Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u Ewropa 2020 (2012/2045(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012” (COM(2011)0815),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu:“L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva” (COM(2011)0902),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(2),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Żgħażagħ f'Moviment” – il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar it-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-għoti ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-“Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0247/2012),
A. billi, minkejja xi titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE it-tagħlim tul il-ħajja (TTĦ) għadu m'huwiex realtà, u ċerta indikaturi huma, fil-fatt, inkwetanti, billi, flimkien mal-edukazzjoni ġenerali u t-taħriġ vokazzjonali, l-importanza tal-edukazzjoni adulta formali u mhux formali għandha tiġi enfasizzata wkoll;
B. billi l-istrateġiji tat-TTĦ huma l-bogħod milli jiġu implimentati għal kollox f'ħafna Stati Membri, għalkemm huma parti ewlenija tal-istrateġija tal-UE 2020;
C. billi l-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jipprovdu opportunitajiet ta' TTĦ għal kulħadd, irrispettivament mill-età, diżabilità, sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, orjentament sesswali, sfond lingwistiku u soċjo-ekonomiku tal-individwu;
D. billi opportunitajiet ta' tagħlim li huma limitati u mhux imfassla sew għadhom jippersistu għal nies li ġejjin minn gruppi differenti; u billi kemm il-popli indiġeni kif ukoll il-gruppi lingwistiċi u kulturali minoritarji għandhom ikunu jistgħu jsegwu t-tagħlim bil-lingwa materna tagħhom;
E. billi t-tkabbir ekonomiku għandu jkun ibbażat, bħala suġġett ta' prijorità, fuq l-edukazzjoni, it-tagħrif, l-innovazzjoni u l-politiki soċjali adattati sabiex l-UE toħroġ mill-kriżi attwali, u huwa importanti li jiġu implimentati l-politiki f'din l-isfera fl-istrateġija ta' struttura tal-UE 2020 b'mod tajjeb u sħiħ sabiex tgħaddi minn dan il-perjodu kruċjali;
F. billi l-Istati Membri għandhom responsabbiltà pubblika għat-tħejjija ta' politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u billi dawn l-oqsma jeħtieġu allokazzjonijiet pubbliċi xierqa biex jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni mingħajr diskriminazzjoni soċjali, ekonomika, kulturali, razzjali jew politika;
G. billi l-miżuri ta' awsterità, u t-tnaqqis konsegwenti fil-baġit għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, ipoġġu f'periklu wieħed mill-motivaturi ewlenin ta' koeżjoni u tkabbir u jnaqqas l-objettiv ta' stabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa;
H. billi l-Istati Membri jeħtieġ li jkomplu jaħdmu flimkien u jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki sabiex imexxu “l quddiem is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
I. billi n-nuqqas suffiċjenti ta' tagħrif tal-lingwa jkompli jkun ostaklu enormi għall-mobilità għall-fini ta' edukazzjoni u taħriġ;
J. billi strateġija ta' edukazzjoni u taħriġ ta' suċċess għandha timmira wkoll li tgħammar lill-istudenti b'ħiliet u kompetenzi neċessarji għall-iżvilupp personali u ċ-ċittadinanza attiva;
K. billi t-TTĦ għandu ġenwinament ifisser tul il-ħajja fil-kuntest demografiku attwali, u billi għandna nkomplu nieħdu konsiderazzjoni aħjar tal-potenzjal tat-tagħlim akkumulat minn persuni ta' età akbar;
L. billi l-kompetenzi fit-teknoloġiji l-ġodda jiffaċilitaw l-objettivi tat-Tagħlim Tul il-Ħajja (TTĦ) b'mod sinifikanti;
M. billi t-TTĦ huwa proċess kontinwu ta' tagħlim u għandu jibqa' għaddej tul il-ħajja kollha ta' persuna, minn edukazzjoni ta' kwalità għal tfal ta' età bikrija sal-età ta' wara x-xogħol;
N. billi t-tfal kollha jiġu pprovduti b'faċilitajiet u edukazzjoni ta' kwalità għal tfal ta' età bikrija huma ta' investiment fil-futur u jipprovdu benefiċċju kbir kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjetà;
O. billi t-Tluq Bikri mill-Iskola (ESL) għandu konsegwenzi serji kemm għall-individwu kif ukoll għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-UE;
P. billi għandha tiġi kkunsidrata aktar innovazzjoni fil-qasam tal-għotjiet tal-istudenti fl-istadju tal-edukazzjoni ta' qabel id-dħul fl-università;
Q. billi l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u t-taħriġ hija sfida kruċjali wkoll biex tikkontribwixxi aktar għall-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni u l-ġlieda kontra l-faqar;
R. billi l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jeħtieġ li jikkoperaw biex jindirizzaw b'suċċess l-isfidi li l-Ewropa attwalment qed tiffaċċja;
1. Jinnota l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar “Edukazzjoni u Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva”;
2. Ifakkar li, qabel il-kriżi attwali, il-prestazzjoni tal-Istati Membri f'termini ta' parteċipazzjoni tal-gruppi kollha ta' età fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-TTĦ kien wieħed varjat ħafna u l-medja ġenerali tal-UE baqgħet lura meta mqabbla ma' medji internazzjonali;
3. Jirrimarka illi wħud mill-Istati Membri għaddew minn tnaqqis konsegwenti fil-baġit għall-edukazzjoni u t-taħriġ fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, iżda jemmen li dawk l-investimenti bl-ikbar valur strateġiku għandhom jiġu protetti u anke miżjuda. jenfasizza illi l-qafas finanzjarju multiannwali tal-Unjoni jantiċipa li l-edukazzjoni u s-setturi relatati se jottjenu l-ogħla żieda perċentwali taħt il-baġit fit-tul tal-UE;
4. Jindika l-bżonn li tiġi approvata ż-żieda fil-baġit iddedikat għas-setturi tal-edukazzjoni u għas-setturi relatati taħt il-qafas finanzjarju multiannwali; jitlob lill-Istati Membri sabiex jadottaw l-istrateġiji tagħhom tat-TTĦ, b'ammonti adattati ta' riżorsi finanzjarji bħala l-aqwa għodda possibbli disponibbli biex jintlaħqu l-objettivi elenkati fl-istrateġija tal-ET 2020;
5. Jenfasizza li l-ispejjeż ekonomiċi tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rendiment edukattiv, li jinkludi t-tluq mill-iskola u inugwaljanzi soċjali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp tal-Istati Membri, huma iktar għoljin b'mod sinifikanti mill-ispejjeż tal-kriżi finanzjarja, u l-Istati Membri diġa' qed iħallsu qares sena wara sena;
6. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lin-nefqiet fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fiż-żgħożija, fit-tagħlim tul il-ħajja, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fid-diversità kulturali u lingwistika, li huma investimenti għal tkabbir u bilanċ ekonomiku fil-futur, u fl-istess ħin jiggarantixxu l-valur miżjud ta' dan l-investiment; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba li jiġi mmirat investiment totali ta' mill-anqas 2 % tal-PDG fl-edukazzjoni għolja, kif rakkomandat mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Imjiegi, bħala l-mimimu meħtieġ għall-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien;
7. Ifakkar li sabiex ikunu kompetittivi mal-abbiltajiet globali ġodda fil-futur l-Istati Membri huma rikjesti sabiex jiksbu l-objettivi bażiċi tal-Ewropa 2020 li, fil-qasam tal-edukazzjoni, jistgħu jiġu espressi li jilħqu 3 % f'investimenti għar-riċerka, li jiżdiedu għall-40 % fin-numru taż-żgħażagħ b'edukazzjoni universitarja, u jirriduċu dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10 %;
8. Ifakkar l-importanza tar-riċerka fil-qafas tal-istrateġija ambizzjuża għall-edukazzjoni u t-taħriġ; għalhekk, jistaqsi, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jerġgħu jinforzaw l-azzjonijiet tagħhom bil-għan li jżidu n-numru taż-żgħażagħ li jidħlu f'dan il-qasam;
9. Ifakkar li hemm bżonn tingħata fokus speċjali liż-żgħażagħ, wieħed għandu jżomm f'moħħu li r-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet għal iktar minn 20 %, bl-ogħla valur jeċċedi l-50 % f'diversi Stati Membri jew diversi reġjuni, u li ż-żgħażagħ, partikolarment dawk iż-żgħażagħ li huma l-inqas kwalifikati, huma partikolarment milquta ħażin fil-kriżi attwali; jenfasizza b'mod partikolari, l-effetti negattivi tal-programmi ta' awsterità f'termini ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'xi Stati tal-UE, speċjalment dawk fin-nofsinhar tal-Ewropa, li jwassal, per eżempju, għal-eżodu ta' mħuħ sinifikanti lejn pajjiżi oħra, inklużi l-pajjiżi ta' barra mill-UE; ifakkar ukoll li wieħed minn kull sebat itfal tal-iskola fil-ġurnata tal-lum (14.4 %) iħalli s-sistema tal-edukazzjoni b'mhux iżjed minn edukazzjoni sekondarja baxxa u ma jipparteċipax f'edukazzjoni jew taħriġ ieħor;
10. Jinnota l-eżistenza tas-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali doppji f'xi wħud mill-Istati Membri li jassiguraw għaqda bejn it-teorija u l-prattika u jippermettu dħul aħjar fid-dinja tax-xogħol iktar minn forom ta' taħriġ purament ibbażati għall-iskejjel;
11. Jipproponi li l-Istati Membri jnaqqsu l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ mill-kalkolazzjoni tad-defiċit nazzjonali tal-patt fiskali billi huma kkunsidrati li jkunu motivaturi ewlenin għall-irkupru sod skont l-objettivi tal-UE 2020;
12. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu sforzi akbar sabiex jelaboraw politiki dwar iż-żgħażagħ li huma iktar ċari, aktar immirati għall-politiki taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE li huma adattati għall-isfidi ġodda tas-soċjetà; il-ġenerazzjoni attwali taż-żgħażagħ tħoss li mhux se jirnexxilha tikseb l-istess livell ta' prosperità bħalma kisbet il-ġenerazzjoni ta' qabel;
13. B'mod partikolari, jitlob lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ li huma probabbli li jitilqu mill-iskola kmieni jew li m'humiex fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fl-impjieg, sabiex joffrulhom tagħlim ta' kwalità u jipprovduhom b'taħriġ u bi skemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-abbiltajiet u l-esperjenza li għandhom bżonn biex jidħlu fl-impjieg, u sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn ta' wħud minnhom fis-sistema edukazzjonali; jitlob, fl-istess ħin, għall-attenzjoni speċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-edukazzjoni terzjarja, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-diversità fis-sistemi edukattivi nazzjonali; jitlob lill-Istati Membri sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li ż-żgħażagħ jistgħu jiksbu esperjenza ta' xogħol reali u jidħlu malajr fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-iskemi ta' taħriġ għandhom ikunu relevanti għall-istudji u jifformaw parti mill-kurrikulu;
14. Jirrimarka li l-kapaċità għall-impjieg taż-żgħażagħ huwa partikolarment f'riskju fil-perjodu ta' kriżi; jenfasizza l-importanza li ssir osservazzjoni ta' kemm iż-żgħażagħ gradwati jottjenu impjieg malajr u adattat għall-edukazzjoni u t-tagħrif tagħhom wara li jlestu l-edukazzjoni, u li ssir analiżi, abbażi ta' din l-informazzjoni, tal-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tal-bżonn u l-possibiltà li jsiru aġġustamenti;
15. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jaħdmu b'mod konsistenti fuq l-introduzzjoni, l-implimentazzjoni u iktar żvilupp fis-Sistema Ewropea ta' Kreditu għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, il-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
16. Jenfasizza li ż-żgħażagħ għandhom rwol importanti x'jilagħbu fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE għall-2020 fir-rigward tal-impjieg, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar;
17. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni informali u mhux formali għall-iżvilupp tal-valuri, l-ħiliet u l-kompetenzi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, kif ukoll għat-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza u l-involviment demokratiku; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, għall-edukazzjoni informali u mhux formali fil-qafas tal-programmi ġodda tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ, kif ukoll taċ-ċittadinanza;
18. Jitlob lill-universitajiet sabiex iwessgħu l-aċċess għat-tagħlim, u jimmodernizzaw il-kurrikulu tagħhom biex jindirizzaw sfidi ġodda, sabiex jgħollu fil-grad l-abbiltajiet tal-popolazzjoni Ewropea, mingħajr ma jsejjħu in kwistjoni in-nuqqas akkademiku f'termini li jwasslu t-tagħrif, u jżommu f'moħħhom li l-bidla demografika hija realtà fl-Ewropa li ma tistax tiġi miċħuda; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-appoġġ u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali;
19. Jinkoraġixxi d-djalogu bejn il-partijiet interessati privati, partikolarment l-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja/universitajiet sabiex jippromwovu l-akkwist mill-istudenti tal-għarfien u l-ħiliet biex jiffaċilitaw id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol; ifakkar lil min iħaddem dwar l-importanza tal-inizjazzjoni fil-ħidma, billi din tippromwovi l-aġġustament taż-żgħażagħ fil-ħajja tax-xogħol;
20. Ifakkar li l-kreattività hija element essenzjali tal-ekonomija l-ġdida bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza li s-settur tal-kreattività jagħti kontribut b'saħħtu u dejjem jikber lill-ekonomija, li jammonta għal 4.5% tal-PDG tal-UE u għal 8.5 miljun impjieg;
21. Jikkunsidra s-sinerġija bejn il-provvista tax-xogħol u l-kapaċità ta' assorbiment tas-suq tax-xogħol bħala essenzjali;
22. Jenfasizza l-irwol essenzjali li jilgħabu s-servizzi pubbliċi tal-impjieg fit-twettieq tal-politiki ta' assistenza u ta' pariri għal min ikun qed ifittex impjieg, b'mod partikolari għall-għajnuna fit-tfittxija tax-xogħol u tat-taħriġ. jenfasizza li numru dejjem jiżdied ta' dawn li qed ifittxu x-xogħol għandhom jirċievu taħriġ adegwat li jiffaċilitalhom ir-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħmlu disponibbli dawn ir-riżorsi neċessarji;
23. Jenfasizza l-importanza kritika li jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-TTĦ għall-persuni b'diżabilità, mhux biss permezz tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi mmirati iżda wkoll permezz ta' integrazzjoni tad-diżabilità fil-programmi kollha li huma intenzjonati għall-pubbliku ġenerali; attenzjoni partikolari għandha tingħata, f'dan ir-rigward, għar-rabta bejn id-diżabilità u t-TTĦ sabiex jipprevenu l-esklużjoni soċjali u tiġi msaħħa ġenwinament il-pożizzjoni ta' dawk b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, billi, skont l-istudji kollha relevanti, il-livell tal-edukazzjoni ta' dawk b'diżabilità huwa taħt il-medja filwaqt li l-grad tagħhom ta' parteċipazzjoni fil-programmi in kwistjoni huwa baxx ħafna;
24. Ifakkar li min iħaddem għandu responsabbiltà ewlenija biex jagħmel it-TTĦ realtà għal kulħadd, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jinkoraġixxi lil min iħaddem sabiex jiġi ffaċilitat t-taħriġ kontinwu matul il-karriera tal-ħaddiema billi tingħata iktar viżibilità lid-dritt għat-taħriġ, billi jiġi żgurat li t-taħriġ huwa disponibbli għall-ħaddiema kollha u billi jingħata kreditu proprju għat-taħriġ fis-servizz, b'hekk ikun possibbli għal aktar speċjalizzazzjoni u jiġu kkreati opportunitajiet għall-avvanz fil-karriera;
25. Jitlob għal sforzi akbar sabiex tiġi stabbilita u implimentata sistema Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, tat-tagħlim formali u mhux formali, li jinkludu servizz volontarju, sabiex jiġu msaħħa l-għaqdiet vitali bejn it-tagħlim mhux formali u l-edukazzjoni formali, kif ukoll tiġi mtejba l-mobilità nazzjonali u transkonfinali tal-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol;
26. Jinnota d-disparità kbira bejn l-edukazzjoni nazzjonali u s-sistemi ta' taħriġ u, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jirrakkomanda li r-rapport dwar il-progress għandu jkun akkompanjat minn manwal għal kull Stat Membru individwali li jinkludu rakkomandazzjonijiet ta' kif il-politiki eżistenti jistgħu jiġu mtejba u s-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni żviluppati;
27. Jitlob għall-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE biex jiġu mkabbra permezz ta' djalogu tal-politika intensifikata u permezz ta' kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bejn l-Unjoni u l-imsieħba internazzjonali tagħha u pajjiżi ġirien, li timmira li (a) tirrifletti l-interdipendenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi li qed jiżdiedu, (b) tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-Ewropa 2020, u (c) tappoġġja l-istabilità, il-prosperità u opportunitajiet ta' mpjieg aħjar għaċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba, u fl-istess ħin tiżviluppa strumenti aħjar biex tiġi mmaniġjata u ffaċilitata l-migrazzjoni tal-ħiliet lejn l-Ewropa, b'hekk jiġu bbilanċjati n-nuqqas ta' ħiliet u l-qsim li huma riżultat tal-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa;
28. Ifakkar li, bħala atturi fis-suq globali tal-edukazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) għandhom bżonn li jkunu konnessi mad-dinja wiesgħa sabiex jibqgħu aġġornati u kompetittivi, u għandhom bżonn ikunu iktar kapaċi li jattrattaw studenti minn pajjiżi oħra terzi u Ewropej, u jipprovduhom b'edukazzjoni u taħriġ kif ukoll jagħmluha faċli li jirrikonoxxu l-abbiltajiet tagħhom; jenfasizza li bidla demografika u migrazzjoni internazzjonali jagħmlu dawn il-punti iktar relevanti;
29. Jenfasizza li, għalkemm qed jitfaċċa qasam Ewropew tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-objettiv li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità għadu ma nkisibx, u l-mobilità tal-istudenti fl-ETV għadha baxxa; jenfasizza li billi tiżdied sostanzjalment il-mobilità transnazzjonali tal-istudenti u l-għalliema tal-ETV, u jiġu rikonoxxuti l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jkunu akkwistaw minn barra l-pajjiż, ikunu sfidi importanti għall-futur, u li l-proviżjoni ta' informazzjoni u l-gwida aħjar huma bżonnjużi wkoll biex jattiraw aktar studenti barranin lejn is-sistemi tal-ETV tagħna;
30. Jiddispjaċih li l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva” ma tagħtix kopertura adegwata lill-kwistjoni tal-iżvilupp bikri tal-iskola, partikolarment lid-dimensjoni lingwistika tagħha, minkejja l-fatt li tikkonsisti f'objettivi bażiċi tal-istrateġija tal-“Ewropa 2020”; jemmen li dan l-istadju tal-edukazzjoni għandu jiġi meqjus bħala l-iktar kruċjali għall-akkwist tal-edukazzjonu futura tal-individwu u l-iżvilupp personali u soċjali; jemmen li t-tfal se jibbenefikaw minn edukazzjoni bikrija li hija mmirata biex tkabbar il-ħiliet motoriċi u soċjali kif ukoll tippromwovi t-tkabbir emozzjonali bbilanċjat filwaqt li fl-istess ħin tistimula l-kurżità intellettwali;
31. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġixxi u tgħin lill-Istati Membri jpoġġu f'posthom il-miżuri biex jassistu t-tfal fil-mogħdijiet edukattivi ġenwini, minn età bikrija ħafna;
32. Jemmen bis-sħiħ li l-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (EKBT), mfassla b'mod xieraq għall-perjodu ta'sensittività u l-livell ta' maturità ta' kull grupp fil-mira, iġġib ritorni akbar milli jiġi investit f'xi stadju ieħor tal-edukazzjoni; jirrimarka li ġie ppruvat li l-investiment fis-snin bikrin tal-edukazzjoni jirriduċi l-ispejjeż futuri; jemmen ukoll li s-suċċess tal-edukazzjoni f'kull livell jiddependi minn għalliema li huma mħarrġa sew, u mit-taħriġ professjonali tagħhom li qed javvanza kontinwament, u l-investiment suffiċjenti huwa għalhekk bżonnjuż fit-taħriġ tal-għalliema;
33. Jenfasizza l-bżonn għall-kura professjonali tat-tfal sabiex tindirizza l-iżvilupp soċjali tat-tfal, partikolarment tfal f'familji li qed jesperjenzaw diffikultajiet soċjali;
34. Jenfasizza l-bżonn li kulħadd jakkwista ħiliet eċċellenti tal-lingwa minn eta' bikrija ħafna, li tkopri mhux biss il-lingwi uffiċjali tal-UE imma wkoll il-lingwi reġjonali u dawk fil-minoranza, għax dawn jippermettu lin-nies sabiex ikunu iktar mobbli, jagħtuhom aċċess ikbar għas-suq tax-xogħol u jżidu l-opportunitajiet għall-istudju b'mod sinifikanti, filwaqt li jservu biex jippromwovu skambji interkulturali u koeżjoni akbar Ewropea;
35. Jenfasizza li huwa neċessarju li tiġi inkoraġġuta l-mobilità għat-tagħlim tal-lingwi sabiex jiġi akkwistat l-objettiv li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu jafu tal-inqas żewġ lingwi minbarra l-lingwa materna tagħhom;
36. Jinnota l-bżonn li jinbeda l-akkwist tal-lingwi qabel il-bidu tal-iskola, u jilqa' inizjattivi li jippermettu lill-istudenti li jitgħallmu l-lingwa nattiva fil-forma miktuba u mitħaddta bħala suġġett elettiv fl-iskola, b'hekk jakkwistaw ħiliet addizzjonali;
37. jemmen li huwa vitali li tiġi promossa l-mobilità permezz ta' programmi ambizzjużi tal-kommunità għall-edukazzjoni u l-kultura, b'mod partikolari permezz ta' tibdiliet ta' għalliema, studenti u tfal, u speċjalment fis-settur tal-lingwa, sabiex jiġi promossi ċ-ċittadinanza attiva u l-valuri Ewropej kif ukoll ħiliet tal-lingwa u ħiliet u kompetenzi oħra ta' valur;
38. Jinkoraġixxi lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-appoġġ tagħha lill-iżvilupp tas-soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li faċilment jistgħu jiġu adattati fir-rigward tal-lingwi u t-termini tekniċi, u dawn jikkreaw l-mobilità fis-setturi li huma affettwati l-inqas permezz tal-fenomenu tal-multilingwiżmu;
39. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet tal- 2012, u jfakkar kemm huwa importanti għall-UE li ċ-ċittadini tagħha jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fit-tagħlim, fil-forom kollha tagħha, aktar tard fil-ħajja, u li jinvolvu studenti akbar fl-età fi djalogu ma' professjonisti li jaħdmu fis-servizzi li jipprovdu u jappoġġaw it-tagħlim;
40. Ifakkar li l-programm Grundtvig jimmira sabiex jgħin sabiex jiżviluppa s-settur tal-edukazzjoni adulta kif ukoll jawtorizza iktar nies sabiex jipparteċipaw fl-esperjenzi ta' tagħlim; jirrimarka li huwa jiffoka fuq it-tagħlim u l-bżonnijiet tal-istudju tal-istudenti li jieħdu l-edukazzjoni tat-tagħlim għall-adulti u l-korsijiet “alternattivi” tal-edukazzjoni, kif ukoll dwar l-organizzazzjonijiet li jwasslu dawn is-servizzi; jitlob lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni offruta minn – u biex irawmu l-kooperazjoni bejn – organizzazzjonijiet tat-tagħlim għall-adulti;
41. Jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi l-għodod Ewropej eżistenti, partikolarment l-Fondi Strutturali għat-taħriġ;
42. Jenfasizza li t-tagħlim fost l-adulti jestendi lilhinn mill-attivitajiet relatati mal-impjieg li jinkludu l-avvanz tal-ħiliet personali, ċiviċi u soċjali permezz tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali matul il-ħajja, kif enfasissat mill-programm tat-TTĦ;
43. Jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-attivitajiet tal-persuni adulti fuq is-soċjetà in ġenerali, promossi mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li huma mwettqa għas-sodisfazzjon personali jew kuntatt soċjali;
44. Jenfasizza l-bżonn għal statistika dwar it-TTĦ li tkopri l-età minn 65 sena “l fuq; jirrimarka li bl-età ta' rtirar li qed tiżdied f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE, u bin-nies jaħdmu iktar tard fil-ħajja, huwa neċessarju li jitqies it-tibdil fil-popolazzjoni li jaqa” “l barra mill-kategorija tal-età;
45. Jirrikonoxxi l-irwol li l-isport għandu fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu l-investimenti fl-isports, u jippromwovu l-attivitajiet sportivi fl-iskejjel, sabiex jinkoraġixxu l-integrazzjoni u jikkontribwixxu għall-iżvliupp tal-valuri pożittivi fost iż-żgħażagħ Ewropej;
46. Jenfasizza li t-taħriġ tal-plejers f'livell lokali huwa fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u l-irwol tas-soċjetà fl-isport, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-korpi li jirregolaw l-isports sabiex jinkoraġixxu lill-klabbs li jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ lokali permezz ta' miżuri li jistabbilixxu numru minimu ta' plejers lokali imħarrġa fi skwadra tat-tim, u jinkoraġixxihom biex jimxu “l quddiem;
47. Jinkoraġixxi lill-Istati Membri li jikkonsidraw l-possibilità li jintroduċu sistema iktar wiesgħa ta' għotjiet żgħar, b'minimu ta' burokrazija żejda, għall-istudenti fl-istadju tal-edukazzjoni qabel id-dħul fl-università li jkunu ffaċjati minn diffikultajiet finanzjarji, sabiex jinkoraġġuhom biex jibqgħu fl-edukazzjoni, u b'hekk jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tan-nuqqas ta' ugwaljanza u jassiguraw opportunitajiet akbar ta' tagħlim għal kulħadd;
48. Jemmen li għandu jsir sforz akbar biex tiġi indirizzata d-disparità bejn l-irġiel u n-nisa li jiggradwaw bi gradi fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), hekk kif jidher bil-fatt li 20 % biss tal-gradwati tal-inġinerija huma nisa;
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.