Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar it-twaqqif tal-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE qed tkun immirata aktar lejn l-iżgurar tal-kwalità tal-ikel u, fost il-prodotti friski tal-ħalib kollha, il-ġelat artiġjanali huwa prodott eċċellenti fir-rigward tal-kwalità u tas-sikurezza tal-ikel, li jtejjeb il-profil tal-prodotti agroalimentari ta' kull Stat Membru individwali,
B. billi l-konsumaturi qed jagħżlu aktar ikel tajjeb għas-saħħa, aktar nutrittiv u ta' togħma aħjar li huma miskuba permezz ta' metodi tradizzjonali li m'għandhomx impatt fuq l-ambjent,
C. billi s-settur jimpjega b'mod dirett madwar 300 000 impjegat, il-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, f'madwar 50 000 ġelaterija fl-Ewropa kollha u l-konsum tal-ġelat gradwalment qed isir inqas staġjonali, li jirriżulta f'fatturat matul is-sena kollha ta' mijiet ta' miljuni ta' euro,
1. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-prodott ta' kwalità li jirrappreżenta l-ġelat artiġjanali bħala settur li fih l-ekonomija tal-UE tista' tikkompeti u bħala opportunità li għandha tkun sfruttata, minħabba l-kriżi attwali li qed taffettwa wkoll is-settur tal-ħalib, fost oħrajn;
2. Iwaqqaf il-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali, li għandu jiġi ċċelebrat fl-24 ta' Marzu, biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' dan il-prodott u għall-iżvilupp tat-tradizzjoni gastronomika ta' dan is-settur;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.