Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (COM(2011)0370 – C7-0168/2011 – 2011/0172(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0370),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0168/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata mressqa, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mill-Parlament Svediż, li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Diċembru 2011(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Ġunju 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0265/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova l-istqarrija konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni mehmuż ma' din ir-riżoluzzjoni
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2012/27/EU.)
ANNESS
Abbozz ta' Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol eżemplari tal-binjiet tagħhom fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li, minħabba l-viżibilità għolja tal-binjiet tagħhom u r-rwol ta' tmexxija li għandu jkollhom fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet tagħhom, huma ser jintrabtu, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-baġit u l-akkwist, li japplikaw l-istess rekwiżiti għall-binjiet li huma l-proprjetà tagħhom u li huma jokkupaw bħal dawk applikabbli għall-binjiet tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2012/XX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE.
Abbozz ta' dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-verifiki tal-enerġija
Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (COM(2012)0209 tat-8.5.2012), il-Kummissjoni identifikat il-Linji Gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali bħala wieħed mill-istrumenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-Istrateġija tat-Tkabbir u l-objettivi ta' Ewropa 2020 u li jistgħu jiġu riveduti sa tmiem l-2013. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tivverifika li r-regoli futuri dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali jkomplu jippromwovu bl-aħjar mod it-tkabbir sostenibbli, fost oħrajn permezz tal-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija f'konformità mal-objettivi ta' din id-Direttiva.
Abbozz ta' dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-EU ETS
Fid-dawl tal-ħtieġa li jinżammu l-inċentivi fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet, il-Kummissjoni tintrabat sabiex:
–
tippreżenta b'mod urġenti l-ewwel rapport skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE dwar is-suq tal-karbonju akkumpanjat minn reviżjoni tal-profil taż-żmien tal-irkant tal-fażi numru 3
–
f'dan ir-rapport teżamina l-għażliet għall-azzjoni, inkluż fost oħrajn iż-żamma permanenti tal-ammont neċessarju ta' allokazzjonijiet, bl-għan li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun aktar miżuri strutturali xierqa biex isaħħu l-ETS matul il-fażi numru 3, u biex jagħmluha aktar effettiva.