Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0252/2012

Testi mressqa :

A7-0252/2012

Dibattiti :

PV 11/09/2012 - 16
CRE 11/09/2012 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2012 - 7.8
CRE 12/09/2012 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0334

Testi adottati
PDF 633kWORD 237k
L-Erbgħa, 12 ta' Settembru 2012 - Strasburgu
Ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
P7_TA(2012)0334A7-0252/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (12562/2011 -2012/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (12562/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 Parti II, Taqsima G, paragrafu 43(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali msemmi hawn fuq tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2011(2) u tal-10 ta’ Marzu 2010(3) dwar ir-rapporti annwali tal-PESK tal-2008 u tal-2009 rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010(4) dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-affidabilità politika(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew li ltaqa' fil-plenarja tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar l-organizzazzjoni bażika tal-amministrazzjoni ċentrali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011 bl-isem “Id-Drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE – Lejn approċċ aktar effettiv” (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, ir-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat, ir-Riżoluzzjoni 1889 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-għan li jissaħħu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ħolqu mekkaniżmu għall-ġabra ta’ dejta fuq, u i jelenkaw lista tal-awturi ta’, vjolenza sesswali fil-kunflitti armati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0252/2012),

A.  billi l-UE għandha tiżviluppa l-objettivi tal-politika barranija tagħha aktar u għandha tavvanza l-valuri u l-interessi tagħha mad-dinja kollha bl-għan globali li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà umana, is-solidarjetà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, l-appoġġ għall-istituzzjonijiet internazzjonali, il-multilateraliżmu effikaċi u r-rispett reċiproku fost in-nazzjonijiet, l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza trasparenti u responsabbli, il-kummerċ ħieles u ġust u l-qerda tal-faqar;

B.  billi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet l-UE għandha tkun kapaċi toħloq sinerġiji u tiżviluppa sħubiji strateġiċi ma’ dawk il-pajjiżi li għandhom l-istess valuri u huma lesti li jadottaw politiki komuni u jwettqu azzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku;

C.  billi l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona qed iġġib dimensjoni ġdida lill-azzjoni esterna Ewropea u se jkun strumentali biex jitjiebu l-koerenza, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika barranija tal-UE u, b’mod iktar mifrux, l-azzjonijiet esterni; billi għandhom jittieħdu lezzjonijiet min-nuqqasijiet tal-passat tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fit-tiswir mill-ġdid tal-azzjoni esterna tagħha waqt li tħaddan id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tal-politiki tagħha u fil-promozzjoni ta’ tranżizzjoni f’pajjiżi b’reġimi awtoritarji b’mod partikolari fejn it-tħassib dwar l-istabilità u s-sigurtà kkomprometta politika bi prinċipji ta' promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi t-Trattat ta’ Lisbona qed joħloq momentum ġdid fil-politika barranija tal-UE, li partikolarment jagħti l-għodod istituzzjonali u operattivi li jistgħu jippermettu lill-Unjoni li jkollha rwol internazzjonali kompatibbli mal-istatus ekonomiku prominenti tagħha u mal-ambizzjonijiet tagħha u li torganizza ruħha b’tali mod biex tkun attur globali effettiv, kapaċi li jkollha sehem fir-responsabilità għas-sigurtà dinjija u li tkun mexxejja fid-definizzjoni ta’ reazzjonijiet komuni għall-isfidi komuni;

E.  billi l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran li għaddejja bħalissa qed taffettwa profondament il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea fl-arena internazzjonali u qed tfixkel l-effettività u s-sostenibilità fit-tul tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK);

F.  billi l-momentum il-ġdid fl-azzjoni esterna Ewropea jirrikjedi wkoll li l-UE taġixxi b’mod aktar strateġiku sabiex ikollha piż fix-xena internazzjonali; billi l-kapaċità tal-UE li tinfluwenza l-ordni internazzjonali tiddependi mhux biss mill-koerenza fost il-politiki, l-atturi u l-istituzzjonijiet tagħha imma wkoll minn kunċett strateġiku reali tal-politika barranija tal-UE, li għandha tgħaqqad flimkien u tikkoordina l-Istati Membri kollha mal-istess sensiela ta’ prijoritajiet u miri sabiex dawn jitkellmu b’vuċi unika b’saħħitha u juru solidarjetà fl-arena internazzjonali; billi l-politika barranija tal-UE għandhom jingħatawlha l-mezzi u l-istrumenti neċessarji ħalli tippermetti lill-Unjoni taġixxi b’mod effikaċi u konsistenti fix-xenarju dinji;

G.  billi l-iskrutinju tal-politika barranija tal-UE mwettaq mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-livelli rispettivi tagħhom huwa essenzjali jekk l-azzjoni esterna Ewropea għandha tiġi mifhuma u appoġġjata miċ-ċittadini tal-UE; billi l-iskrutinju parlamentari jtejjeb il-leġittimità ta’ din l-azzjoni;

VALUTAZZJONI TAR-RAPPORT ANNWALI TAL-KUNSILL 2010 DWAR PESK

1.  Jilqa' l-passi li ttieħdu mill-Kummissjoni bl-appoġġ tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fir-Rapport Annwali tal-2010, favur l-immappjar tal-Politika Barranija tal-Unjoni f’dokument ta’ politika li jħares ’il quddiem u strateġiku;

2.  Jemmen, madankollu, li r-Rapport Annwali tal-Kunsill ma jilħaqx l-ambizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona b’modi importanti, li jinkludu: li ma jagħtix sens ċar ta’ prijoritajiet jew linji gwida strateġiċi fit-terminu medju u twil għall-PESK; li ma jiċċarax il-mekkaniżmi tal-politika biex jiżguraw koerenza u konsistenza fost il-komponenti differenti tal-politika barranija, inklużi dawk taħt ir-responsabilità tal-Kummissjoni; li ma jindirizzax kwistjonijiet importanti dwar ir-rwol tas-SEAE u d-Delegazzjonijiet fl-iżgurar li r-riżorsi tal-Unjoni (tal-persunal, finanzjarji u diplomatiċi) jkunu allinjati mal-prijoritajiet tagħha tal-affarijiet barranin; u li jevita diskussjoni, li t-twettiq tagħha huwa implikat fl-istrateġiji l-ġodda għall-Qarn tal-Afrika u s-Sahel, dwar kif għandhom jiġu inkorporati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet ad hoc tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (ir-raġunament u l-istat finali tagħhom) fil-qafas politiku strateġiku tal-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE għal pajjiż jew reġjun;

3.  Ifakkar fil-prerogattiva tiegħu tat-Trattat li jiġi kkonsultat fl-oqsma tal-PESK u tal-PSDK, li l-opinjonijiet tiegħu jitqiesu b’mod xieraq u li jagħmel rakkomandazzjonijiet; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, id-disponibilità tal-VP/RGħ għall-Parlament; iqis madankollu li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jista' jitjieb il-mod kif jiġi infurmat il-kumitat kompetenti dwar ir-riżultat tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin kif ukoll il-mod kif jiġi kkonsultat il-Parlament sabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet tiegħu jitqiesu kif suppost qabel l-adozzjoni tal-mandati u l-istrateġiji fil-qasam tal-PESK; jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-istrumenti tal-assistenza esterna u riżultat li jirrikonoxxi d-drittijiet tal-Parlament fuq karti ta’ strateġija u pjanijiet ta’ azzjoni multiannwali, kif stabbilit fl-Artikolu 290 tat-TFUE; jitlob, barra minn hekk, għal titjib fl-għoti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni mal-Parlament fl-istadji kollha tal-proċedura għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-PESK dwar ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, speċjalment qabel ma jiġi deċiż li jingħata mandat lill-Kummissjoni jew lill-VP/RGħ biex tinnegozja u tiffirma ftehimiet f’isem l-Unjoni u f’dak li jirrigwarda oqfsa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi f’operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżi tal-UE;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex fit-tfassil ta’ Rapporti Annwali futuri tal-PESK jinvolvi lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fi stadju bikri sabiex jiddiskutu l-qafas wiesa’ tal-politika għas-sena sussegwenti u l-objettivi strateġiċi fit-tul, u biex jistabbilixxu punt ta’ referenza biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw dikjarazzjoni ċara dwar l-evoluzzjoni, il-prijoritajiet u l-progress tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea;

APPROĊĊ KOMPRENSIV ĠDID GĦALL-POLITIKA BARRANIJA TAL-UE

5.  Jindika li fit-tieni deċennju tas-seklu wieħed u għoxrin hemm kuxjenza dejjem tikber fost iċ-ċittadini Ewropej, u lil hinn minn dan, li huma biss l-approċċi komprensivi li jintegraw mezzi diplomatiċi, ekonomiċi, tal-iżvilupp u – bħala l-aħħar għażla u f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU – mezzi militari li jkunu adegwati biex jiġu indirizzati t-theddidiet u l-isfidi globali;

6.  Jemmen li bit-Trattat ta’ Lisbona l-UE għandha l-mezzi kollha meħtieġa biex tadotta approċċ komprensiv bħal dan, fejn ir-riżorsi diplomatiċi u finanzjarji kollha tal-Unjoni huma użati biex jappoġġjaw il-linji gwida strateġiċi komuni ta’ politika sabiex ikun hemm l-akbar ingranaġġ possibbli fil-promozzjoni tas-sigurtà u l-prosperità ekonomika taċ-ċittadini Ewropej u l-ġirien tagħhom, kif ukoll id-drittijiet fundamentali; jitlob, barra minn hekk, żvilupp ulterjuri ta’ mekkaniżmu xieraq fis-SEAE, bil-parteċipazzjoni tas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, fejn il-kompetenza ġeografika u dik tematika jiġu integrati u jmexxu approċċ komprensiv għall-ippjanar, il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki;

7.  Jenfasizza li fehim komprensiv tal-PESK ikopri l-oqsma kollha tal-politika barranija, inkluż it-tfassil progressiv ta’ Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) li jista’ jwassal għal difiża komuni, b’enfasi fuq il-koerenza u l-konsistenza filwaqt li tiġi rrispettata l-ispeċifiċità ta’ kull komponent tal-azzjoni esterna; itenni li approċċ bħal dan għall-iżvilupp tal-politika barranija tal-UE għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jfisser li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tiġi spirata mill-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri tal-UE, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tal-politiki ta’ sigurtà tal-UE, li għandha tiġi riflessa fl-azzjoni esterna tal-Unjoni;

8.  Jinnota li l-2013 se timmarka l-fatt li jkunu għaddew għaxar snin mill-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u, konsegwentement, jissottolinja l-ħtieġa li dan id-dokument qafas jiġi aġġornat u kkonsolidat skont l-ambjent internazzjonali kurrenti;

L-ARKITETTURA TAL-POLITIKA BARRANIJA

9.  Jenfasizza r-rwol ta’ tmexxija politika mistenni mill-VP/RGħ fl-iżgurar tal-unità, il-koordinazzjoni, il-konsistenza, il-kredibilità u l-effettività ta’ azzjoni mill-Unjoni; jistieden lill-VP/RGĦ tuża s-setgħat kollha tagħha fil-ħin biex tibda, tmexxi u tiżgura konformità mal-PESK, billi tinvolvi kompletament il-korpi relevanti tal-Parlament fl-isforzi tagħha; jilqa’ r-rwol prinċipali importanti, f’isem il-komunità internazzjonali, taħt ċirkostanzi diffiċli mill- VP/RGĦ fin-negozjati mal-Iran;jikkunsidra r-relazzjoni storika importanti bejn lUnjoni Ewropea u l-poplu tal-Iran jitlob tmexxija fit-titjib tar-rwol tal-Unjoni b’appoġġ għall-Viċinat Ewropew, fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija, b’mod partikolari fil-proċessi demokratiċi ta’ tranżizzjoni fil-Mediterran tan-Nofsinhar, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija, kif ukoll fil-proċess ta' paċi li waqaf fil-Lvant Nofsani;

10.  Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-SEAE (inklużi d-Delegazzjonijiet tiegħu u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE) fl-assistenza lill-VP/RGħ biex isegwi approċċ politiku aktar strateġiku, koerenti u konsistenti għall-azzjoni esterna tal-Unjoni; jafferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli bis-sorveljanza tal-bilanċ ġeografiku u tas-sessi tal-persunal fis-SEAE, inkluż f’pożizzjonijiet għolja, u li jevalwa jekk il-ħatra ta’ diplomatiċi ta’ Stati Membri bħala Kapijiet ta’ Delegazzjoni u pożizzjonijiet ewlenin oħra tkunx fl-interess tal-Unjoni, u mhux biss tal-Istati Membri tagħhom; jenfasizza l-importanza ta’ SEAE totalment funzjonali u effiċjenti u tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li jinkisbu sinerġiji fl-implimentazzjoni effettiva ta’ azzjoni esterna u fit-twassil ta’ messaġġ uniku tal-UE dwar kwistjonijiet politiċi ewlenin;

11.  Jenfasizza li r-rwol tal-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE) għandu jikkumplimenta u jkun konsistenti mal-ħidma speċifika għall-pajjiż tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE u għandu jirrappreżenta u jikkoordina l-politika tal-UE lejn reġjuni bi strateġiji jew interessi ta’ sigurtà speċifiċi, li jeħtieġu preżenza u viżibilità kontinwa tal-UE; jilqa’ r-rispons pożittiv mill-VP/RGħ rigward il-fatt li RSUE u Kapijiet tad-Delegazzjoni li għadhom jilħqu jidhru quddiem il-Parlament għal skambju ta’ fehmiet qabel ma dawn jieħdu l-kariga tagħhom; jitlob titjib fir-rappurtar u fl-aċċess għar-rapporti politiċi minn Delegazzjonijiet u RSUE biex il-Parlament jirċievi informazzjoni sħiħa u f’waqtha dwar l-iżviluppi mill-post, partikolarment f’oqsma kkunsidrati bħala strateġikament importanti jew iċ-ċentru ta’ tħassib politiku;

12.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li politiki tematiċi importanti li qabel kienu koperti minn Rappreżentanti Personali għandu jkollhom l-appoġġ sħiħ tas-SEAE u rappreżentazzjoni politika esterna xierqa, u għalhekk jitlob li jitressqu proposti bħal dawk għad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jilqa’ d-deċiżjoni għall-ħatra ta’ rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem li għandu jkollu mandat sostanzjali għall-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-PESK u l-PSDK u politiki oħra tal-UE u jipprovdi viżibilità u koerenza mal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam;

14.  Jemmen li linji gwida strateġiċi definiti b’mod ċar għandhom jgħinu biex ir-riżorsi importanti finanzjarji iżda limitati tal-Unjoni jiġu mfassla skont l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; jenfasizza li approċċ strateġiku bħal dan għandu jkun taħt kontroll demokratiku, iżda li dan m’għandux jimpedixxi jew inaqqas il-flessibilità tar-reazzjoni sabiex ċirkostanzi politiċi jinbidlu fil-post;

15.  Jilqa’ l-impenn mill-Istati Membri fit-Trattat ta’ Lisbona biex iwettqu r-rwol sħiħ tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika barranija tal-UE u biex jiżguraw il-koordinazzjoni u l-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, waqt żmien ta’ restrizzjonijiet ekonomiċi, meta jasal iż-żmien għal titjib fl-effettività tal-Unjoni bħala attur globali koeżiv; jinnota b’mod partikolari l-importanza li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni effettiva tal-PSDK; jiddispjaċih, madankollu, li f’ħafna okkażjonijiet ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ xi Stati Membri ma’ pajjiżi terzi għadhom jiddominaw jew idgħajfu l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE u jitlob, f’dan ir-rigward, li jsiru aktar sforzi mill-Istati Membri biex jallinjaw il-politiki esterni tagħhom mal-PESK tal-UE;

16.  Jistieden lill-VP/RGĦ , filwaqt li jsaħħaħ il-kooperazzjoni sistematika bejn l-Istati Membri kollha fil-PESK, biex jesplora b’mod sħiħ il-possibilitajiet ipprovduti mit-Trattat ta’ Lisbona għal kooperazzjoni msaħħa, inkluża l-produzzjoni ta’ linji gwida għall-kunsinna sistematika ta’ kompiti u missjonijiet speċifiċi lil koalizzjonijiet ta' voluntiera, bħal “grupp ċentrali” ta’ Stati tal-UE, u biex jinbeda l-proċess li jwassal għal konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u dwar l-implimentazjoni ta' klawżola għad-difiża reċiproka;

POLITIKA BARRANIJA – ARKITETTURA BAĠITARJA U FINANZJARJA

17.  Ifakkar li r-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba għandha timmarka pass ieħor ’il quddiem lejn trasparenza akbar fil-qasam tal-PESK u għoti ta’ informazzjoni relevanti lill-awtorità baġitarja bi qbil mad-Dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar ir-Responsabilità Politika; jemmen, f’dan ir-rigward, li t-trasparenza sħiħa u l-iskrutinju demokratiku jeħtieġu linji baġitarji separati għal kull missjoni u operazzjoni tal-PSDK, u għal kull RSUE, flimkien ma’ proċeduri simplifikati iżda trasparenti għat-trasferiment ta’ fondi minn entrata għal oħra jekk iċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk; fl-istess ħin, huwa konvint li m’għandux ikun hemm ksur tal-flessibilità u r-reattività meħtieġa għall-PESK;

18.  15 Jinsisti li r-riżorsi disponibbli tal-UE għall-implimentazzjoni tal-PESK għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti possibbli u għalhekk is-sinerġija bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandha tinkiseb kemm f’termini politiċi kif ukoll baġitarji;

19.  Iqis li l-mekkaniżmu Athena għall-iffinanzjar ta’ spejjeż komuni marbuta ma’ operazzjonijiet militari u ta’ difiża mmexxija mill-UE ma jipprovdix perspettiva ġenerali biżżejjed tal-implikazzjonijiet finanzjarji kollha tal-missjonijiet imwettqa mill-PESK, u għalhekk jitlob għal lista ċara tan-nefqiet kollha;

20.  Jilqa’ l-enfasi akbar fuq il-konsistenza u l-koerenza fil-firxa tal-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni, pereżempju fl-għamla tad-dispożizzjonijiet trasversali dwar is-SEAE fir-regolamenti proposti għal strumenti finanzjarji ġodda ta’ relazzjonijiet esterni għall-perjodu 2014-2020; jemmen li approċċ bħal dan se juri l-valur miżjud tal-Unjoni fit-tfittxija għas-sigurtà u l-prosperità għaċ-ċittadini tal-Ewropa; jenfasizza f’dan ir-rigward li għandhom jintużaw l-istrumenti finanzjarji b’mod kumplementari tul il-firxa komprensiva tal-politika estera tal-Unjoni mingħajr duplikazzjoni;

21.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji l-ġodda tar-relazzjonijiet esterni kkunsidrati mill-Parlament u mill-Kunsill jiġu mfassla u jkunu ffinanzjati b’mod adegwat biex jirrispondu għall-interessi strateġiċi tal-Unjoni kif ukoll ikunu jistgħu jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi politiċi li qed jinbidlu; jitlob, għalhekk, li l-baġit tal-Unjoni (il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020) ikollu r-riżorsi xierqa, skont l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-Unjoni bħala attur globali, b'tali mod li jipprovdi futur sigur u ta’ prosperità għaċ-ċittadini kif ukoll il-flessibilità meħtieġa biex ilaħħaq ma’ żviluppi mhux previsti;

22.  Jemmen li approċċ aktar konġunt u komprensiv għall-applikazzjoni tal-istrumenti tal-UE tar-relazzjonijiet esterni b’appoġġ għall-objettivi politiċi u strateġiċi komuni għandu jagħti risposti aktar effiċjenti u kost-effettivi għall-isfidi tal-politika estera u ta’ sigurtà u għalhekk jipprovdi aktar sigurtà u prosperità liċ-ċittadini tal-Ewropa; jenfasizza li biex il-Parlament jassigura liċ-ċittadini rigward il-koerenza u l-kost-effettività tal-politiki esterni u l-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni, is-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati (notevolment skont l-Artikolu 290 tat-TFUE) għandhom ikunu riflessi kif xieraq fir-reviżjoni tal-istrumenti finanzjarji, u b’mod partikolari fl-użu ta’ atti delegati għal dokumenti strateġiċi ta’ programmazzjoni;

23.  Hu tal-fehma li, sabiex tkun konsistenti mal-valuri proprji tal-Unjoni, l-istrumenti finanzjarji li jippromwovu, fost l-oħrajn, il-bini tal-paċi, is-sigurtà, l-istat ta’ dritt, il-governanza tajba u soċjetajiet ġusti għandhom jissaħħu peress li huma strumenti strateġiċi tal-politika estera u tal-azzjoni esterna tal-UE fl-indirizzar ta’ sfidi globali.

24.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata koerenza bejn l-ippjanar, il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika, permezz ta’ taħlita xierqa ta’ strumenti finanzjarji esterni fil-qasam tal-affarijiet barranin; jitlob fost affarijiet oħra kumplimentarjetà kontinwa bejn il-PESK u l-Istrument għall-Istabilità fl-oqsma tal-medjazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-konsolidazzjoni tal-paċi wara kunflitt, kif ukoll għal ħidma ulterjuri lejn kumplimentarjetà mal-istrumenti ġeografiċi għal impenn fit-tul ma’ pajjiż jew reġjun; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Sħubija ġdid kif mitlub mill-Parlament li jġib valur miżjud importanti fil-PESK tal-UE billi jipprovdi qafas finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi dwar objettivi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet bilaterali, reġjonali jew multilaterali tal-Unjoni u huma barra mill-ambitu tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

25.  Jemmen li approċċ bħal dan jista’ jiġi megħjun bit-twaqqif ta’ punti ta’ referenza ċari, li għandhom jiġu ssorveljati u valutati mill-Parlament fuq żmien qasir, medju u twil; jitlob li jkun hemm punti ta' riferiment tal-politika barranija tal-UE, permezz ta’ dokumenti ta’ programmazzjoni strateġika jew oqfsa ta’ politika strateġika eżistenti (bħal dawk imwaqqfa għall-Qarn tal-Afrika jew is-Sahel), inkluż definizzjoni aktar sistematika u kwantifikabbli tal-prijoritajiet u l-objettivi politiċi, u tar-riżorsi li għandhom jintużaw fi skedi preċiżi fit-terminu qasir, medju u twil;

26.  Jemmen li approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-Unjoni jeħtieġ, fost l-oħrajn, allinjament akbar u tisħiħ reċiproku tal-PESK u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); jilqa’, f'dan il-kuntest, ir-rispons tal-politika konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE għall-avvenimenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar, li hemm eżempju tagħhom fil-“Komunikazzjoni Konġunta” tal-25 ta’ Mejju 2011; jemmen, barra minn hekk, li l-istrutturi multilaterali tal-PEV għandhom jiġu konsolidati u żviluppati b’mod aktar strateġiku, sabiex javvanzaw b’mod effettiv il-prijoritajiet tal-politika estera tal-Unjoni; isostni li, minħabba ċ-ċentralità tal-“multilateraliżmu effettiv” fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jesploraw il-vijabilità tad-direzzjoni multilaterali tal-PEV biex isservi bħala qafas għall-organizzazzjoni ta’ relazzjonijiet politiċi fl-Ewropa aktar wiesgħa;

PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI: ĊRIEKI KONĊENTRIĊI TA’ PAĊI, SIGURTÀ U ŻVILUPP SOĊJOEKONOMIKU

27.  Jemmen li l-interessi, l-objettivi u l-linji gwida strateġiċi ġenerali li għandhom jiġu segwiti permezz tal-PESK għandhom ikunu bbażati fuq l-għoti ta’ paċi, sigurtà u prosperità liċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn minnha, l-ewwel nett fil-viċinat tagħna, iżda wkoll lil hinn minnu, iggwidati mill-prinċipji li spiraw il-ħolqien tal-UE nnifisha, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għal-liġi internazzjonali u għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż l-eżerċizzju tar-responsabilità ta’ protezzjoni;

28.  Ikompli jappoġġja t-tkabbir potenzjali tal-Unjoni Ewropea għal kwalunkwe stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni u li huwa impenjat fil-promozzjoni tagħhom u li huwa lest u kapaċi jissodisfa l-kriterji ta’ adeżjoni;

29.  Jinnota li maż-żmien l-Unjoni żviluppat relazzjonijiet ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali li għandhom bażijiet kuntrattwali u legali differenti, li xi wħud minnhom ġew imsejħa “strateġiċi’; josserva li m’hemmx formula ċara biex tiġi stabbilita l-għażla ta’ sieħeb strateġiku tal-Unjoni u li, meta jsiru dawn l-għażliet, il-Parlament Ewropew la hu infurmat u lanqas ikkonsultat; jinnota li l-ingranaġġ tar-relazzjonijiet bilaterali ġenwini u responsabbli jista’ jkun multiplikatur importanti tas-setgħa għall-politika barranija tal-UE kemm b’mod reġjonali kif ukoll fil-fora multilaterali, u li għalhekk l-għażla tas-sħsb strateġiċi jixirqilha riflessjoni bir-reqqa fid-dawl tal-valuri u l-objettivi strateġiċi li l-Unjoni tixtieq tipproġetta;

30.  Jemmen, għalhekk, li d-deċiżjonijiet futuri dwar is-sħab strateġiċi għandhom isiru b’attenzjoni skont il-prijoritajiet tal-politika estera tal-Unjoni, jew vis-à-vis pajjiż jew reġjun, jew fil-fora internazzjonali, u li għandu jitqies b'mod xieraq li jintemmu sħubiji li jkunu tilfu r-rilevanza jew li jkunu saru kontroproduttivi; għalhekk, jitlob li jsir dibattitu ta’ segwitu mal-Parlament dwar id-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Settembru 2010 dwar l-isħubiji strateġiċi u li l-Parlament jiġi infurmat regolarment u bil-quddiem rigward deċiżjonijiet dwar sħubiji futuri, b’mod partikolari fejn dawn is-sħubiji jirċievu appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-Unjoni jew jinvolvu relazzjoni kuntrattwali aktar mill-qrib mal-UE;

31.  Huwa tal-opinjoni li, sabiex l-Unjoni tkun effettiva fit-twassil tal-paċi, sigurtà u żvilupp soċjo ekonomiku għaċ-ċittadini f’ordni politika internazzjonali kompetittiva ħafna, li qed tinbidel u li hija imprevedibbli, huwa importanti li wieħed jiffoka r-riżorsi limitati tal-Unjoni fuq il-prijoritajiet strateġiċi, l-ewwel fuq l-isfidi l-aktar viċin, b’mod partikolari dawk fil-pajjiżi ta’ tkabbir, fil-viċinat, u wara dan jiġi estiż ’il barra fi ċrieki konċentriċi, inkluż, fejn ikun rilevanti, ir-rwol u l-influwenza relattiva ta’ organizzazzjonijiet reġjonali;

32.  Jemmen li r-rispett għall-impenji magħmula fil-qafas tat-tkabbir, u l-wiri ta’ responsabilità għall-viċinat tagħna, isaħħaħ il-kredibilità tal-firxa globali tal-Unjoni; jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għal multilateraliżmu effettiv, bis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba, u jenfasizza l-importanza ta’ ħidma ma’ msieħba internazzjonali oħra fir-reazzjoni għal kriżijiet, theddidiet u sfidi internazzjonali;

Il-Balkani tal-Punent

33.  Jappoġġja l-istrateġiji tal-UE għall-Balkani tal-Punent, inkluż il-prospett tat-tkabbir tal-UE, li jħeġġu d-demokratizzazzjoni, l-istabbilizzazzjoni, is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-modernizzazzjoni soċjoekonomika kemm tal-pajjiżi individwali kif ukoll tar-reġjun kollu kemm hu; jinnota bi tħassib, li l-instabilità politika, id-dgħufijiet istituzzjonali, il-korruzzjoni mferrxa, il-kriminalità organizzata u l-kwistjonijiet reġjonali u bilaterali li għadha ma nstabitx soluzzjoni għalihom, qed ixekklu iktar progress ta’ xi pajjiżi lejn l-integrazzjoni fl-UE; jitlob għalhekk lill-UE biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod aktar vigoruż fil-proċess ta’ integrazzjoni, f'konformità mal-Karta tan-NU, kif ukoll issaħħaħ ir-rwol ċentrali tagħha fir-reġjun;

34.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-titjib tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Balkani tal-Punent billi jagħmlu iktar immexxi mill-punti ta’ riferiment, trasparenti u responsabbli b’mod reċiproku u billi jiġu introdotti indikaturi ċari; jistieden lill-UE biex tagħmel sforzi ġodda, konvinċenti u ġenwini sabiex terga’ tagħti l-ħajja lill-proċess tat-tkabbir kif ukoll biex tkompli tagħti prijorità lill-kundizzjonijiet li ġejjin: djalogu politiku kostruttiv, relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, żvilupp ekonomiku, konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, inkluż l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, titjib fl-effettività u l-indipendenza tal-ġudikatura, titjib fil-kapaċitajiet u r-rekords amministrattivi biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni relatata mal-acquis, trattament ta’ tensjonijiet interetniċi u interreliġjużi, u indirizzar tas-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-persuni spostati kif ukoll is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet bilaterali u reġjonali miftuħa;

35.  Iqis, barra minn hekk, li huwa essenzjali li l-politika esterna tal-UE għal reġjun bi storja riċenti ta’ kunflitt armat interetniku tippromwovi klima ta’ tolleranza, rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi u politiki u leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, relazzjonijiet tajba mal-viċinat u kooperazzjoni reġjonali – inkluż permezz ta’ sistemi edukattivi aktar integrati (skambji intrareġjonali ta’ studenti) – u kollaborazzjoni xjentifika, bħala prerekwiżiti għal stabilità Ewropea u bħala mezz li jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni;

36.  Jilqa’ l-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-missjoni EULEX u l-iffokar mill-ġdid tagħha fuq l-istat tad-dritt u l-mandat eżekuttiv; jistenna li din tkun operattiva għal kollox fit-territorju kollu tal-Kosovo, inkluż it-Tramuntana, u biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, inkluż kontra l-kriminalità organizzata;

It-Turkija

37.  Jilqa' l-aġenda pożittiva tal-Kummissjoni għar-relazzjonijiet UE-Turkija; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni f'numru ta' oqsma, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tan-nisa fit-Turkija, il-progress bil-mod lejn kostituzzjoni ċivili ġdida u, barra minn hekk, il-polarizzazzjoni tas-soċjetà Torka; iħeġġeġ lit-Turkija biex tħaffef il-proċess ta’ riforma;jinnota li t-Turkija mhijiex biss pajjiż kandidat iżda wkoll sieħeb strateġiku importanti u alleat tan-NATO; jitlob, għalhekk, biex jisaħħaħ id-djalogu politiku eżistenti mat-Turkija dwar l-għażliet u l-objettivi tal-politika barranija ta’ interess reċiproku; jenfasizza l-importanza li t-Turkija tiġi mħeġġa biex issegwi l-politika barranija tagħha f'qafas ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien fi djalogu u koordinazzjoni mal-Unjoni Ewropea sabiex jinħolqu sinerġiji siewja u jissaħħaħ il-potenzjal għal impatt pożittiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għall-proċess ta' riforma fid-dinja Għarbija; Jittama li l-kundizzjonijiet jitjiebu għall-ftuħ ta’ aktar kapitli fin-negozjati ta’ sħubija (eż. ratifika u implimentar tal-Protokoll ta’ Ankara);

Il-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Lvant Nofsani

38.  Jitlob biex il-prinċipji sottostanti tal-approċċ il-ġdid tal-PEV, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari l-prinċipju “aktar għal aktar’, dak tad-differenzjazzjoni u dak tar-responsabilità reċiproka, kif ukoll ”is-sħubija mas-soċjetà“, ikunu kompletament operattivi u li l-assistenza tal-Unjoni tkun allinjata bis-sħiħ ma’ dan l-approċċ ġdid; ifakkar li l-Komunikazzjoni Konġunta ”Twettiq ta’ Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida’ tal-15 ta’ Mejju 2012 telenka dawn l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi tar-reġjun: id-demokrazija sostenibbli, l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku u inklużiv, il-mobilità, il-kooperazzjoni reġjonali u l-istat tad-dritt;

39.  Ifakkar li l-Viċinat tan-Nofsinhar huwa ta’ importanza vitali għall-Unjoni Ewropea, jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi u s-soċjetajiet tal-Viċinat fl-għajnuna għat-tranżizzjoni lejn demokraziji kkonsolidati, u jħeġġeġ li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn, fuq naħa waħda, l-insegwiment ta’ approċċ orjentat lejn is-suq, u min-naħa l-oħra, ta’ approċċi umani u soċjali fir-rispons tal-UE għar-Rebbiegħa Għarbija; jitlob, għalhekk, li tingħata aktar attenzjoni lid-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-impjieg (speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ), l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp reġjonali, sabiex jiġu megħjuna jtaffu l-kriżi ekonomika u soċjali attwali f’dawn il-pajjiżi, u tiġi pprovduta l-assistenza meħtieġa għal appoġġ tat-tisħiħ tal-governanza tajba u tar-riformi politiċi demokratiċi kif ukoll l-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta’ appoġġ għall-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika effettiva, inkluż għall-parlamenti ta’ dawn il-pajjiżi, ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, għat-tisħiħ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u midja indipendenti, u għall-formazzjoni ta’ partiti politiċi pluralisti f’sistema kemm jista' jkun sekulari li fiha jiġu rrispettati għal kollox id-drittijiet tan-nisa, u fejn hemm titjib notevoli fir-rispett għad-drittijiet fundamentali ewlenin bħal dak tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon, fl-aspetti individwali, kollettivi, pubbliċi, privati u istituzzjonali tiegħu;

40.  Itenni li relazzjoni ekonomika, politika, kulturali jew xi tip ta’ relazzjoni oħra bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV għandha tkun ibbażata fuq it-trattament indaqs, is-solidarjetà, id-djalogu u l-osservanza tal-asimetriji speċifiċi u l-karatteristiċi ta’ kull pajjiż;

41.  Iqis li l-valutazzjoni tal-progress globali magħmul mill-pajjiżi msieħba għandha tkun ibbażata fuq it-trasparenza reċiproka u għandha tkun ibbażata fuq il-livell ta’ impenn għar-riforma u fuq punti ta’ referenza definiti b’mod ċar, u miftiehma b’mod konġunt, li jistabbilixxu skedi għall-implimentazzjoni ta’ riformi kif stabbilit fil-pjanijiet ta’ azzjoni; dawn il-punti ta’ referenza għandhom ikunu l-bażi għal monitoraġġ u valutazzjoni regolari u, fejn ikun possibbli, konġunti li jinkludu rwol sħiħ għas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u trasparenti tal-politiki;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran bħala strument għall-instituzzjonalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi megħlub l-istadju ta’ paraliżi li sabet ruħha fiha din l-organizzazzjoni; jilqa’ l-bidliet magħmula rigward il-kopresidenza Ewropea u jittama li d-dinamiżmu tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid se jikkontribwixxi biex jagħti spinta ’l quddiem lill-proġetti identifikati;

43.  Ifakkar l-impenn tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati mal-Istat tal-Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu fil-paċi u s-sigurtà flimkien;

44.  Ifakkar li s-soluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani huwa interess fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-partijiet infushom u r-reġjun aktar wiesa’. jenfasizza, għalhekk, li l-ħtieġa għal progress fil-proċess ta' paċi hija aktar urġenti minħabba l-bidliet li għaddejjin bħalissa fid-dinja Għarbija;

L-Iran

45.  Jappoġġja l-approċċ doppju tal-Kunsill bil-għan li tinstab soluzzjoni diplomatika bħala l-uniku approċċ vijabbli għall-kwistjoni nukleari Iranjana; ifakkar li s-sanzjonijiet mhumiex riżultat fihom infushom; iħeġġeġ lill-UE3+3 u lill-Iran biex ikomplu jipparteċipaw mal-mejda tan-negozjati u jistieden lin-negozjaturi jilħqu ftehim; ifakkar li, skont il-prinċipju ċentrali tan-NPT, l-Iran għandu d-dritt li jarrikkixxi l-uranju għal skopijiet paċifiċi u li jirċievi assistenza teknika għall-istess objettiv; huwa mħasseb li jaf ikun hemm azzjoni militari u jsejjaħ lill-partijiet kollha għal riżoluzzjoni paċifika u jħeġġeġ lill-Iran biex jirrispetta t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni u r-riżoluzzjonijiet tan-NU u biex jikkoopera bi sħiħ mal-IAEA;

46.  Barra minn hekk, jistieden lill-Kunsill jikkunsidra miżuri pożittivi , jekk l-Iran jimpenja ruħu li jillimita l-arrikkiment tal-uranju għal inqas minn 5%, jesporta l-istokkijiet kollha tal-uranju ’l fuq minn dan il-livell għall-ipproċessar mill-ġdid f’vireg tal-fjuwil għal skopijiet nukleari ċivili u jiftaħ b’mod sħiħ l-aspetti kollha tal-programm nukleari tiegħu lill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), sabiex l-IAEA tkun tista’ tivverifika li l-programm nukleari tal-Iran huwa totalment ċivili; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill sabiex jibdew mill-ġdid in-negozjati diplomatiċi dwar kwistjonijiet oħra ta’ interess reċiproku għall-UE u l-Iran, bħas-sigurtà reġjonali, id-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni fis-Sirja, l-Afganistan, l-Iraq u l-Golf Persjan; jitlob li l-Iran ikollu rwol kostruttiv fis-sigurtà reġjonali;

47.  Jitlob, għalhekk, li jkun hemm sforz sostnut u persistenti mill-VP/RGħ u l-Kunsill biex l-Iran jintalab bis-saħħa biex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa għal politika Ewropea għall-Iran biex tesprimi solidarjetà ma’ dawk li jirreżistu r-ripressjoni u jiġġieldu għal-libertajiet bażiċi u d-demokrazija; jinsisti li preżenza tal-UE fuq il-post tista’ tiżgura li l-Istati Membri, kif ukoll l-UE, jevalwaw kif suppost l-evoluzzjoni f’kull qasam u jikkomunikaw mal-awtoritajiet Iranjani; iqis li l-ftuħ ta' delegazzjoni tal-UE fl-Iran tista' sseħħ fil-mument opportun fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Iran;

Il-Libja

48.  Jitlob lill-VP/RGħ biex jiżgura skjerament rapidu fil-Libja ta’ biżżejjed persunal u kompetenza istituzzjonali li jassisti lil-Libja biex tilħaq il-ħtiġijiet tagħha u tirrispondi għat-talbiet tal-Libja fil-qasam tal-bini tal-kapaċità, il-governanza, is-soċjetà ċivili u l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja t-tranżizzjoni demokratika fil-Libja fl-oqsma kollha u jitlob lill-VP/RGħ biex tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jaġixxu b’mod koordinat, konsistenti mal-prinċipji u l-valuri tal-UE u mal-interessi strateġiċi fl-issodisfar tal-ħtiġijiet u t-talbiet tal-Libja;

Is-Sirja

49.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, il-Kunsill u l-Istati Membri biex jinvestu lilhom infushom sabiex isibu soluzzjoni għall-kriżi fis-Sirja; jitlob lill-VP/RGħ biex jiżgura li l-Istati Membri jaġixxu b’mod unit u kkoordinat fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkostitwixxi l-forum xieraq biex jiġi diskuss intervent potenzjali internazzjonali u appoġġjat min-NU fis-Sirja; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-VP/RGħ biex iżżid l-isforzi biex b’mod diplomatiku titfa' pressjoni fuq ir-Russja u ċ-Ċina biex ineħħu l-istaġnar fir-rigward tas-Sirja fil-Kunsill tas-Sigurtà; jistieden lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni biex jesploraw il-modi kollha biex jipprovdu u jsaħħu l-assistenza umanitarja sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet f'dawk il-pajjiżi ġirien li, b'mod partikolari minħabba l-influss tar-refuġjati, huma affettwati l-aktar mill-kriżi fis-Sirja;

Il-Viċinat tal-Lvant

50.  Ifakkar li l-Viċinat tal-Lvant huwa ta’ importanza strateġika; jitlob għal sforzi ikbar, u impenn politiku akbar, sabiex jinkisbu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant – kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta’ Praga u l-Konklużjonijiet tas-Samit tal-Varsavja, u fakkar fil-Komunikazzjoni Konġunta “Is-Sħubija tal-Lvant: Pjan direzzjonali għas-Samit tal-Ħarifa 2013’ tal-15 ta’ Mejju 2012 – inkluż, b'mod partikolari, it-tħaffif tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika, u t-titjib tal-mobilità għaċ-ċittadini f’ambjent sikur u ġestit sew; huwa tal-opinjoni li l-Unjoni għandha b’mod partikolari ssegwi n-negozjati u l-konklużjonijiet tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mas-Sħab tal-Lvant, li jippromwovu l-mobilità permezz ta’ sħubiji ta’ mobilità u djalogi dwar il-viża, u li jiżguraw progress kontinwu fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi, f’assoċjazzjoni mill-qrib mal-Assemblea Parlamentari EURONEST; jenfasizza li d-deċiżjonijiet kollha għandhom ikunu akkumpanjati bl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u jitlob għal titjib biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fis-Sħubiji għal Modernizzazzjoni;

51.  Jiddispjaċih, madankollu, li s-sitwazzjoni globali dwar l-istandards demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bilkemm għamlet progress; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant jista’ jseħħ biss ladarba l-kunflitti ffriżati kollha jiġu solvuti ; jitlob, f’dan ir-rigward, involviment aktar attiv tal-UE fil-proċessi rilevanti tal-paċi sabiex jinbdew inizjattivi kredibbli mmirati biex jitneħħa l-istaġnar attwali, tiġi ffaċilitata t-tkomplija tad-djalogu bejn il-partijiet u jinħolqu l-kondizzjonijiet għal soluzzjonijiet komprensivi u dejjiema;

52.  Jitlob involviment iktar b’saħħtu min-naħa tal-UE, b’kooperazzjoni ma’ sħab reġjonali, fis-soluzzjoni tal-kunflitti ffriżati' li qed iseħħu fit-territorji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari t-tkissir tal-istaġnar dwar Ossezja tan-Nofsinhar u Abkhazia u dwar il-kunflitt bejn Nagorno u Karabakh u li jkollha rwol sħiħ fl-appoġġ ta’ kwalunkwe ftehim ta’ paċi konsegwenti; jemmen li l-kwistjoni Transnistrijana tista’ tkun każ ta’ prova tajjeb għar-rieda tajba tas-sħab reġjonali;

Il-Moldova

53.  Jilqa’ l-isforzi multidimensjonali tar-Repubblika tal-Moldova biex toqrob lejn l-UE, b'mod partikolari billi tagħmel progress fir-riformi politiċi domestiċi u billi tieħu passi sostantivi u pożittivi fin-negozjati “5+2” dwar il-kunflitt Transnistrijan;

L-Ukraina

54.  Jenfasizza li, filwaqt li l-Ftehim bejn l-UE u l-Ukraina ġie inizjalat, l-iffirmar u r-ratifika tiegħu jistgħu jseħħu biss jekk l-Ukraina tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa, li jfisser, jekk jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi, jinforza l-istat tad-dritt – billi jissaħħu l-istabilità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxuh – u billi juri rispett lejn id-drittijiet – u jtemm il-persekuzzjoni – tal-oppożizzjoni, li b'hekk tiġi stabbilita demokrazija verament pluralista; jitlob lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni biex jiggarantixxu mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jappoġġjaw il-missjonijiet addizzjonali ta’ monitoraġġ elettorali ippjanati għall-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin fl-Ukraina; jitlob lill-Parlament tal-Ukraina biex jemenda l-kodiċi penali, li tmur lura għal żminijiet Sovjetiċi, billi jitneħħew is-sanzjonijiet kriminali għal atti politiċi ċari mwettqa minn funzjonarji tal-istat li jaġixxu f’kapaċità uffiċjali;

Il-Bjelorussja

55.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrilaxxaw lill-priġunieri politiċi kollha; jitlob li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Bjelorussja ikunu kondizzjonali fuq il-progress lejn ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li ma jista’ jkun hemm ebda progress fid-djalogu UE-Bjelorussja sakemm ma jinħelsux u ma jiġux riabilitati l-priġunieri politiċi kollha ; fl-istess ħin, jilqa’ l-isforzi mill-UE u d-Delegazzjoni tagħha f’Minsk biex tintlaħaq u tiġi involuta aktar is-soċjetà tal-Bjelorussja, inkluż permezz ta’ “Djalogu Ewropew għall-modernizzazzjoni”, proċeduri ffaċilitati għall-għoti tal-viża u aktar partiċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Bjelorussja fil-programmi tal-UE;

Il-Kawkasu tan-Nofsinhar

56.  Jinnota l-progress sinifikanti li sar fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja; jitlob għal passi ulterjuri biex jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-tliet pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

Strateġija għall-Baħar l-Iswed

57.  Jenfasizza l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-Unjoni u jerġa' jfakkar lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu strateġija għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed li tiddefinixxi approċċ integrat u komprensiv tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tar-reġjun;

Ir-Russja

58.  Jappoġġja l-politika tal-Unjoni ta’ impenn kritiku mar-Russja; jikkunsidra r-Russja bħala sieħba u ġara strateġika importanti, iżda jkompli jkollu t-tħassib dwar l-impenn tar-Russja għall-istat tad-dritt, id-demokrazija pluralista u d-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora b'mod partikolari l-intimidazzjoni kontinwa, il-fastidju u l-arresti tar-rappreżentanti tal-forzi tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-adozzjoni reċenti ta' liġi dwar il-finanzjament tal-NGOs, u l-pressjoni li dejjem tiżdied fuq il-midja libera u indipendenti; f'dan ir-rigward jistieden lill-UE biex tibqa' kostanti fit-talbiet tagħha li l-awtoritajiet Russi jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSCE; jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika Russa, inkluża l-ekonomija, ikun rispons kostruttiv għall-iskuntentizza li dejjem tikber espressa minn ħafna ċittadini Russi, u huwa bżonnjuż biex tinbena sħubija ġenwina u kostruttiva bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza r-rieda tal-UE li tikkontribwixxi għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni u għal kwalunkwe suċċessur għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni attwali li huwa marbut mal-progress tar-Russja rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija pluralista;

59.  Huwa tal-fehma li s-sentenza riċenti tat-tliet membri tal-grupp punk femminist Pussy Riot għal sentejn f'kolonja penali għal “ħuliganiżmu mmotivat minn mibegħda reliġjuża” hija parti minn miżuri ripressivi fuq in-nuqqas ta' qbil politiku u l-forzi tal-oppożizzjoni li jkomplu jnaqqsu l-ispazju demokratiku Russu u jdgħajfu ħafna l-kredibilità tas-sistema ġudizzjarja Russa; jikkundanna bil-kbir dan il-verdett immotivat mill-politika u jistenna li din il-kundanna tinbidel fl-appell bir-rilaxx tat-tliet membri ta' Pussy Riot.

60.  Jemmen li l-aħjar bażi għal sħubija aktar mill-qrib għandha tkun Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni ġdid, ambizzjuż u komprensiv li jinkludi kapitli dwar id-djalogu politiku, il-kummerċ u l-investimenti, il-kooperazzjoni fl-enerġija, id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; jenfasizza l-ħtieġa għall-bini ta’ sħubija ġenwina bejn is-soċjetajiet tal-UE u tar-Russja, u f’dan il-kuntest, jilqa’ l-progress miksub fl-implimentazzjoni ta’ “Passi komuni lejn vjaġġar mingħajr viża” bi ftehim bejn l-UE u r-Russja;

61.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex jaħdmu mar-Russja u ċ-Ċina sabiex jegħlbu d-diverġenzi – inkluż ġewwa l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti – fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fis-Sirja bl-għan komuni li jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza, filwaqt li tiġi evitata gwerra ċivili u tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema fis-Sirja; jilqa’ l-kooperazzjoni mar-Russja fin-negozjati E3 +3 mal-Iran sabiex l-Iran ma jitħalliex jakkwista armi nukleari;

62.  Jistieden lir-Russja biex itejbu l-istabilità, il-kooperazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku filwaqt li jirrispettaw id-dritt sovran ta’ kull pajjiż biex jagħmel l-arranġamenti ta’ sigurtà tiegħu; iħeġġeġ lir-Russja biex tirrispetta l-integrità territorjali u kostituzzjonali tal-ġirien reġjonali u biex tissieħeb fil-kunsens internazzjonali fin-Nazzjonijiet Uniti rigward id-demokrazija emerġenti;

63.  Jenfasizza li waqt li l-Istati Membri jistabbilixxu l-konnessjonijiet u l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom permezz ta’ investiment fl-infrastruttura u l-approvazzjoni tar-regolamenti komuni, għandhom isiru wkoll sforzi kontinwi fil-kollaborazzjoni mar-Russja sabiex jiġu identifikati miżuri kreattivi u reċiprokament aċċettabbli biex inaqqsu d-diskrepanzi bejn iż-żewġ swieq tal-enerġija;

64.  Huwa mħasseb dwar il-militarizzazzjoni żejda riċenti fiż-żona ta’ Kaliningrad li qed toħloq nuqqas ta’ sigurtà dejjem akbar madwar iż-żona tal-UE;

L-Asja Ċentrali

65.  Jappoġġja l-promozzjoni tal-UE ta’ approċċ reġjonali fl-Asja Ċentrali, li huwa essenzjali biex tiġi trattata d-dimensjoni reġjonali ta’ kwistjonijiet li jinkludu l-kriminalità organizzata, it-traffikar (tad-drogi, ta’ materjali radjuattivi u tal-bnedmin), it-terroriżmu, id-diżastri ambjentali naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta’ progress sostanzjali dovut parzjalment biss minħabba r-riżorsi finanzjarji limitati disponibbli; jitlob għalhekk li dan l-impenn ikun sod u kondizzjonali (“aktar għal aktar”) fuq il-progress fid-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli soċjoekonomiku, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li l-approċċ reġjonali ma għandux ifixkel sforzi individwali għal stati aktar avvanzati; jinnota li l-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni tal-UE għall-Asja Ċentrali tidentifika seba’ prijoritajiet, iżda tipprovdi riżorsi li huma wisq limitati biex ikollhom impatt fl-oqsma kollha tal-politika; jitlob li l-UE tiddefinixxi aħjar il-prijoritajiet skont ir-riżorsi disponibbli; ifakkar l-importanza tar-reġjun f’termini ta’ kooperazzjoni ekonomika, enerġija u sigurtà, iżda jenfasizza li huwa importanti li jiġi żgurat li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma tkunx subordinata għall-interessi ekonomiċi, tal-enerġija jew tas-sigurtà; madankollu jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Afganistan u eskalazzjoni possibbli fir-relazzjonijiet Uzbeki-Taġik; jissuġġerixxi li l-UE tħares lejn possibilitajiet biex tgħaqqad ir-riżorsi tagħha mal-Istati Membri attivi fir-reġjun;

66.  Jinnota li s-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, in-nuqqas ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-istatus tal-istat tad-dritt tibqa’ inkwetanti; jitlob li d-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem jiġu msaħħa u jsiru aktar effettivi u orjentati lejn ir-riżultati, bil-kooperazzjoni mill-qrib u l-involviment ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ djalogi bħal dawn; jitlob lill-UE u lill-VP/RGħ biex iqajmu pubblikament il-każijiet ta’ priġunieri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti mixħutin il-ħabs u biex jitolbu li jkun hemm ir-rilaxx immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u biex ikun hemm proċeduri legali ġusti u trasparenti għall-oħrajn; jitlob li l-Inizjattiva għall-Istat tad-Dritt ittejjeb it-trasparenza għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tinkludi objettivi ċari li jagħmlu possibbli valutazzjoni trasparenti tal-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha;

67.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li għandhom ħafna enerġija u riżorsi jipprovdu sors potenzjalment sinifikanti għad-diversifikazzjoni tal-UE tas-sorsi u r-rotot ta’ provvista; jinnota li l-UE hija konsumatur affidabbli u li l-pajjiżi produtturi għandhom juru l-affidabilità tagħhom bħala fornituri lill-pajjiżi konsumaturi u lil investituri barranin billi, fost l-oħrajn, jistabbilixxu kundizzjonijiet indaqs għall-korporazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali skont l-istat tad-dritt; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ikomplu jipprovdu appoġġ għal proġetti ta’ enerġija u l-promozzjoni ta’ komunikazzjoni fuq għanijiet importanti bħall-Kuritur tan-Nofsinhar u t-trans-Caspian pipeline mingħajr ma jintesew il-prinċipji ta’ governanza tajba u trasparenza bħala elementi ta’ benefiċċju għal kulħadd fil-kooperazzjoni tal-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba;

68.  Jenfasizza li l-isfruttament u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ilma għadhom punt ta’ diskussjoni fir-reġjun u sors ta’ instabilità, tensjoni u kunflitt potenzjali; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-Inizjattiva tal-Ilma mnedija mill-UE fl-Asja Ċentrali iżda jitlob djalogu iktar effettiv u kostruttiv bejn il-pajjiżi muntanjużi fin-naħa ta' fuq u dawk man-naħa t'isfel bil-ħsieb li jinkisbu modi sodi u sostenibbli ta’ kif jiġu trattati l-kwistjonijiet tal-ilma u l-adozzjoni ta’ ftehimiet komprensivi u dejjiema tal-qsim tal-ilma;

L-Afganistan

69.  Huwa mħasseb dwar r-riġenerazzjoni tal-vjolenza wara li fallew in-negozjati għall-paċi; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ subreġjonali tal-Asja Ċentrali biex jiġi indirizzat it-traffikar transkonfinali tal-persuni u l-merkanzija u għall-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar illegali tad-droga, li huma sors bażiku ta’ finanzjament għall-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; jitlob għal kooperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-missjoni tal-ISAF tan-NATO sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-intervent; jitlob li jiżdied l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-Gvern tar-Repubblika Islamika tal-Afganistan u l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali kif ukoll biex tingħata għajnuna lill-popolazzjoni aktar wiesgħa bl-iżvilupp agrikolu u soċjoekonomiku sabiex il-pajjiż jassumi responsabilità sħiħa għas-sigurtà tiegħu wara t-tlestija tat-trasferiment tas-sigurtà interna lill-Forzi Afgani sa tmiem l-2014;

70.  Jinnota, bi tħassib kbir għall-popolazzjoni affettwata, li l-intervent militari fl-Afganistan ma kisibx il-bini ta’ stat vijabbli bi strutturi demokratiċi, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja għall-maġġoranza – b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet - jew is-sostituzzjoni tal-produzzjoni tan-narkotiċi b’forom oħrajn ta’ agrikoltura, iżda minflok daħħal lill-pajjiż f’livell bla preċedent ta’ korruzzjoni; minħabba l-irtirar mgħaġġel tat-truppi Ewropej jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' prijorità, biex jippreparaw pjan ta’ sikurezza għal dawk l-Afgani li appoġġjaw mill-qrib l-isforzi tal-UE għall-bini tal-istat, u li l-eżistenza tagħhom tista’ tkun mhedda mit-tluq tal-forzi Ewropew, b’mod partikolari attivisti tan-nisa; jistieden lis-SEAE biex jagħmel evalwazzjoni onesta tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri fl-Afganistan mill-2001 u biex jippreżenta pjan realistiku ta’ attivitajiet futuri tal-UE fir-reġjun sal-aħħar tas-sena;

71.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi bħar-Russja, il-Pakistan, l-Indja u l-Iran meta jiġu indirizzati l-isfidi fl-Afganistan, speċjalment dawk relatati mat-traffikar tad-drogi, it-terroriżmu u r-riskju ta’ tixrid fil-pajjiżi ġirien u r-reġjun;

Il-Kontinent Amerikan
L-Istati Uniti

72.  Jemmen bis-sħiħ li l-Istati Uniti hija l-aktar sieħeb strateġiku importanti għall-UE; għalhekk iħeġġeġ lill-UE biex tagħti prijorità politika ċara għall-approfondiment tar-relazzjonijiet transatlantiċi fil-livelli kollha;

73.  Jissottolinja l-importanza kbira tar-relazzjonijiet transatlantiċi; huwa tal-opinjoni li samits regolari bejn l-UE u l-Istati Uniti jipprovdu opportunità għall-identifikazzjoni ta’ objettivi komuni u l-koordinazzjoni ta’ strateġiji rigward theddidiet u sfidi ta’ rilevanza globali , inkluża, fost l-oħrajn, il-governanza ekonomika, u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni għas-setgħat emerġenti; jilqa’ r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir; iqis li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC)u d-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) għandhom jinkludu riflessjoni dwar l-impenn strateġiku mill-UE u l-Istati Uniti mal-pajjiżi BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn rilevanti, kif ukoll mal-ASEAN, l-Unjoni Afrikana, il-Mercosur, il-Komunità Andina u CELAC u dwar kif għandha tiġi mrawma konverġenza regolatorja ma’ pajjiżi bħal dawn; jissottolinja l-importanza tat-TEC, bħala l-korp responsabbli għat-titjib tal-integrazzjoni ekonomika u l-kooperazzjoni regolatorja, u t-TLD, bħala forum għal djalogu parlamentari u għall-koordinazzjoni tal-ħidma parlamentari miż-żewġ naħat dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, speċjalment leġiżlazzjoni rilevanti għas-suq transatlantiku; ifakkar il-ħtieġa għall-ħolqien, mingħajr aktar dewmien, ta’ Kunsill Politiku Trans-Atlantiku bħala korp ad hoc għal konsultazzjoni u koordinazzjoni sistematiċi u ta’ livell għoli dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti b’mod parallel man-NATO;

74.  Jinnota li, minħabba r-rilevanza globali u reġjonali dejjem tikber taċ-Ċina, l-Indja u pajjiżi oħra emerġenti fl-Asja, l-Istati Uniti tal-Amerika progressivament qiegħda ċċaqlaq l-attenzjoni primarja, l-investiment politiku u r-riżorsi militari tagħha lejn il-Paċifiku; barra minn hekk jinnota li l-Asja għandu jkollha post aktar importanti fuq l-aġenda barranija tal-UE u l-Istati Membri; jitlob għalhekk li ssir koordinazzjoni akbar bejn il-politiki tal-Istati Uniti u tal-UE lejn iċ-Ċina, l-Indja u pajjiżi emerġenti oħra fl-Asja sabiex jiġi evitat diżakkoppjar tal-approċċi rispettivi tagħhom għall-politiki ewlenin;

75.  Jemmen li l-Istati Uniti se tkompli tagħti kontribut vitali għas-sigurtà kollettiva taż-żona Ewro-Atlantika, u jafferma mill-ġdid ir-rilevanza kritika u li ma tinbidilx tar-rabta tas-sigurtà transatlantika; jinnota li, fis-sitwazzjoni ġeostrateġika u ekonomika li dejjem tinbidel, il-bini ta’ kapaċitajiet Ewropej ta’ sigurtà u difiża aktar b’saħħithom jirrappreżenta mezz importanti ta’ kif tissaħħaħ ir-rabta transatlantika;

L-Amerika Latina

76.  Jitlob li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Amerika Latina jitwessa’ f'kull livell, inklużi s-samits tal-kapijiet ta’ stat u l-Assemblea Parlamentari EUROLAT, bħala għodda importanti għall-iżvilupp ta’ kunsens politiku; jitlob li l-impenji politiċi li jiġu wara s-samits bejn l-UE u l-Amerika Latina jkunu akkumpanjati mill-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji adegwati; jesprimi t-tħassib serju dwar il-fatt li l-Arġentina riċentement innazzjonalizzat kumpanija ewlenija Spanjola tal-petrol (YPF) u wettqet ukoll proċeduri politiċi li ma jgħinu xejn rigward il-Gżejjer Falkland tar-Renju Unit;

77.  Jipproponi li tiġi esplorata l-possibilità ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib, l-aktar il-kooperazzjoni ekonomika, bejn l-Ameriki u l-UE bil-għan ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles komuni;

78.  Jitlob għat-tisħiħ tad-djalogi eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’livell ogħla ta’ involviment minn naħa tal-Parlament, kif ukoll għat-tnedija ta' djalogu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar sfidi ta’ sigurtà importanti, u mhux anqas l-impatt devastanti tal-kriminalità organizzata u narkotika fuq l-istituzzjonijiet tal-istat u s-sigurtà tal-bniedem; jinnota li s-7 Samit UE-ALK tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern, li għandu jsir fiċ-Ċili f’Jannar 2013, jista’ jkun opportunità tajba biex jiġu mnedija viżjonijiet ġodda għal kooperazzjoni bireġjonali f'numru ta’ oqsma politiċi u soċjoekonomiċi;

79.  Jenfasizza li l-koeżjoni soċjali għandha tibqa’ prinċipju fundamentali fl-istrateġija għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lejn l-Amerika Latina, mhux biss minħabba l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tagħha, iżda wkoll minħabba l-importanza tagħha f’termini tal-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fir-reġjun u l-istat tad-dritt; jenfasizza wkoll li hemm bżonn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ulterjuri bejn l-UE u l-pajjiżi bi dħul medju tal-Amerika Latina, b’mod li jistgħu jiġu indirizzati l-inugwaljanzi kbar li għadhom jeżistu fir-reġjun; jitlob għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni trijangulari u l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar mal-pajjiżi tal-Amerika Latina;

80.  Jitlob għal iktar żvilupp tal-kooperazzjoni trijangulari mal-Ameriki dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, bil-ħsieb li jimxu lejn żona Ewro-Atlantika li jkun fiha l-UE, l-Istati Uniti, l-Kanada u l-Amerika Latina;

81.  Jinnota l-impatt sinifikanti tal-emerġenza tal-Brażil fir-reġjun u globalment, li tgħaqqad programmi ekonomiċi u soċjali mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet bażiċi; jitlob għat-tisħiħ tas-sħubija strateġika u d-djalogu politiku UE-Brażil; bl-għan li jiġu appoġġati l-isforzi tal-pajjiż biex isaħħaħ il-bini tal-istituzzjonijiet fil-Mercosur u fil-Unasur;

82.  Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali se jiġi ffirmat dalwaqt u jkun suġġett għall-proċedura ta’ kunsens fil-Parlament Ewropew; jissottolinja l-fatt li bħala l-ewwel trattat komprensiv bejn reġjun u reġjun għall-UE, huwa jtejjeb ir-relazzjoni u jrawwem approċċ reġjonali kif ukoll integrazzjoni reġjonali tal-Amerika Latina; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim, u b’mod partikolari l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Amerika Ċentrali;

83.  Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù se jiġi ffirmat dalwaqt u se jkun suġġett għall-proċedura ta’ kunsens fil-Parlament Ewropew; ifakkar li dan il-ftehim ma jistax jitqies bħala qafas definittiv għar-relazzjoni bejn l-UE u dawn il-pajjiżi iżda bħala pass ieħor lejn ftehim ta’ assoċjazzjoni globali, li jħalli l-bieb miftuħ għal pajjiżi oħrajn tal-Komunità Andina biex jingħaqdu miegħu;

84.  Ifakkar għalhekk li l-objettiv tal-UE huwa li jiġi ffirmat Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-membri kollha tal-Komunità Andina; jikkunsidra li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-MERCOSUR għandu jirrappreżenta avvanz deċiżiv fir-relazzjonijiet strateġiċi mal-Amerika Latina, sakemm jiġi bbażat fuq il-prinċipji tal-kummerċ ħieles u ġust u s-sigurtà ġuridika tal-investiment, fir-rispett tal-liġijiet internazzjonali, tax-xogħol u ambjentali u bl-imġiba affidabbli tal-membri;

85.  Jiddeplora l-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni fuq ir-regolament dwar sistema ta’ preferenzi doganali ġeneralizzati u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jinjoraw in-natura strateġika tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina, billi jeskludu numru sew ta’ pajjiżi vulnerabbli tar-reġjun; ifakkar li ċerti pajjiżi tal-Amerika Latina huma fost l-aktar inugwali fid-dinja f'termini ta' dħul per capita u li l-inugwaljanza persistenti sseħħ f’kuntest ta’ mobilità soċjoekonomika baxxa; iqis li l-messaġġ li tittrażmetti l-UE lejn dan ir-reġjun huwa ta’ tħassib u li, fil-prattika, hija dikjarazzjoni li ma tingħatax l-importanza li jistħoqqilha, minkejja l-impenji politiċi u kummerċjali numerużi miksuba kif ukoll l-interessi globali komuni;

L-Afrika

86.  Jinnota li l-Istrateġija konġunta Afrika-UE u t-tmien setturi tagħha inizjalment iffokat fuq l-Unjoni Afrikana (UA) u fuq l-appoġġ tekniku għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali u politiki madwar l-firxa tal-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs); ifakkar li filwaqt li tali approċċ komprensiv jibqa’ validu, il-koerenza u l-effetività ta' l-istrateġija tnaqqsu bl-eżistenza ta' ftehimiet li jidduplikaw lil xulxin b'bosta sħab u n-nuqqas ta' baġit speċifiku għal implimentazzjoni tiegħu; barra minn hekk hemm bżonn urġenti li nimxu lil hinn mill-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali fil-livell kontinentali lejn l-iżvilupp ta’ sħubija politika għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp soċjoekonomiku fuq livell reġjonali u subreġjonali; jitlob estenzjoni ta’ dawn is-sħubiji politiċi biex jinkludu l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali, mhux biss bħala strateġija għat-tisħiħ tal-Unjoni Afrikana, iżda wkoll bħala mezz ta’ approfondiment tas-sħubija UE-Afrika fil-livell reġjonali u subreġjonali, biex b’hekk jiġu indirizzati l-interessi politiċi, ta’ sigurtà u ekonomiċi taċ-ċittadini Afrikani u Ewropej; jiddeplora l-ostakli li joħolqu kolpi ta’ stat bħal dawk li seħħew fil-Mali u l-Ginea Bissaw skont il-prinċipji u l-miri demokratiċi mressqa mill-UA, l-UE u n-NU; jitlob li l-ordni kostituzzjonali tiġi stabbilita mill-ġdid b’mod urġenti f’dawk il-pajjiżi;

87.  Jinnota l-istrateġiji tal-UE għall-Qarn tal-Afrika u r-reġjun tas-Sahel; jemmen li l-kawżi strutturali tal-kunflitt f’dawn ir-reġjuni għandhom jiġu indirizzati sabiex tiġi mwittija t-triq għal soluzzjoni paċifika vijabbli tal-problemi u tingħata perspettiva aħjar għall-popolazzjoni, li timplika aċċess ġust għar-riżorsi, l-iżgurar tal-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni u r-ridistribuzzjoni tal-ġid; jitlob evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fejn huma skjerati għajnuna għall-iżvilupp u riżorsi konsiderevoli diplomatiċi sabiex jevalwaw l-aċċess fuq il-popolazzjoni; jitlob ukoll assoċjazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew, il-Parlament Pan-Afrikan u l-arranġamenti parlamentari reġjonali sabiex tiġi żgurata responsabilità akbar għad-deċiżjonijiet politiċi u baġitarji vis-à-vis iċ-ċittadini taż-żewġ kontinenti, u bħala bażi għall-kejl u l-valutazzjoni tal-progress fl-l-implimentazzjoni tal-politiki; jilqa’ b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kunsill biex jestendi l-mandat ta’ EUNAVFOR Atalanta (biex ikun inkluż l-indirizzar tat-theddida tal-piraterija fuq l-art) bħala mezz biex jissaħħaħ l-approċċ komprensiv tiegħu li jindirizza t-theddida speċifika tal-piraterija kif ukoll jingħata appoġġ għall-iżvilupp tar-reġjun fuq terminu ta’ żmien twil;

88.  Huwa mħasseb serjament dwar it-tensjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan tan-Nofsinhar; jitlob liż-żewġ naħat biex juru rieda politika biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti wara l-firda tagħhom fuq il-bażi tal-Pjan Direzzjonali approvat fir-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta’ Mejju 2012; jenfasizza li l-istabilità fit-tul fir-reġjun teħtieġ strateġija ġdida, magħquda, komprensiva u internazzjonali, fejn l-UE jkollha rwol, flimkien ma’ atturi oħrajn globali u reġjonali, li tiffoka mhux biss fuq kwistjonijiet tat-Tramuntana-Nofsinhar u s-sitwazzjoni fil-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, iżda wkoll fuq il-proċess ta’ riforma fis-Sudan li suppost ilu li sar, u l-approfondiment tar-riformi demokratiċi fis-Sudan tan-Nofsinhar;

89.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent iħeġġeġ lill-Marokk u lill-Front Polisario biex ikomplu n-negozjati għal soluzzjoni paċifika u dejjiema tal-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, u jtenni d-dritt tal-poplu Saħarawi għall-awtodeterminazzjoni, u d-dritt tagħhom li jiddeċiedu dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ referendum demokratiku, skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;

L-Asja

90.  Jistieden lill-UE biex ikollha preżenza ikbar u iktar b'saħħitha fir-reġjun Asja-Paċifiku, b’mod partikolari billi tenfasizza l-kisbiet tat-tranżizzjoni demokratika fl-Indoneżja, l-ikbar nazzjon Musulman, u billi tikkontribwixxi, permezz tal-esperjenza u l-kompetenza tagħha, għall-inizjattivi multilaterali fl-ASEAN u madwaru, u għall-emerġenza progressiva ta’ żieda fl-inizjattivi Trans-Paċifiċi; huwa tal-fehma li s-SEAE issa għandu jagħmel użu sħiħ tal-potenzjal għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Asja; iqis li l-Pjan ta’ Azzjoni Bandar Seri Begawan isaħħaħ is-sħubija mtejba ASEAN-UE bħala l-ewwel pass rilevanti f’dan ir-rigward; ifaħħar ukoll l-approvazzjoni riċenti tat-Trattat ta’ Ħbiberija bħala opportunità għall-approfondiment tal-kooperazzjoni, bil-għan li jintlaħaq lil hinn mill-perspettiva tal-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi Asjatiċi; jenfasizza li l-fertilizzazzjoni trasversali ekonomika u kulturali għandha tingħata aktar prijorità, b’mod partikolari billi jiġu mrawma opportunitajiet ta’ investiment dirett u billi l-aċċess lill-istudenti u r-riċerkaturi jsir aktar faċli u aktar attraenti; jinnota li dan jimplika koordinazzjoni strateġika tal-isforzi tal-Istati Membri u tal-UE, għall-kuntrarju ta’ politiki nazzjonali paralleli u f’kompetizzjoni; jinnota li fil-kuntest reġjonali ta’ sigurtà Asja-Paċifiku, inkluż tilwim territorjali madwar il-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina kif ukoll tħassib dwar il-Korea ta’ Fuq, l-UE bħala sieħeb newtrali għandha tkun proponent attiv ta’ soluzzjoni stabbli u paċifika bbażata fuq istituzzjonijiet multilaterali;

91.  Jitlob li jinbdew malajr in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Sħubija UE - Ġappun;

Iċ-Ċina

92.  Jilqa’ l-progress li sar fl-iżvilupp tal-isħubija strateġika UE-Ċina, inkluż l-iżvilupp ta’ tielet pilastru “Djalogu bejn in-Nies”, minbarra d-djalogi tal-ekonomija u tas-sigurtà; jenfasizza l-interdipendenza dejjem tikber bejn l-ekonomiji tal-UE u taċ-Ċina u jfakkar is-sinifikat tat-tkabbir rapidu tal-ekonomija Ċiniża u l-influwenza għas-sistema internazzjonali;

93.  Jinnota li l-bidla fit-tmexxija taċ-Ċina se tkun test importanti tal-evoluzzjoni tal-pajjiż; Itenni l-mira tiegħu li jiżvuiluppa sħubija strateġika komprensiva maċ-Ċina; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex ikunu aktar konsistenti u strateġiċi fil-messaġġi u politiċi rispettivi tagħhom u b'hekk jikkontribwixxu b’mod li jappoġġjaw l-evoluzzjoni f’direzzjoni pożittiva; jenfasizza li dan jimplika eliminazzjoni tad-diskrepanzi bejn prijoritajiet tal-Istati Membri u tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Il-Ġappun

94.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Ġappun bħala attur internazzjonali ewlieni li jaqsam il-valuri demokratiċi komuni tal-UE u huwa sieħeb naturali għall-kooperazzjoni fil-fora multilaterali u dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku; jistenna bil-ħerqa t-twettiq tal-qafas tal-ftehim komprensiv u l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles;

L-Asja tan-Nofsinhar u tal-Lvant

95.  Jistieden lill-UE tkun aktar attiva fl-Asja t’Isfel u l-Asja tax-Xlokk b’appoġġ ta’ żviluppi demokratiċi u titjib fil-qasam tal-governanza u l-istat tad-dritt; għalhekk, jilqa’ l-impenn għal Pakistan demokratiku, sekulari, stabbli u soċjalment inklużiv; jilqa’ l-ewwel Djalogu Strateġiku UE-Pakistan li sar f’Ġunju 2012 u l-impenn għal diskussjonijiet kostruttivi biex tissaħħaħ kooperazzjoni bilaterali u opinjonijiet komuni dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta’ interess reċiproku, inkluż impenn aktar proattiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfittxu relazzjonijiet mal-Indja, abbażi tal-promozzjoni tad-demokrazija, l-inklużjoni soċjali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-UE u l-Indja biex jikkonkludu malajr in-negozjati tagħhom li għaddejjin bħalissa ta’ Ftehim komprensiv tal-Kummerċ Ħieles UE-Indja, li jistimola l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku Ewropew u Indjan; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw ir-rikonċiljazzjoni, ir-rikostruzzjoni wara l-gwerra u l-iżvilupp ekonomiku tas-Sri Lanka, u f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġa lil Sri Lanka fl-implimentazzjoni tar-rapport tal-Kumitat tal-Lezzjonijiet Mitgħallma u tar-Rikonċiljazzjoni (LLRC); jilqa’ appoġġ attiv tal-UE għall-promozzjoni tad-demokrazija fil-Mjanmar;

96.Jilqa’ l-konklużjoni ta’ suċċess tal-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru fit-Tajwan fl-14 ta’ Jannar 2012; ifaħħar l-isforzi kontinwi tat-Tajwan fiż-żamma tal-paċi u l-istabilità fir-reġjun tal-Asja Paċifika; jirrikonoxxi l-progress li sar f’relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, speċjalment it-titjib fir-rabtiet ekonomiċi, billi jiġi nnotat li rabtiet ekonomiċi eqreb mat-Tajwan jistgħu jtejbu l-aċċess tal-UE għas-suq taċ-Ċina; iħeġġeġ il-Kummissjoni u lill-Kunsill, skont ir-riżoluzzjoni PESK tal-Parlament ta’ Mejju 2011, biex jieħdu passi konkreti biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u t-Tajwan u jiġu ffaċilitati n-negozjati tal-ftehim ta’ kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u t-Tajwan; itenni l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet u attivitajiet internazzjonali rilevanti, inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jirrikonoxxi li l-Programm tal-UE għall-Eżenzjoni mill-Viża mogħti liċ-ċittadini tat-Tajwan, li daħal fis-seħħ f’Jannar 2011, wera li kien ta’ benefiċċju reċiproku; jinkoraġġixxi kooperazzjoni bilaterali aktar mill-qrib bejn l-UE u t-Tajwan f’oqsma bħall-kummerċ, ir-riċerka, il-kultura, l-edukazzjoni u l-protezzjoni ambjentali;

97.  Jistieden lill-UE biex tqajjem kuxjenza dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, il-qtil estensiv u t-trattament inuman fil-kampijiet ta’ priġunieri tax-xogħol u politiċi fil-Korea ta’ Fuq u biex tappoġġa l-vittmi ta’ tali ksur;

Is-sħab multilaterali
G-7, G-8 u G-20

98.  Jemmen li, fid-dawl tar-rilevanza dejjem tikber tal-BRICS u ta’ setgħat emerġenti oħrajn u fid-dawl tas-sistema ta’ governanza globali multipolari li qed tissawwar, il-G20 jista’ jirriżulta bħala forum utli u partikolarment xieraq għall-bini ta’ kunsens li huwa inklussiv, ibbażat fuq sħubija u li jkun kapaċi jrawwem il-konverġenza, inkluża l-konverġenza regolatorja; Huwa tal-fehma, madankollu, li l-G-20 għad irid juri l-valuri tiegħu fil-konverżjoni ta’ konklużjonijiet tas-samits f’politiki sostenibbli li jindirizzaw sfidi kritiċi, mhux anqas il-kontroll tar-rifuġji fiskali u sfidi u theddidiet oħrajn espressi bil-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jinnota f’dan ir-rigward il-potenzjal għall-G-8 li jkollu rwol fil-bini ta’ kunsens qabel il-laqgħat tal-G-20; iqis li l-fatt li jeżisti l-G-8 għandu jintuża wkoll fit-tentattiv biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mar-Russja bl-għan li jiġu affrontati l-isfidi b’mod ikkoordinat u effikaċi;

In-NU

99.  Jitlob lill-UE meta tafferma li l-multilateraliżmu effettiv huwa l-pedament tal-politika barranija tal-UE, biex tieħu rwol ewlieni fil-kooperazzjoni internazzjonali u tavvanza l-azzjoni globali tal-komunità internazzjonali; jinkoraġġixxi lill-UE biex tkompli tippromwovi s-sinerġiji fis-sistema tan-NU, taġixxi bħala bennejja ta’ pontijiet fin-NU u timpenja ruħha globalment ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u msieħba strateġiċi; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tar-riforma tan-NU; jitlob lill-UE biex tikkontribwixxi għal tmexxija finanzjarja tajba u dixxiplina baġitarja fir-rigward tar-riżorsi tan-NU;

100.  Jistieden għalhekk lill-UE biex tinsisti għal riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex issaħħaħ il-leġittimità tagħha, ir-rappreżentanza reġjonali u l-effettività; jenfasizza li tali proċess ta’ riforma jista’ jiġi mniedi b’mod irriversibbli mill-Istati Membri tal-UE jekk huma jitolbu, b’mod konsistenti mar-raġunijiet tat-Trattat ta' Lisbona biex titħeġġeġ il-politika barranija tal-UE u r-rwol tal-UE fil-paċi globali u s-sigurtà, siġġu permanenti għall-UE f’KSNU mkabbar u riformat; jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni biex tieħu inizjattiva b’mod urġenti biex l-Istati Membri jkollhom jiżviluppaw pożizzjoni komuni għal dik ir-raġuni; sakemm tali pożizzjoni komuni tiġi adottata, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiftiehmu dwar u jippromulgaw, mingħajr dewmien, sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex jiżguraw siġġu tal-UE permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

101.  Iqis li huwa importanti li r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tal-AĠNU tkun implimentata bis-sħiħ u li l-UE taġixxi u tagħti riżultati rigward kwistjonijiet sostantivi fil-ħin u b’mod ikkoordinat; jitlob lill-UE tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE u l-interessi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa’ t-twaqqif ta’ prijoritajiet tal-UE fuq perijodu medju fin-NU u jitlob li Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament biex jiġi kkonsultat regolarment dwar ir-reviżjoni annwali u kwalunkwe implimentazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal diplomazija pubblika aktar b’saħħitha dwar l-affarijiet tan-NU u għall-komunikazzjoni tar-rwol globali tal-UE b’mod aktar effettiv lill-pubbliku Ewropew;

102.  Jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li jinbnew sħubiji fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari, u l-konsolidazzjoni tal-paċi, u, fir-rigward ta’ dan, li l-Kumitat ta’ Tmexxija UE-NU jsir aktar operattiv fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżi; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiġġeneraw progress akbar fl-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipju tar-responsabilità ta' protezzjoni u għax-xogħol mas-sħab tan-NU lejn l-iżgurar li dan il-kunċett isir parti mill-prevenzjoni u l-bini mill-ġdid ta’ wara l-kunflitt; jitlob l-elaborazzjoni ta’ “Kunsens dwar ir-R2P u Politika komuni dwar il-Prevenzjoni tal-Kunflitti” Interistituzzjonali b’mod parallel mal-“Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja” u l-“Kunsens għall-Iżvilupp” diġà eżistenti, li jista’ jiżgura aktar konsistenza tal-UE fil-fora tan-NU dwar dawk il-kwistjonijiet;

103.  Ifakkar li l-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni tal-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Diċembru 2008, jirrikonoxxi r-rabtiet mill-qrib bejn il-kwistjonijiet tal-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-ugwaljanza bejn is-sessi u għandhom ikunu pedament għall-PESK; jenfasizza li l-UE talbet b’mod konsistenti għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u l-aġenda tas-sigurtà u sussegwentement msaħħa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet 1888 u 1889 (2009) u 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi; jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u jenfasizza li dawn għandhom ikunu bbażati fuq standards uniformi minimi Ewropej fir-rigward tal-objettivi tagħhom, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fl-UE;

104.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati linji gwida u kapaċitajiet ta’ medjazzjoni aktar effettivi permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-UE u n-NU rigward il-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni sabiex jiġu pprovduti riżorsi adegwati għal medjazzjoni fil-ħin u b’mod ikkoordinat, inkluż permezz tal-iżgurar tal-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawn il-proċessi; iqis li huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li tiġi żviluppata l-kapaċità tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jindirizza sitwazzjonijiet serji u urġenti tad-drittijiet tal-bniedem, li jiġi msaħħaħ il-proċess ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali u li jiġi msaħħaħ il-proċess tar-Reviżjoni Perjodika Universali; jisħaq fuq it-tkomplija tal-appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, bil-għan li tikkontribwixxi għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-impunità.

105.  Jitlob lill-VP/RGħ tal-UE u lill-Kunsill, fir-rigward tan-negozjati tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi (ATT), biex jaħdmu għall-ogħla standards possibbli tal-protezzjoni tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali billi jiġu stabbiliti standards li jmorru lil hinn minn dawk diġà miftiehma fil-livell tal-UE u stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi; jenfasizza għalhekk li l-partijiet tal-Istati tal-UE għandhom joqogħdu lura milli jaċċettaw standards iktar baxxi li bla dubju jkunu ta’ detriment għas-suċċess u l-effettività tal-ATT;

UE-NATO

106.  Jilqa’ l-impenji mwettqa mill-UE u n-NATO biex isaħħu s-sħubija strateġika tagħhom, affermata mill-ġdid mill-Alleanza fil-Kunċett Strateġiku ġdid u fis-Summit ta’ Chicago u jenfasizza l-progress li sar fir-rigward tal-kooperazzjoni prattika fl-operazzjonijiet. jinnota li l-kriżi ekonomika attwali globali u Ewropea xprunat sforzi għal kapaċitajiet operazzjonali aktar effettivi u meħtieġa b’mod urġenti kemm fl-UE kif ukoll fin-NATO; jitlob, għalhekk, li l-VP/RGħ tkun aktar proattiva fil-promozzjoni ulterjuri ta’ proposti konkreti għal kooperazzjoni bejn organizzazzjoni u oħra, inkluż permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (b’difiża, akkomunament u qsim intelliġenti u approċċ komprensiv bħala prinċipji ta’ gwida bbażati fuq il-kumplimentarjetà tal-inizjattivi); jitlob soluzzjoni politika urġenti għall-imblukkar fil-kooperazzjoni taħt l-arranġamenti “Berlin Plus’, li qed iżommu lura lill-prospetti għall-kooperazzjoni b’mod aktar effettiv bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

Il-Kunsill tal-Ewropa

107.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkonkludu malajr in-negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB); jissottolinja l-importanza tal-istandards, il-proċeduri ta’ monitoraġġ u s-sejbiet tal-Kunsill tal-Ewropa bħala kontribut ewlieni għall-valutazzjoni tal-progress mill-pajjiżi fil-viċinat fil-kisba ta’ riformi demokratiċi;

108.  Jenfasizza l-fatt li l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB hija opportunità storika biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu affermati kemm bħala valur ewlieni tal-UE kif ukol bħala bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi u jittama li din issir mingħajr dewmien bla bżonn; jafferma mill-ġdid li l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB tikkostitwixxi kisba sinifikanti għat-tisħiħ ulterjuri tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

OSKE

109.  Jappoġġja d-djalogu dwar ir-riforma tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), sakemm dan ma jikkawżax dgħufija fl-istituzzjonijiet jew fil-mekkaniżmi eżistenti, jew ma jaffettwax l-indipendenza tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn it-tliet dimensjonijiet tal-OSKE, li jiġu żviluppati b’mod koerenti u komprensiv, u l-bini fuq dak li diġà nkiseb; jenfasizza, barra minn hekk, li t-theddid għas-sigurtà u l-isfidi għandhom jiġu indirizzati permezz tat-tliet dimensjonijiet kollha sabiex l-azzjoni tkun verament effettiva; jitlob lill-OSKE biex issaħħaħ aktar il-kapaċità tagħha li tiżgura r-rispett, u l-implimentazzjoni, tal-prinċipji u l-impenji mwettqa mill-Istati parteċipanti tagħha fit-tliet dimensjonijiet kollha, fost l-oħrajn permezz tat-tisħiħ ta’ mekkaniżmi ta’ segwitu;

GCC

110.  Jistenna li l-UE tiżviluppa sħubija strateġika reali mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), inkluż djalogu miftuħ, regolari u kostruttiv u kooperazzjoni strutturata dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kif ukoll dwar il-proċess ta’ tranżizzjoni u l-ġestjoni tal-kriżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar; itenni, biex jappoġġja dan l-objettiv, li s-SEAE għandu jiddedika aktar riżorsi umani għar-reġjun u delegazzjonijiet miftuħa fil-pajjiżi ewlenin tal-GCC; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa, l-istat tad-dritt u l-aspirazzjonijiet demokratiċi tan-nies fil-pajjiżi tal-GCC, mill-Baħrejn għall-Arabja Sawdija, ma jistgħux ikomplu jiġu injorati fil-politiki tal-UE lejn ir-reġjun;

Il-Lega Għarbija

111.  Jirrikonoxxi r-rwol dejjem aktar importanti tal-organizzazzjonijiet reġjonali, b’mod partikolari tal-Lega Għarbija, iżda wkoll l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika u l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni Ekonomika, u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet relatati mal-proċessi ta’ tranżizzjoni u l-ġestjoni tal-kriżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jilqa’ l-isforzi tal-UE biex tassisti lil-Lega Għarbija fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha;

Prijoritajiet tematiċi tal-PESK
Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

112.  Jenfasizza li l-azzjonijiet tal-PSDK għandhom jiddaħħlu f'politika komprensiva li timmira lejn il-pajjiżi u r-reġjuni fi kriżi fejn il-valuri u l-interessi strateġiċi tal-UE u fejn l-operazzjonijiet tal-PESK jagħtu valur miżjud reali f'termini ta' promozzjoni tal-paċi, stabilità u l-istat tad-dritt; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ proċess ta’ tagħlim ta’ lezzjonijiet li jevalwa b’mod aktar preċiż l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ kull operazzjoni u tal-impatt fit-tul tagħha fil-post;

113.  Itenni t-talba tiegħu li l-VP/RGħ, il-Kunsill u l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet numerużi li jtellfu l-kooperazzjoni ċivili-militari, min-nuqqas ta’ persunal ikkwalifikat għal nuqqas u żbilanċi fit-tagħmir; jitlob b’mod partikolari għall-persunal fl-oqsma tal-ġustizzja, l-amministrazzjoni ċivili, id-dwana , id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u l-medjazzjoni, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tingħata l-kompetenza adegwata u suffiċjenti lill-missjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-VP/RGħ tressaq proposti speċifiċi biex jitranġaw in-nuqqasijiet tal-persunal, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi u s-setturi deskritti hawn fuq;;

114.  Jilqa’ b’sodisfazzjon sejħiet għal aktar ippuljar u qsim tal-piżijiet ta’ kapaċitajiet militari ewlenin, kapaċitajiet imtejba għall-ippjanar u t-tmexxija ta’ missjonijiet u operazzjonijiet, u integrazzjoni ta’ missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari; jenfasizza l-ħtieġa li kontinwament titjieb il-prestazzjoni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż permezz tal-valutazzjoni tal-eżiti, punti ta' riferiment, il-valutazzjoni tal-impatt, l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' lezzjonijiet meħuda u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki għal azzjoni aktar effettiva u effiċjenti tal-PSDK; madankollu, jiddispjaċih dwar il-limiti politiċi fir-rigward tal-kooperazzjoni, li kultant iwaqqfu l-aħjar prattiki milli joħolqu sinerġiji;

Il-kummerċ fl-armi

115.  Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għal aktar minn terz tal-esportazzjonijiet ta’ armi globali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jikkonformawx biss mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi) iżda wkoll mal-prinċipji tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; jitlob biex il-kompetenza dwar ir-regoli li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi jiġu ttrasferiti lejn l-UE; ifakkar lill-Istati Membri li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom l-ewwel u qabel kollox jinvestu riżorsi finanzjarji fl-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE biex jużaw ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE 2008/944/PESK biex jissaħħu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-kriterji tal-UE għall-esportazzjonijiet tal-armi; jiddispjaċih ħafna għan-nuqqas tan-negozjati tan-NU għal Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) globali f'Lulju 2012; jitlob lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu pressjoni urġenti fuq dawk il-pajjiżi li opponew ATT globali robust; jitlob li jkun hemm ATT b’saħħtu u robust li jeħtieġ li l-istati partijiet jiċħdu kull esportazzjoni tal-armi u munizzjon f’każ li jkun hemm riskju serju li l-armi jintużaw biex jitwettaq jew jiġi ffaċilitat ksur serju tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, inkluż il-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

Il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi

116.  Jistieden lill-VP/RGħ iressaq proposti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-SEAE fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi, b’referenza partikolari għall-Programm ta’ Gothenburg, u għall-estenzjoni tal-kapaċità tal-UE biex timpedixxi l-kunflitti u tipprovdi kapaċitajiet ta’ medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni flimkien mal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet tagħha li għandhom riżorsi aħjar; bħala kwistjoni prijoritarja, jitlob li jittieħed kont tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi bil-għan li l-VP/RGħ tirrapporta lura lill-Parlament rigward proposti għat-tisħiħ tal-kapaċità esterna u r-rispons tal-Unjoni f’dan il-qasam; jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni u s-SEAE li jintroduċu linja baġitarja li tammonta għal EUR 500 000 għas-Servizzi ta’ Appoġġ ta’ Prevenzjoni u Medjazzjoni tal-Kunflitti fil-baġit tas-SEAE għall-2013, wara li fl-aħħar ta’ din is-sena titlesta b’suċċess azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament; jitlob lill-VP/RGħ biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa f’mekkaniżmi ta’ prevenzjoni tal-kunflitti, medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni u l-bini tal-paċi;

117.  Iqis il-proposta għal Istitut Ewropew għall-Paċi awtonomu jew semiawtonomu b’rabtiet mill-qrib mal-UE hija idea promettenti ħafna, li tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-prevenzjoni tal-kunflitti u ta’ medjazzjoni fl-Ewropa; jitlob li tali istitut ikun ibbażata fuq mandat definit b’mod ċar li jevita d-duplikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet eżistenti governattivi u mhux governattivi u li jiffoka fuq diplomazija tal-medjazzjoni informali u t-trasferiment tal-għarfien fost u bejn l-UE u atturi ta’ medjazzjoni indipendenti; jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-proġett pilota dwar Istitut Ewropew għall-Paċi mnedi din is-sena; jistenna li jkun involut totalment fid-diskussjonijiet li jwasslu għall-ħolqien possibbli ta’ tali istitut;

Sanzjonijiet u miżuri restrittivi

118.  Jemmen li fit-trattament tagħha ta’ reġimi awtoritarji l-UE għandha tiżviluppa politika aktar konsistenti fir-rigward tal-impożizzjoni u t-tneħħija ta’ sanzjonijiet u miżuri restrittivi;

Nonproliferazzjoni u diżarm

119.  Jitlob li l-VP/RGħ tanalizza l-effettività tal-Unjoni Ewropea fl-indirizzar tat-theddida mill-armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari għaxar snin wara l-adozzjoni tal-Istrateġija 2003 kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u malli tgħaddi l-iskadenza estiża għall-implimentazzjoni tal-Linji Ġodda għal Azzjoni tal-2008, bil-għan ta’ rappurtar mill-VP/RGħ lura lill-Parlament dwar il-proposti għat-tisħiħ kapaċità tal-UE f’dan il-qasam ta’ politika;

120.  Jitlob lill-VP/RGħ biex tanalizza l-effettività tal-Unjoni Ewropea fl-indirizzar tat-theddida minħabba l-proliferazzjoni ta' armi żgħar u ħfief (SALW) u armi konvenzjonali oħra kif ukoll fit-trattament ta' kwistjonijiet aktar wiesgħa relatati mad-diżarmament mill-adozzjoni tal-Istrateġija dwar l-Armi Żgħar u Ħfief tal-2005 u oqfsa politiċi rilevanti oħrajn, inkluża l-Pożizzjoni Komuni tal-UE 2003 dwar l-intermedjazjoni għall-armi u l-embargoes tal-armi tal-UE, bil-għan li l-VP/RGħ tirrapporta lura lill-Parlament dwar proposti għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE f’dan il-qasam ta’ politika;

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

121.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni Ewropea fid-difiża, li huwa l-uniku mod possibbli biex jiġi żgurat li l-forzi militari Ewropej ikomplu jkunu kredibbli u operattivi rigward il-baġits tad-difiża li qegħdin jonqsu; jinnota l-progress li sar taħt l-akkomunament u l-qsim tal-UE u d-difiża intelliġenti tan-NATO u jqis li huwa essenzjali li jinkisbu iktar sinerġiji miż-żewġ organizzazzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar progress fl-akkomunament u l-qsim tal-assi, u l-potenzjal għas-sinerġiji fir-riċerka, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni industrijali fi kwistjonijiet tad-difiża fil-livell tal-Unjoni; jilqa’ l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam, u fosthom l-Inizjattiva Weimar Plus;

122.  Ifakkar, f’dan il-kuntest, ir-rwol essenzjali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ kapaċitajiet u armamenti tal-UE; jistieden lill-Kunsill, għalhekk, biex isaħħaħ il-karattru istituzzjonali tal-EDA u biex jillibera l-potenzjal sħiħ tagħha, kif previst fl-Artikoli 42(3) u 45 TUE;

123.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jipprovdu finanzjament adegwat lill-EDA għall-firxa sħiħa tal-missjoni u l-kompiti tagħha; huwa tal-opinjoni li dan isir l-aħjar permezz tal-finanzjament tal-persunal u tal-ispejjeż tal-Aġenzija mill-baġit tal-Unjoni, mill-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss; għal dak il-għan jitlob lill-VP/RGħ biex tressaq il-proposti meħtieġa;

Is-sigurtà tal-enerġija

124.  Jinnota li l-Artikolu 194 tat-Trattat ta’ Lisbona jispeċifika li l-UE hija intitolata li tieħu miżuri fuq livell Ewropew biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u fl-istess ħin tissaħħaħ il-kredibilità u l-effettività tal-PESK, huwa ta’ importanza kbira li titnaqqas id-dipendenza fuq enerġija minn pajjiżi terzi, li ma jaqblux ma’ jew li jaġixxu kontra l-valuri tal-UE; jemmen li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u r-rotot ta’ transitu, u dipendenza li dejjem tiżdied fuq l-enerġiji rinnovabbli u s-sorsi tal-enerġija nadifa u rotot ta' transitu, hija urġenti u esenzjali għall-UE, li hija dipendenti ħafna fuq sorsi esterni tal-enerġija; jinnota li l-direzzjonijiet ewlenin għal diversifikazzjoni huma l-Artiku, il-baċin tal-Mediterran u l-Kuritur tan-Nofsinhar mill-Iraq sal-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lil tali proġetti; jinsab imħasseb bid-dewmien fl-ikkompletar tal-Kuritur tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb sigurtà tal-enerġija permezz tad-diversità tal-enerġija u jenfasizza l-potenzjal ta’ kuritur kumplimentari LNG fil-Mediterran tal-Lvant, bħala sors flessibbli ta’ enerġija u inċentiv għal kompetizzjoni akbar fis-suq intern tal-UE; jemmen li l-UE għandha tiżgura li sors prinċipali attwali tal-importazzjonijiet – ir-Russja – tkun konformi mar-regoli tas-suq intern, ir-regolamenti taħt it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija; jinnota l-potenzjal kbir fl-iżvilupp u l-interdipendenza li jistgħu joffru netwerks intelliġenti transkontinentali għall-enerġija rinnovabbli li jgħaqqdu l-Ewropa u l-Afrika;

125.  Jinnota li fl-2011 il-Kummissjoni pproponiet li twaqqaf mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi fl-enerġija bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi; jemmen li l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-appoġġ politiku mill-Kummissjoni jsaħħu wkoll is-setgħa tan-negozjar tal-Istati Membri; jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jirrapportaw regolarment lill-Parlament dwar it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi “klawżola tas-sigurtà tal-enerġija’ fil-ftehimiet tal-kummerċ, tal-assoċjazzjoni u s-sħubija u ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta’ transitu, jiġifieri kodiċi ta’ kondotta fil-każ ta’ tfixkil, jew bidliet unilaterali, fit-termini tal-provvista;

Theddidiet u sfidi ġodda

126.  Jissottolinja li, fil-PESK, l-azzjoni kontra l-ġenerazzjoni ġdida ta’ sfidi għall-istabilità u s-sigurtà internazzjonali bħat-tibdil fil-klima, il-kriminalità u t-terroriżmu internazzjonali, l-attakki ċibernetiċi, il-proliferazzjoni tal-armi nukleari u tal-qerda massiva, stati li jfallu, il-piraterija u l-pandemiji, għandu jkollha post importanti;

Id-dimensjoni esterna taż-żona tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

127.  Ifakkar li d-dimensjoni esterna taż-żona tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja għandu jkollha rwol importanti fil-PESK; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ġestjoni organizzata tal-flussi migratorji li jiżguraw l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu;

Djalogu kulturali u reliġjuż

128.  Jemmen li t-trawwim ta’ djalogu u fehim bejn reliġjonijiet u kulturi differenti għandu jkun parti integrali mill-impenn estern tagħna ma’ pajjiżi u soċjetajiet tat-tielet dinja u b’mod partikolari, mill-appoġġ tagħha biex jissolvew kunflitti u jiġu promossi soċjetajiet ibbażati fuq it-tolleranza, inklużivi u demokratiċi;

o
o   o

129.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0227.
(3) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 51.
(4) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 454.
(5) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 470.
(6) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 472.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.

Avviż legali - Politika tal-privatezza