Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2012/2063(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Kunsens Ewropew(1),
– wara li kkunsidra Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 21(2) tiegħu, li jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali, u l-Artikolu 208(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (il-Ftehim ta’ Cotonou),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (SEC(2011)1627),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “L-UE sieħba globali għall-iżvilupp – Ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju” (SEC(2008)0434),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, Programm ta’ Ħidma 2010-2013 (SEC(2010)0421),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni' (COM(2009)0458),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politiki tal-UE għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' 'Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u iktar'(2),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, tal-14 ta' Mejju 2012 (dok. 09317/2012),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, tal-14 ta' Mejju 2012 (dok. 09369/2012),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp fid-deċennju li jmiss, tas-16 ta' Marzu 2012 (dok. 07412/2012),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità, tat-3 ta' Mejju 2012 (dok. 09417/2012),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, tat-18 ta' Novembru 2009 (dok. 16079/2009),
– wara li kkunsidra r-Reviżjoni bejn il-Pari DAC-OECD tal-Unjoni Ewropea tal-2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2012 dwar ir-Responsabbiltà tal-UE rigward ir-rieżami tal-progress tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-Finanzjament għall-Iżvilupp tad-9 ta' Lulju 2012;
– wara li kkunsidra l-Istudju tal-Fondazzjoni Evert Vermeer bit-titolu 'The EU Raw Materials Policy and Mining in Rwanda – Policy Coherence for Development in practice' ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni A(2010)21584 tat-28 ta' Settembru 2010 tal-21 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0302/2012),
A. billi l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi t-tnaqqis, u fuq medda twila ta' żmien, il-qerda tal-faqar, kif definit fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u billi l-Unjoni għandha tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li timplimenta u li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
B. billi l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fl-2005, ġie mtenni reċentement fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
C. billi hemm inkonsistenzi ċari fil-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, il-klima, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-migrazzjoni, il-finanzi, l-armi u l-materja prima li jaffettwaw l-għanijiet ta' żvilupp; billi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar billi ssib sinerġiji fundamentali fost il-politiki tal-UE;
D. billi l-qafas il-ġdid tal-politika għall-iżvilupp ippreżentat fl-Aġenda għall-Bidla għandu l-għan tal-koerenza tal-politiki mhux biss fl-Unjoni iżda anke fir-rigward tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha billi jħeġġeġ il-programmazzjoni konġunta u jenfasizza r-rwol tal-UE bħala koordinatriċi u entità li tlaqqa' n-nies u li tfassal il-politiki;
E. billi qafas internazzjonali wara l-2015 għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu l-potenzjal li jkollu rwol katalitiku fl-indirizzar ta' sfidi importanti dwar l-iżvilupp u sfidi globali oħrajn u jista' jgħin biex jiġu ssodisfati d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-individwi;
F. billi, minkejja t-titjib, bħal fil-każ tal-UE, is-sussidji diretti jew indiretti għall-prodotti agrikoli għad għandhom effett negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq l-iżvilupp ta' settur agrikolu vijabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
G. billi l-UE impenjat ruħha li tilħaq il-mira tan-NU ta' 0,7% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sal-2015;
H. billi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ Novembru 2008, l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jagħtu prijorità lill-iżvilupp qabel kull għan ekonomiku jew politiku;
I. billi għadd kbir ta’ studji wrew li hemm bejn USD 850 biljun u USD triljun kull sena ta’ flussi finanzjarji illegali li joħorġu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jostakola serjament id-dħul fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u konsegwentement il-kapaċità tagħhom ta' awtożvilupp;
J. billi l-Aġenda għall-Bidla (COM(2011)0637) fl-għan tagħha li żżid l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, ittenni li l-objettivi tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà huma interkonnessi;
K. billi l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 19 % tal-PDG dinji, jew kważi 40 darba l-ammont ipprovdut mill-UE u l-Istati Membri fl-ODA; billi għalhekk għandu potenzjal enormi li jkun għodda ta' implimentazzjoni ta' politiki sostenibbli tal-gvern kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha tal-ODA;
L. billi n-nutrizzjoni ħażina toqtol madwar 2,6 miljun tifel u tifla kull sena u, jekk tibqa' inkontrollata, kważi nofs biljun tifel u tifla se jkunu f'riskju ta' ħsara permanenti fil-15-il sena li ġejjin; billi madwar terz tat-tfal fid-dinja li għadhom ma laħqux l-età għall-iskola attwalment jiżnu inqas milli suppost (għall-età tagħhom) jew ma jiżviluppawx kif suppost (qosra wisq għall-età tagħhom); billi n-nutrizzjoni ħażina tiswa lill-pajjiżi bejn 2 - 4% tal-PDG tagħhom, u tiswa lil individwu madwar 11% tad-dħul kollu tul ħajtu filwaqt li, fl-istess ħin, jeżistu interventi ttestjati u kosteffikaċi fin-nutrizzjoni u jirrappreżentaw investiment għaqli;
M. billi sal-2030, id-domanda għall-enerġija u l-ilma mistennija tiżdied b'40 % u b'50 % għall-ikel u billi ż-żieda fil-popolazzjoni, flimkien ma' klassi medja li qed tikber f'pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw, se jqiegħdu pressjoni enormi fuq ir-riżorsi naturali – speċjalment l-ilma, l-enerġija u l-art – u fuq l-ambjent;
N. billi l-kunċetti tal-iżvilupp tal-bniedem u tas-sigurtà tal-bniedem jikkondividu erba' perspettivi fundamentali: dawn huma kkonċentrati fuq il-bniedem, multidimensjonali, għandhom perspettivi wiesgħin dwar is-sodisfazzjon tal-bniedem fuq perjodu twil u jindirizzaw il-faqar kroniku(3);
O. billi d-dimensjoni esterna taż-żewġ fondi l-ġodda tad-DĠ Affarijiet Interni u l-komponent tal-Migrazzjoni u l-Asil tal-Programm Tematiku l-ġdid dwar il-Beni Pubbliċi u l-Isfidi Globali tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tkopri, kif antiċipat fil-prijoritajiet iddikjarati, oqsma tematiċi simili għalkemm minn perspettivi differenti;
P. billi testijiet kliniċi li m'għadhomx aċċettati minn kumitati etiċi tal-Punent tal-Ewropa huma approvati minn kumitati etiċi lokali f'pajjiżi bħall-Indja, iċ-Ċina, l-Arġentina u r-Russja; billi, b'mod partikolari, il-prinċipji etiċi li huma ta' importanza fundamentali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif rifless fid-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki, huma injorati minn kumpaniji u awtoritajiet regolatorji(4);
Q. billi l-kultura, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, hija komponent fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli għaliex, permezz tal-wirt tanġibbli u intanġibbli, l-industriji kreattivi u forom varji ta' espressjonijiet artistiċi, tikkontribwixxi b'mod qawwi għall-iżvilupp ekonomiku, l-istabbiltà soċjali u l-ħarsien ambjentali;
R. billi l-istudji juru li jekk in-nisa jingħataw edukazzjoni u jistgħu jaqilgħu u jamministraw paga, dan ikollu għadd ta' konsegwenzi tajbin: tnaqqis fil-mortalità tal-omm u tat-trabi, titjib fis-saħħa u n-nutrizzjoni tal-omm u tat-tfal, żieda fil-produttività agrikola, mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tnaqqis fiż-żieda tal-popolazzjoni, espansjoni tal-ekonomiji u tkissir taċ-ċikli tal-faqar(5);
S. billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) għandhom il-potenzjal biex jgħinu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mhux biss billi jnaqqsu s-sehem tagħhom stess ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra iżda anke billi jużawhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'setturi oħra u biex jindirizzaw it-tibdil sistemiku u l-effetti sekondarji, pereżempju bid-dematerjalizzazzjoni u l-forniment onlajn, is-sostituzzjoni tat-trasport u l-ivvjaġġar, l-applikazzjonijiet ta' monitoraġġ u ġestjoni, effiċjenza enerġetika akbar fil-produzzjoni u l-użu, u l-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-prodotti;
T. billi l-Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-Komunitajiet Ewropej tad-DAC tal-2007 nnutat li fehim tajjeb tal-adegwatezza tal-appoġġ baġitarju fil-kuntest lokali huwa importanti;
U. billi l-edukazzjoni jista' jkollha rwol kruċjali mhux biss fis-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa u t-tkabbir ekonomiku u fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju inġenerali, iżda anke fit-tisħiħ tal-paċi; billi, forsi aktar minn kull settur ieħor, l-edukazzjoni tista' tipprovdi d-dividendi tal-paċi bikrija viżibbli ferm li fuqhom tista' tiddependi s-sopravivenza ta' ftehimiet ta' paċi jekk is-sistemi tal-edukazzjoni jkunu inklużivi u mfassla sabiex irawmu attitudnijiet li jwasslu għal fehim, tolleranza u rispett reċiproċi, biex b'hekk is-soċjetajiet isiru anqas suxxettibbli għal kunflitt vjolenti;
1. Jilqa' l-isforzi tal-UE lejn il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mhijiex biss obbligu legali, iżda li t-tfassil ta' politiki responsabbli, trasparenti, ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u inklużivi jirrappreżenta opportunità għall-UE biex tistabbilixxi sħubiji ugwali u sostenibbli mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza wkoll li politiki allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jagħtu lill-gvernijiet u lis-soċjetajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw iċ-ċans u r-responsabbiltà li jiġġeneraw suċċessi waħedhom;
2. Jemmen li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp trid tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tad-dritt ta' pajjiż jew ta' reġjun li jiddefinixxi demokratikament il-politiki, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu biex jipproteġi l-għajxien tal-popolazzjoni tiegħu b'konformità mal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
3. Jilqa' t-tmien oqsma ta' azzjoni għas-snin 2011-2014 magħżula mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal politika ġdida dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva; jissottolinja l-importanza ta’ obbligi vinkolanti ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u li min iħaddem ikun imħeġġeġ japplika standards soċjali li jkunu aktar ambizzjużi mid-dispożizzjonijiet statutorji attwali, inkluża l-possibbiltà li tiġi żviluppata u tinkiseb denominazzjoni bħal pereżempju tikketta soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi u li jkun żgurat li dawn ikunu infurzati bil-liġi, filwaqt li jinsisti li l-inizjattiva li ġejja dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tirrifletti l-obbligi lejn il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tkun pass 'il quddiem lejn standards vinkolanti tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;
4. Jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mhijiex biss kwistjoni teknika, iżda hija primarjament responsabbiltà politika u li l-Parlament, bħala koleġiżlatur u istituzzjoni eletta b'mod demokratiku, għandu r-responsabbiltà ewlenija li jibdel l-impenji f'politiki konkreti;
5. Jinsisti li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, inkluża d-definizzjoni tiegħu tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jibqa' l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u li kull tentattiv sabiex dan jiġi rivedut jew mibdul fil-kuntest tal-'Aġenda għall-Bidla' għandu jinvolvi lill-istituzzjonijiet li ppermettew il-ħolqien tiegħu;
6. Ifakkar li kwalunkwe orjentazzjoni politika ġdida fil-kuntest tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) li toriġina mill-Aġenda għall-Bidla, trid tkun kompatibbli mal-ispirtu u l-ittra tal-Ftehim ta' Cotonou;
7. Jenfasizza li t-trasparenza fl-oqsma kollha hija strumentali fil-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi mhux biss tista' tipprevjeni inkoerenza mhux intenzjonata iżda hija effikaċi wkoll f'każijiet ta' kunflitt ta' interess;
8. Jitlob l-introduzzjoni ta' laqgħat annwali strutturati bejn rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew biex tkun żgurata l-konsistenza fin-nefqa tal-għajnuna għall-iżvilupp;
9. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-għarfien u l-kompetenzi fir-rigward tal-kwistjoni kumplessa tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li jsiru dispożizzjonijiet sabiex uħud mill-programmi tad-DĠ għar-Riċerka jiffukaw fuq kwistjonijiet rilevanti għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jirrakkomanda wkoll l-elaborazzjoni u l-promozzjoni ta' strateġija dwar ir-riċerka għall-iżvilupp sabiex ikun hemm kollaborazzjoni mad-DĠ għar-Riċerka u ma' Direttorati Ġenerali oħra għar-riċerka, kif ukoll ma' korpi rilevanti oħra esterni għall-Kummissjoni, pereżempju l-OECD jew il-Bank Dinji;
10. Jinsisti li l-mistoqsijiet rigward l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-politiki fi ħdan u barra l-UE speċifikati fil-Linji Gwida dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt mill-2009 jingħataw tweġiba fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni kif ukoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt li għandhom isiru mill-Parlament; jitlob ukoll lill-Kummissjoni ttemm il-valutazzjonijiet tal-impatt qabel il-proposta politika korrispondenti sabiex tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess biex b'hekk jinħoloq ukoll valur miżjud f'termini ta' kapaċità;
11. Jenfasizza l-fatt li l-Bord tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni u l-istituzzjoni simili li għandha titwaqqaf mill-Parlament jeħtieġu kompetenzi adegwati fil-politiki għall-iżvilupp sabiex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jivverifikaw il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt f'termini tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
12. Jissuġġerixxi li tiġi inkluża referenza għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet ex-post tal-politiki tal-UE, jekk ikun xieraq; huwa tal-fehma li kwalunkwe eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-programmi mwettaq skont il-FEŻ jew l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jinkludi valutazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
13. Jilqa' l-inklużjoni ta' impenji speċifiċi għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-programm ta' ħidma tal-Presidenza Daniża u jitlob lill-Presidenzi li jmiss isegwu dak l-eżempju;
14. Jilqa' t-tielet rapport biennali tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp 2011, iżda jaqbel mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li tiġi inkluża valutazzjoni indipendenti tal-progress, inklużi l-konsegwenzi u l-kostijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-inkoerenza tal-politiki f'rapporti futuri; jissuġġerixxi li r-rapporti futuri għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni komprensiva tar-riżultati marbuta mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tad-djalogi fil-livell nazzjonali, sabiex tinstema' l-vuċi taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
15. Jistieden lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom jippromwovu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp permezz ta' programm ta' ħidma speċifiku bi skadenzi vinkolanti, sabiex jittejjeb il-programm ta' ħidma Ewropew dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
16. Jaqbel mal-Kummissjoni li fit-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li jmiss, hemm il-ħtieġa ta' diskussjoni usa' mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri u mal-partijiet interessati rilevanti kollha, pereżempju l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jaqbel li anqas indikaturi, flimkien ma' monitoraġġ aktar preċiż u aħjar, jistgħu jwasslu għal qafas aktar operazzjonali u monitoraġġ aktar faċli;
17. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jikkonfermaw ir-rwoli importanti tagħhom sabiex il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp ssir realtà;
18. Jissuġġerixxi li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp issir prijorità ċara għas-SEAE u d-Delegazzjonijiet billi jissaħħaħ aktar id-djalogu politiku tal-UE mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti lokali u partijiet interessati oħra, billi jintalbu jiġbru evidenza dwar nuqqas ta' konsistenza jew koerenza, billi jittejbu r-referenzi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-dokumenti ta' programmazzjoni u jsiru operattivi, u billi jiġi żviluppat programm ta' taħriġ, flimkien mad-DĠ DEVCO, għall-persunal il-ġdid kollu tas-SEAE sabiex tkun żgurata l-abbiltà tagħhom li jifhmu u japplikaw il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jindika li d-Delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali għandhom jiġu allokati riżorsi adegwati sabiex iwettqu dan il-kompitu;
19. Jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ċentrali fit-tfassil u l-ġestjoni tal-appoġġ baġitarju, u li r-riżorsi tagħhom għandhom ikunu żgurati b'mod korrispondenti;
20. Ifakkar fl-importanza fundamentali tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u fl-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma regolarment lis-Segretarjat tal-Grupp AKP dwar proposti ppjanati li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Istati AKP; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament meta jitwettqu tali proċeduri;
21. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jsiru aktar skambji magħhom dwar is-suġġett u billi takkumpanjahom fil-kisba ta' kapaċità analitika speċifika bħala kontribut għall-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-UE; jipproponi li dawn l-iskambji bejn il-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom isiru fil-forma ta' laqgħat annwali strutturati li jinkludu objettivi ċari flimkien ma' attivitajiet ta' monitoraġġ tal-kompiti bl-għan li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-UE;
22. Iqis li l-akkwist pubbliku għandu jintuża b'mod effikaċi sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-UE ta' żvilupp sostenibbli u li għalhekk, id-direttivi futuri dwar l-akkwist pubbliku għandhom jippermettu li l-kriterji tas-sostenibbiltà jiġu integrati fil-proċess tal-akkwist kollu;
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-ħames oqsma ta' attenzjoni Il-kummerċ
23. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp: It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn'', timpenja ruħha li tappoġġa l-produtturi ż-żgħar u tippromwovi inizjattivi ta' kummerċ ġusti, organiċi u etiċi, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn sabiex jiġu integrati prinċipji għal kummerċ ġust fil-politiki tal-UE;
24. Jiddeplora l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ żewġ rapporti separati dwar il-kummerċ inġenerali u dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, li mill-perspettiva tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kienet kontroproduttiva;
25. Jiddispjaċih li l-PDG per capita huwa l-kriterju ta' eliġibilità uniku għall-iskema GSP, billi dan jista' jmur kontra l-objettivi tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel”(6), li tagħmel referenza għall-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem;
26. Ifakkar fl-inkonsistenzi li rriżultaw fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ewropej, jiġifieri: (a) li xi pajjiżi qed jitħeġġu jiffirmaw ftehim qabel ma jiġu miftiehma reċiprokament it-termini eżatti, (b) li l-Kummissjoni tipproponi li tħassar 18-il pajjiż minn Anness I tar-Regolament għall-Aċċess għas-Suq, u (ċ) li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem mhumiex indirizzati biżżejjed waqt in-negozjati;
27. Huwa tal-fehma li l-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali għandhom isiru standards vinkolanti fit-trattati tal-UE dwar l-investiment għall-kummerċ u l-industrija, filwaqt li jkun żgurat li trattati dwar l-investiment ikunu jinkludu klawżoli dwar it-trasparenza u l-ġlieda kontra flussi ta' kapital illegali, flimkien ma' rappurtar sħiħ mill-kumpaniji dwar kwistjonijiet ambjentali u soċjali; jindika li l-ftehimiet dwar l-investiment għandhom itejbu d-drittijiet u l-obbligi tal-gvernijiet li jirregolaw l-attivitajiet ekonomiċi f'oqsma politiċi sensittivi bħall-ambjent u li jippromwovu ħidma deċenti fl-interess pubbliku ġenerali u, fuq perjodu twil, fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri;
Il-Politika Agrikola u tas-Sajd
28. Jiddeplora l-fatt li s-sehem tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) tal-UE lil-LDCs naqas għal 16 % fl-2010 (EUR 1.7 biljun meta mqabbel ma' EUR 8,7 biljun lil dawk mhux LDCs), minn 22 % fl-2009(7); jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar is-sehem annwali u/jew pluriennali tal-fondi tal-FEŻ li jintnefqu bħala AfT;
29. Jipproponi li l-Kummissjoni toħloq momentum ġdid għal akkwist pubbliku sostenibbli fil-livell internazzjonali u li l-qafas li jirriżulta tar-reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku għandu jagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-ispazju politiku biex jagħmlu għażliet ta' akkwist infurmati favur l-iżvilupp;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv, fi ħdan id-WTO, is-suġġeriment ta' xi donaturi li jiċċekken l-ambitu tal-Inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ sabiex issir iktar monitorabbli, effiċjenti u ffukata fuq l-elementi ewlenin tar-rabta tal-kummerċ u l-iżvilupp biex b'hekk issir iktar effikaċi u jkun żgurat il-finanzjament tad-donaturi;
31. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pubblikazzjoni ta' Strateġija riveduta tad-dritt ta' proprjetà intelletwali (IPR) fil-konfront ta' pajjiżi terzi li, mill-perspettiva tal-iżvilupp, għandhom jiżguraw aċċess adegwat għall-mediċini u jipprovdu inċentivi effikaċi għar-riċerka farmaċewtika billi jagħmlu użu mill-flessibilitajiet tal-Ftehim TRIPS f'każijiet xierqa, bħall-emerġenzi tas-saħħa, u billi jagħmlu l-Istrateġija kompatibbli mal-aġenda parallela għal “aċċess għall-mediċini għall-but ta' kulħadd”; jenfasizza wkoll li r-rabta mal-aġenda dwar is-sigurtà tal-ikel hija importanti ħafna f'dan il-kuntest, pereżempju biex ikun żgurat il-ħarsien tal-varjetajiet ta' pjanti u biex tiġi rikonoxxuta l-importanza ta' sistemi agrikoli diversi u sistemi tradizzjonali ta' provvista ta' żerriegħa;
32. Jipproponi l-implimentazzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ preferenzjali li jtejbu t-trasferimenti ta' teknoloġija agrikola ekoloġika fid-WTO u fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;
33. Jilqa' l-ħolqien ta' punt fokali fi ħdan it-tim tal-iżvilupp sostenibbli fid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ fl-2010 biex jikkoordina attivitajiet marbuta mal-kummerċ ġust, li huma eżempju importanti ta' kif il-politika kummerċjali u tal-iżvilupp tal-UE tista' ssir aktar koerenti u ta' appoġġ reċiproku;
34. Jindika li l-kummerċ ġust bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvolvi l-ħlas ta’ prezz ġust għar-riżorsi u l-prodotti agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġifieri, prezz li jirrifletti l-ispejjeż interni u esterni, filwaqt li jiġu garantiti l-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll l-istandards internazzjonali dwar il-ħarsien tal-ambjent;
35. Itenni t-talba tiegħu biex tiġi indirizzata b'mod effikaċi l-problema tal-minerali li joħolqu kunflitti u ta' riżorsi oħra marbuta ma' kunflitti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li wasslu għall-mewt u l-ispustament ta' miljuni ta' nies;
36. Jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jipproteġu l-ekonomija tagħhom u javvanzaw għal ftuħ selettiv tas-swieq, bħalma ġara fl-Ewropa;
37. Jitlob lill-Kummissjoni tintegra aktar l-istandards ambjentali u tax-xogħol miftiehma internazzjonalment fi strumenti bħall-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;
38. Jilqa' l-fatt li r-rilevanza tal-biedja fuq skala żgħira għall-ġlieda kontra l-ġuħ hija rikonoxxuta mill-UE u li l-miżuri ta' adattament huma prijoritajiet fl-aġenda dwar is-sigurtà tal-ikel; jissottolinja l-fatt li l-appoġġ għall-bdiewa nisa b'azjendi żgħar huwa partikolarment rilevanti;
39. Itenni li t-tħassib dwar l-iżvilupp għandu jkun imsejjes fuq il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika agrikola tal-UE u jitlob l-istabbiliment ta' miżuri ta' akkumpanjament simili għall-miżuri ta' akkumpanjament tal-protokoll dwar iz-zokkor (SPAM), jekk ikun meħtieġ;
40. Itenni t-talba tiegħu għal valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet regolari u indipendenti tal-politiki agrikoli u kummerċjali tal-UE, b'attenzjoni speċjali għall-impatti fuq il-produtturi lokali u ta' azjendi żgħar u abbażi tal-evidenza mogħtija mill-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma sħab kummerċjali tal-UE;
41. Iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ il-katini tal-provvista UE-AKP u tappoġġa t-tisħiħ tal-katini ta' provvista fi ħdan il-pajjiżi AKP infushom billi ż-żewġt iswieq żviluppaw f'dipendenza reċiproka; jissuġġerixxi t-trawwim tal-użu ta' strumenti moderni għall-ġestjoni tas-suq fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, il-bini tal-kapaċità, ir-regolamenti tekniċi jew l-appoġġ fir-rigward tan-negozjar ta' kuntratti, pereżempju fil-kuntest tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika;
42. Jipproponi li tiġi stabbilita sħubija ta' ġemellaġġ transnazzjonali bejn iż-żoni Natura 2000 u oqsma simili ta' ġestjoni agrikola u ekoloġika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li: (a) ikun hemm skambju ta' know-how dwar il-ġestjoni ta' tali żoni mill-awtoritajiet lokali, il-mexxejja lokali u l-komunitajiet tal-biedja lokali biex ikun żgurat li l-ġestjoni futura tkun sostenibbli, kemm ekoloġikament kif ukoll ekonomikament, u prattikabbli, (b) tissaħħaħ il-kapaċità permezz tal-ġemellaġġ tal-vijabilità ekonomika tal-katini kummerċjali f'dawn iż-żoni biex jingħata kontribut lis-sigurtà sostenibbli tal-ikel f'dawn iż-żoni, u (ċ) tiġi implimentata riċerka biex tgħin fil-ħarsien tad-diversità agrikola u l-bijodiversità biex tkun żgurata s-sopravivenza fit-tul ta' speċi u ħabitats prezzjużi u mhedda; jipproponi wkoll l-istabbiliment ta' ċentru ta' ġemellaġġ transnazzjonali għat-tagħlim u l-iżvilupp ta' know-how bejn żoni ta' Natura 2000 u żoni simili f'pajjiżi terzi;
43. Jenfasizza li informazzjoni f'waqtha dwar tibdil fl-istandards applikati għall-prodotti agrikoli, jew l-applikazzjoni ta' standards ekwivalenti alternattivi għall-importazzjonijiet min-naħa tal-UE, huma essenzjali għall-isforzi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar fit-tul u tkun żgurata l-kompetittività abbażi tal-kwalità;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ integrat għan-nutrizzjoni, tistabbilixxi fond fiduċjarju dedikat sabiex tiġi indirizzata l-problema tan-nutrizzjoni ħażina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u timmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex isiru l-interventi bażiċi li jistgħu jimpedixxu n-nutrizzjoni ħażina fil-maġġorparti tal-każijiet, speċjalment fil-perjodu kritiku ta' elf jum bejn il-konċepiment u l-età ta' sentejn, li jinkludu t-tħeġġiġ tal-aqwa prattiki ta' alimentazzjoni u kura bħat-treddigħ sabiex jiġi evitat l-ilma kkontaminat, l-introduzzjoni xierqa ta' ikel varjat għat-trabi, il-fortifikazzjoni tal-prodotti bażiċi u s-supplementi f'forma ta' vitamini; iqis li tali fond fiduċjarju jippermetti l-isfruttament u l-ġbir komuni ta' riżorsi li ġejjin mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, u possibbilment minn donaturi oħrajn, u jagħti viżibbiltà aħjar lill-azzjoni tal-UE fis-salvataġġ ta' ħajjet in-nies;
45. Jiddeplora l-fatt li għall-intervent dirett għan-nutrizzjoni, attwalment huma allokati biss madwar EUR 418 miljun, jew madwar 3,4 % tal-baġit totali annwali tal-Kummissjoni ta' EUR 12-il biljun għall-għajnuna għall-iżvilupp; iqis li l-isforzi biex tiġi indirizzata n-nutrizzjoni ħażina jridu jkunu multidixxiplinari, jinvolvu partijiet interessati multipli u konformi mal-prijoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi milquta;
46. Iqis li d-daqs tas-suq tal-UE għall-ħut u l-firxa ġeografika ta' attivitajiet minn bastimenti li jtajru bandiera tal-UE u l-bastimenti tal-UE nnifisha jimponu livell għoli ta' responsabbiltà fuq l-Unjoni sabiex tiżgura li dawn l-attivitajiet huma bbażati fuq l-istess standards ġewwa u barra l-ilmijiet tal-Unjoni, f'termini ta' sostenibilità ekoloġika u soċjali u trasparenza; jinnota li tali koerenza teħtieġ koordinament kemm fi ħdan il-Kummissjoni stess kif ukoll bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri individwali;
47. Itenni li għat-titjib tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, in-negozjar ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd iridu jkunu bbażati fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż kontraenti għall-iżvilupp adatt tas-settur tas-sajd tiegħu; jenfasizza li l-pagamenti tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għandhom ikunu kompatibbli mal-objettivi għall-iżvilupp u li l-impatti tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għandhom ikunu immonitorjati mill-qrib mill-UE;
48. Huwa tal-fehma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tissaħħaħ billi: (a) id-DĠ MARE u d-DĠ għall-Iżvilupp ikollhom responsabbiltà konġunta għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd, (b) jiġu applikati l-prinċipji rilevanti msemmija fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, l-impenji tal-UE favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-Ftehim ta' Cotonou UE-AKP, (ċ) jiġu inkorporati d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-obbligi tar-responsabbiltà fil-ftehimiet kollha ta' sħubija dwar is-sajd, u d) ikun żġurat li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd huma konsistenti ma' jew jikkontribwixxu għall-objettivi rigward it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem identifikati fid-Dokumenti ta' Strateġija Nazzjonali u Reġjonali tal-UE;
49. Jenfasizza li kwalunkwe aċċess għar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi jrid jirrispetta mhux biss l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) rigward eċċess fl-istokkijiet iżda anke l-Artikoli 69 u 70 dwar id-drittijiet tal-Istati ġeografikament żvantaġġati u li ma jmissux mal-baħar fi ħdan ir-reġjun, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet lokali;
50. Jipproponi li, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-2006 dwar l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kummissjoni għandha tingħata mandat inekwivokabbli ta' negozjar għall-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd kollha għall-promozzjoni tal-ħarsien tal-baħar u s-sajd sostenibbli;
51. Iqis li kull sistema ta' attribuzzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd lill-pajjiżi fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd trid tinkludi d-drittijiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiżviluppaw is-sajd tagħhom stess; jinsisti li l-UE għandha topponi l-introduzzjoni ta' skemi ta' Konċessjonijiet tas-Sajd Trasferibbli fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd billi dawn jipperikolaw l-għajxien u l-benessri tal-komunitajiet dipendenti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;
52. Isostni li l-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni għandha titwettaq fl-ambitu tal-obbligi miftiehma fin-NU u organizzazzjonijiet u entitajiet internazzjonali kompetenti oħra, u li l-kontribut tas-sajd għall-iżvilupp għandu jsir fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u għandu jikkontribwixxi għall-għan ewlieni tal-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni, li hu t-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u finalment il-qerda għalkollox tiegħu;
53. Jemmen li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp fil-qasam tas-sajd billi tappoġġa l-prinċipju ta' stokkijiet żejda ta’ ħut u regoli oħra stabbiliti fl-UNCLOS, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-FAO għas-sajd responsabbli u l-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-livell globali;
54. Jenfasizza li l-objettivi tal-politika tas-sajd iridu jiġu implimentati abbażi ta' trasparenza u koerenza ma’ objettivi oħra tal-Unjoni, u li l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp għandu jkun ippjanat, imkejjel, ivvalutat, u suġġett regolarment u sistematikament għal kontroll demokratiku;
55. Jixtieq jagħmilha ċara li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar is-sajd u l-aspetti relatati mas-sajd tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex is-sajd isir attività soċjalment, ekonomikament u ambjentalment sostenibbli għall-UE u s-sħab tagħha;
56. Jiddispjaċih dwar il-fatt li parti sostanzjali tal-objettivi tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għadhom ma ntlaħqux; jidispjaċih b'mod partikolari għar-riżultati insuffiċjenti miksuba fl-oqsma tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika u l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd (u industriji konnessi) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li dawn l-aspetti jistgħu jittejbu permezz ta' politiki koerenti u governanza tal-attività internazzjonali tas-sajd;
57. Jenfasizza li l-UE għandha tiżgura li r-riforma attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd tiġi integrata mal-impenji tal-UE lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tappoġġa l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif ukoll id-dritt bażiku tal-bniedem għall-ikel kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha b'mod ġenerali, u l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd b'mod partikolari, jippromwovu l-governanza tajba u t-trasparenza u joħolqu l-kundizzjonijiet biex pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw jibbażaw il-politiki tas-sajd tagħhom fuq l-istess linji gwida u standards ta' sostenibilità bħal dawk tal-Politika Komuni tas-Sajd, fosthom: l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq rapporti xjentifiċi u studji tal-impatt u l-abbozzar ta' pjanijiet pluriennali li jippermettu sfruttament proporzjonat mar-rendiment massimu sostenibbli tal-istokkijiet; appoġġ speċjali għal attivitajiet fuq skala żgħira tas-sajd u tal-akkwakultura u għall-komunitajiet li jiddependu minnhom; il-promozzjoni ta' sajd selettiv u l-adattament tal-kapaċità tal-flotta għar-riżorsi u prattiki tas-sajd aktar responsabbli; it-tnaqqis gradwali u finalment, l-eliminazzjoni tar-rimi; sforzi għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat; titjib fil-kundizzjonijiet tas-sikurezza u tal-benesseri fuq ix-xogħol; protezzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent u miżuri kontra t-tibdil fil-klima; il-kwalità tal-prodott u kummerċjalizzazzjoni aħjar; u l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiżdied is-sostenibilità tal-attivitajiet fil-qasam tas-sajd, l-akkwakultura u attivitajiet assoċjati;
59. Jenfasizza li l-ftehimiet u l-industriji li jiżviluppaw madwarhom qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi u għall-abilità ġejjiena tagħhom li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom stess;
60. Isostni bis-sħiħ li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u fl-azzjonijiet tagħhom fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jikkontribwixxu biex jibnu l-kapaċitajiet tas-soċjetajiet u tal-gvernijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li jfasslu, jimplimentaw u jimmonitorjaw politiki tas-sajd sostenibbli li jżidu s-sigurtà tal-ikel tagħhom u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;
61. Jirrakkomanda t-tiswir konġunt ta’ mudelli b’objettivi, azzjonijiet u indikaturi bl-għan li jiġi mmonitorjat l-użu tal-fondi b'mod aktar effikaċi fi spirtu ta' sħubija; jenfasizza li dan il-monitoraġġ għandu jinkludi l-adozzjoni ta' proċeduri korrettivi, li għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiż terz, kull meta jiġi osservat li xi parti tkun iddevjat mill-objettivi;
62. Jilqa' l-eżempju ta' trasparenza li l-UE stabbiliet f'kuntest dinji permezz tal-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ miftuħa billi tiżgura li l-evalwazzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet ukoll ikunu disponibbli pubblikament, fir-rispett tal-prinċipji tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, sabiex il-parlamenti lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet oħra kkonċernati jkunu jistgħu jikkontrollaw b'mod effettiv l-implimentazzjoni u l-impatt tal-ftehimiet;
63. Jiġbed l-attenzjoni dwar kemm hu importanti li jkun hemm data xjentifika trasparenti u aġġornata dwar l-istokkijiet tal-ħut, dwar kull ftehim tas-sajd inklużi dawk tal-UE, u dwar l-isforz tas-sajd totali fl-ilmijiet ta' kull pajjiż; iqis li l-valutazzjoni xjentifika għandha tippreċedi l-iffirmar ta' ftehimiet, jew għall-inqas li l-ftehimiet għandhom jikkontribwixxu għall-eżami tad-data;
64. Jiġbed l-attenzjoni għall-problema tas-sajd illegali, mhux irreġistrat u mhux iddikjarat (IUU); ifakkar li ħafna bastimenti ma jirrapurtawx kif suppost il-qbid tagħhom u ma jiġux spezzjonati, li d-data pprovduta mill-bastimenti ma tiġix verifikata u li l-ispeċi maqbuda ma jiġux identifikati b'mod ċar; iqis li l-UE tista' u għandha tikkontribwixxi iktar għas-sejba ta' soluzzjoni għal dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjoni internazzjonali kollha tagħha, tappoġġa l-prinċipju tar-responsabilità tal-Istat tal-bandiera li huwa l-bażi tad-dritt internazzjonali u huwa fundamentali għal implimentazzjoni effiċjenti tar-regolament IUU;
65. Jippromwovi rabta aħjar bejn il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd u l-istrumenti eżistenti tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-FEŻ, u mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-swieq tal-UE f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.
66. Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd jistgħu igawdu minnha, b’mod dirett, il-150 miljun ruħ madwar id-dinja kollha li jiddependu fuq is-sajd u tas-sajd relatati mal-attivitajiet għall-għajxien tagħhom.
It-tibdil fil-klima u l-enerġija
67. Itenni li jeħtieġ li jkun hemm aktar attenzjoni fuq il-massimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-objettivi tal-iżvilupp tal-UE, speċjalment f’termini tal-għodod u l-istrumenti użati u l-iżvilupp kollaterali u/jew il-benefiċċji għall-adattament tat-tibdil fil-klima;
68. Jenfasizza li investiment fl-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, huwa qasam fejn l-għajnuna għall-iżvilupp tista’ tilħaq diversi objettivi f'daqqa, speċjalment meta n-nisa jkunu fil-mira;
69. Jemmen li l-isfidi li jġib it-tibdil fil-klima jridu jiġu indirizzati permezz ta’ riformi strutturali u jappella għal valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima dwar l-aspetti kollha tal-ippjanar tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel eċċ., u jitlob li r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni jintuża biex jitfasslu dokumenti ta’ strateġija reġjonali u għall-pajjiż li jkunu ċari u koerenti, kif ukoll programmi u proġetti għall-iżvilupp;
70. Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċjali tal-bdiewa agrikoli u tal-bhejjem b'azjendi żgħar li qed jaffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fi kwalunkwe politika u ftehim li jinkludu t-tnaqqis possibbli ta', jew limiti fl-aċċess għar-riżorsi għall-produzzjoni tal-ikel, bħall-art, l-ilma u l-mobbiltà, fost oħrajn;
71. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru data speċifika skont il-pajjiż u diżaggregata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima, programmi u proġetti, sabiex jiġu vvalutati u indirizzati b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima fuq kull ġeneru u biex tinħoloq gwida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tiddefinixxi l-politiki li jistgħu jipproteġu lin-nisa u tagħtihom is-setgħa jaffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima;
72. Jilqa' l-proposti li saru fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2011/2012 dwar ġestjoni integrata u bbażata fuq l-ekosistemi tal-ilma, l-enerġija u l-art, billi dawk it-tliet riżorsi huma kruċjali għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi l-proposti li saru fir-rapport; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-eżistenza ta' lakuni sinifikanti fil-governanza globali u tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla lejn aktar sostenibbiltà fix-xejriet tal-konsum u l-produzzjoni fl-Unjoni stess;
73. Jissuġġerixxi li l-UE għandha taħdem biex fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tippromwovi l-investiment, approċċi innovattivi u standards għoljin ta' prattika korporattiva fl-użu inklużiv u sostenibbli tal-ilma, l-enerġija u l-art; jissuġġerixxi wkoll li l-enfasi fuq l-enerġija u l-agrikoltura sostenibbli fl-Aġenda għall-Bidla għandha tiġi kkomplementata b'interventi fil-qasam tal-ilma;
74. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sostenibilità soċjali tal-bijokarburanti sal-aħħar tal-2012 u tikkonsulta minn qabel mal-komunitajiet affettwati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali; jindika li din hija opportunità biex tiġi proposta metodoloġija adegwata u jiġu koperti l-impatti sħaħ li l-miri Ewropej għall-bijokarburanti qed ikollhom fuq is-sigurtà tal-ikel, id-drittijiet tal-art u kwistjonijiet oħra relatati mal-iżvilupp; ifakkar li l-monitoraġġ u r-rapportar mill-Kummissjoni previsti fid-direttiva proposta jipprovdu opportunità, jekk ikun xieraq, biex jiġu proposti azzjonijiet korrettivi, abbażi tat-tagħlimiet misluta;
75. Jissottolinja l-importanza li jkun iggarantit li l-bijoenerġija importata tiġi prodotta fuq il-bażi ta' ambjenti tax-xogħol u standards tal-impjieg aċċettabbli u b'rispett għall-komunitajiet lokali;
76. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri ta' bijoenerġija tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni mill-prodotti sekondarji, l-iskart u r-residwi tal-bijomassa;
77. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-mira ta' 10 % għall-bijokarburanti minn sorsi rinnovabbli sal-2020 stabbilita fid-Direttiva dwar l-Enerġiji Rinnovabbli, sakemm ma jiġux applikati kriterji stretti dwar is-sostenibbiltà;
78. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw sehem sinifikanti mid-dħul mill-irkantar mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) għal attivitajiet marbuta mat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-2013 'il quddiem;
79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi metodoloġija adegwata u allinjata mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għall-kalkolu tal-effetti tat-tibdil fl-użu indirett tal-art, filwaqt li tfakkar lill-Kummissjoni li metodoloġija bħal din kienet mistennija sal-aħħar tal-2010;
Is-sigurtà
80. Jenfasizza li r-rieżami tal-esportazzjonijiet tal-armi tal-UE mistenni fl-2012 għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni dettaljata sabiex ikun konformi mal-objettivi dwar l-iżvilupp; jindika li l-pubblikazzjoni tat-Tlettax-il Rapport Annwali tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tat-teknoloġija u t-tagħmir militari qajjem mistoqsijiet dwar l-affidabilità u l-użu tad-data pprovduta;
81. Jiġbed l-attenzjoni għall-wegħdiet tal-UE ta' demokrazija u drittijiet tal-bniedem u kundizzjonijiet bħal dawk minquxa fl-approċċ “iktar għal iktar” rigward il-politika tal-UE tal-viċinat qrib; jenfasizza li r-rilevanza tagħhom tista' tiġi żgurata biss meta ebda qasam politiku ieħor, u meta ebda interazzjoni ma' pajjiżi sħab, ma jmorru kontra inizjattivi meħuda biex jiġu msaħħa d-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi sħab;
82. Ifakkar il-fatt li l-esportazzjonijiet tal-armi huma kwistjoni intergovernattiva u li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha titqies f'dan il-kuntest; jikkonkludi li deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu approvati l-esportazzjonijiet ta' armi lil pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kriterju tal-“iżvilupp sostenibbli” i.e. kriterju Nru 8 tal-Kriterji Konsolidati Nazzjonali u tal-UE dwar il-Ħruġ ta' Liċenzji għall-Esportazzjoni ta' Armi, tista' tkun diffiċli billi kunsiderazzjonijet politiċi oħra jistgħu jieħdu prijorità fuq l-applikazzjoni tiegħu; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu dikjarazzjoni sħiħa tal-metodoloġija użata fir-rigward ta' dan il-kriterju;
83. Jirrikonoxxi l-interdipendenza tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà li kwalunkwe diskussjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp trid tqis;
84. Huwa tal-fehma li l-kunċetti tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem għandhom jitqiesu bħala essenzjali fir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp billi jiffukaw fuq l-individwu;
85. Jindika li l-koordinazzjoni fost l-attivitajiet għall-bini tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp f'sitwazzjonijiet wara kunflitt għandhom jittejbu skont il-qafas strateġiku Kollegament tal-Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u s-sigurtà tal-bniedem, fejn din tal-aħħar sa issa għadha sottovalutata; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Kunsill stidinha tipprepara Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta' kunflitt u fraġilità fl-2009 u li l-UE approvat il-Patt Ġdid għal involviment fi stati dgħajfa li ġie adottat fil-forum ta' livell għoli ta' Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna;
86. Jenfasizza li billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni tal-Armi Konvenzjonali huwa l-kumitat ewlieni responsabbli mill-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, huwa importanti li l-objettivi għall-iżvilupp jitqiesu f'dan il-forum; jistieden lill-Kunsill jagħmel il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi legalment vinkolanti;
Il-migrazzjoni
87. Jenfasizza li l-'eżodu ta' mħuħ' jista' jikkawża problemi serji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fis-settur tas-saħħa; jirrikonoxxi l-fatt li l-'eżodu ta' mħuħ' li qed jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa r-riżultat ta' kombinazzjoni ta' kawżi strutturali u fatturi 'push and pull'; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-effetti tas-sistema tal-Karta Blu dwar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tieħu azzjonijiet ta' korrezzjoni jekk neċessarju; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-applikazzjoni tal-“Kodiċi ta' Prattika tad-WHO” rigward ir-reklutaġġ internazzjonali ta' persunal tas-saħħa kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;
88. Jissottolinja li għandu jiġi ggarantit li s-sħubijiet għall-mobilità jkunu konsistenti mal-qafas legali tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; jitlob lill-UE tevita l-kundizzjonalità fl-għajnuna għall-iżvilupp b'rabta mat-tnaqqis tal-migrazzoni, kemm fin-negozjati bilaterali kif ukoll f'dawk multilaterali mill-UE u l-Istati Membri tagħha;
89. Jinsisti li l-qasam tad-dimensjoni esterna fil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil ikun koerenti għalkollox mal-istrumenti tal-għajnuna esterna u l-objettivi tal-UE rigward l-iżvilupp; jipproponi li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji biex l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jużaw dan il-qasam ta' finanzjament sempliċement biex iwaqqfu l-migrazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;
90. Jappoġġa approċċ li jiffoka fuq il-migranti u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-poltika tal-UE dwar il-migrazzjoni bl-għan li l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jirrispettaw, iħarsu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha u li l-migranti jkunu jistgħu jitolbu li jitħarsu d-drittijiet tagħhom matul il-vjaġġ ta' migrazzjoni kollu; jenfasizza li approċi li jiffukaw fuq il-migranti u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem jgħinu biex jiġu analizzati sew il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni sfurzata partikolarment il-kunflitti, it-tibdil fil-klima, il-qgħad u l-faqar kif ukoll biex ikun żgurat li l-UE toffri reazzjonijiet xierqa għal dawn, b'konformità mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
91. Jindika li l-involviment ta' dijaspori jew dijaspori rimpatrijati bħala aġenti tal-iżvilupp huwa vantaġġjuż, u li dawn tal-aħħar huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja Ewropea;
92. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu spjegati ulterjorment il-parametri tal-komplimentarjetà u li jiġi stabbilit djalogu istituzzjonali koerenti u integrat sabiex jiġu ppjanati u ġestiti fondi esterni u interni li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni mill-perspettiva tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem;
93. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-AKP biex, fir-reviżjoni li qed issir tal-Ftehim AKP-UE, jinkludu fl-Artikolu 13 il-prinċipji tal-migrazzjoni ċirkolari u l-faċilitazzjoni tagħha bil-ħruġ ta’ viżi ċirkolari; jenfasizza li l-Artikolu kkonċernat jenfasizza r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-trattament indaqs ta' ċittadini tal-pajjiżi AKP, iżda li l-ambitu ta' dawn il-prinċipji jinsab serjament ipperikolat minħabba l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni konklużi mal-pajjiżi ta' tranżitu, li flimkien jammontaw għal esternalizzazzjoni mill-Ewropa tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, ftehimiet li ma jiggarantixxux li d-drittijiet tal-migranti jiġu rispettati u li jistgħu jwasslu għal “kaskata” ta' riammissjonijiet li jipperikolaw is-sigurtà u l-ħajja tagħhom;
94. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kofinanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala prinċipju li jimmotiva lill-benefiċjarji tal-għotjiet biex jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta' obbligu aktar qawwi li jagħtu rendikont ta' għemilhom, li jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-iżvilupp u jtejjeb il-koperazzjoni tal-partijiet interessati kollha kif rakkomandat mill-prinċipji ta' Istanbul(8);
Kwistjonijiet Oħra
95. Jiġbed l-attenzjoni biex isir enfasi fuq il-qafas ġenerali tal-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u r-rwol katalitiku tiegħu għall-iżvilupp f'pajjiżi sħab fid-djalogi politiki kollha, irrispettivament mill-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati għal skopijiet ta' valutazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
96. Jipproponi li l-kunċett ta' 'għajnuna għall-iżvilupp' jiġi komplementat bil-kunċett ta' 'effikaċja tal-iżvilupp' billi dan tal-aħħar huwa aktar xieraq biex ikejjel il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u aktar konvenjenti għall-approfondiment tad-djalogu mal-pajjiżi BRICS fil-qasam tal-politika għall-iżvilupp;
97. Jiġbed l-attenzjoni għan-natura trasversali tal-programmi ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinkoraġġixxi aktar sforzi f'dan ir-rigward min-naħa tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa ta' governanza globali aħjar fil-perjodu attwali ta' diversi kriżijiet peress li din għandha rwol strumentali sabiex jinkiseb żvilupp globali; jiddispjaċih li d-Dokument ta' Eżitu tal-Konferenza Rio+20 tan-NU ma fihx l-impenn favur il-ħarsien tar-riżorsi, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u s-sostenibbiltà ekonomika li talbet l-UE; iħeġġeġ, madankollu, lill-UE tibqa' involuta mill-qrib fid-definizzjoni tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) u fit-twettiq tagħhom sal-2015;
98. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex tingħata deskrizzjoni komprensiva tal-kostijiet tal-politiki li mhumiex allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tal-benefiċċji, jew sitwazzjonijiet ta' benefiċċu ċert maħluqa mill-politiki allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li jistgħu jintużaw għal aktar sensibilizzazzjoni u taħriġ u bħala bażi għal diskussjoni maċ-ċittadini Ewropej u ma' partijiet interessati affettwati oħra sabiex jingħelbu l-kunċetti żbaljati li għadhom prevalenti fir-rigward tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; tali analiżi tkun partikolarment utli fl-oqsma tal-migrazzjoni, fejn l-UE għandha tenfasizza r-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-politiki tal-iżvilupp u tipprovdi informazzjoni kostanti liċ-ċittadini tagħha dwar il-benefiċċji ta' dawn ir-rabtiet, u tal-enerġija sostenibbli;
99. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżviluppaw strateġija Ewropea transsettorjali għal perjodu twil għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp, is-sensibilizzazzjoni u ċ-ċittadinanza globali attiva;
100. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jew isaħħu, l-istrateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u l-programmi dwar l-edukazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli, u biex jabħmlu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp parti mill-kurrikuli rispettivi tagħhom;
101. Jirrimarka li l-inizjattiva attwali rigward id-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) tista' tagħti kontribut siewi biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni billi tinkludi limiti stretti tal-pożizzjoni, limitazzjoni stretta fuq l-eżenzjonijiet mill-MiFID), u billi ssaħħaħ is-setgħat għar-regolaturi biex jintervjenu fi prodotti jew f'attivitajiet speċifiċi;
102. Itenni li fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà, is-SEAE u d-DEVCO għandhom jimmoniterjaw kif il-qsim tar-responsabbiltajiet miftiehem bejn il-Kummissjoni u s-SEAE jaħdem fil-prattika u jtejbuh b'modi li jevitaw it-trikkib u li jiżguraw is-sinerġiji;
103. Jirreferi għall-fatt li s-SEAE ressaq il-kunċett tal-EU bħala attriċi (“EU actorness”) sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE; huwa tal-fehma li dan jagħmel lill-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp saħansitra aktar importanti minħabba li kull impatt negattiv ikun assoċjat dejjem aktar mill-qrib mal-UE; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li dan il-kunċett ma jmurx kontra objettivi oħra tal-politika tal-iżvilupp kif ifformulati mill-UE, speċjalment l-objettivi tas-sjieda u tal-ispazju politiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
104. Jissuġġerixxi li, b'konformità mal-Ftehim ta' Cotonou u d-dokument ta' referenza dwar 'L-involviment ta' Atturi Mhux Statali f'Modalitajiet ta' Għajnuna Ġodda'(9), id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iwettqu mmappjar komprensiv tal-NGOs, is-CSOs u l-awtoritajiet lokali rilevanti għal xogħolhom fil-pajjiż rispettiv, speċjalment ta' organizzazzjonijiet ibbażati lokalment u fuq il-komunità;
105. Itenni li l-ħolqien ta' Rapporteur Permanenti għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mill-pajjiżi AKP fil-kuntest tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jiffaċilita l-koordinazzjoni mar-Rapporteur Permanenti tal-PE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-ħidma tiegħu u mad-dipartiment rilevanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u jgħin biex jiġu eliminati l-ostakli għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw stess;
106. Ifakkar li, fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2011 dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-Kummissjoni kienet ipproponiet l-estensjoni tas-setgħat ta' skrutinju tal-FEŻ lill-Parlament; jiddispjaċih li din il-proposta ma tidhirx fil-proposta leġiżlattiva għall-11-il FEŻ;
107. Jissottolinja li qafas internazzjonali wara l-2015 għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jipprovdi approċċ aktar komprensiv għall-eliminazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, għandu jmur lil hinn minn interpretazzjoni tradizzjonali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tintuża bħala mekkaniżmu importanti u jiġu promossi l-approċċi bbażati fuq id-drittijiet; jirrimarka li tali qafas għandu jmur lil hinn mill-kunċett attwali tal-azzjoni u l-għajnuna pubblika u għandu jinvolvi lill-pajjiżi kollha (żviluppati, li qed jiżviluppaw, emerġenti) u lill-atturi kollha (donaturi tradizzjonali u ġodda, gvernijiet u awtoritajiet lokali ta' pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw, is-settur privat, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, eċċ.) fi proċess koerenti u inklużiv;
108. Jilqa’ l-fatt li l-klawżola soċjali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tapplika kemm ġewwa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE;
109. Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li dispożizzjonijiet soċjali mdaħħla fi ftehimiet tal-UE dwar il-kummerċ jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod xieraq; jikkunsidra li hu neċessarju li jiġi żgurat li mekkaniżmi għar-reviżjoni u għall-infurzar ikunu disponibbli;
110. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istandards soċjali u dwar l-objettivi ta’ impjieg sħiħ u produttiv, b'kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ż-żgħażagħ, xogħol diċenti, rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż għall-ħaddiema migranti, u ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull ftehim tal-UE dwar il-kummerċ;
111. Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjar kollettiv jiġi appoġġat u mifrux bħala għodda li tnaqqas l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol, tiżgura xogħol u pagi diċenti, tipprevjeni d-dumping soċjali, ix-xogħol mhux iddikjarat u tiżgura kompetizzjoni ġusta;
112. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta' xogħlijiet, filwaqt li jenfasizza li x-xogħol imwettaq minn żgħażagħ u nisa m'għandux jirrappreżenta xi tip ta' sfruttament, sew jekk fil-forma ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew fil-forma ta' prattiki simili għall-iskjavitù;
113. Jissottolinja l-importanza ta’ obbligi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u li min iħaddem ikun imħeġġeġ japplika standards soċjali li jkunu aktar ambizzjużi mid-dispożizzjonijiet statutorji attwali, inkluża l-possibbiltà li tiġi żviluppata u tinkiseb denominazzjoni bħal pereżempju tikketta soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni, u jiżguraw l-infurzar legali, ta’ dawn l-obbligi;
114. Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp anki f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex itejbu l-iskambji tal-informazzjoni, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet li huma lil hinn mill-kompetenzi tal-UE, bħall-użu soċjalment inklussiv ta’ kirjiet ta’ riżorsi jew tassazzjoni jew rimessi, u l-impatt tal-hekk imsejjaħ fuq il-pajjiżi ta' oriġini; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-politika soċjali fix-xogħol tal-EEAS; jemmen li huwa essenzjali wkoll għall-pajjiżi b'introjtu medju li jimpenjaw proporzjon li dejjem jiżdied tad-dħul tagħhom għal skopijiet soċjali, speċjalment billi jiżviluppaw sistemi ta' tassazzjoni u protezzjoni soċjali;
115. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni akbar lill-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni ta’ migranti, partikolarment nisa u tfal, f’pajjiżi li qegħdin jirċevuhom, u dwar il-portabilità tad-drittijiet soċjali;
116. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem fi djalogu soċjali ma’ organizzazzjonijiet tax-xogħol u trejdjunjins li mhumiex tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta' standards soċjali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u tiżgura assistenza teknika aktar adegwata għall-implimentazzjoni tal-politika soċjali u fiskali.
117. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li żżid l-appoġġ tagħha għal programmi marbuta mas-saħħa jew proġetti ta' kooperazzjoni mas-sħab minn pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba n-nattura trasversali tagħhom rigward l-objettivi tal-UE dwar l-iżvilupp;
118. Jenfasizza li l-ippjanar għall-għoti ta' servizzi bażiċi bħall-ħtiġijiet ta' edukazzjoni primarja jeħtieġ li jiffoka ferm aktar fuq dawk il-karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi partikolarment marġinalizzati li jagħmlu l-għoti ta' tali servizzi aktar diffiċli u li jillimitaw l-abilità tal-gruppi li jisfruttaw dak li huwa disponibbli;
119. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinbidel il-kunċett umanitarju u li jiġi rikonoxxut ir-rwol vitali tal-edukazzjoni, speċjalment tal-edukazzjoni matul emerġenzi b'rabta ma' kunflitti u fil-perjodu wara l-kunflitti; jiddispjaċih li l-edukazzjoni għadha wieħed mill-oqsma l-aktar sottofinanzjati tal-għajnuna umanitarja;
120. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra n-natura trasversali tal-ICTs fil-politiki għall-iżvilupp, speċjalment l-influwenza pożittiva li jista' jkollhom fuq is-sistema tal-edukazzjoni, u jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment tat-teknoloġija u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali jeħtieġu attenzjoni partikolari f'dak il-kuntest;
121. Jirrimarka li tranżazzjonijiet bankarji veri permezz tat-teknoloġija tal-mowbajl (m-banking) għandhom jingħarfu minn trasferimenti bażiċi ta' flus permezz ta' tali teknoloġija (m-payments), u jenfasizza li l-ħtieġa li jiġu rregolati t-tranżazzjonijiet internazzjonali ta' flus (pereżempju biex jiġu evitati l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu) trid tiġi rikonċiljata mal-ħtieġa li jiġi promoss aċċess għall-but ta' kulħadd għall-flus għall-fqar permezz tal-użu tal-mowbajls; jissuġġerixxi li l-ġbir ta' prattiki tajba eżistenti jkun mod utli ta' kondiviżjoni tal-għarfien u biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi;
122. Jiddispjaċih li l-arranġamenti ta' appoġġ baġitarju għadhom ikkaratterizzati minn nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u taċ-ċittadini tal-ftehimiet, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom;
123. Itenni li filwaqt li l-appoġġ baġitarju għandu jkun konformi mal-isforzi biex tiġi promossa l-governanza demokratika, jissaħħu r-riżorsi ekonomiċi proprji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tiġi miġġielda l-korruzzjoni u tissaħħaħ r-responsabilizzazzjoni tal-infiq pubbliku, dan għandu jiffoka essenzjalment fuq it-tnaqqis tal-faqar;
124. Itenni li l-isforzi tal-UE biex tiżgura aċċess għall-materja prima minn pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jridux jipperikolaw l-iżvilupp lokali u l-eliminazzjoni tal-faqar iżda minflok iridu jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isarrfu l-ġid minerali tagħhom fi żvilupp reali; jenfasizza wkoll li l-UE għandha tappoġġa l-governanza tajba, il-proċessi li jwasslu għal valur miżjud u t-trasparenza finanzjarja tal-gvernijiet u l-impriżi kummerċjali sabiex is-setturi tal-estrazzjoni jkunu jistgħu jaġixxu ta' katalist għall-iżvilupp;
125. Jenfasizza li t-trasparenza finanzjarja hija essenzjali għall-appoġġ tal-mobilizzazzjoni tad-dħul u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jinsisti li r-riforma attwali tad-Direttivi tal-UE dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza għandha tinkludi rekwiżit biex il-kumpaniji elenkati u l-kumpaniji privati kbar tal-estrazzjoni u tal-injam jiżvelaw il-pagamenti li jagħmlu lill-gvernijiet fuq il-bażi ta' kull proġett individwali, b'limiti ta' rapportar li jirriflettu d-daqs tal-pagamenti mill-perspettiva tal-komunitajiet fqar;
126. Huwa tal-fehma li filwaqt li hemm limitu għal kemm l-għajnuna mid-donaturi tista' tikseb f'termini tat-tisħiħ tar-responsabbiltà nazzjonali, xi forom ta' għajnuna jistgħu jagħmlu differenza, minn “li ma jagħmlux ħsara” għat-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali eżistenti tar-responsabbiltà, pereżempju bl-involviment tas-CSOs u l-parlamenti lokali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kuntest ta' approċċi fis-settur kollu (SWAp);
127. Jiddispjaċih li l-finanzjament u l-interventi globali fil-qasam tas-saħħa jiffavorixxu avvenimenti b'viżibbiltà kbira, bħat-tsunami fl-Asja, kif ukoll xi mard li jittieħed li huwa magħruf sew (bħall-HIV/AIDS), filwaqt li dan jaħbi l-fatt li l-mard li ma jittiħidx jirrappreżenta 63 % tal-imwiet kollha fid-dinja u t-tiġrib jirrappreżenta 17 % tal-piż globali tal-morbożità u li n-nisa u t-tfal imutu minħabba n-nuqqas li tingħata kura bażika waqt it-tqala, it-twelid u l-infanzja;
128. Jenfasizza li hu , b'konformità mar-responsabbiltà tiegħu li jħares id-drittijiet tas-suġġetti tal-provi kliniċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE, jista' juża d-dritt tiegħu li jibda investigazzjonijiet; jipproponi wkoll li l-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) dwar ċerti kwistjonijiet, pereżempju l-azzjoni tagħha biex tikkjarifika l-applikazzjoni prattika tal-istandards etiċi għall-provi kliniċi, jiġu moniterjati, biex ikun żgurat li l-EMA qed tieħu miżuri biex tarmonizza l-applikazzjoni tal-istandards etiċi mill-awtoritajiet responsabbli;
129. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-gruppi lokali tas-soċjetà ċivili, partikolarment il-gruppi tan-nisa u dawk li għandhom aġenda ffokata fuq il-kwistjonijiet tal-ġeneru, permezz ta' finanzjament aċċessibbli u permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol tagħhom bħala atturi ta' żvilupp effikaċi u gwardjani tal-paċi u l-governanza tajba, speċjalment f'sitwazzjonijiet fraġli u ta' kunflitt;
130. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi proġetti ffinanzjati mill-UE fil-livell tal-pajjiżi; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex il-membri tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE jingħataw taħriġ xieraq u effikaċi rigward approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi;
131. Jilqa’ l-ħidma attiva tal-Kummissjoni Ewropea, kemm fil-livell ta’ politika kif ukoll permezz tal-istrumenti ta' finanzjament u l-mekkaniżmi ta' appoġġ baġitarju differenti tagħha, bl-għan li ttejjeb l-impenji tagħha għat-trawwim tal-emanċipazzjoni tan-nisa, b’mod partikolari billi tfittex li tintegra l-prijoritajiet u l-bżonnijiet tan-nisa fil-politiki ewlenin kollha ta’ koerenza għall-iżvilupp;
132. Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm data statistika affidabbli u li jiġu rreġistrati l-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità skont il-kodifikazzjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonai tal-Mard tal-WHO għall-Mortalità Materna, li tista’ tiggwida lill-pajjiżi u tgħinhom itejbu l-attribuzzjoni u l-istima tagħhom tal-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità.
133. Jafferma mill-ġdid id-dikjarazzjoni tiegħu A(2010)21584 tal-Assemblea Parlamentari AKP-UE;
134. Jitlob li l-Koerenza tal-Politiki għall-iżvilupp tiffavorixxi approċċ parteċipattiv li jippromwovi l-għoti ta' setgħa u l-awtodeterminazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali, prinċipalment tan-nisa;
135. Jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tan-nisa, li m'għandhomx jitqiesu sempliċement bħala sezzjoni vulnerabbli tal-popolazzjoni, iżda wkoll bħala faċilitaturi attivi tal-politiki għall-iżvilupp; jinnota li, f’dan il-kuntest, in-nisa huma responsabbli għat-80 % tal-agrikoltura fl-Afrika, anke jekk huwa rari għalihom li jkollhom il-possibiltà li jkunu sidien tal-art li jikkultivaw; jitlob, għalhekk, li l-politiki agrikoli u tas-sajd mhux biss jiġu integrati fil-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp minħabba l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp, iżda li jiġu wkoll evalwati skont l-impatt divrenzjat tagħhom fuq in-nisa u l-irġiel rispettivament;
136. Jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, speċjalment in-nisa u l-bniet, u li dawn jingħataw attenzjoni speċjali biex tiġi evitata inugwaljanza dejjem tikber. jinnota li, kif uriet l-esperjenza, il-miżuri 'newtrali' jsaħħu s-sitwazzjonijiet ta’ poter miksub u li jenħtieġ li jitwettqu azzjonijiet pożittivi, maħsuba, sistematiċi favur it-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa, sabiex il-benefiċċji ta’ dawn l-azzjonijiet jibbenefikaw lil dawk l-aktar żvantaġġati;
137. Jenfasizza li l-politika ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tkun mhux biss is-suġġett ta’ intestatura baġitarja speċifika fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp, iżda għandha titqies ukoll bħala kwistjoni trasversali, peress li kull politika li għandha impatt fuq is-soċjetà taffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, minħabba l-persistenza tar-rwoli tal-ġeneri fis-soċjetà u l-fatt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp toffri mezzi prattiċi kif jiġi evitat li l-esternalitajiet negattivi ikollhom effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
138. Jenfasizza l-bżonn li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tinkorpora approċċ globali li jmur lil hinn mil-livell tal-familja u dak mikrosoċjali u li jikkunsidra r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri; hu tal-fehma ferma li dan huwa approċċ trasversali bejn is-sessi, meħtieġ fil-proġetti kollha tal-iżvilupp u l-analiżi kollha ta’ soċjetà; jinsisti li dan l-approċċ għandu japplika mhux biss għas-setturi kollha iżda wkoll fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oħrajn kollha; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li approċċ bħal dan, li jqis sistematikament is-sitwazzjoni u r-rwol tan-nisa u r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri f'soċjetà, hu aktar komprensiv, umanistiku u demokratiku minn approċċ li jiżola lin-nisa, partikolarment għax jagħmilha jevita l-marġinalizzazzjoni tan-nisa fi 'proġetti tan-nisa' jew proġetti li jżidu l-ammont ta’ xogħol tan-nisa jew ir-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr ma jżidu s-setgħa jew il-kontroll tagħhom fuq il-ħlas dovut għall-proġetti;
139. Jafferma li filwaqt li s-suċċess tal-politiki għall-iżvilupp u, konsegwentament, tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp ma jistax jitkejjel biss permezz tal-indikaturi wesgħin li diġà wrew il-limitazzjonijiet tagħhom, bħall-bidliet fil-PDG għal kull resident, indikaturi oħra, bħal dawk relatati mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom ikunu jistgħu jipprovdu stampa aktar kompleta tal-effetti tal-politiki tal-iżvilupp in ġenerali; jinnota li d-data, maqsuma skont il-ġeneru, għandha għalhekk tinġabar fil-post sabiex jiġi evalwat u jitjieb l-impatt tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
140. Jenfasizza r-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ta' politiki għall-iżvilupp billi jipparteċipaw fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki bħal dawn, biex b'hekk ikun żgurat li, fin-negozjati politiċi u ekonomiċi, l-interessi tan-nisa jkunu meqjusa u jinħoloq ċirku virtwuż fejn in-nisa jagħtu spinta lill-politiki tal-politiki għall-iżvilupp li, b'riżultat ta' dan, jistabbilixxu l-istrutturi neċessarji li bihom in-nisa jkollhom aktar setgħa; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ lill-organizzazzjonijiet u l-gruppi tas-soċjetà ċivili li huma responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;
141. Jinnota li n-nisa għandhom rwol essenzali fl-iżvilupp, peress li, fir-rwol tagħhom bħala ommijiet u persuni responsabbli għall-kura tat-tfal u ta' membri tal-familja dipendenti oħra, huma jassumu r-responsabbiltà tal-benesseri ġenerali tal-familja; jinnota, bħala eżempju, li n-nisa għandhom rwol kruċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sikurezza tal-ikel, speċjalment fil-kuntest tal-biedja fuq skala żgħira;
142. Jenfasizza li s-sitwazzjoni tan-nisa, f'ħafna każijiet, qed tiddeterjora aktar minn dik tal-irġiel, kemm f’termini relattivi kif ukoll f'termini assoluti; jinnota bi tħassib li kien hemm żieda fil-faqar f’dawn l-aħħar għoxrin sena, żieda li primarjament laqtet lin-nisa;
143. Jenfasizza li, għalkemm l-importanza tar-rwol tan-nisa fil-politiki għall-iżvilupp u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa rikonoxxut sew, l-istatistiċi u l-informazzjoni kwantitattiva li huma relatati b'mod speċifiku għan-nisa għadhom inadegwati u mhux jirnexxielhom jilħqu l-objettiv li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-issodisfar tal-bżonnijiet bażiċi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata attenzjoni lill-iżgurar li fl-objettivi, l-analizi, id-dokumenti u l-evalwazzjonijiet kollha tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, id-data kwantitattiva tiġi analizzata skont il-ġeneri u li indikaturi speċifiċi għall-ġeneri jkunu inklużi biex iqisu l-kundizzjonijiet attwali tal-ħajja tan-nisa;
144. Jiddikjara li kull tifel u tifla, irrispettivament mill-ġeneru, għandhom id-dritt għall-ħajja, is-sopravvivenza u l-iżvilupp, u jafferma mill-ġdid li t-tfal bniet ukoll għandhom status indaqs skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaħdmu mal-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi biex ikun żgurat li t-tfal bniet igawdu mid-drittijiet tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, inter alia billi tkun mitluba r-reġistrazzjoni immedjata tat-tfal kollha wara t-twelid, fejn il-bniet u s-subien jingħatalhom dritt indaqs għall-edukazzjoni u t-tagħlim tal-iskola, jiġu miġġielda l-isterjotipi u jitwaqqfu għalkollox il-prattiki bla etika u diskriminatorji tal-għażla tas-sess qabel it-twelid, l-abort tal-feti femminili, l-infantiċidju tal-bniet iż-żwieġ bikri furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u b'mod speċjali l-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali; jafferma mill-ġdid ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina(10);
145. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat ir-rispett għad-dritt tat-tfal bniet li jesprimu opinjoni u li jinstemgħu fi kwistjonijiet li jaffettwaw saħħithom u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin, filwaqt li jenfasizza li l-ħarsien tal-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun l-ewwel prijorità; jenfasizza l-bżonn tat-tfal kollha, u b’mod partikolari tat-tfal bniet, li jiġu mrobbija f’ambjent ta’ familja fil-paċi, dinjità, tolleranza, libertà, nondiskriminazzjoni, ugwaljanza bejn il-ġeneri u solidarjetà; jitlob implimentazzjoni stretta tad-Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra tad-Drittijiet tat-Tfal u tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing dwar in-Nisa;
146. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri, tal-gwardjani legali jew ta’ individwi oħra li huma legalment responsabbli għat-tfal meta jittrattaw id-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti jagħtu attenzjoni speċjali lir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, pereżempju permezz ta’ programmi li fihom miżuri konkreti mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet nazzjonali, li jfittxu li jagħtu għajnuna massima u ottimali lill-ġenituri jew lill-gwardjani fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala ġenituri sabiex jiġi evitat it-tkissir tal-familji, il-maltrattament tat-tfal jew it-tqegħid tagħhom f’idejn il-kura soċjali bħala riżultat ta’ faqar serju jew jiżguraw li miżura bħal din tiġi kkunsidrata biss bħala l-aħħar rimedju;
147. Jiżgura li, fl-implimentazzjoni tal-klawsoli speċifiċi dwar il-projbizzjoni tal-isfurzar jew il-kostrinġiment fi kwistjonijiet ta’ saħħa sesswali u riproduttivà speċifiċi tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-Kajr, fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali legalment vinkolanti fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-acquis communautaire tal-UE u l-kompetenzi politiki tal-Unjoni f’din il-kwistjoni, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tingħata lil ebda awtorità, organizzazzjoni jew programm li jippromwovi, jappoġġja jew jipparteċipa fil-ġestjoni ta’ kull azzjoni li tinvolvi tali abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bħall-abort sfurzat, l-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa u l-irġiel, l-iżvelar tas-sess tal-fetu li jirriżulta fl-għażla tas-sess qabel it-twelid jew f’infantiċidju, speċjalment fejn azzjonijiet bħal dawn jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b'reazzjoni għall-pressjoni psikoloġika, soċjali, ekonomika jew legali. jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza esterna tal-Unjoni li tkopri dan il-programm;
148. Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, speċjalment il-vjolenza sesswali, l-isfruttament u l-femminiċidju, huma mifruxa ħafna fid-dinja, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u l-ħarsien tar-rispett tad-dinjità umana tagħhom huma essenzjali biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tkun ipprovduta protezzjoni u konsulenza xierqa lill-vittmi, kif ukoll biex tiżgura punizzjoni għat-trasgressuri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ġlieda kontra l-impunità għat-trasgressaturi ta' vjolenza bħal din waħda mill-prijoritajiet tal-politika tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp;
149. Jirrimarka li ta’ spiss in-nisa huma diskriminati f’termini tar-rikonoxximent tal-ġlieda tagħhom għall-paċi, u li tbatija estrema hija kkaġunata fuq in-nisa f’pajjiżi li qegħdin fi gwerra; isostni li azzjoni ta' dan it-tip, inkluż l-istupru ta’ bniet minn suldati, il-prostituzzjoni sfurzata t-tqala sfurzata tan-nisa, l-iskjavitù sesswali, l-istupru u l-fastidju sesswali, u l-ħtif konsenswali (permezz ta’ seduzzjoni), huma reati li m’għandhomx jiġu injorati; isostni li l-UE għandha tittratta dawn bħala problemi fundamentali li għandhom jiġu kkunsidrati;
150. Jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni dwar iż-żewġ ġeneri kemm lill-bniet kif ukoll lis-subien, li għandha tinbeda mill-istadju bikri fl-iskola, sabiex l-attitudnijiet soċjali u l-isterjotipi fuq il-parità bejn l-irġiel u n-nisa jinbidlu gradwalment;
151. Jiddikjara li l-miżuri ta' għajnuna għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ urġenza u dawk tal-pajjiżi jew sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju ta’ libertajiet fundamentali, fejn is-sigurtà tal-bniedem hija l-aktar f'riskju jew fejn l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem joperaw taħt l-aktar kondizzjonijiet diffiċli; għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn in-nisa qed jiġu esposti għal vjolenza fiżika jew psikoloġika;
152. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isferi ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
153. Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fir-riforma demokratika, fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u fir-rappreżentazzjoni politika;
o o o
154. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
“Clinical trials in developing countries: How to protect people against unethical practices?’, studju mħejji mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Esterni tal-Unjoni.
Isobel Coleman: “The global glass ceiling: Why empowering women is good for business’, : Foreign Affairs, vol. 89, Mejju/Ġunju 2010, p 13-20; UNFPA: ”State of World Population 2009, Facing a changing world: women, population and climate’.
Tools and Method Series, Dokument ta' referenza nru 12: Engaging Non-State Actors in New Aid Modalities for Better Development Outcomes and Governance.