Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2784(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0426/2012

Dibattiti :

PV 13/09/2012 - 17.2

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 18.2

Testi adottati :

P7_TA(2012)0355

Testi adottati
PDF 246kWORD 51k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2012 - Strasburgu
Il-persekuzzjoni tal-Musulmani Rohingya f'Burma
P7_TA(2012)0355RC-B7-0426/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Settembru 2012 dwar il-Persekuzzjoni tal-Musulmani Rohingya fil-Burma/Mjanmar (2012/2784(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma/Mjanmar, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-progress tas-7 ta' Marzu 2012 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' April 2012 dwar il-Burma/Mjanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Ġunju 2012 mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-kriżi fl-Istat ta' Rakhine fit-Tramuntana tal-Burma/Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet dwar il-kwistjoni tar-Rohingya li seħħ fis-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Awwissu 2012 mill-Kummissarju Georgieva dwar l-aċċess tar-Rohingya u ta' komunitajiet oħra affettwati għall-għajnuna umanitarja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Awwissu 2012 mill-ministri barranin tal-ASEAN dwar l-iżviluppi reċenti fl-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll ta' magħha tal-1967,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet li ppermettew li l-Burma/Mjanmar jospita l-Logħob tal-Ażja tax-Xlokk fl-2013 u li jassumi l-presidenza tal-ASEAN fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn meta l-gvern il-ġdid tal-President Thein Sein ħa l-kariga f'Marzu 2011, dan ħa bosta passi biex jespandi l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, il-parti l-kbira tal-priġunieri politiċi inħelsu u xi wħud minnhom ġew eletti fil-Parlament fl-elezzjonijiet parzjali, daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied preliminari mal-iktar gruppi etniċi armati, u bosta dissidenti politiċi li kienu jinsabu f'eżil irritornaw lura, wara li ġew imwiegħda rikonċiljazzjoni;

B.  billi madankollu d-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya żdiedet;

C.  billi fit-28 ta' Mejju 2012, l-istupru u l-qtil ta' mara Buddista taw bidu għal katina ta' kunflitti fatali bejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta' Rakhine, li hija Buddista, u l-komunità minoritarja Musulmana Rohingya fl-Istat ta' Rakhine;

D.  billi fil-jiem sussegwenti, inxterdet vjolenza komunali bejn iż-żewġ komunitajiet, li involviet b'mod sproporzjonat il-gangs u l-forzi tas-sigurtà ta' Rakhine li mmiraw lir-Rohingya, kunflitti li ħallew għexieren ta' persuni mejtin, eluf ta' djar meqruda u ’l fuq minn 70,000 persuna spustjata internament; billi fl-10 ta' Ġunju 2012 ġie ddikjarat stat ta' emerġenza f'sitt ibliet tal-Istat ta' Rakhine;

E.  billi l-President Thein Sein inizjalment esprima l-fehma li l-unika soluzzjoni għar-Rohingya kienet li jew jintbagħtu f'kampijiet ta' refuġjati bl-appoġġ tal-UNHCR jew inkella li jiġu spustjati f'pajjiżi oħra;

F.  billi r-Rohingya, li ħafna minnhom stabilixxew ruħhom fl-Istat ta' Rakhine mijiet ta' snin ilu, ma ġewx rikonoxxuti bħala wieħed mill-135 grupp nazzjonali ta' Burma/il-Mjanmar, u b'hekk ma ngħatawx drittijiet ta' ċittadinanza taħt il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-1982, u huma meqjusa minn bosta Mjanmarin bħala immigranti illegali mill-Bangladexx u ġew soġġetti għal diskriminazzjoni sistematika u ħarxa u restrizzjonijiet bħal dik tal-libertà tal-moviment, taż-żwieġ, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjieg, filwaqt li sofrew qtif tal-art, xogħol furzat, arrest arbitrarju u fastidju min-naħa tal-awtoritajiet;

G.  billi ffaċċjati b'persekuzzjoni persistenti, madwar miljun Musulman Rohingya ħarab lejn pajjiżi ġirien tul is-snin; billi 300 000 ħarbu lejn il-Bandladexx biss, fejn is-sitwazzjoni fit-tul tagħhom għadha mhux solvuta u fejn l-awtoritajiet tal-Bangladexx reċentement taw istruzzjonijiet lill-NGOs umanitarji internazzjonali li jipprovdu servizzi bażiċi ta' saħħa u tal-ikel lil refuġjati mhux reġistrati kif ukoll lill-popolazzjoni lokali fid-Distrett ta' Cox's Bazar District biex jissospendu l-attivitajiet tagħhom, u issa allegatament qed jibagħtu lura lill-Musulmani Rohingya li jfittxu l-ażil;

H.  billi d-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni allokat € 10 miljuni b'appoġġ għar-refuġjati Rohingya, u lill-popolazzjoni lokali ospitanti tal-Bangladexx għall-2012;

I.  billi fis-17 ta' Awwissu 2012, il-gvern tal-Burma/Mjanmar ħatar Kumitat ta' Inkjesta indipendenti, magħmul minn 27 rappreżentant mis-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet politiċi u reliġjużi, sabiex jistħarrġu dwar il-kawżi tal-kunflitti settarjani, u biex jipprovdu konsulenza;

1.  Jinsab imbeżża’ fir-rigward tal-vjolenza etnika kontinwa f'Burma tal-punent, li kkawżat bosta mwiet, midruba, qirda tal-proprjetà u spustjar tal-popolazzjonijiet lokali, u jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kunflitti interkomunali jistgħu jipperikolaw it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija fil-Burma/Mjanmar;

2.  Jitlob lill-partijiet kollha jeżerċitaw restrizzjoni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Burma biex ma jkomplux bl-arresti arbitrarji ta' Rohingya, jipprovdu informazzjoni dwar fejn jinsabu l-mijiet ta' persuni arrestati minn meta bdew l-operazzjonijiet ta' sigurtà fl-Istat ta' Rakhine f'Ġunju 2012, u biex jeħilsu b'mod immedjat lill-ħabsin arrestati b'mod arbitrarju,

3.  Jitlob li l-gvern tal-Burma/Mjanmar jipprovdi urġentement lill-aġenziji tan-NU u lill-NGOs umanitarji, kif ukoll lill-ġurnalisti u lid-diplomatiċi aċċess mingħajr ostakli għaż-żoni kollha tal-Istat ta' Rakhine, u biex jiggarantixxi aċċess mhux ristrett għall-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet kollha affettwati, u biex jiżgura li l-ispustjati Rohingya ikunu liberi li jiċċaqilqu u jitħallew jirritornaw lejn il-post ta' residenza tagħhom ladarba jkun sigur għalihom li jagħmlu dan;

4.  Jilqa’ l-ħolqien ta' Kumitat ta' Inkjesta indipendenti iżda jiddispjaċih li dan ma jinkludix rappreżentant Rohingya;

5.  Jitlob lill-gvernijiet tal-Burma/Mjanmar iġibu lill-awturi tal-kunflitti vjolenti u abbużi oħra fl-Istat ta' Rakhine quddiem il-ġustizzja, u biex jiġu arrestati gruppi estremisti li qed jistigaw il-mibgħedu komunali, ixerrdu t-theddid kontra l-aġenziji umanitarji u internazzjonali u jappoġġaw it-tkeċċija jew is-segregazzjoni permanenti taż-żewġ komunitajiet;

6.  Jitlob lis-SEAE jappoġġa lill-gvern ta' Burma bl-aħjar mod possibbli fl-isforzi tiegħu biex jistabilizza s-sitwazzjoni, jimplimenta programmi li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, ifassal pjan ta' żvilupp soċjoekonomiku usa’ għall-Istat ta' Rakhine u jkompli fit-triq tal-Burma/Mjanmar lejn id-demokrazija;

7.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għal dawk iċ-ċittadini Burmiżi li wrew l-appoġġ tagħhom għall-minoranza Musulmana u favur soċjetà pluralista, u jitlob lill-forzi politiċi kolla biex jieħdu pożizzjoni iktar ċara f'dan ir-rigward; jemmen li djalogu inklussiv mal-komunitajiet lokali jista’ jkun element importanti biex jittaffew il-bosta problemi etniċi fil-Burma/Mjanmar;

8.  Jinsisti li l-minoranza Rohingya ma tistax tiġi eskluża mill-ftuħ li qed jiġi żviluppat lejn Burma/Mjanmar multikulturali, u jitlob lill-Gvern biex jemenda l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-1982 biex din issir konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bl-għan li r-Rohingya u minoranzi oħra mingħajr stat jingħataw id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll trattament indaqs liċ-ċittadini kollha Burmiżi, u b'hekk jintemmu l-prattiki diskriminatorji;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-arrest ta' 14-il ħaddiem umanitarju internazzjonali matul il-kunflitti, u jitlob għall-ħelsien immedjat tal-ħamsa li għadhom jinsabu l-ħabs;

10.  Iħeġġeġ lill-gvern Burmiż jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jidħol fil-pajjiż biex iwettaq stħarriġ indipendenti dwar l-abbużi fl-Istat ta' Rakhine; jitlob lill-OHCHR tistabbilixxi uffiċċju fil-Burma/Mjanmar b'mandat sħiħ għall-protezzjoni, promozzjoni u għajnuna teknika, kif ukoll fergħat oħra fi stati madwar il-pajjiż, inkluż l-Istat ta' Rakhine;

11.  Iħeġġeġ lill-gvern Burmiż jibqa’ jimplimenta r-riformi demokratiċi tiegħu, jistabbilixxi l-istat tad-dritt u jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda (inkluż fuq l-Internet);

12.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jgħinu lir-refuġjati mill-Burma-Mjanmar u biex jappoġġaw lill-gvern Burmiż fis-sejba ta' soluzzjonijiet ġusti għall-kawżi sottostanti;

13.  Iħeġġeġ lill-Bangladexx b'mod partikolari biex jibqa’ jaċċetta li jagħti l-appoġġ ta' donatur tiegħu, kif qed jagħmel bħalissa, u biex jimplimenta kwalunkwe miżura ta' appoġġ addizzjonali, u biex jippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja jissoktaw b'ħidmithom fil-pajjiż, speċjalment fid-dawl tl-avvenimenti fl-Istat ta' Rakhine u fil-flussi riżultanti ta' refuġjati fi bżonn urġenti ta' kura bażika;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Burma/Mjanmar u tal-Bangladexx, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kumitat Intergovernattiv tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)1 Testi adottati, P7_TA(2012)0142.

Avviż legali - Politika tal-privatezza