xenarju ridott fl-użu tan-nukleari, li juri li ż-żieda stmata ta' emissjonijiet dinjija ta' CO2 mis-settur tal-enerġija se tkun sostanzjalment ogħla f'tul ta' żmien medju minħabba żieda fl-użu tal-fjuwils fossili; itenni li d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jagħlqu uħud mir-reatturi nukleari m'għandhiex isservi ta' ġustifikazzjoni biex inaqqsu l-livell ta' ambizzjoni fil-politiki attwali tagħhom dwar il-klima; jinnota li, skont l-IEA, il-kisba tal-mira ta' 2°C se tirrikjedi aċċelerazzjoni tal-iżvilupp u tal-użu ta' teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) kemm f'impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam kif ukoll dawk li jaħdmu bil-gass; jinnota, madankollu, li t-teknoloġija tas-CCS għadha fl-istadju ta' evalwazzjoni u fil-fażi prekummerċjali, għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll xenarji alternattivi, bħal pereżempju xenarji ta' sorsi ta' rinnovabilità u ta' effiċjenza enerġetika kbar; għaldaqstant, jappella għal żieda fl-appoġġ għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u sabiex it-tkabbir ekonomiku jitqies separatament mill-konsum enerġetiku;

77.  Iqis li l-ilħuq ta' dawn l-objettivi sal-2050, mingħajr ma jiġu ppreġudikati t-taħlitiet differenti tas-sorsi tal-enerġija tal-Istati Membri, jista' jwassal għal tnaqqis fil-konsum, iżid is-sigurtà u l-affidabilità tal-provvista tal-enerġija u t-trażżin tal-volatilità tal-prezz tal-enerġija, u b'hekk jippermetti li jkun hemm prezzijiet tal-enerġija ġusti u kompetittivi għall-konsumaturi u l-impriżi u jtejjeb il-kompetittività u t-tkabbir tal-impjiegi fl-UE;

Industrija

78.  Jinsisti li l-appoġġ tal-UE għall-“ekonomija ekoloġika” għandu jagħraf l-importanza tal-investiment minn industriji eżistenti użat biex itejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 dwar il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jenfasizza li ekonomija aktar ekoloġika għandha tappoġġja l-kompetittività u l-innovazzjoni fis-setturi kollha billi tiffoka fuq oqsma fejn it-titjib huwa aktar effiċjenti mil-lat ekonomiku u aktar effettiv mil-lat ambjentali;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora strumenti innovattivi ta' finanzjament għal investiment f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

80.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw il-ħolqien ta' ċentri innovattivi sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet reġjonali u nazzjonali;

Trasport

81.  Jappoġġja r-rekwiżit li l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Spazju Uniku Ewropew tat-Trasport inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport fl-UE b'60% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi objettivi intermedji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għas-settur sabiex tiżgura li tittieħed biżżejjed azzjoni fi stadju bikri;

82.  Jilqa' l-progress li sar mill-2007 “l hawn mill-manufatturi tal-vetturi rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri, u jisħaq fuq l-importanza taż-żieda fir-ritmu għal aktar titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil; jafferma li meta tkun qed tipprepara r-rieżami li ġej il-Kummissjoni għandha tipproponi modi kif tiżgura li l-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi ġodda tilħaq il-mira maqbula għall-2020 ta' mhux aktar minn 95g/km sal-2020, jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex tiżgura l-inklużjoni tas-settur tat-tbaħħir fl-impenji għat-tnaqqis tas-CO2;

83.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2009/29/KE, il-Kummissjoni meħtieġa tevalwa l-progress tal-IMO dwar l-emissjonijiet mit-tbaħħir sal-31 ta' Diċembru 2011; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-trasport marittimu fil-pjan direzzjonali u, fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tbaħħir, tipproponi leġiżlazzjoni sabiex dawn l-emissjonijiet ikunu inklużi fl-impenji tal-Komunità bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ fl-2013;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex ittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi tqal tal-ġarr tal-merkanzija u, fir-reviżjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet minn vetturi kummerċjali ħfief, maħsuba għall-2013, tqis aktar il-ħtieġa li jittejjeb l-iffrankar tal-fjuwil sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-impriżi marbuta maż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, lil min jixtri kwalunkwe tip ta' vettura tal-passiġġieri jew tal-ġarr tal-merkanzija, ċarezza akbar dwar l-effiċjenza tal-fjuwil tagħhom u biex tressaq proposti, li ilhom għal żmien mistennija, għal riforma tad-Direttiva dwar l-Ittikkettar, li għandha tinkludi l-forom kollha tal-promozzjoni għall-bejgħ;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex tiżgura li ċ-ċikli ta' testijiet użati biex jivvalutaw l-emissjonijiet minn karozzi ġodda jirriflettu bi preċiżjoni r-realtajiet tal-użu ta' dawn il-vetturi f'kundizzjonijiet normali ta' sewqan;

87.  Jagħraf l-isforzi li qed jitwettqu minn xi Stati Membri biex iwaqqfu infrastrutturi għall-iċċarġjar mill-ġdid/l-għoti tal-fjuwil biex jippromwovu l-użu ta' karozzi tal-elettriku u karozzi b'emissjonijiet baxxi ħafna ta' karbonju, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiffissa rekwiżiti minimi f'kull Stat Membru sabiex twaqqaf netwerk fuq skala Ewropea;

88.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu bħala prijorità, bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet niġġiesa mit-trasport, l-investiment fl-iżvilupp ta' netwerk pan-Ewropew tal-enerġija intelliġenti li jkun jista' jiġbor l-enerġija ġġenerata fil-livell lokali u reġjonali inkluż minn sorsi rinnovabbli u li jgħin l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-użu ta' vetturi elettriċi;

89.  Jikkunsidra li jeħtieġ ikun hemm qalba kulturali lejn modi aktar sostenibbli tat-trasport; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu forom ġodda ta' investiment, sabiex jiffaċilitaw il-qalba modali lejn modi ta' trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent, u biex inaqqsu l-ħtieġa tat-trasport, fost l-oħrajn, billi japplikaw l-IT u permezz ta' ppjanar spazjali;

90.  Jenfasizza li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport fil-prezzijiet tat-trasport, f'termini tal-livell ta' tniġġis, hija sfida ewlenija biex jiġu inċentivati l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u li ż-żieda mil-lat ta' prestazzjoni twassal għal għażla tal-modi tat-trasport li tirrispetta l-ambjent;

91.  Jitlob li l-konsistenza fil-prijoritajiet tal-Pjan Direzzjonali tkun żgurata fir-rigward tal-investimenti ġodda maħsuba għall-infrastruttura tat-trasport, u jfakkar li hemm ir-riskju li l-Eur 1,5 triljun fuq iż-żewġ deċennji li ġejjin bejn l-2010 u l-2030, rikjesti mill-Kummissjoni, ma jispiċċawx destinati għal prijoritajiet xierqa ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju; jenfasizza għalhekk il-bżonn ta' baġit infrastrutturali tal-UE li jkun “ekoloġiku”, speċjalment fir-rigward tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni;

92.  Jilqa' l-linji gwida ġodda proposti għan-Netwerks Trans-Ewropew tat-Trasport u l-importanza mogħtija lill-iżvilupp ta' kuriduri ferrovjarji għall-passiġġieri u għall-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis, strateġija għall-użu ta' fjuwils alternattivi u teknoloġiji ġodda fit-trasport; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw urġentement il-miżuri tal-Ajru Uniku Ewropew u, għaldaqstant, itejbu l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-ajruplani u tat-traffiku;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar l-avjazzjoni fl-ETS;

Agrikoltura

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi biex jonqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u tippromwovi gwadanji fl-effiċjenza mill-użu tal-art agrikola u jitnaqqas l-użu ta' fertizzanti bbażati fuq fjuwils fossils, filwaqt li tqis partikolarment ir-rwol tal-agrikultura bħala produttur tal-ikel (aktar milli fjuwil); hu tal-opinjoni wkoll li l-bdiewa fuq skala iżgħar jistgħu jeħtieġu taħriġ u assistenza teknika f'dan il-qasam; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex iżżid ir-riċerka dwar il-funzjonament ta' tipi differenti ta' agrikoltura u prattiki agroambjentali effettivi, bir-rispett dovut għall-kundizzjonjiet klimatiċi dominanti;

95.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut kbir biex tittratta t-tibdil fil-klima u toħloq impjiegi ġodda permezz tat-tkabbir ekoloġiku; jinnota li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur agrikolu huwa ta' vantaġġ għal kulħadd billi jsaħħaħ il-vijabilità ekonomika u agronomika tal-bdiewa fuq perjodu twil ta' żmien; jitlob l-inklużjoni ta' miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli fil-PAK;

96.  Jenfasizza li l-PAK wara l-2013 mistennija tkabbar il-kontribut imsemmi hawn fuq; jirrikonoxxi li l-agrikoltura diġà naqqset l-emissjonijiet tagħha b'mod sostanzjali permezz tat-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni; jinnota, madankollu, li fuq perjodu twil, il-potenzjal għat-tnaqqis tal-emmissjoni tal-agrikoltura huwa sostanzjali (sal-2050, is-settur tal-agrikoltura se jkun jista' jnaqqas l-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 b'bejn 42% u 49% meta mqabbla mal-livelli tal-1990), iżda jista' jitqies pjuttost limitat meta mqabbel ma' setturi oħra; jenfasizza li l-pajjiżi kollha li għandhom l-ogħla emissjonijiet, għandhom jagħtu kontribuzzjoni adegwata;

97.  Jappoġġa l-komponent ekoloġiku tal-PAK biex jopera bħala skema ta' inċentivar madwar l-UE bil-għan li żżid l-effiċjenza mil-lat nutrittiv, enerġetiku u klimatiku, billi jsir fokus partikolari fuq il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija, fuq it-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u fuq titjib tal-ġestjoni tan-nutrijenti; l-għanijiet ta' din l-iskema jkunu li tiġi żgurata l-kompetittività tal-irziezet u s-sigurtà tal-ikel fuq perjodu twil permezz ta' ġestjoni aktar effikaċi tar-riżorsi naturali limitati;

98.  Jitlob il-miżuri neċessarji, inklużi l-finanzjament tar-riċerka, l-isforzi edukattivi, l-appoġġ fl-investiment u inizjattivi oħra abbażi ta' inċentivi, li għandhom jiġu implimentata fil-PAK, sabiex jappoġġaw u jippermettu l-użu ta' residwu agrikolu u tal-forestrija fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli;

99.  Ifakkar li l-prattiki mtejba tal-agrikoltura u l-forestrija għandhom iżidu l-kapaċità tas-settur li jżomm u jaqbad il-karbonju fil-ħamrija u l-foresti; fl-istess ħin jenfasizza li l-maġġoranza tas-sidien tal-foresti huma wkoll bdiewa; jenfasizza, barra minn hekk, l-għan tal-UE li tnaqqas id-deforestazzjoni li qed isseħħ madwar id-dinja, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li twaqqaf it-telf globali tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030;

100.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati miżuri u/jew mekkaniżmi xierqa li jippermettu r-rikonoxximent finanzjarju reali tar-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija fiż-żamma tal-karbonju;

101.  Jenfasizza li l-użu sostenibbli tal-foresti jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u li għalhekk huwa neċessarju li jittieħdu miżuri skont it-tieni pilastru tal-politika agrikola, sabiex tkun tista' ssir il-ġestjoni tal-foresti anke f'postijiet diffiċli;

102.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tisġir, bħala l-uniku mod naturali biex jiżdiedu l-assorbenti tal-karbonju u bħala sors ta' injam għall-bijoenerġija;

103.  Jitlob strateġija għall-użu tal-art tal-UE, it-tibdil fl-użu tal-art u l-foresterija (LULUCF), filwaqt li jiġu żgurati l-permanenza u l-integrità ambjentali tal-kontribut tas-settur għat-tnaqqis tal-emissjonijiet; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw il-politiki nazzjonali tagħhom biex jilħqu l-potenzjal ta' mitigazzjoni tas-setturi LULUCF rispettivi tagħhom, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li dan jista' jgħin biex tinkiseb esperjenza siewja; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fir-riċerka xjentifika dwar il-kapaċità ta' ħżin u l-emissjonijiet mill-attivitajiet ta' LULUCF;

104.  Jikkunsidra li l-kompetittività fit-tul tista' tinkiseb biss permezz ta' ekosistemi agrikoli b'saħħithom u bijoloġikament diversi li jifilħu għall-klima u billi wieħed jieħu ħsieb kif xieraq ir-riżorsi naturali limitati, bħall-ħamrija, l-ilma u l-art;

105.  Jenfasizza li l-ħarsien, l-apprezzament u r-restawr tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi huma fundamentali sabiex tinkiseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

106.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tenfasizza l-integrazzjoni tal-klima sabiex tinħoloq koerenza bejn il-politiki, inklużi l-industrija, ir-riċerka, l-enerġija, il-bijodiversità, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-innovazzjoni, it-trasport, il-benessri tal-annimali u l-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li l-ġestjoni strateġika soda tal-potenzjal tas-settur agrikolu, tqiegħed lill-Ewropa fid-direzzjoni t-tajba sabiex issir attur kompetittiv fl-ekonomiji globali, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tal-ġejjieni;

107.  Jenfasizza li l-katina tal-ikel għandha titqassar u ssir iktar trasparenti u li għandu jitħeġġeġ il-konsum ta' ikel prodott lokalment, kif ukoll l-appoġġ tas-swieq lokali u reġjonali, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet relatati mat-trasport tal-produzzjoni agrikola; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-produzzjoni u l-ipproċessar multifunzjonali tal-Ewropa għal pajjiżi li mhumiex fl-UE jkollha impatt negattiv fuq il-valur miżjud Ewropew u fuq l-għanijiet b'rabta mal-klima;

108.  Jemmen li permezz tal-ġestjoni aħjar tal-għalf tal-annimali, inklużi prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f'raba' li jinħadem b'sistema ta' rotazzjoni u ż-żieda fid-diversità tal-prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f'taħlitiet ta' mergħat permanenti, sabiex jitkabbar aktar għalf tal-annimali fuq il-post, tista' titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għalf tal-annimali li jġibu magħhom “spiża” kbira mil-lat ta' karbonju; jemmen li dan jista' jnaqqas ukoll l-ispejjeż relatati mal-għalf tal-annimali għall-bdiewa, u jirriżulta f'ġestjoni aħjar tal-ħamrija, billi jżid iż-żamma tal-ilma tal-ħamrija, u jnaqqas ukoll is-suxxettibilità għall-infestazzjonijiet;

Il-finanzjament

109.  Jappoġġa l-proposti magħmula mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 biex tipprovdi finanzjament maħsub għaż-żieda fl-investiment u biex tippromwovi l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju; iħaddan l-intenzjoni li tintegra l-finanzjament relatat mal-klima tat-total tal-MFF u talloka 20% tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għall-enerġija rinnovabbli u għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jinsisti li din għandha tkun immonitorjata b'mod effettiv; jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jsir użu partikulari minn dan il-finanzjament sabiex jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu l-emissjonijiet sa aktar mill-objettivi eżistenti iżda li m'għandhomx il-kapaċità li jagħmlu l-investimenti meħtieġa;

110.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali fit-tfassil ta' politiki li jiżguraw u jappoġġaw l-investimenti inizjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien u titjieb l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-provvista u t-trasport tal-enerġija;

111.  Ifakkar li l-ispejjeż ekonomiċi fuq żmien fit-tul minħabba nuqqas ta' interventi biex jevitaw it-tibdil fil-klima huma ferm akbar mill-ispejjeż fuq żmien qasir ta' azzjonijiet sodi u deċiżivi meħuda issa;

112.  Jittama li jkunu stabbiliti b'ħeffa objettivi settorjali konkreti u li jistgħu jitkejlu biex jitħeġġu l-investituri privati u tinħoloq klima ta' fiduċja u ta' kooperazzjoni fosthom, waqt li jkun promoss l-aħjar użu tal-fondi Ewropej; jenfasizza li l-enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-użu tal-aħħar teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, jikkonvinċu lill-imsieħba tal-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet hu fattibbli mingħajr ma tintilef il-kompetittività jew jitqiegħed fil-periklu il-ħolqien tal-impjiegi; iqis li hu essenzjali li l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jagħtu l-eżempju billi jwaqqfu sistema ta' investiment f'teknoloġiji ġodda, efficjenti fl-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju; jitlob sabiex ikunu infurzati skemi ta' finanzjament eżistenti ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali, kif ukoll biex immedjatament isiru diskussjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji li jeħtieġ li jiġu utilizzati, u biex jiġu faċilitati sinerġiji aħjar bejn l-iskemi nazzjonali ta' finanzjament u dawk Ewropej; jemmen li skemi ta' finanzjament minn diversi sorsi jistgħu jkunu strumenti effettivi; jenfasizza r-rwol importanti tal-fondi tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni bħala l-istrument ewlieni għall-miżuri ta' kofinanzjament reġjonali li jwasslu għal tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, parti sinifikanti tal-finanzjament għandha tiġi allokata biex jintlaħqu l-objettivi għall-pjan direzzjonali tal-2050;

113.  Jinnota li, minħabba l-prezz baxx tal-karbonju, l-irkant tal-kwoti tal-ETS mhuwiex se jimmobilizza r-riżorsi għal investimenti fil-klima kif mistenni, ifakkar li tal-anqas 50% tad-dħul mill-bejgħ tal-kwoti jrid jiġi investit mill-ġdid f'azzjoni favur il-klima kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmoniterja attivament l-infiq ta' dan id-dħul mill-Istati Membri u ta' kull sena tirrapportah lill-Parlament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu effettiv mid-dħul mill-bejgħ tal-kwoti sabiex jippromwovu r-R&Ż (riċerka u żvilupp) u l-innovazzjoni bil-għan li jiksbu tnaqqis fuq żmien fit-tul fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

114.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, mill-2013, tiġbor informazzjoni dwar l-użu ta' fondi ġejjin mill-bejgħ ta' kwoti tal-ETS, u tippubblika rapport annwali li jqabbel kemm kull Stat Membru jkun uża dawn il-fondi biex jippromwovi l-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u mezzi oħrajn biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jagħtu perċentwali tal-fondi ġejjin mill-bejgħ tal-kwoti biex jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-UE sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni permezz tal-pjan SET jew permezz ta' inizjattivi ekwivalenti;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tikkunsidra sorsi kumplimentari u innovattivi ta' finanzjament, inkluż l-użu potenzjali ta' fondi għall-iżvilupp reġjonali, sabiex tippromwovi aktar l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

117.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġu ttrattati s-sussidji li huma ta' dannu għall-ambjent fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali; jappella għal azzjoni kkoordinata bil-għan li, sal-2020, tidentifika u tneħħi gradwalment is-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent, sabiex tkun ta' sostenn għall-konsolidazzjoni baġitarja u t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, qabel l-aħħar tal-2013, komunikazzjoni li tindika l-mezzi kollha li bihom il-baġit tal-UE jintuża biex jiġi ġġustifikat l-appoġġ finanzjarju, dirett jew permezz tal-Istati Membri, għall-attivitajiet li jmorru kontra l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali tagħha dwar Ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

118.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta favur implimentazzjoni aktar rapida tal-ftehim tal-G-20 dwar it-tneħħija tas-sussidji tal-fjuwils fossili; jenfasizza li, sabiex jinkiseb l-effett mixtieq, l-implimentazzjoni trid tkun ikkoordinata fuq livell internazzjonali;

Miżuri addizzjonali

119.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq qabel tmiem l-2012 proposti ambizzjużi biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan, tal-karbonju iswed u tal-gassijiet fluworinati;

120.  Ifakkar il-potenzjal tal-injam bħala sostitut għal materjali ferm intensivi fil-karbonju, fost l-oħrajn fis-settur tal-bini, u jappella biex titwaqqaf ġerarkija ċara tal-użu ta' injam prodott b'mod sostenibbli, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi dwar il-klima kif ukoll ta' effiċjenza tar-riżorsi; iqis li bijoenerġija sostenibbli tista' tinkiseb mill-iskart, minn xi residwi u mill-prodotti sekondarji industrijali, sakemm ikun hemm biżżejjed salvagwardji kontra t-telf tal-karbonju fil-ħamrija u tal-bijodiversità, kif ukoll l-emissjonijiet indiretti li jirriżultaw mill-ispostament ta' użi oħrajn tal-istess materjal;

121.  Ifakkar li l-kostruzzjoni għandha impatt ekoloġiku kbir minħabba li tikkonsma kwantitajiet kbar ta' riżorsi naturali u ta' enerġija li ma jiġġeddux u hija responsabbli għal emissjonijiet sostanzjali tas-CO2; ifakkar li l-użu tal-materjali li jiġġeddu għall-bini jnaqqas il-konsum tar-riżorsi naturali u l-ħsara ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tqis aħjar in-natura ta' emissjonijiet baxxi u ta' effiċjenza enerġetika tal-materjali tal-bini matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom, u tippromwovi l-użu ta' materjali sostenibbli mil-lat ekoloġiku, li jiġġeddu u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, bħall-injam, fil-bini; ifakkar li l-injam jassorbi l-karbonju waqt li jikber, biex b'hekk ikun materjal newtru mil-lat tal-karbonju;

o
o   o

122.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet
PDF 210kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))
P7_TA(2012)0087RC-B7-0152/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 2, 3, 4, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 26, 45, 49, 56, 67, 83 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva  2000/43/KE tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew l-etniċità(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Frar 2012 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Vivianne Reding dwar is-sit tal-Partit għal-Libertà Olandiż (PVV)(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-bidu ta' Frar 2012, il-PPV nieda hotline fuq l-internet “Meldpunt Midden en Oost Europeanen”, fejn talab lin-nies jirrapportaw ilmenti li joriġinaw mill-“migrazzjoni massiva ta' ħaddiema” ta' “ċittadini mill-Ewropa Ċentrali jew tal-Lvant”, b'mod partikolari ta' Pollakki, Rumeni u Bulgari; billi n-nies qed jiġu mistoqsija, b'mod partikolari, jekk esperjenzawx xi problemi f'termini ta' mġiba antisoċjali u jekk tilfux l-impjiegi tagħhom minħabba wieħed minn dawk iċ-ċittadini;

B.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 21 tat-TFUE, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-TFUE;

C.  billi d-dritt għall-protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità huwa minqux fl-Artikolu 18 tat-TFUE, u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija minquxa fl-Artikolu 10 tat-TFUE;

D.  billi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb huwa minqux fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 11 tiegħu;

E.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE, u fuq ir-rispett inekwivoku għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB;

F.  billi l-Istati Membri għandhom obbligu fil-konfront taċ-ċittadini kollha tal-UE li jiżguraw li ma jiġux iddiskriminati jew stigmatizzati meta jgħixu u jaħdmu madwar l-Ewropa;

G.  billi l-hotline tal-PVV tinċita apertament għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u qed toħloq firdiet bejn komunitajiet fis-soċjetà Olandiża;

H.  billi s-sit tal-PVV jimmina l-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38/KE u l-Artikoli tat-Trattat rilevanti;

I.  billi l-Gvern Olandiż iffirma ftehim ta' appoġġ parlamentari mal-PVV u għalhekk jista' jkollu maġġoranza fil-Parlament Olandiż;

J.  billi sal-lum il-Gvern Olandiż ma kkundannax formalment il-hotline tal-PVV;

K.  billi t-tnedija ta' din il-hotline qajmet dibattitu feroċi fil-Pajjiżi l-Baxxi, u ħafna partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir, intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u mexxejja oħra tal-kumpaniji, mexxejja tas-soċjetà ċivili u ċittadini individwali kkundannaw l-inizjattiva tal-PVV; billi tnedew ħafna kontrainizjattivi, bħal websajt li tirrapporta dwar esperjenzi pożittivi mal-persuni Pollakki;

L.  billi l-ambaxxaturi ta' għaxar pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-Pajjiżi l-Baxxi oġġezzjonaw bis-saħħa għall-websajt, filwaqt li ddijaraw li din tħeġġeġ il-perċezzjoni negattiva ta' grupp partikolari ta' ċittadini tal-UE fi ħdan is-soċjetà Olandiża;

M.  billi skont l-aħħar studji mwettqa mill-Università Erasmus f'Rotterdam(5), il-ħaddiema migranti mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qed jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija Olandiża u għas-suq tax-xogħol Olandiż;

N.  billi l-impenn tal-politika tal-Gvern Olandiż favur l-integrazzjoni Ewropea naqas b'mod sinifikanti matul l-aħħar snin, kif intwera mill-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż kurrenti dwar kwistjonijiet bħat-tkabbir taż-żona ta' Schengen u l-moviment liberu tal-ħaddiema;

O.  billi hemm riskju reali li jiġu mnedija hotlines simili fi Stati Membri oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sit imniedi mill-PVV, billi jmur kontra l-valuri fundamentali Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jista' jeqred il-bażi tal-Unjoni, li hija l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà tal-moviment;

2.  Iqis il-hotline tal-PVV bħala inizjattiva malintenzjonata bl-għan li toħloq firdiet fis-soċjetà u li jinkiseb vantaġġ politiku għad-detriment ta' ħaddiema mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

3.  Jistieden bis-saħħa lill-Prim Ministru Mark Rutte biex, f'isem il-Gvern Olandiż, jikkundanna din l-inizjattiva deplorabbli u jiddistanzja ruħu minnha; jenfasizza, barra minn hekk, l-obbligu tal-gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu d-drittijiet tal-moviment liberu u tan-nondiskriminazzjoni u jitlob, għalhekk, lill-Kunsill Ewropew jikkundanna formalment il-hotline tal-PVV peress li din tagħmel ħsara lil dawk id-drittijiet u hija affront għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Olandiż biex ma jinjorax il-politiki tal-PVV li jmorru kontra l-valuri fundamentali tal-UE;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Olandiżi jinvestigaw jekk din l-inizjattiva rriżultatx fl-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-ħaddiema mill-pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u l-2007 kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-Istati Membri u ma kkaġunawx tfixkil serju fis-swieq tax-xogħol tagħhom, imma taw kontribut sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE;

7.  Jistieden lill-Gvern Olandiż jagħti tweġiba immedjata lill-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni prevista li tista' tikser id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u biex jagħti segwitu għat-talbiet li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iwaqqfu t-tixrid ta' attitudnijiet ksenofobiċi bħal dawk espressi f'din il-websajt u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri kollha;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(2) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(3) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(4) http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/multimedia/news/2012/02/20120211_en.htm
(5) Arbeidsmigranten uit Polen, Roemenie en Bulgarije in Den Haag. Sociale leefsituatie, arbeidpositie en toekomstperspectief, Prof. Godfried Engbersen, Diviżjoni tas-Soċjoloġija, l-Università ta' Rotterdam.


Ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja
PDF 215kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja (2012/2573(RSP))
P7_TA(2012)0088B7-0177/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid minfloku,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2012(1) dwar l-elezzjonijiet presidenzjali imminenti fir-Russja, tal-14 ta' Diċembru 2011(2) dwar l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat, b'mod speċjali l-kritika tiegħu dwar kif saru l-elezzjonijiet tad-Duma, u tas-7 ta' Lulju 2011(3) dwar it-Tħejjijiet għall-Elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Komuni dwar is-Sejbiet Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-5 ta' Marzu 2012 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-4 ta' Marzu 2012 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja tal-4 ta' Marzu 2012 u d-diskorsi tagħha tal-14 ta' Diċembru 2011 fi Strasburgu dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja u tal-1 ta' Frar 2012 fi Brussell dwar is-sitwazzjoni politika fir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE, bħala s-sieħba strateġika u ġara diretta tar-Russja, segwiet b'interess partikolari l-proċess tal-elezzjonijiet u d-dibattitu pubbliku u l-protesti mifruxa li għadhom għaddejjin fir-Russja relatati mal-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat ta' Diċembru 2011 u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-4 ta' Marzu 2012;

B.  billi għad hemm tħassib serju dwar il-progress fil-Federazzjoni Russja fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji demokratiċi, regoli elettorali u proċeduri rikonoxxuti b'mod komuni; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi fit-12 ta' April 2011, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza kontra l-proċeduri kkumplikati ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-istandards elettorali stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSCE; billi l-illimitar tar-reġistrazzjoni tal-partiti u tal-kandidati politiċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu politiku fir-Russja;

D.  billi minkejja inizjattivi limitati meħuda dan l-aħħar biex jittejbu l-liġijiet elettorali, ir-regoli ġenerali għadhom kumplessi wisq u f'xi każijiet iwasslu għal applikazzjoni inkonsistenti tal-bażi legali;

E.   billi l-awtoritajiet Russi ppruvaw itellfu l-krettu tal-NGOs involuti fl-osservazzjoni elettorali u b'mod partikolari ta' Golos, li tkeċċiet mill-uffiċċji prinċipali tagħha f'Moska u kienet suġġetta għal kampanja fil-midja intiża biex tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha u li l-uffiċċji reġjonali tagħha kienu suġġetti għall-investigazzjonijiet tat-taxxa; billi l-midja indipendenti wkoll tqiegħdu taħt pressjoni serja;

F.  billi l-Istqarrija Komuni dwar is-Sejbiet u l-Konklużjonijiet tal-5 ta' Marzu 2012 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tgħid li l-proċess elettorali ma kienx ħieles u ġust, minħabba li kien “ixaqleb ħafna favur kandidat partikolari” minħabba denunzja waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni tal-kandidati potenzjalment kompetituri, kopertura tal-midja inugwali u preġudikat u l-użu tar-riżorsi tal-Istat favur kandidat wieħed;

G.  billi, permezz ta' għadd ta' demostrazzjonijiet li bdew wara l-elezzjonijiet tad-Duma fl-4 ta' Diċembru 2011, il-poplu Russu esprima r-rieda tiegħu għal aktar demokrazija u għal riforma komprensiva tas-sistema elettorali, partikolarment “l hekk imsejħa dimostranti ”taż-żigarelli bojod“;

1.  Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet elettorali fid-dawl tal-konklużjonijiet preliminari tal-tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE; kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' osservazzjoni domestiċi, eż: Golos, Grazhdanin Nabludatel, il-Lega tal-Votanti u r-rappreżentanti tal-partiti politiċi;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment kritiku mar-Russja, b'appoġġ sħiħ tal-aġenda ta' modernizzazzjoni li tkopri djalogu dwar ir-riformi ekonomiċi u politiċi bil-għan li jiġu introdotti u implimentati riformi li jindirizzaw id-defiċjenzi eżistenti;

3.  Jikkritika bil-qawwa n-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet fit-tħejjija u fit-twettiq ta' dawn l-elezzjonijiet, u l-fatt li l-għażla tal-votanti kienet limitata; jisħaq li l-midja tax-xandir Russa ma pprovdietx kopertura bilanċjata tal-kandidati kollha waqt il-kampanja elettorali, li tikser ir-rekwiżiti legali; jilqa' l-involviment ċiviku sinifikanti fil-kampanja, u jitlob li jsiru analiżijiet komprensivi u trasparenti tal-irregolaritajiet kollha u li jiġu introdotti, msaħħa u implimentati r-regoli demokratiċi għal elezzjonijiet ġejjiena; jikkundanna l-arrest ta' għexieren ta' dimostranti madwar ir-Russja waqt protesti;

4.  Jistieden lill-President Medvedev biex isegwi l-kliem bil-fatt u biex jiggarantixxi l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa għas-sistema politika, u jistenna li l-President Russu l-ġdid ikun lest li jmexxihom “il quddiem, fosthom is-simplifikazzjoni meħtieġa ħafna tar-regoli tar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi; jitlob li jkun hemm impenn serju biex jiġu indirizzati wkoll il-problemi tal-libertà tal-midja u tal-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni; itenni r-rieda tal-UE li tikkoopera mar-Russja, inkluż fil-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex ittejjeb ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, li f'dan ir-rigward ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi huwa kwistjoni ewlenija, u l-effikaċja ta' sistema ta' stat ta' dritt indipendenti fir-Russja;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-partiti politiċi Russi rappreżentati fid-Duma tal-Istat biex jinvolvu rwieħhom fi djalogu ta' sustanza mad-dimostranti favur id-demokrazija u mal-oppożizzjoni fl-interessi ta' riforma komprensiva, it-trasparenza u d-demokrazija; jappella lill-President elett Vladimir Putin biex irattab it-ton tar-retorika tiegħu kontra d-dimostranti u jipparteċipa magħhom fi djaloġu sinċier dwar il-ġejjieni tal-pajjiż;

6.  Iħeġġeġ lid-diversi gruppi tal-oppożizzjoni demokratika Russi biex flimkien iħaddnu aktar mill-qrib programm pożittiv ta' riformi politiċi, biex b'hekk iċ-ċittadini Russi jkolhom alternattiva aktar kredibbli;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-President Dmitry Medvedev li jordna lill-Prosekutur Ġenerali jeżamina l-legalità ta' 32 każ kriminali, inkluża s-sentenza ta' ħabs ta' Mikhail Khodorkovsky; jitlob lill-President elett Vladimir Putin jordna eżami simili tal-każ ta' Sergey Magnitsky;

8.  Jinnota l-approvazzjoni inizjali tad-Duma tal-Istat tal-abbozz tal-liġijiet Presidenzjali mmirati lejn tibdiliet komprensivi tas-sistema politika, inkluża simplifikazzjoni tar-regoli tar-reġistrazzjoni tal-partijiet politiċi u l-aċċess tagħhom għall-elezzjonijiet; iħeġġeġ lid-Duma tal-Istat biex fl-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa, tqis l-emendi imressqa b'mod konġunt mill-partiti mhux reġistrati; jistenna lin-naħat kollha jieħdu l-opportunità qabel l-inawgurazzjoni tal-President elett biex jiddeċiedu dwar pakkett ta' riformi komprensivi inklużi tibdiliet tal-liġi elettorali; jesprimi x-xewqa kbira tiegħu li jara riżultati tajba u implimentazzjoni sħiħa tal-proposti ta' riforma kollha li qed jiġu diskussi fil-grupp ta' ħidma Medvedev; jinsab konvint li liġi elettorali ġdida u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi fl-oppożizzjoni għandhom jipprovdu bażi għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fid-Duma tal-Istat;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0054.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0575.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0335.


Kazakistan
PDF 233kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-Kazakistan (2012/2553(RSP))
P7_TA(2012)0089RC-B7-0135/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali stipulata fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-KE u l-Kazakistan li daħal fis-seħħ fl-1999, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu (Taqsima dwar il-Prinċipji Ġenerali),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta' Ġunju 2007, u r-rapporti ta' progress tagħha tal-24 ta' Ġunju 2008 u t-28 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Mejju 2011 dwar il-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-Kazakistan fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tat-3 ta' Novembru, tat-22 ta' Diċembru 2011, u tad-19 ta' Jannar, is-26 ta' Jannar u d-9 ta' Frar 2012, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-UE Catherine Ashton tas-17 ta' Diċembru 2011 dwar dak li seħħ fid-distrett ta' Zhanaozen u tas-17 ta' Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012 fil-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012, immexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-midja fil-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE tal-1 ta' Frar 2012 dwar it-trażżin tal-oppożizzjoni fil-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 23 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kemm l-UE kif ukoll il-Kazakhstan jistgħu jgawdu benefiċċji importanti jekk jikkooperaw aktar mill-qrib, u l-Parlament jappoġġa dan l-objettiv filwaqt li jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika trid tmur id f'id mal-kooperazzjoni politika u trid tkun ibbażata fuq ir-rieda politika li jiġu implimenti u mħaddna valuri komuni, meta jitqies ir-rwol ċentrali tal-Kazakhstan fl-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Ażja Ċentrali u l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun;

B.  billi n-negozjati dwar ftehim imsaħħaħ bejn l-UE u l-Kazakistan, li għandu jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li qiegħed fis-seħħ attwalment, tnedew f'Ġunju 2011;

C.  billi fis-17 ta' Frar 2012 il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet bl-għan li titjieb il-bażi legali għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura;

D.  billi fis-16 ta' Diċembru 2011 għadd kbir ta' nies inqatlu u ħafna oħra kienu feruti fil-ġlied fil-belt ta' Zhanaozen fil-Punent tal-Kazakhstan, fejn aktar minn 3000 ruħ inġabru paċifikament fil-pjazza ewlenija b'appoġġ għat-talbiet tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt li ilhom fuq strajk minn Mejju għal salarji ogħla u kundizzjonijiet aħjar u d-dritt li jagħżlu r-rappreżentanti tal-junjin tagħhom;

E.  billi l-awtoritajiet irrapportaw li 17-il persuna mietu wara li, skont rapporti indipendenti u xhieda, il-pulizija ta' kontra l-irvellijiet attakkaw lid-dimostranti, fetħu n-nar fuq iċ-ċivili inklużi persuni mhux armati li kienu qed jistrajkjaw, flimkien mal-qraba tagħhom; billi wara l-ġlied l-awtoritajiet tal-Kazakistan iddikjaraw stat ta' emerġenza, u pprojbixxew l-aċċess tal-ġurnalisti u tal-osservaturi indipendenti għal Zhanaozen; billi l-istat ta' emerġenza finalment ġie mitmum fil-31 ta' Jannar 2012, iżda xi xhieda qalu li l-għadd ta' persuni maqtula aktarx li hu ħafna ikbar; billi l-awtoritajiet reġjonali wiegħdu li jagħtu appoġġ finanzjarju lill-familji tal-vittmi li mietu f'dawn l-avvenimenti;

F.  billi l-istampa ta' dak li fil-fatt ġara f'Zhanaozen fis-16 ta' Diċembru 2011 għadha mhix ċara; billi l-linji ta' komunikazzjoni inizjalment inqatgħu mill-awtoritajiet u l-aċċess għall-belt imbagħad baqa' kkontrollat taħt stat ta' emerġenza li dam għaddej sal-31 ta' Jannar 2012; billi l-intimidazzjoni u l-attakki vjolenti kontra l-midja indipendenti, flimkien ma' klima ta' biża' fost iċ-ċittadini, qed ikomplu jxekklu l-iżvilupp ta' aktar ċarezza; billi b'reazzjoni għall-avvenimenti f'Zhanazoen f'Diċembru 2011, l-awtoritajiet tal-Kazakistan żiedu ċ-ċensura tal-internet fil-pajjiż u attwalment qegħdin iwettqu spezzjoni deep packet tat-traffiku kollu tal-internet;

G.  billi madwar 43 persuna ġew arrestati sa minn Diċembru 2012 u qed jiffaċċaw akkużi li jinvolvu sentenzi ta' sa sitt snin priġunerija, fosthom mexxejja prominenti u attivisti mill-istrajk tal-ħaddiema taż-żejt, inkludi Talat Saktaganov, Roza Tuletaeva u Natalya Azhigalieva; billi numru ta' żgħażagħ akkużati b'attivitajiet Iżlamisti ġew arrestati fil-belt ta' Uralsk fit-3 ta' Frar 2012 fuq suspett li qed jorganizzaw diżordni tal-massa f'Zhanaozen;

H.  billi l-President tal-Kazakistan sejjaħ għal investigazzjoni sħiħa tal-avvenimenti, billi waqqaf kummissjoni tal-gvern immexxija mill-Ewwel Viċi Prim Ministru u stieden esperti internazzjonali, fosthom min-NU, biex jipparteċipaw fil-proċess ta' investigazzjoni; billi bosta uffiċjali tal-pulizija qegħdin jiġu investigati minħabba użu mhux xieraq ta' armi tan-nar, għalkemm s'issa l-ebda wieħed minnhom ma ġie akkużat;

I.  billi hemm diversi rapporti li d-detenuti ġew ittorturati u maltrattati; billi investigazzjoni kredibbli, segwita minn azzjoni legali xierqa, hija meħtieġa wkoll b'rabta ma' dan;

J.  billi l-elezzjonijiet ġenerali li saru fis-15 ta' Jannar 2012 kienu meqjusa mill-OSKE li ma kinux konformi mal-istandards tagħha, minħabba ħafna irregolaritajiet fil-votazzjoni kif ukoll l-użu ta' riżorsi u slogans tal-istat biex isaħħu l-popolarità tal-partit fil-gvern, li ma pprovdiex il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' elezzjonijiet genwinament pluralistiċi, għalkemm hu meqjus li din id-darba l-elezzjonijiet kienu amministrati sew fil-livell tekniku;

K.  billi fis-6 ta' Jannar 2012 il-President tal-Kazakistan iffirma l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li ssaħħaħ l-awtorità tas-servizzi tas-sigurtà u tafferma li persuni meqjusa li qed jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiz fuq livell dinji jistgħu jitqiesu “distruttivi” u se jkollhom jiffaċċaw il-konsegwenzi;

L.  billi f'dawn l-aħħar ftit xhur is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan iddeterjorat, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE u f'dikjarazzjonijiet reċenti tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja u tad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE;

M.  billi f'Settembru 2011 l-awtoritajiet adottaw liġi dwar ir-reliġjon li tobbliga lill-gruppi reliġjużi kollha li jerġgħu jirreġistraw, u tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jipprojbixxu ċittadini tal-Kazakistan milli jipprattikaw il-fidi tagħhom liberament; billi, barra minn dan, liġijiet adottati riċentement dwar il-midja tal-massa u s-sigurtà nazzjonali kollha jinkludu dispożizzjonijiet li jsaħħu l-elementi mhux liberali tas-sistema politika tal-Kazakistan u jikkontradixxu ambizzjonijiet dikjarati ta' demokratizzazzjoni;

N.  billi fit-8 ta' Awwissu 2011, il-Qorti tal-Belt ta' Aktau sabet lil Natalia Sokolova, l-avukat tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt, ħatja li “inċitat id-diskordanza soċjali” u li “ħadet sehem attiv f'laqgħat illegali” u ngħatat sentenza ta' sitt snin ħabs;

O.  billi fl-istennija li ttejjeb l-immaġni tagħha ta' pajjiż rispettabbli f'livell internazzjonali, il-Kazakistan ħa r-rwol ta' Chair tal-OSKE fl-2010, u impenja ruħu għal sensiela ta' riformi demokratiċi u li jirrispetta l-prinċipji bażiċi ta' dik l-organizzazzjoni;

P.  billi tul dawn l-aħħar xahrejn, il-partiti tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet Alga, Azat u l-Moviment Soċjalista tal-Kazakistan, midja indipendenti inklużi l-ġurnali Vzglyad, Golos Republik u Respublika u l-istazzjon televiżiv bis-satellita STAN TV, u trejdjunjins indipendenti inkluża l-junjin Zhanartu u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili kienu fil-mira ta' repressjoni intensifikata, filwaqt li ġew detenuti, inter alia, il-mexxej tal-partit Alga Vladimir Kozlov u l-editur kap tal-ġurnal Vzgyad, Igor Vinyavski; billi fit-28 ta' Jannar 2012 madwar 1000 persuna f'Almaty ħadu sehem fi protesta mhux awtorizzata kontra r-repressjoni, u talbu lill-awtoritajiet biex itemmu l-persekuzzjoni politika;

Q.  billi l-partiti tal-oppożizzjoni ddikjaraw pjanijiet għal protesta fl-24 ta' Marzu 2012 f'Almaty sabiex jikkommemoraw il-100 jum mill-massakru ta' Zhanaozen;

R.  billi l-fatt li s-Sur Kozlov ġie arrestat u nżamm incommunicado ftit wara li rritorna mil-laqgħat tiegħu mal-Parlament Ewropew u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jagħti lill-UE raġuni addizzjonali ta' tħassib, u jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tal-ħila tal-istituzzjonijiet tagħna li jmexxu djalogi ma' firxa wiesgħa ta' atturi fil-pajjiżi sħab tal-UE mingħajr ma dan ikollu konsegwenzi negattivi għall-interlokuturi tagħna;

1.  Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika u ekonomika, li tinkludi oqsma strateġiċi bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, l-enerġija, il-kummerċ u t-trasport kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi; jenfasizza li s-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn kooperazzjoni ikbar, laqgħat ta' livell għoli frekwenti u l-bidu tan-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu kif ukoll il-kondoljanzi tiegħu fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew fis-16 ta' Diċembru 2011 fid-distrett ta' Zhanaozen tal-Kazakistan, fejn 17-il persuna tilfu ħajjithom u 110 oħra ndarbu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa t-trażżin vjolenti min-naħa tal-forzi tal-pulizija ta' dimostranti f'Zhanaozen, u jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u kredibbli tal-ġrajjiet, b'komponent internazzjonali;

4.  Jistqarr l-intenzjoni tiegħu li jibqa' jmexxi djalogi mal-atturi tas-soċjetà ċivili, bħala parti mir-relazzjonijiet tiegħu mal-Kazakistan, u skont il-prattiki tar-relazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi terzi oħra; jistenna rispett lejn dawn id-djalogi, u jenfasizza li mhux insensittiv għall-benessri tal-interlokuturi tiegħu;

5.  Jemmen li l-ġestjoni ħażina tat-tilwima tal-ħaddiema fis-settur taż-żejt fil-Punent tal-Kazakistan kienet il-kawża ewlenija tal-iskuntentizza popolari dejjem tikber qabel l-avvenimenti ta' nofs Diċembru 2011; jinsab konvint li r-rikonoxximent, kemm bil-kliem kif ukoll bil-fatti, tad-dritt tal-ħaddiema li jorganizzaw djalogu b'rispett reċiproku bejn ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins, min iħaddem u l-awtoritajiet, l-impjegar mill-ġdid ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja jew impjiegi ġodda għalihom, l-appoġġ għall-familji li qed ibatu ħafna minħabba l-konsegwenzi tal-avvenimenti reċenti u l-bini tal-fiduċja fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huma fundamentali biex jinkisbu l-paċi soċjali u stabbiltà sostenibbli;

6.  Jistieden lis-SEAE jsegwi mill-qrib il-proċess ta' dawk akkużati li organizzaw id-dimostrazzjonijiet, u jirrapporta lura lill-Parlament;

7.  Jilqa' l-ħelsien riċenti tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Evgeny Zhovtis, direttur tal-Bureau Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt tal-Kazakistan u tal-ġurnalist ta' “Vremya” Tokhniyaz Kuchukov, li ngħataw amnestija b'deċiżjoni tal-qorti fit-2 ta' Frar 2012 wara li kienu ġew ikkundannati għal erba' snin f'kamp tax-xogħol f'Settembru 2009;

8.  Jiddispjaċih li jeżistu ftit wisq eċċezzjonijiet għax-xejra negattiva fl-iżviluppi relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan li ilha għaddejja tul ta' żmien konsiderevoli u dan l-aħħar ġiet rinfurzata, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jipprovdu assigurazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-familji ta' attivisti arrestati;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan biex jagħmlu kull sforz biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżhom; jissottolinja li progress fin-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid u mtejjeb bejn l-UE u l-Kazakistan għandu jiddependi mill-progress tar-riformi politiċi; iħeġġeġ lill-Kazakistan iżomm l-impenn mistqarr tiegħu favur riformi ulterjuri, sabiex tinbena soċjetà miftuħa u demokratika li tkun tinkludi oppożizzjoni u soċjetà ċivili indipendenti, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

10.  Itenni li aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u aċċess inċensurat għall-internet (libertajiet diġitali) huma drittijiet universali u huma indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem bħall-espressjoni ħielsa u l-aċċess għall-informazzjoni, kif ukoll biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika;

11.  Jilqa' t-tibdil legali ta' dawn l-aħħar xhur bl-għan li jkabbru l-firmxa ta' partiti li jistgħu jippreżentaw kandidati parlamentari; jinnota li sa mill-aħħar elezzjonijiet leġiżlattivi, tliet partiti ġew rappreżentati fil-parlament il-ġdid; jiddispjaċih għall-fatt li għadd ta' partiti tal-oppożizzjoni mhux qed jitħallew jirreġistraw, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwettqu r-riformi ulterjuri meħtieġa biex ikunu żgurati elezzjonijiet ġenwinament pluralistiċi u sabiex ikunu appoġġati l-funzjonament tal-midja indipendenti u l-attivitajiet tal-NGOs;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jindirizzaw is-sejbiet tal-ODHIR tal-OSKE bħala kwistjoni ta' prijorità ħalli l-oppożizzjoni tal-pajjiż tkun tista' tieħu l-irwol li jistħoqqilha f'soċjetà demokratika, u jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-elezzjonijiet; jistieden lill-SEAE jappoġġa l-Kazakistan fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet;

13.  Jieħu nota tal-pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Kazakistan fid-WTO, li se tgħin sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat, u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ, u tibgħat messaġġ ta' kooperazzjoni u ftuħ; jenfasizza li bl-adeżjoni, il-kazakistan għandu l-obbligu li jikkonforma mar-regoli kollha tad-WTO, fosthom li jelimina miżuri protezzjonisti;

14.  Jesprimi r-rabja tiegħu dwar il-fatt li mexxejja tal-oppożizzjoni u ġurnalisti ilhom miżmuma l-ħabs sa minn Jannar 2012, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwaqqfu t-trażżin tal-oppożizzjoni u tal-midja indipendenti fil-pajjiż, u jeħilsu lill-persuni kollha li ntbagħtu l-ħabs għal raġunijiet politiċi, inkluż il-mexxej tal-partit Alga, Vladimir Kozlov u l-editur kap tal-gazzetta Vzglyad, Igor Vinyavskiy, kif ukoll il-persuni kollha msemmija f'dikjarazzjonijiet reċenti tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE li għadhom detenuti; jitlob li s-Sur Kozlov jingħata aċċess għall-familja immedjata tiegħu, inkluża martu, u għal valutazzjoni indipendenti tal-kundizzjoni medika tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' Natalya Sokolova, avukat tat-trejdjunjins tal-kumpanija taż-żejt Karazhanbasmunai, li kienet ingħatat sentenza ta' sitt snin ħabs, u li issa tnaqqset għal sentenza proviżorja ta' tliet snin; jiddispjaċih, madankollu, li skont is-sentenza tal-Qorti Suprema, is-Sra Sokolova xorta waħda għadha pprojbita li tipparteċipa f'attivitajiet trejdjunjonistiċi waqt il-perjodu ta' libertà proviżorja.

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan itejbu fis ir-rispett għal-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tar-reliġjon, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rappreżentanti u tal-korpi tal-OSKE, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-impenji internazzjonali meħuda mill-Kazakistan, kif ukoll lill-wegħdiet li saru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex il-Kazakistan jingħata l-Presidenza tal-OSKE fl-2010; jiġbed l-attenzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem imħejji sew li ġie adottat fl-2009, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jimplimentawh bis-sħiħ;

16.  Jinsab konvint li l-awtoritajiet u s-soċjetà tal-Kazakistan jibbenefikaw bil-kbir jekk tittieħed azzjoni bħal din, anke f'termini ta' stabbiltà u sigurtà u ritorn l-iżvilupp stabbli ta' qabel fil-pożizzjoni internazzjonali tal-pajjiż;

17.  Jenfasizza l-parteċipazzjoni sa minn Jannar 2012 tar-rappreżentanti uffiċjali tal-Kazakistan waqt laqgħat miftuħa u kostruttivi ma' Membri Parlamentari Ewropej fil-Parlament Ewropew, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' NGOs, fejn urew li huma disposti għal investigazzjonijiet dwar l-avvenimenti ma' komponent internazzjonali, u wegħdu informazzjoni dwar l-arresti tax-xhur li għaddew; jistenna li dawn id-dikjarazzjonijiet se jiġu segwiti b'azzjonijiet konkreti;

18.  Jenfasizza l-importanza ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-Kazakistan fejn il-kwistjonijiet kollha jistgħu jiġu indirizzati b'mod miftuħ; jitlob li jissaħħu dawn id-djalogi sabiex isiru iktar effettivi u orjentati lejn il-kisba tar-riżultati u sabiex jiġi permess l-involviment ta' atturi tas-soċjetà ċivili;

19.  Jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tissorvelja l-iżviluppi mill-qrib, tqajjem il-kwistjonijiet kollha li joħolqu tħassib mal-awtoritajiet tal-Kazakistan, toffri assistenza u tirrapporta regolarment lill-Parlament;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Kazakistan u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0588.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0058.


Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
PDF 233kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))
P7_TA(2012)0090RC-B7-0131/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Ashton tas-26 ta' Diċembru 2011 dwar l-attakki bil-bombi f'Jum il-Milied, u tat-22 ta' Jannar 2012 dwar l-attakki bil-bombi f'Kano, in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2011 dwar l-attakki fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa Ministerjali Niġerja-UE tat-8 ta' Frar 2012 b'Abuja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem E/CN.4/RES/2005/69 li titlob lis-“Segretarju Ġenerali jaħtar rappreżentant speċjali dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra ta' kummerċ”,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-UNEP biex tiġi stabbilita Awtorità għar-Restawr tal-Ambjent f'Ogoniland,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jinsab ixxukkjat bl-aħħar mewġa ta' attakki permezz ta' armi tan-nar u bombi mis-setta Iżlamista Boko Haram, li qatlet tal-anqas 185 persuna f'Kano fl-20 ta' Jannar 2012, u li fil-biċċa l-kbira kienu indirizzati kontra l-pulizija; billi Boko Haram wissiet lir-residenti ta' Kano, f'fuljett imqassam madwar il-belt matul il-lejl, li l-attakki tagħhom kontra s-servizzi ta' sigurtà se jitkomplu u ħeġġet il-perseveranza waqt li l-grupp jiġġieled sabiex tiġi stabbilita “Sistema Iżlamika”;

B.  billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw l-involviment tal-grupp Iżlamist Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes u banek, kif ukoll f'attakk suwiċida bil-bombi fis-sede tan-NU, li ħalla 24 persuna mejta u iktar minn 100 persuna oħra midruba;

C.  billi, b'reazzjoni għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-militar Niġerjani wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' numru sostanzjali ta' membri suspettati tal-grupp;

D.  billi Boko Haram kellha fil-mira l-Kristjani, b'mod partikolari f'Jum il-Milied, meta nqatlu għexieren ta' persuni f'għadd ta' attakki bil-bombi, li l-agħar fosthom qatel 44 ruħ barra knisja Katolika ħdejn il-belt kapitali ta' Abuja; u billi Boko Haram ħalfet li se tibda gwerra reliġjuża fuq il-Kristjani u tkeċċihom mit-Tramuntana tal-pajjiż fejn il-maġġoranza hija Musulmana;

E.  billi fit-3 ta' Jannar 2012, Boko Haram tat ultimatum u tat lill-Kristjani fit-Tramuntana tan-Niġerja tlett ijiem biex jitilqu; billi mill-anqas 8 Kristjani li kienu qed jattendu servizz ta' talb f'Gombe inqatlu fil-5 ta' Jannar 2012 u 20 Kristjani inqatlu matul servizz funebri fis-6 ta' Jannar 2012 f'Mubi;

F.  billi fis-26 ta' Frar 2012, żewġ suwiċidi bil-bombi mill-grupp ta' Boko Haram splodew splossivi mqiegħda f'karozza quddiem knisja fil-belt ta' Jos u qatlu tliet persuni u darbu 38; u billi fil-21 ta' Frar 2012, estremisti splodew bomba barra knisja fil-belt ta' Suleja u darbu ħames persuni;

G.  billi fl-4 ta' Marzu 2012, Boko Haram iddikjarat li se tagħmel serje ta' attakki kkoordinati sabiex teqred il-komunità Kristjana sħiħa li qed tgħix fil-partijiet tat-Tramuntana tal-pajjiż;

H.  billi l-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin, il-kuxjenza u l-ħsieb huma valuri fundamentali u universali u huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi l-Unjoni Ewropea esprimiet b'mod ripetut l-impenn tagħha għal-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin, il-kuxjenza u l-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet fid-dinja kollha;

I.  billi l-Boko Haram qed tingħata l-ħtija tal-mewt ta' aktar minn 900 ruħ f'madwar 160 attakk separat minn Lulju 2009; billi, skont diversi rapport riċenti, hemm konnessjoni possibbli bejn Boko Haram u AQMI (Al-Qaida fil-Maghreb Iżlamiku) u din tista' tikkostitwixxi theddida serja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun ta' Saħel u fl-Afrika tal-Punent;

J.  billi b'reazzjoni għaż-żieda f'daqqa fil-vjolenza, il-President Goodluck Jonathan iddikjara stat ta' emerġenza f'bosta stati fil-31 ta' Diċembru 2011 u għalaq temporanjament il-fruntieri maċ-Ċad, il-Kamerun u n-Niġer; billi l-President ammetta li Boko Haram infiltrat l-istituzzjonijiet tal-istat u l-forzi ta' sigurtà filwaqt li uffiċjali korrotta allegatament ipprovdew lil Boko Haram bl-armi;

K.  billi l-problemi fin-Niġerja ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjoni ssib l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, li qed jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u tal-ilsien Hausa;

L.  billi r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess għall-ġustizzja u t-tmiem tal-impunità, kif ukoll l-aċċess ġust għar-riżorsi, u r-ridistribuzzjoni tad-dħul f'pajjiż għani biż-żejt kif inhi n-Niġerja;

M.  billi, għalkemm in-Niġerja huwa t-tmien l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-148 miljun abitant tagħha jgħixu fil-faqar;

N.  billi l-Gvern Niġerjan jonfoq madwar $8 biljun fis-sena f'sussidji tal-fjuwil; billi f'pajjiżi mogħnija b'riżorsi u b'differenzi kbar bejn is-sinjuri u l-foqra bħalma hi n-Niġerja, il-gass issussidjat huwa wieħed mill-ftit benefiċċji li jitħalla għaddej minn gvernijiet magħrufa għall-korruzzjoni li jġestixxu ħażin il-profitti li jirriżultaw miż-żejt;

O.  billi fil-bidu ta' din is-sena, il-protesti pubbliċi vjolenti u l-istrajk ġenerali ta' ġimgħa, ġiegħlu lill-President Goodluck Jonathan jerġa' jistabbilixxi b'mod parzjali s-sussidju tal-fjuwil; billi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, jargumentaw li s-sussidji jistgħu jintużaw aħjar għall-finanzjament tal-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u servizzi oħrajn;

P.  billi l-ġestjoni ħażina u l-użu ħażin tar-riżorsi naturali vasti tal-pajjiż – prinċipalment iż-żejt – min-naħa tal-grupp elit fit-tmexxija għadhom għaddejjin bl-istess ritmu; billi, barra minn hekk, tixrid ta' żejt wieħed wara l-ieħor minn operazzjonijiet taż-żejt multinazzjonali, sabotaġġ tal-pipelines, serq taż-żejt mhux raffinat u prattika mifruxa ta' ħruq ta' gass wasslu għal tniġġiż qawwi tad-Delta tan-Niġer; billi skont rapport tan-NU, ir-restawr tal-ambjent ta' Ogoniland, reġjun taż-żejt tan-Niġerja, jaf ikun l-eżerċizzju l-iktar wiesa' u fit-tul ta' tindif miż-żejt tad-dinja, jekk l-ilma tax-xorb, l-art, il-qaliet u ekosistemi kkontaminati oħrajn kellhom jitreġġgħu lura għas-saħħa kompleta tagħhom;

Q.  billi, il-Ministru għall-Affarijiet tan-Nisa u l-Iżvilupp Soċjali, Hajia Zainab Maina, tkellmet kontra l-frekwenza għolja ta' stupru u vjolenza sesswali kontra n-nisa fil-pajjiż u ddikjarat li sabiex jiġi indirizzat dan l-iżvilupp preokkupanti, jeħtieġ li l-abbozz ta' liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi;

R.  billi skont il-kodiċi kriminali federali tan-Niġerja, l-imġiba omosesswali timplika sentenza sa 14-il sena ħabs; billi f'ċerti stati fejn tiġi implimentata l-liġi tax-xarija, il-piena għall-imġiba omosesswali konsenswali bejn l-irġiel hija l-mewt filwaqt li fil-każ tan-nisa, hi ta' swat bil-frosta u sentenzi ta' sitt xhur ħabs; billi reċentement ġiet ukoll introdotta leġiżlazzjoni federali li tikkriminalizza unjonijiet bejn l-istess sess, li tagħtihom sentenzi ta' massimu ta' 14-il sena ħabs; billi l-Assemblea Nazzjonali f'żewġ okkażjonijiet ippruvat tintroduċi tali leġiżlazzjoni iżda ġiet imwaqqfa milli tagħmel dan minn attivisti internazzjonali u domestiċi tad-drittijiet tal-bniedem;

S.  billi Osmond Ugwu u Raphael Elobuike, attivisti favur il-ħaddiema u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Niġerjani, qed jinżammu fil-Ħabs Federali ta' Enugu fix-Xlokk tan-Niġerja fuq akkużi ta' attentat ta' qtil ta' pulizija wara li ġew arrestati waqt dimostrazzjoni tal-ħaddiema fl-24 ta' Ottubru 2011; billi skont Amnesty International u Human Rights Watch, ma hemm l-ebda provi fil-każ ta' prosekuzzjoni kontrihom;

T.  billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja; billi, fit-12 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-KE u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;

U.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

1.  Jikkundanna bis-sħiħ il-vjolenza reċenti – b'mod partikolari l-attakki terroristiċi mwettqa mis-setta Iżlamista Boko Haram – u t-telf traġiku ta' ħajja fir-reġjuni milquta tan-Niġerja, u jestendi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji ta' dawk li mietu u lill-persuni midruba;

2.  Iħeġġeġ lill-komunitajiet kollha joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;

3.  Iħeġġeġ lill-gvern tan-Niġerja biex itemm il-vjolenza mill-aktar fis possibbli, u jiggarantixxi s-sigurtà u l-protezzjoni tal-populazzjoni tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jistieden lill-President tan-Niġerja jinkoraġġixxi d-djalogu interreliġjuż u bejn konvinzjonijiet differenti u jżid il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

6.  Jistieden lill-Gvern Federali jwettaq investigazzjoni tal-kawżi tal-vjolenza l-aktar reċenti kif ukoll jiżgura li dawk li wettqu atti ta' vjolenza jingħataw f'idejn il-ġustizzja; jistieden, b'mod partikolari, lill-Gvern Federali jieħdu azzjoni ħarxa kontra Boko Haram li qed tkompli tissaħħaħ billi tisfrutta t-tensjoni reliġjuża profonda fin-Niġerja;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali għall-iffaċċjar tat-theddida kkawżata minħabba konnessjoni possibbli bejn Boko Haram u AQMI; jinkoraġġixxi l-pajjiżi fir-reġjun isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż permezz l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, sabiex jiġu pprevenuti s-sinerġiji bejn Boko Haram u AQMI; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-isforzi reġjonali;

8.  Jikkundanna bis-saħħa l-qtil taċ-ċittadin Brittaniku Chris McManus u taċ-ċittadin Taljan Franco Lamolinara – żewġ inġiniera li kienu jaħdmu għal kumpanija ta' kostruzzjoni Taljana u li kienu qed jinżammu bħala ostaġġi mill-AQMI għal 10 xhur fit-Tramuntana tan-Niġerja – matul attentat ta' ħelsin li falla fit-8 ta' Marzu 2012, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

9.  Jitlob eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' dan il-kunflitt inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, u li jiġu evitati spjegazzjonijiet wesgħin u superfiċjali bbażati fuq ir-reliġjon biss li mhux se jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni fit-tul u dewwiema għall-problemi tar-reġjun;

10.  Jistieden lill-Gvern Federali jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' din il-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u billi jindirizza l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar;

11.  Jistieden lill-Gvern Federali jiġġieled il-korruzzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza u jħabrek bie jagħmel riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex joħloq stat demokratiku, stabbli, sikur u ħieles li jqis id-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jappella lill-awtoritajiet jindirizzaw l-ilmenti ġenwini taċ-ċittadini li jgħixu f'żoni fit-Tramuntana tal-pajjiż li huma ħafna iktar foqra minn xi stati iktar għonja fin-Nofsinhar u jipprijoritizzaw it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien ħżiena tagħhom, filwaqt li ma jinsewx stati oħra bi problemi simili fin-Nofsinhar;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-kumpaniji barranin attivi fis-settur taż-żejt tan-Niġerja jgħinu t-tisħiħ tal-governanza billi jżidu t-trasparenza u r-responsabilità fis-settur tal-estrazzjoni, u jistieden lill-kumpaniji jimxu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji tal-Estrazzjoni u jippubblikaw dak li jħallsu lill-Gvern Niġerjan.

14.  Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet Niġerjani u l-kumpaniji multinazzjonali taż-żejt jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu l-kontaminazzjoni li għaddejja bħalissa, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi indirizzata l-ħsara ambjentali li rriżultat mit-tniġġiż taż-żejt;

15.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Niġerjani jiżguraw li l-abbozz ta' liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi u jemmen li din se tkun strumentali biex titnaqqas ir-rata għolja ta' vjolenza sesswali u ta' atti oħra ta' vjolenza kontra n-nisa;

16.  Jitlob l-abolizzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li tikkriminalizza l-omosesswalità, li f'ċerti każijiet tagħmilha punibbli bit-tħaġġir; jitlob lill-Parlament Niġerjan jirrifjuta l-“Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess”, li, jekk ikun approvat, iqiegħed lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani u kemm barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest;

17.  Jistieden lill-gvern jeħles lill-mexxej tal-union favur il-ħaddiema Osmond Ugwu u lill-membru tal-istess organizzazzjoni Raphael Elobuike minħabba nuqqas ta' evidenza fil-każ ta' prosekuzzjoni kontrihom;

18.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rispett sħiħ u effettiv tad-dritt għal-libertà reliġjuża għall-minoranzi reliġjużi f'għadd ta' pajjiż terzi; f'dan il-kuntest jenfasizza li l-libertà tal-qima hija aspett wieħed biss tad-dritt għal-libertà reliġjuża, peress li din tal-aħħar tinkludi l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon tiegħu u li jimmanifesta u jxerred ir-reliġjon tiegħu fit-tagħlim, il-prattika u l-osservanza fuq livell individwali, kollettiv, privat, pubbliku u istituzzjonali; f'dan il-kuntest huwa jenfasizza li l-element pubbliku huwa essenzjali għal-libertà reliġjuża, u li l-Kristjani u oħrajn jiġu mċaħħda milli esprimu t-twemmin tagħhom pubblikament, filwaqt li r-reliġjon tagħhom tiġi limitata għal fenomenu privat jikser b'mod serju d-dritt tagħhom għal-libertà reliġjuża;

19.  Jenfasizza li għad hemm ostakoli f'diversi partijiet tad-dinja li jimpedixxxu l-manifestazzjoni tar-reliġjon jew it-twemmin u jistieden lir-Rappreżentant Għoli Ashton u lill-Kummissjoni jinsistu dwar kwistjonijiet bħal dawn fil-kuntest tal-inizjattivi rilevanti tagħha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, li hija responsabbli għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex tieħu miżuri fin-Niġerja li jikkombinaw id-diplomazija mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u biex f'dak il-kuntest tindirizza kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-non-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, kif imħaddna fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).


Is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma
PDF 297kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma li se jseħħ f'Marsilja mit-12 sas-17 ta' Marzu 2012 (2012/2552(RSP))
P7_TA(2012)0091B7-0130/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma li se jseħħ f'Marsilja mit-12 sas-17 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali tal-ewwel ħames Fora Dinjija dwar l-Ilma, li saru f'Marrakesh (1997), f'The Hague (2000), fi Kjoto (2003), fil-Belt tal-Messiku (2006) u f'Istanbul (2009),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/292 tat-28 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għal kundizzjonijiet sanitarji u r-riżoluzzjoni 15/9 tat-30 ta' Settembru 2010 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u għal kundizzjonijiet sanitarji,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li stipulat l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju bħala objettivi stabbiliti konġuntament mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar u li pprevediet li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni mingħajr aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għal infrastruttura sanitarja bażika,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp tar-Riżorsi tal-Ilma fid-Dinja bit-titolu “L-ilma f'Dinja li qed tinbidel”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar it-tniġġis tal-ilma adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE f'Budapest (16-18 ta' Mejju 2011),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ilma(1) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoniet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar l-ilma fid-dawl tal-Ħames Forum Dinji dwar l-Ilma f'Istanbul mis-16 sat-22 ta' Marzu 2009(3) u tal-15 ta' Marzu 2006 dwar ir-Raba' Forum Dinji dwar l-Ilma f'Belt il-Messiku (16-22 ta' Marzu 2006)(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma f'Marsilja, bejn it-12 u s-17 ta' Marzu 2012 (O-000013/2012 – B7-0101/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa m'għandhiex strutturi sanitarji, “il fuq minn 800 miljun ruħ għadhom jużaw sorsi mhux sikuri tal-ilma tax-xorb, u billi l-aċċess inadegwat għall-ilma sikur u għas-servizzi tas-sanità u l-prattiki ħżiena ta' iġjene jikkawżaw il-mewt ta' aktar minn 2,5 miljun tifel u tifla kull sena,

B.  billi l-ġestjoni tal-ilma għandha impatt dirett fuq is-saħħa tal-bniedem, il-produzzjoni tal-enerġija, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, u l-ġestjoni effikaċi tal-ilma hija prekundizzjoni fundamentali għat-tnaqqis tal-faqar;

C.  billi d-deforestazzjoni, l-urbanizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tniġġis bijoloġiku u kimiku u t-tibdil fil-klima qed jagħmlu pressjoni ġdida u intensifikata fuq id-disponibilità u l-kwalità ta' sorsi tal-ilma tajbin u sikuri, kif ukoll jikkawżaw riskji akbar ta' eventi estremi relatati mal-ilma, u l-popolazzjonijiet foqra huma l-aktar vulnerabbli għal dawn ix-xejriet, kif ukoll l-anqas kapaċi li jadattaw għalihom;

D.  billi ġeografikament l-ilma huwa mqassam b'mod ferm inugwali u sikwit ikun immaniġġjat l-aħjar permezz ta' approċċ ta' “governanza f'diversi livelli” li jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

E.  billi, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Raba' u l-Ħames Fora Dinjin dwar l-Ilma, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-awtoritajiet lokali tal-UE jiddedikaw parti mill-imposti li jiġbru mill-utenti għall-provvista tal-ilma u ta' servizzi sanitarji għal miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata, u billi, minkejja l-fatt li azzjoni f'dal-qasam tirriżulta f'aċċess miżjud għall-ilma u għall-infrastrutturi ta' sanità għall-ifqar nies, dawn it-talbiet ma wasslu għall-ebda azzjoni;

F.  billi s-sistemi tal-infrastrutturi tal-ilma sikwit ikunu inadegwati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jkun għadda żmienhom fil-pajjiżi żviluppati;

G.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda għandhom il-potenzjal li jiksbu effiċjenza u sostenibilità akbar fl-użu tal-ilma, u jistgħu jintużaw b'mod partikulari għall-vantaġġ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

H.  billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma stabbiliet qafas biex jitħares u jiġi ripristinat l-ilma nadif fl-UE u sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli u fit-tul tiegħu;

I.  billi stat tajjeb tal-ilma jinkiseb l-aħjar permezz tat-tnaqqis tar-rimi, tal-emissjonijiet u tar-rilaxx ta' kontaminanti fl-ambjent;

J.  billi l-oqfsa l-ġodda tal-UE proposti għall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta' Koeżjoni, fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, jippromwovu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi;

K.  billi l-Forum Dinji dwar l-Ilma, li jiltaqa' kull tliet snin, jipprovdi pjattaforma unika fejn il-komunità interessata fil-kwistjonijiet dwar l-ilma u dawk li jfasslu l-politika u d-deċiżjonijiet mir-reġjuni kollha tad-dinja jistgħu jiltaqgħu, jiddibattu u jippruvaw isibu soluzzjonijiet biex tinkiseb sikurezza tal-ilma;

L.  billi s-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma, li t-tema tiegħu hija “Wasal iż-żmien għas-soluzzjonijiet”, jidentifika 12-il prijorità ewlenija għal azzjonijiet dwar l-ilma, maqsuma fi tliet direzzjonijiet strateġiċi, primarjament li “jiġi żgurat il-benessri ta' kulħadd”, “isir kontribut lill-iżvilupp ekonomiku” u li “l-pjaneta tinżamm blu”, kif ukoll tliet “kundizzjonijiet għas-suċċess”;

Jiġi żgurat il-benessri ta' kulħadd

1.  Jiddikjara li l-ilma huwa riżorsa komuni tal-umanità u għalhekk m'għandux ikun sors ta' profitt illeġittimu u li l-aċċess għall-ilma għandu jikkostitwixxi dritt fundamentali u universali; jilqa' l-fatt li n-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet id-dritt tal-bniedem għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-servizzi tas-sanità kif derivati mid-dritt għal livell xieraq ta' għajxien; jappella biex jitwettqu l-isforzi kollha neċessarji sabiex, sal-2015, jiġi garantit aċċess għall-ilma lill-iktar popolazzjonijiet foqra;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom biex jintlaħqu bis-sħiħ l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ilma u s-sanità, kif ukoll jikkunsidraw ir-riżultati rilevanti tal-Konferenza Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli; jenfasizza li d-dibattitu tal-Forum Dinji dwar l-Ilma għandu jimmira lejn strateġiji u soluzzjonijiet għall-agrikoltura u l-iżvilupp ekonomiku li jistgħu jiggarantixxu livell għoli ta' disponibilità u kwalità tal-ilma;

3.  Jissottolinja n-neċessità li jsiru impenji konkreti lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma speċjalment fid-dawl tal-Konferenza Rio+20 li jmiss;

4.  Iqis is-saħħa pubblika u l-ħarsien tal-ambjent bħala prijoritajiet ta' kwalunkwe politika ta' ġestjoni tal-ilma; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb għas-saħħa tal-bniedem; jappella għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' miżuri fil-livell tal-baċini tal-ilma li jkopru ċ-ċiklu idroloġiku kollu; jirrimarka li t-tniġġis tal-ilma għandu jiġi indirizzat fis-sors, biex b'hekk jiġi limitat l-ammont ta' sustanzi perikolużi li jidħlu fl-ambjent u fiż-żoni tar-riżorsi tal-ilma tajjeb għax-xorb; jappella għall-implimentazzjoni tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-ilma għall-paċi u l-kooperazzjoni; jappella għall-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali għall-ġestjoni maqsuma tal-uċuħ tal-ilma u tal-ilma tal-blat transkonfinali, li jġibu flimkien lill-popolazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u bħala salvagwardja kontra l-kunflitti lokali u internazzjonali;

Kontribut lill-iżvilupp ekonomiku

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ fl-użu tal-ilma biex jiġi żgurat li d-disponibilità tlaħħaq mad-domanda, kif ukoll il-kwalità, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għall-adozzjoni ta' pjanijiet integrati ta' ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma flimkien mal-ippjanar tal-artijiet fuq livell internazzjonali, nazzjonali u lokali;

7.  Jappella għal investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi għall-ilma fl-oqsma kollha; jinkuraġġixxi l-użu ta' tekonoloġiji, tagħmir u faċilitajiet ġodda tal-ilma fil-qasam tal-biedja, biex jiġi prodott biżżejjed ikel sikur b'mod sostenibbli bl-użu aktar effiċjenti tal-ilma u billi jsir użu aħjar ta' sorsi mhux konvenzjonali tal-ilma, inkluż l-użu mill-ġdid ta' ilma mormi u ttrattat mill-ġdid għall-finijiet tat-tisqija u industrijali;

8.  Jitlob li jitneħħew l-ostakli li jipprevjenu t-trasferiment ta' għarfien u teknoloġija dwar il-konservazzjoni tal-ilma, il-ġbir tal-ilma, it-tekniki ta' irrigazzjoni, il-ġestjoni tal-ilma ta' taħt l-art, it-trattament tal-ilma mormi eċċ.;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza tal-ilma; jitlob li jsir użu aktar effiċjenti tal-ilma speċjalment f'setturi bħas-settur tal-agrikoltura, fejn tintuża l-biċċa l-kbira tal-ilma, peress li huwa f'dawn is-setturi li tista' tinkiseb l-aktar effiċjenza; jitlob li jkun hemm ukoll rekwiżiti minimi ta' effiċjenza għall-prodotti b'implikazzjonijiet kbar fuq il-konsum tal-ilma li jitpoġġew fis-suq tal-UE, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija relatat;

10.  Jenfasizza li l-użu sostenibbli tal-ilma huwa fl-istess ħin neċessità ekonomika u neċessità ambjentali u tas-saħħa; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fl-iskemi tal-ipprezzar tal-ilma;

Il-pjaneta tinżamm blu

11.  Jenfasizza li l-ilma huwa partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, u dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwantità u l-kwalità tal-ilma disponibbli, partikolarment tal-ilma tax-xorb, kif ukoll għal żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-għargħar u ta' żminijiet ta' nixfa; jappella biex il-politiki tat-trażżin tat-tibdil fil-klima u ta' adattament għalih iqisu kif jixraq l-impatt fuq ir-riżorsi tal-ilma; jenfasizza l-importanza ta' strateġiji ta' prevenzjoni tar-riskju, ta' trażżin u ta' rispons bil-għan li jiġu evitati fenomeni estremi relatati mal-ilma;

12.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jiffissaw, sal-2015, objettiv kwantitattiv għat-tnaqqis tat-tniġġis kimiku u bijoloġiku mill-ilma mormi urban u mill-attivitajiet ibbażati fuq l-art, sabiex titħares u tiġi ripristinata l-kwalità tal-ilma u sabiex tiġi appoġġjata s-sotenibilità tar-riżorsi tal-ilma u tal-ekosistemi; ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex jiksbu stat tajjeb tal-ilma sal-2015; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u jagħmlu disponibbli biżżejjed fondi biex jilħqu dawn l-objettivi dwar il-kwalità tal-ilma;

Il-kundizzjonijiet għas-suċċess

13.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' bażi ta' għarfien komuni dwar l-ilma fuq livell dinji u tal-UE; jappella għall-iżvilupp ta' indikaturi fundamentali globali għall-kwalità, il-kwantità, id-disponibilità u l-aċċessibilità ekonomika tal-ilma, kif ukoll indikaturi dwar l-effiċjenza tal-ilma fil-livell tal-baċini tax-xmajjar;

14.  Jappoġġa l-iżvilupp ta' pjanijiet integrati ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar fil-livell dinji; jenfasizza r-rwol primarju tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jindirizzaw b'mod kosteffiċjenti l-kwistjonijiet globali dwar l-ilma, u biex jipprevjenu l-korruzzjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, u lill-Istati Membri jaderixxu mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1997 dwar il-Mogħdijiet tal-Ilma Internazzjonali u jippromwovu wkoll id-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Mogħdijiet tal-Ilma Transkonfinali u l-Lagi Internazzjonali, li se jippermettu l-estensjoni tal-ambitu ta' dan l-istrument lil hinn mill-uniċi pajjiżi tal-UNECE, kif ukoll li jħeġġu r-ratifika aktar wiesgħa tal-protokoll dwar l-ilma u s-saħħa tal-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 bil-għan li tiġi promossa ġestjoni koordinata u ġusta tal-ilma fil-baċini nazzjonali u internazzjonali;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li tintlaħaq konċentrazzjoni tematika tal-fondi disponibbli dwar kwistjonijiet tal-ilma u sabiex il-kwistjoni tal-ilma tiġi integrata fl-oqsma politiċi kollha, fosthom fl-istrumenti finanzjarji u legali kollha tal-UE; jenfasizza li, sabiex ikun hemm il-bidla b'suċċess lejn l-“ekonomija ekoloġika” u sabiex din titħaddem sewwa, huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-isfidi dwar l-ilma;

17.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali tal-UE jallokaw proporzjon mill-ħlasijiet miġbura mingħand l-utenti għall-provvista tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità favur miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata; jiġbed l-attenzjoni, bħala eżempju ta' promozzjoni, għall-prinċipju tal-“1% solidarjetà għall-ilma”, adottat minn uħud mill-Istati Membri;

o
o   o

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0430.
(3) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 157.
(4) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 294.


It-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari fil-każ ta' Solomon W.
PDF 218kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar it-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari fil-każ ta' Solomon W. (2012/2569(RSP))
P7_TA(2012)0092RC-B7-0158/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Refuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi fis-Sinaj(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, partikolarment l-Artikolu 3 tagħha (Kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna), l-Artikolu 4, li jipprojbixxi l-kummerċ tal-iskjavi fil-forom kollha tiegħu, u l-Artikolu 5 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Konferenza tan-Netwerk Ewro-Mediterranju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fil-Kajr fis-26 u s-27 ta' Jannar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Palermo tan-NU ta' l-2000 għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, sabiex tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzata, speċjalment l-Artikoli 6 u 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kummerċ fil-Bnedmin adottata fl-20 ta' Settembru 2002,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 6.1, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 17 (Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra interferenzi u attakki bħal dawn) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 Rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 ta' magħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2010 li għamlet Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, dwar il-priġunieri politiċi fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi eluf ta' persuni li qed ifittxu l-ażil u migranti jitilfu ħajjithom u jisparixxu fis-Sinaj kull sena, filwaqt li oħrajn, inklużi ħafna nisa u tfal, jinsterqu u jinżammu ostaġġi għal somma flus minn traffikanti tal-bnedmin; billi l-vittmi tat-traffikanti tal-bnedmin jiġu abbużati bl-iktar modi inumani u jiġu soġġetti għal vjolenza u torturi sistematiċi, stupru u abbuż sesswali u xogħol furzat;

B.   billi f'Diċembru 2011, bosta individwi insterqu barra l-kamp tar-refuġjati tan-NU fis-Sudan minn traffikanti tal-bnedmin tat-tribù Rashaida; billi 27 minnhom, inklużi erba' bniet u mara b'tarbija, kienu Eritrej u ddaħlu f'Rafah fis-Sinaj Mahadya fl-Eġittu;

C.   billi fi ħdan il-grupp, in-nisa b'mod partikolari kienu msawta u trattati b'mod ħażin u xi wħud minnhom inqatlu u ġisimhom intefa' fid-deżert, u kien biss Solomon, raġel mill-Eritrea ta' 25 sena, li rnexxielu jaħrab minn idejn il-ħallelin;

D.   billi Solomon ġie salvat milli jġib l-ilma għal 125 priġunier mill-Eritrea, mis-Sudan u mill-Etjopja li kienu qed jinżamu fi djar u stalel fir-raħal ta' Al Mahdya, u Solomon jaf fejn qed jinżammu l-priġunieri u kien ukoll xhieda tal-qtil, it-torturi u l-istupri;

E.   billi ż-żgħażugħ mill-Eritrea żvela li wieħed mill-irġiel li kienu qed iżommu l-ħabsin wrieh borża tal-plastik li kien fiha orgni umani ta' refuġjat li ma ħallasx għall-ħelsien tiegħu innfisu;

F.   billi ħajjet Solomon tinsab f'periklu, peress li t-traffikanti tal-orgni umani qed jiġru warajh u saħansitra qiegħdu premju ta' $50,000 fuq mewtu u, għalissa, Solomon huwa protett mill-Bedwini Salafiti tax-Sheikh Mohamed;

G.  billi ġie rappurtat li madwar 2 000 persuna jidħlu fl-Iżrael mis-Sinaj kull xahar, u bosta minnhom għamlu dan bl-għajnuna ta' kutrabandisti li stabbilixxew newtwerk imdaqqas f'din iż-żona; billi, skont l-istimi tal-gvern Iżraeljan, madwar 50,000 Afrikan daħlu illegalment fl-Iżrael mis-Sinaj mill-2005;

H.   billi l-pulizija arrestat mijiet ta' immigranti illegali, qabel kollox mill-Eritrea, l-Etjopja u mis-Sudan, u żammithom f'għases tal-pulizija u f'ħabsijiet fis-Sinaj u fl-Eġittu ta' Fuq mingħajr aċċess għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, u b'hekk ma ċaħdithom mid-dritt li jagħmlu talba għall-ażil;

I.   billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li ma jħallsux il-prezz għall-ħelsien tagħhom jinqatlu, u l-orgni tagħhom jitneħħew u jinbiegħu; billi hemm rapporti ta' oqbra tal-massa ta' refuġjati maqtula;

J.  billi l-UE ripetutament stiednet lill-Eġittu u lill-Iżrael biex jiżviluppaw u jtejbu l-kwalità tal-għajnuna u l-protezzjoni li joffru lill-persuni li jfittxu l-ażil u lir-refuġjati li jgħixu fi jew jgħaddu mit-territorju tagħhom;

K.  billi l-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tt-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, jiddefinixxi t-traffikar tal-persuni bħala “traffikar tal-bnedmin” tfisser ir-reklutaġġ, trasportazzjoni, trasferiment, ħabi jew riċeviment ta' persuni, permezz tat-theddida ta' jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' sfurzar, ħtif, frodi, qerq, abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew tal-għoti jew riċeviment ta' ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament;

L.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa negozju li jagħmel ħafna qligħ għall-kriminalità organizzata;

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintervjenu malajr sabiex jipprovdu protezzjoni effettiva u jqiegħdu lil Solomon fis-sikur, peress li t-traffikanti tal-orgni qed ifittxuh bir-reqqa u stabbilixxew premju ta' $50,000 fuq mewtu, minħabba l-fatt li jaf eżattament fejn qed jinżammu l-priġunieri;

2.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jipproteġu lil Solomon bħala vittma tat-traffikar tl-persuni, u lill-vittmi kollha tat-traffikar tal-persuni, speċjalment lin-nisa u lit-tfal, milli jsiru vittmi għal darb'oħra;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jinvestigaw dan il-każ mimli qtil, torturi u stupri, fejn nisa ġew imsawta u trattati ħażin, u xi wħud minnhom inqatlu u ġisimhom intefa' fid-deżert, billi japplikaw id-dritt nazzjonali u internazzjonali kontra dan it-tip ta' kriminalità organizzata fir-rigward tat-traffikar tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintervjenu mingħajr dewmien biex jiżguraw li dawn ir-refuġjati jinħelsu, u biex jittieħdu miżuri adegwati biex jiġu arrestati u sentenzjati l-membri tas-sindakati tat-traffikar;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jimplimentaw bis-sħiħ, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-prinċipji tal-Konvenzjonijiet li għalihom huwa firmatarju l-Eġittu, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-NU tl-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (u l-Protokoll Fakultattiv tagħha tal-1967), il-Konvenzjoni tal-OAU tal-1969 li Tiggverna l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Refuġjati fl-Afrika u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Migranti Ħaddiema kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom, li ġiet ratifikata fl-1993 u li mbagħad daħlet fis-seħħ fl-2003;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex itemmu t-tortura, l-estorsjoni u t-traffikar tal-bnedmin tar-refuġjati mill-Eritrea u refuġjati ta' pajjiżi oħra, u biex iġibu quddiem il-ġustizzja dawk il-persuni kollha li jippruvaw jiksru d-drittijiet tal-bniedem tar-refuġjati u li jipprattikaw kwalunkwe forma ta' skjavitù, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u tat-tfal;

7.  Ifaħħar l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tl-bniedem Eġizzjani u Iżraeljani, li jipprovdu għajnuna u trattament mediku lill-bittmi tat-traffikar tal-bniedem fis-Sinaj, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex jappoġġaw ix-xogħol ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

8.  Jirrikonoxxi li l-migranti irregolari fis-Sinaj iġibu magħhom riskju ta' sigurtà għall-Eġittu u għall-Iżrael; madankollu jerġa' jħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani u Iżraeljani jevitaw li jużaw forza qattiela kontra l-migranti illegali;

9.  Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet eġizzjani u Iżraeljani li jwaqqfu lit-traffikanti tal-bnedmin fis-Sinaj kif ukoll li jipproteġu lill-vittmi; jilqa' l-isforzi tal-gvernijiet Ewġizzjan u Iżraeljan f'dan ir-rigward; jitlob madankollu li tingħata iktar għajnuna u appoġġ lill-vittmi, b'attenzjoni partikolari lin-nisa u t-tfal;

10.  Jilqa' l-isforzi tal-Eġittu fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, speċjalment it-twaqqif tal-Kumitat Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin fl-2007, u jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jimplimentaw il-liġi tal-2010 kontra t-traffikar u jieħdu miżuri bħar-riċerka, l-informazzjoni u l-kampanji tal-mass midja u inizjattivi soċjali u ekonomiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda tat-traffikar tal-bnedmin;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Eġittu, lil Iżrael u lill-komunità internazzjonali jkomplu u jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra d-dħul bil-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj;

12.  Jitlob għal aċċess sħiħ tal-aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'żoni affettwati mill-kutrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj;

13.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu dan is-suġġett fuq l-aġenda tad-djalogu politiku mal-Eġittu bħala kwistjoni ta' urġenza kbira, u biex iħeġġu lill-gvern ta' dan il-pajjiż biex jiġġieled kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tar-refuġjati, bl-għan li jippromwovi kooperazzjoni internazzjonali fit-teħid ta' azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet Eġizzjan u Iżraeljan, lill-PArlament Eġizzjan u lill-Knesset Iżraeljan, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0496.


Palestina: attakki minn forzi Iżraeljani fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Palestinjani
PDF 210kWORD 42k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-Palestina: attakki mill-forzi Iżraeljani fuq stazzjonijiet telviżivi Palestinjani (2012/2570(RSP))
P7_TA(2012)0093RC-B7-0160/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Marzu 2012 mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-għeluq ta' żewġ stazzjonjiet televiżivi Palestinjani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009, tat-13 ta' Diċembru 2010, u tat-18 ta' Lulju 2011 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, u b'mod partikulari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li tistqarr: “Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni; dan id-dritt jinkludi l-libertà għall-opinjoni mingħajr xkiel u biex wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta' kwalunkwe midja u irrispettivament mill-fruntieri”,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo (Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar l-Arranġamenti Interim ta' Governanza awtonoma) tal-1993 u ftehimiet oħra bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Settembru 2011 u tat-12 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni li tinkludi żewġ stati, bl-Istat ta' Iżrael u l-Istat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli spalla ma' spalla fil-paċi u fis-sigurtà;

B.  billi fid-29 ta' Frar 2012 f'Ramallah, is-suldati u l-uffiċjali tal-Forżi tad-Difiża Iżraeljani tal-Ministeru tal-Komunikazzjoni Iżraeljan attakkaw żewġ stazzjonijiet televiżivi Palestinjani, Wattan TV u Al Quds Educational TV, ikkonfiskaw trażmettituri, kompjuters, tagħmir ta' xandir, cassettes u dokumenti amministrattivi u finanzjarji, u żammew il-ħaddiema għal sigħat twal;

C.  billi l-Ministeru tal-Komunikazzjoni Iżraeljan qal fi stqarrija li ripetutament avża liż-żewġ stazzjonijiet li kienu qed jużaw frekwenzi li kisru l-ftehimiet bejn Iżrael u l-Palestina u marru kontra s-sistemi ta' komunikazzjoni u trażmissjoni f'Iżrael; billi l-kelliem għall-militar Iżraeljan qal li l-interferenza kienet qed taffettwa l-komunikazzjoni tal-inġenji tal-ajru fl-Ajruport Internazzjonali ta' Ben Gurion;

D.  billi l-Awtorità Palestinjana (AP) wieġbet li l-akkużi Iżraeljani dwar l-interruzzjoni tal-komunikazzjonijiet tal-ajruplani kienu foloz, u żiedet li la hi u l-anqas iż-żewġ stazzjonijiet televiżivi ma rċevew avviżi mill-awtoritajiet Iżraeljani, u li ż-żewġ stazzjonijet ma kienu ħatja ta' ebda ksur tal-ftehimiet bejn l-Iżrael u l-AP, filwaqt li l-attakki Iżraeljani kisru dawk il-ftehimiet, li jirrikjedu li dawn il-kwistjonijiet ikunu solvuti permezz ta' konsultazzjoni;

E.  billi l-UE ħadmet maż-żewġ stazzjonijiet, li ilhom ixandru għal ħafna snin;

F.  billi l-Ftehimiet ta' Osolo stabbilew Kumitat Tekniku Konġunt Iżraeli-Palestinjan biex jindirizza kull kwistjoni li tinqala' marbuta mal-qasam tat-telekomunikazzjoni;

G.  billi l-attakki Iżraeljani fuq iż-żewġ stazzjonijiet televiżivi Palestinjani seħħew fiż-Żona A, li tinsab taħt l-amministrazzjoni u l-kontroll ċivili u tas-sigurtà Palestinjana;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-attakki f'Ramallah imwettqa mill-forżi tas-sigurtà Iżraeljani li laqtu l-istazzjonijiet televiżi Palestinjani Wattan TV u Al Quds Educational TV;

2.  Jappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet Palestinjani u ż-żewġ stazzjonijiet televiżi biex it-tagħmir użat għax-xandir jerġa' jibda jopera u jitkompla x-xandir li ġie mwaqqaf; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament jagħtu lura t-tagħmir konfiskat u jippermettu li terġa' tibda l-attività ta' trażmissjoni miż-żewġ stazzjonijiet tat-TV;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet eżistenti bejn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana meta jkollhom x'jaqsmu mal-midja Palestinjana; iħeġġeġ lill-Ministeru tal-Komunikazzjoni Palestinjan biex jaħdem aktar mill-qrib mal-awtoritajiet Iżraeljani sabiex jiżgura li l-faċilitajiet ta' xandir ikunu siguri u legali;

4.  Jistieden lill-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-Kumitat Tekniku Konġunt Iżraeli-Palestinjan, stabbilit mill-Ftehimiet ta' Oslo biex jindirizza kwalunkwe kwistjonijiet li jqumu fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, bil-għan li jkun hemm riżoluzzjoni urġenti ta' kull kwistjoni li tirrigwarda xandir minn dawn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni;

5.  Jilqa l-isforzi Palestinjani ta' tisħiħ istituzzjonali; jinnota li l-attakki mill-forzi Iżraeljani li jaffettwaw il-bliet Palestinjani fejn l-Awtorità Palestinjana, taħt il-Ftehimiet ta' Oslo, għandha poteri u responsabbiltajiet fuq is-sigurtà interna u l-ordni pubbliku jikkostitwixxu ksur ta' dawn il-ftehimiet;

6.  Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u nonvjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina;

7.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu din il-kwistjoni, li tikkonċerna d-drittijiet bażiċi ta' aċċess pubbliku għall-informazzjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni, fuq l-aġenda tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, u jtenni f'dan il-kuntest l-obbligu tal-UE li tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politiki l-oħra tagħha, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaffermaw pożizzjoni b'saħħitha u magħquda kif ukoll ikollhom rwol aktar attiv, anke fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett u jappoġġa bis-sħiħ ir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Kwartett joħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.


Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn
PDF 226kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn (2012/2571(RSP))
P7_TA(2012)0094RC-B7-0171/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Jemen u fil-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq(1) , u tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(3) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta' April 2011 mill-President tiegħu, dwar il-mewta ta' żewġ attivisti ċivili mill-Baħrejn, u tat-28 ta' April 2011 fejn ikkundanna s-sentenzi ta' qtil fir-rigward ta' erba' persuni mill-Baħrejn talli pparteċipaw fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija,

–  wara li kkunsidra s-Seduta ta' Smigħ tat-3 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) dwar il-Baħrejn tal-2011 u b'mod partikolari dik tal-24 ta' Novembru 2011 dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn, id-Dikjarazzjoni mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-anniversarju tal-ferment fil-Baħrejn tat-13 ta' Frar 2012, u d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta' Ottubru 2011 mill-VP/HR dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn tal-21 ta' Marzu, it-12 ta' April u t-23 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju u tat-30 ta' Settembru 2011 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sentenzi twal imposti fuq 21 attivista politiku, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja tal-oppożizzjoni Baħrejni, inkluż f'ċerti każijiet sentenzi ta' għomor il-ħabs, u d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali dwar il-Baħrejn tal-15 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Settembru 2011 tas-66 Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Baħrejn,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-istampa maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Baħrejn fil-5 ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa tal-Baħrejn dwar is-sentenzi fir-rigward ta' tobba, infirmiera u mediċi fit-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ottubru 2011 mill-Prosekutur Pubbliku Baħrejni rigward ir-riproċessar ta' tobba li kienu ġew preċedentement sentenzjati permezz ta' proċessi militari,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn tat-23 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Torturi u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti, u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għalihom kollha il-Baħrejn huwa firmatarju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(d) tal-Kostituzzjoni tal-Baħrejn,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-28 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-14 ta' Frar 2012 kien l-ewwel anniversarju tal-moviment popolari paċifiku li talab ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali u riformi demokratiċi; billi l-awtoritajiet tal-gvern arrestaw u pprevjenew protesti paċifiċi milli jseħħu; billi l-forzi tal-gvern laqtu lill-protestanti b'mod vjolenti; billi intużaw il-gass tad-dmugħ, “stun grenades” u ċ-ċomb f'żoni residenzjali, u hemm rapporti li l-pulizija daħlet f'bosta djar;

B.  billi l-protesti għadhom qed jiġu ripressi b'mod vjolenti; billi l-persekuzzjoni, iż-żamma u t-tortura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, għalliema, ħaddiema tal-kura tas-saħħa u bloggers li ħadu sehem fil-protesti paċifiċi favur id-demokrazija għadhom għaddejjin; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, “il fuq minn 100 ċittadin tqegħdu l-ħabs b'mod arbitrarju tul l-aħħar xahrejn;

C.  billi l-ekonomija bbażata fuq il-banek u t-turiżmu, li diġà kienet dgħajfa minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija, qed ikollha problemi biex tirkupra;

D.  billi fid-29 ta' Jannar 2012, madwar 250 priġunier politiku bdew strajk mifrux tal-ġuħ minħabba li 14-il attivist politiku u tad-drittijiet tal-bniedem magħrufa kienu tqegħdu l-ħabs b'mod arbitrarju minn Marzu 2011;

E.  billi sa mill-bidu tal-2012, l-awtoritajiet tal-Baħrejn irrifjutaw id-dħul fil-pajjiż lil organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u rrestrinġew iż-żjajjar min-naħa tagħhom, li jikkostitwixxi impediment serju lill-kapaċità tagħhom li jwettqu xogħolhom;

F.  billi r-rapport tal-BICI (Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn), mitlub mir-Re f'Ġunju li għadda u ppubblikat f'Novembru 2011, sab li 35 persuna kienu mietu fil-kunflitti tas-sena li għaddiet, inkluż ħames membri tal-persunal tas-sigurtà u ħames ħabsin ittorturati sal-mewt waqt li kienu miżmuma fil-ħabs; billi r-rapport tal-BICI ikkonkluda li kienet intużat forza eċċessiva kontra protestanti paċifiċi, attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, li t-tortura kienet intużat b'mod mifrux u li ħafna persuni kienu qed jiġu proċessati jew kienu ġew sentenzjati għall-ħabs minħabba li kienu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea; billi fir-rapport, il-BICI esprima l-fehma li l-proċessi ma kienux konformi mal-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, u lanqas mal-Kodiċi Kriminali tal-Baħrejn stess;

G.  billi r-Re tal-Baħrejn aċċetta s-sejbiet tar-rapport u ħatar Kumitat Nazzjonali ta' 19-il persuna biex jissorvelja l-proċess ta' implimentazzjoni; billi l-Kumitat Nazzjonali huwa skedat li joħroġ il-konklużjonijiet tiegħu fl-20 ta' Marzu 2012 fejn se jkopri l-ġestjoni tad-dipartimenti tal-pulizija, il-ġudikatura, l-edukazzjoni u l-midja; billi r-Re Hamad Ben Issa Al Khalifa tal-Baħrejn ħa impenn pubblikament li jwettaq riformi biex tinkiseb rikonċiljazzjoni nazzjonali;

H.  billi wara r-rakkomandazzjonijiet tal-BICI, il-Baħrejn ikkumpleta t-twaqqif ta' unità investigattiva speċjali fi ħdan id-dipartiment tal-prosekuzzjoni pubblika, bl-għan li jinstabu r-resposabilitajiet ta' dawk li jkunu wettqu atti illegali jew ta' negliġenza li rriżultaw f'mewt, tortura u trattament ħażin ta' ċivili matul is-sena li għaddiet;

I.  billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI għadha miexja bil-mogħod; billi inbeda proċess ta' djalogu nazzjonali għar-rikonċiljazzjoni;

J.  billi skont il-bosta rapporti tal-NGO, proċessi inġusti quddiem qrati militari u ċivili għadhom jikkostitwixxu element ċentrali tar-ripressjoni tal-moviment tal-protesta favur id-demokrazija fil-Baħrejn; billi waħda mir-rakkomandazzjonijiet mill-BICI kienet li l-każijiet taċ-ċittadini kollha pproċessati minn qrati militari għandhom jerġgħu jiġu eżaminati minn qrati ordinarji, iżda dan għadu ma ġiex implimentat fil-każijiet kollha;

K.  billi l-awtoritajiet tal-Baħrejn iddikjaraw ripetutament l-impenn tagħhom li jwettqu riformi tad-drittijiet tal-bniedem u li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi kien hemm bosta sejħiet biex il-Gvern tal-Baħrejn jestendi invitazzjoni permanenti lill-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

M.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-torturi u trattamenti jew kastigi oħrajn li huma krudili, inumani jew degradanti, Juan Mendez, kellu jagħmel żjara fil-Baħrejn mit-8 sas-17 ta' Marzu 2012 iżda ntalab b'mod formali mill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jipposponi ż-żjara tiegħu sa wara Lulju 2012;

N.  billi kien hemm rapporti li “l fuq minn 4000 persuna ġew imkeċċija mill-impjiegi tagħhom jew mill-università minħabba li pparteċipaw fil-protesti; billi skont it-trejdunjins tal-Baħrejn, ”il fuq minn 1000 fost dawn għadhom ma reġgħux kisbu posthom u billi għexieren ta' studenti universitarji għadhom qed jistennew li jitħallew ikomplu l-istudji tagħhom; billi ħafna minn dawk li ngħataw posthom lura ġew imġiegħla jiffirmaw dikjarazzjonijiet li fihom jieħdu l-impenn li ma jipparteċipawx f'attivitajiet relatati ma' trejdunjins u fejn jaċċettaw li jieħdu impjiegi differenti minn dawk li kellhom qabel ma tkeċċew;

O.  billi, fuq il-bażi ta' avvenimenti li seħħew is-sena li għaddiet, Reporters Without Borders identifikat lill-Baħrejn bħala “għadu tal-Internet”;

1.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn biex jieħu l-passi meħtieġa biex jimplimenta bis-sħiħ u malajr ir-rakkomandazzjonijiet sabiex jindirizza l-iktar kwistjonijiet importanti, itemm l-impunità, jerġa' jikseb kunsens soċjali, itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jimplimenta riformi ewlenin;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha tar-ripressjoni u mal-familji tagħhom;

3.  Jikkundanna l-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn u lill-forzi tas-sigurtà biex itemmu l-użu eċċessiv tal-vjolenza, inkluż l-użu eċċessiv tal-gass tad-dmugħ, ir-ripressjoni, l-atti ta' tortura, iż-żamma illegali u l-prosekuzzjoni ta' protestanti paċifiċi u biex jeżerċitaw l-ikbar trażżin meta jkunu qed jippruvaw jikkontrollaw il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaġixxu bi qbil strett mal-leġiżlazzjoni tagħhom u mal-obbligi internazzjonali; jenfasizza d-dritt għal proċess ġust li l-Baħrejn huwa firmatarju tiegħu;

4.  Itenni t-talba tiegħu għal liberazzjoni immedjata u inkondizzjonata tal-protestanti paċifiċi kollha, l-attivitsi politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-tobba u l-paramediċi, il-bloggers u l-ġurnalisti, b'mod partikolari Abdulhadi al-Khawaja, President taċ-Ċentru Baħrejni għad-Drittijiet tal-Bniedem, u Mahdi Abu Dheeb, President tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Baħrejn, li tqiegħdu l-ħabs jew ġew sentenzjati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika jew talli wettqu l-obbligi professjonali tagħhom;

5.  Jenfasizza li l-protestanti esprimew l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jiksbu l-proċess ta' rikonċiljazzjoni f'kuntest ta' djalogu inklużiv u kostruttiv, li huwa essenzjali għall-istabilità demokratika tas-soċjetà diversifikata tal-Baħrejn, li fiha d-drittijiet ta' kull ċittadin għandhom ikunu garantiti b'mod ekwu kemm bil-liġi kif ukoll fil-prattika;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex iwettqu investigazzjonijiet fil-fond, imparzjali u indipendenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà, u bħala riżultat tal-preżenza militari fil-Baħrejn matul u wara l-protesti favur id-demokrazija, fuq protestanti u ċittadini paċifiċi, biex jiġi żgurat teħid tar-responsabbiltà u tiġi evitata l-impunità għal dawk li huma responsabbli, indipendentement mill-pożizzjoni, u biex jiġu adottati miżuri li jipprevjenu ksur futur tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jitlob lill-Gvern Baħrejni jwaqqa' l-akkużi kollha u s-sentenzi kollha sa minn Frar 2011 fil-Qrati Nazzjonali ta' Sigurtà jew qrati ċivili bbażati fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika, u s-sentenzi kollha bbażati unikament fuq it-twemmin reliġjuż;

8.  Jitlob lill-awtoriatjiet tal-Baħrejn biex jiżguraw li l-awtoritajiet jipprovdu lill-konvenuti kriminali kollha b'aċċess malajr u sħiħ għal għajnuna legali, kif preskritt mid-dritt tal-Baħrejn u internazzjonali, inkluż b'rabta mal-interrogazzjonijiet u bi tħejjija għall-proċess, biex jinvestigaw allegazzjonijiet kredibbli ta' tortura u ta' trattament ħażin matul l-interrogatorju u biex iġibu quddiem il-ġustizzja kull uffiċjal li ma ssodisfax ir-rekwiżiti li jiżgura proċess ġust;

9.  Jitlob lill-VP/RGħ biex tobbliga lill-Gvern tal-Baħrejn iżomm l-impenji tiegħu ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, jimplimenta r-riformi meħtieġa, jibda investigazzjonijiet indipendenti ġodda dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura li l-persuni responsabbli jiġu trattati ta' tali, kif ukoll biex tħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn iwaqqa' l-akkużi kollha kontra tobba u persunal mediku u biex jeħles lill-ħabsin kollha miżmuma minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jirrestawrar u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, kemm onlajn kif ukoll offlajn, il-libertà tal-assemblea, il-libertà tat-twemmin reliġjuż, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jtemmu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha għall-aċċess għall-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jeliminaw kull restrizzjoni ta' dħul għall-ġurnalisti barranin u organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jippermettu l-monitoraġġ tal-investigazzjonijiet indipendenti mħabbra fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni tar-riforma mħabbra;

11.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp Soċjali fil-Baħrejn u jitlob lill-Ministeru jaġixxi skont l-obbligi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-intrapriżi Ewropej involuti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li tkeċċew mill-impjieg tagħhom jerġgħu jiksbuh minnufih;

13.  Jilqa' s-sospensjoni mill-Istati Uniti tal-esportazzjoni tal-armi u ta' għodda oħra li tista' tintuża għal ripressjoni vjolenti taċ-ċittadini u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod simili jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Ewropew li tiddefinixxi regoli komuni li jiggvernaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari;

14.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jiddikjaraw moratorja immedjata;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0333.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0475.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0109.


Bini ta' Kapaċitajiet Xjentifiċi fl-Afrika: il-promozzjoni ta' sħubijiet Ewropej-Afrikani dwar ir-radjuastronomija
PDF 73kWORD 33k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-Bini ta' Kapaċitajiet Xjentifiċi fl-Afrika: il-promozzjoni ta' sħubijiet Ewropej-Afrikani dwar ir-radjuastronomija
P7_TA(2012)0095P7_DCL(2011)0045

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta EU-Afrika, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-koopreazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn l-UE u l-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Għanjiet ta' Żvilupp tal-Millenju, li jidentifikaw ir-rwol essenzjali tax-xjenza u t-teknoloġija għal trasformazzjoni soċjoekonomika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jagħraf il-valur tal-infrastrutturi tar-riċerka biex tiffaċilita l-kooperazzjoni mal-Afrika, tippromwovi l-iżvilupp tal-kapital uman u tindirizza l-isfidi tas-soċjetà, kif imsemmi fl-Unjoni għall-Innovazzjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020,

B.  billi jirrikonoxxi l-vantaġġ kompetittiv uniku tal-Afrika fl-istudju tar-radjuastronomija, rifless fil-proġetti estensivi eżistenti tar-radjoastronomija li għaddejjin fl-Afrika (PAPER, in-netwerk VLBI, MeerKAT, eċċ.),

C.  billi jirrikonoxxi li involviment ulterjuri mill-Ewropa fir-radjuastronomija Afrikana jista' jagħti impetu kbir għal tkabbir soċjoekonomiku fl-Afrika u joħloq firxa ġdida ta' opportunitajiet tas-suq għaż żewġ kontinenti,

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri:

     (a) jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet xjentifiċi fl-Afrika permezz ta' investiment ikbar fl-infrastrutturi tar-riċerka, b'attenzjoni partikolari għall-proġetti tar-radjuastronomija,
   (b) jippromwovu x-xjenza tar-radjuastronomija u l-potenzjal ta' inizjattivi tar-radjuastronomija għall-innovazzjoni u r-riċerka fi sħubijiet futuri bejn l-Afrika u l-UE,
   (c) jimmobilizzaw mekkaniżmi ta' finanzjament fl-UE, inklużi l-Programmi Qafas u l-Istrument għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp, biex isostnu dawn l-objettivi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tal-15 ta' Marzu 2012 (P7_PV(2012)03-15(ANN1).


L-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla
PDF 74kWORD 32k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla
P7_TA(2012)0096P7_DCL(2011)0049

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 fil-premessi tiegħu jirrikonoxxi li “t-trasport tal-annimali fit-tul, li jinkludi annimali għall-qatla, għandu jkun limitat kemm jista” jkun' imma xora jippermetti traportazzjonijiet twal ħafna f'dawk li huma distanza u tul ta' ħin, li jikkawżaw għeja severa, tbatija u anke l-mewt waqt tali vjaġġi;

1.  Jinnota li l-petizzjoni 8hours.eu li titlob li jiġi stabbilit limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-annimali mibgħuta għall-qatla hija appoġġjata minn kważi miljun persuna Ewropea;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jeżaminaw mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 biex jistabbilixxu limitu massimu ta' 8 sigħat għall-vjaġġi tal-annimali ttrasportati biex jittieħdu għall-qatla;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(2), lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 25.
(2) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 2 għall-Minuti tal-15 ta' Marzu 2012 (P7_PV(2012)03-15(ANN2).


L-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea
PDF 71kWORD 33k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea
P7_TA(2012)0097P7_DCL(2011)0050

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 6 tiegħu, jistipula li l-isport huwa fost l-oqsma li “fihom l-Unjoni għandu jkollha kompetenzi li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri”;

B.  billi ċ-ċess huwa logħba aċċessibbli għat-tfal minn kull grupp soċjali u jista' jgħin għall-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxi għall-ilħiq ta' objettivi tal-politika bħalma huma l-integrazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, it-tnaqqis tar-rati tal-kriminalità u anke l-ġlieda kontra diversi dipendenzi;

C.  billi irrispettivament mill-età tat-tfal, iċ-ċess jista' jtejjeb il-konċentrazzjoni, il-paċenzja u l-persistenza tagħhom u jista' jiżviluppa s-sens ta' kreattività, l-intuwizzjoni, il-memorja, u l-ħiliet tal-analiżi u t-teħid ta' deċiżjonijiet; billi ċ-ċess jgħallem ukoll id-determinazzjoni, il-motivazzjoni u l-ispirtu sportiv;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kommunikazzjoni tagħha li ġejja, biex tagħti l-attenzjoni neċessarja lill-programm “Ċess fl-Iskola” u biex tiżgura finanzjament suffiċjenti għal dan il-programm mill-2012 “il quddiem;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis ir-riżultati ta' kwalunkwe studju dwar l-effetti ta' dan il-programm fuq l-iżvilupp tat-tfal;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 3 għall-Minuti tal-15 ta' Marzu 2012 (P7_PV(2012)03-15(ANN3).

Avviż legali - Politika tal-privatezza