Indiċi 
Testi adottati
Il-Ġimgħa, 20 ta' April 2012 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju nru 1/2012: finanzjament tal-ITER
 Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa
 Suq uniku diġitali kompetittiv - il-Gvern elettroniku bħala xprun
 Is-sitwazzjoni fil-Mali
 Is-sitwazzjoni fil-Burma/Mjanmar
 Is-sigurtà legali tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea
 L-impatt fuq l-għoti ta' għajnuna tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-Kummissjoni mill-kwartieri ġenerali tagħha għad- delegazzjonijiet tagħha
 In-nisa u t-tibdil fil-klima
 L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
 Ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali

Abbozz ta' baġit emendatorju nru 1/2012: finanzjament tal-ITER
PDF 278kWORD 35k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni (08136/2012 – C7-0088/2012 – 2012/2011(BUD))
P7_TA(2012)0138A7-0097/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-27 ta' Jannar 2012 (COM(2012)0031),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2012, li l-Kunsill stabbilixxa fis-26 ta' Marzu 2012 (08136/2012 – C7-0088/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0097/2012),

A.  billi l-iskop tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2012 huwa li jinkorpora fil-baġit 2012 ammont ta' EUR 650 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji fl-Artikolu 08 20 02 Euratom – Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (F4E),

B.  billi dan l-aġġustament baġitarju huwa totalment konformi mal-ftehim li laħqu l-Parlament u l-Kunsill f'Diċembru 2011 biex ikopru l-kostijiet addizzjonali ta' EUR 1 300 miljun tal-proġetti ITER fl-2012-2013,

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2012;

2.  Japprova, mingħajr emenda, il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2012 u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2012 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 56, 29.2.2012.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.


Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa
PDF 349kWORD 112k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa (2011/2294(INI))
P7_TA(2012)0139A7-0057/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa” (COM(2011)0567) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha dwar l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fis-sistemi ta' edukazzjoni għolja Ewropej (SEC(2011)1063),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2010 bit-titolu “Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bit-titolu “Inwasslu għar-riżultati ta' l-aġenda ta' modernizzazzjoni għall-universitajiet: L-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni” (COM(2006)0208),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni ta' edukazzjoni għolja(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, b'mod partikolari l-parti bit-titolu “Strateġija Ewropea ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir”(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar “Żgħażagħ Attivi: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ”(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni”(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-9 ta' Marzu 2011 dwar strateġija Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bologna u l-mobbiltà tal-istudenti(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni u l-progress tal-proċess ta' Bolonja(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0057/2012),

A.  billi l-kriżi ekonomika – u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' impożizzjoni ta' miżuri ta' awsterità u tat-tnaqqis baġitarju –, l-iżviluppi demografiċi, il-bidla b'pass mgħaġġel fil-qasam tat-teknoloġija u d-domanda għal ħiliet ġodda li tirriżulta qed joħolqu sfidi serji għas-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni għolja u jeħtieġu riformi estensivi f'dan il-qasam li jeħtieġ li ma jkunux ta' ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni;

B.  billi, f'soċjetà bbażata fuq l-għarfien, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-fulkru tal-futur;

C.  billi jeħtieġ li l-individwi jingħataw sostenn biex jifformulaw il-karrieri tagħhom mill-ġdid u jeħtiġilhom iwessgħu, kif ukoll jaġġornaw, il-ħiliet u l-għarfien tagħhom b'rata dejjem aktar mgħaġġla ħalli jilqgħu l-isfidi tas-suq tax-xogħol, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li hemm differenza bejn il-programmi ta' studju vokazzjonali, fejn l-armonizzazzjoni Ewropea hi fattibli u mixtieqa, u dawk umanistiċi, fejn għandu jkun hemm liberta` u awtonomija sostanzjali tal-mogħdijiet ta' studju u riċerka li għandha x'taqsam kemm mad-differenzi storikokulturali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mad-diversità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'dak li jirrigwarda t-tagħlim u l-missjoni speċifika tagħhom;

D.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara li, sal-2020, 40 % tal-persuni ta' età bejn it-30 u l-34 sena fl-Ewropa għandhom jispiċċaw l-edukazzjoni għolja tagħhom jew studji ta' livell ekwivalenti, minħabba li huwa stmat li 35 % tal-impjiegi kollha fl-UE se jeħtieġu kwalifiki bħal dawn; jinnota, madankollu, li fl-2010 fl-UE 26 % tal-persuni fil-forza tax-xogħol biss kellhom kwalifiki ta' dan il-livell;

E.  billi aktar minn 21 % taż-żgħażagħ fl-UE jinsabu qiegħda;

F.  billi fl-UE fl-2010, 16,5% taż-żgħażagħ la kienu fl-edukazzjoni u lanqas fis-suq tax-xogħol;

G.  billi fl-2010, fl-UE l-livell tal-qgħad ta' persuni b'lawrja ta' edukazzjoni terzjarja kien ta' 5,4 % meta mqabbel ma' aktar minn 15 % fost persuni li għandhom biss edukazzjoni sekondarja aktar baxxa; billi, min-naħa l-oħra, il-parti l-kbira tal-lawrjati dejjem qed idumu aktar u aktar ma jsibu impjieg sikur;

H.  billi aktar minn 60 % tal-gradwati tal-università huma nisa, iżda l-maġġoranza tal-postijiet ta' livell għoli fl-universitajiet (eż. pożizzjonijiet postdottorali u professorati) għadhom okkupati mill-irġiel;

I.  billi biss 13 % mill-istituzzjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni għolja huma mmexxija minn nisa u 9 % biss tal-universitajiet għandhom mara bħala kap tal-persunal, u billi n-nisa għalhekk għandhom ħafna anqas influwenza rigward it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ir-riċerka;

J.  billi 75 mill-aħjar 200 università madwar id-dinja jinsabu fl-Istati Membri tal-UE;

K.  billi biss 200 mill-4 000 istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja Ewropej ġew ikklassifikati fost l-aqwa 500 fid-dinja;

L.  billi l-universitajiet ilhom kważi elf sena riżorsa Ewropea importanti, filwaqt li l-importanza tagħhom għall-progress tas-soċjetà m'għandhix tiġi ridotta għall-kontribuzzjoni li jagħtu lill-ekonomija, u billi l-iżvilupp tagħhom m'għandux jiddependi biss mill-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-bżonnijiet ekonomiċi tal-mudell ekonomiku attwali;

M.  billi għandu jiġi mħeġġeġ aċċess indaqs għall-edukazzjoni għolja u taħriġ għaż-żgħażagħ kollha;

N.  billi l-universitajiet jinkoraġġixxu l-awtonomija u l-kreattività tal-individwi u għandhom rwol importanti ħafna fil-promozzjoni tal-għarfien, u billi l-Istati Membri għaldaqstant għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li l-edukazzjoni għolja tkun aċċessibbli b'mod mifrux bla diskriminazzjoni, partikolarment dik għal raġunijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, razzjali jew politiċi;

O.  billi l-edukazzjoni, b'mod speċjali l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni terzjarja, hija responsabbli biex issawwar l-attitudnijiet u l-valuri li huma l-bażi tas-soċjetà ċivili,

P.  billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri rispettivi tikkunsidra l-edukazzjoni għolja bħala għodda fundamentali għad-determinazzjoni tal-ġejjieni taċ-ċittadini tal-UE;

Q.  billi l-edukazzjoni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u billi huwa importanti li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jirċievu appoġġ finanzjarju , l-ewwel u qabel kollox permezz tad-disponibilità ta' finanzjament pubbliku adegwat;

R.  billi l-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) huwa żvilupp importanti li jista' jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea filwaqt li jirrispetta d-diversità tal-edukazzjoni fl-Istati Membri differenti tal-UE u l-miri għall-edukazzjoni għolja f'relazzjoni mas-soċjetà;

S.  billi l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti x'taqdi għat-tisħiħ ta' din iż-żona bl-għajnuna tal-isforzi u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;

Ir-rwol li qiegħed jinbidel tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja

1.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jintegraw it-tagħlim tul il-ħajja fil-kurrikuli tagħhom, bl-għanuna ta' assistenza ekonomika u programmi ta' studju differenti, u jadattaw għal bażi ta' studenti li tinkludi adulti, anzjani, studenti mhux tradizzjonali u studenti full-time li jkollhom jaħdmu waqt li jistudjaw, kif ukoll persuni b'diżabilità, u għaldaqstant jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jimplimentaw programmi mmirati ħalli jneħħu l-ostakli u l-barrieri eżistenti;

2.  Jistieden lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta' persuni li jaħdmu li, bħala nies li jieħdu t-tagħlim tul il-ħajja, jeħtiġilhom jaġġornaw u jwessgħu ħiliethom f'intervalli regolari, inkluż permezz tal-organizzazzjoni u r-raffinament ta' korsijiet ta' aġġornament li jkunu aċċessibbli għall-gruppi soċjali kollha, kooperazzjoni mill-qrib ma' min iħaddem u l-iżvilupp ta' korsijiet li jaqdu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn tal-ħaddiema qiegħda lejn l-edukazzjoni;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jmantnu l-ispirtu ta' awtonomija fit-tagħlim u fir-riċerka filwaqt li jipprovdu programmi ta' studju speċifiċi bil-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' persuni li jaħdmu u li jkunu jixtiequ jaġġornaw ħiliethom;

4.  Itenni li l-edukazzjoni għolja għandha l-potenzjali li tippromwovi l-inklużjoni soċjali, il-progress soċjali u l-mobilità soċjali “l fuq; jitlob, fir-rigward tal-prinċipju tas-solidarjetà, lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jsaħħu – fost l-oħrajn billi jiżviluppaw skemi ta' sostenn finanzjarju adegwat – l-isforzi tagħhom biex iwessgħu l-aċċess ekwu għall-istudji għal kulħadd, mill-ewwel tfulija sal-edukazzjoni għolja, irrispettivament mis-sess, etniċità, lingwa, reliġjon, diżabilità jew sfond soċjali, u jiġġieldu kontra kull sura ta' diskriminazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu l-multikulturaliżmu u l-multilingwiżmu, inklużi l-lingwi tas-sinjali, bħala valuri fundamentali tal-UE li jeħtieġ jitrawmu;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni u jsostnu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jaqdu minoranzi nazzjonali, etniċi jew lingwistiċi tradizzjonali, filwaqt li jiffukaw speċjalment fuq kulturi u lingwi pperikolati;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-isports;

7.  Jissottlinja r-rwol komplementari tal-forom statali, privati u reliġjużi tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkiseb għarfien sod dwar l-integrazzjoni Ewropea u li jkun żurat li r-reġimi totalitarji tal-Ewropa ta' dari jiġu mifhuma bħala parti mill-istorja komuni tagħha;

9.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-edukazzjoni tradizzjonali tissokta għaddejja bi spirtu akkademiku u li ma nħallux li s-sistema edukattiva tkun għalkollox subordinata għas-suq tax-xogħol, fid-dawl tal-ħtieġa li jissawru l-valuri etiċi u morali tal-istudenti, fl-istess waqt li nieħdu ħsieb il-progress akkademiku tagħhom;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jistabbilixxu qafas ġenerali – li jkun ikopri r-regoli, ir-responsabilitajiet, l-objettivi politiċi u edukattivi, kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ u r-riċerka u l-prijorità li tingħatalhom – biex fih jiġu promossi l-aħjar prattiki u ikun hemm rispons għall-isfidi tas-soċjetà ta' komunikazzjoni;

11.  Jenfasizza li hemm bżonn li l-persunal akkademiku u l-istudenti, kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, ikunu involuti fil-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; jisħaq fuq il-fatt li kemm l-eċċellenza fir-riċerka, fis-sens wiesa' tal-kelma, kif ukoll l-eċċellenza fit-tagħlim u r-riżultati xjentifiċi, hemm bżonn jiġu ppremjati, mingħajr ma jiġu ppenalizzati b'hekk dawk l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja – pereżempju l-fakultajiet tal-istudji umanistiċi – li ma jissodisfawx il-kriterji ta' valutazzjoni u rendiment marbutin biss mal-ħiliet mitluba mill-ekonomija tas-suq;

L-informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja

12.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja huma kundizzjoni ċentrali biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa;

13.  Jipproponi l-introduzzjoni ta' kriterji ċari u uniformi għall-ħolqien ta' klassifika pan-Ewropea tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, biex b'hekk l-istudenti prospettivi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata ta' università u tingħata informazzjoni komprensiva dwar l-universitajiet rispettivi;

14.  Iħeġġeġ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi, b'koperazzjoni mal-istituzzjonijiet, l-istudenti u l-persuni interessati l-oħra involuti kollha, strument multidimensjonali għall-klassifikazzjoni u l-iggradar tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja skont karatteristiċi bħal tradizzjoni twila ta' għoti ta' edukazzjoni għolja, il-kwalità tat-tagħlim, l-appoġġ għall-istudenti (i.e. boroż ta' studju, konsulenza, akkomodazzjoni, aċċessibilità fiżika u tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni, involviment reġjonali, u trasferiment tal-għerf; jopponi, min-naħa l-oħra, it-twaqqif ta' klassifikazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja abbażi ta' indikaturi ta' rendiment mhux omoġenji li ma jqisux id-diversità tal-mogħdijiet u l-programmi edukattivi, u d-diversità lingwistika fl-universitajiet Ewropej;

15.  Jenfasizza wkoll li din l-għodda m'għandhiex tinvolvi biss il-kompilazzjoni ta' tabelli ta' klassifikazzjoni konvenzjonali u li l-karatteristiċi speċifiċi tal-istituzzjonijiet relevanti għandhom jingħataw l-attenzjoni dovuta fir-riżultati;

16.  Jissuġġerixxi li għandha tingħata konsiderazzjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmu unifikat għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards akkademiċi mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, kemm pubbliċi u kemm privati;

Il-finanzjament tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja

17.  Jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni għolja hija beni pubbliku li jrawwem il-kultura, id-diversità, il-valuri demokratiċi u l-iżvilupp personali, u li jipprepara lill-istudenti biex isiru ċittadini attivi li jappoġġaw il-koeżjoni Ewropea;

18.  Jinsisti għal darb'oħra li l-Istati Membri għandhom jilħqu l-objettivi ta' investiment ta' 2 % tal-PDG fl-edukazzjoni;

19.  Jirrimarka li prinċipalment il-fondi pubbliċi u anke dawk privati huma ta' importanza ewlenija għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja; jenfasizza li l-investimenti fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa hu kruċjali biex tintgħeleb il-kriżi ekonomika attwali; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jespandu l-programmi ta' boroż ta' studju u ta' finanzjamenti biex jinkludu lil dawk l-istituzzjonijiet u jiżviluppaw metodi innovattivi ta' mekkaniżmi ta' finanzjament, li jistgħu jikkontribwixxu għal funzjonament aktar effiċjenti tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, jikkumplimentaw il-fondi pubbliċi mingħajr ma jżidu l-pressjoni fuq il-familji u jagħmlu l-edukazzjoni għolja aċċessibbli għal kulħadd; jesprimi s-sogħba tiegħu għat-tnaqqis sinifikattiv għall-baġits għall-edukazzjoni f'diversi Stati Membri, kif ukoll iż-żieda dejjiema fil-miżati għall-edukazzjoni, li qed iwassal għal żieda sinifikattiva fl-għadd ta' studenti vulnerabbli;

20.  Jitlob li l-baġit tal-UE għall-2014-2020 taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew jinkludi nfiq fuq l-edukazzjoni għolja relatat mal-investimenti fl-infrastruttura universitarja u l-persunal akkademiku;

It-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol

21.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jadattaw għall-isfidi ġodda billi joħolqu oqsma ġodda ta' studju li jirriflettu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, b'kunsiderazzjoni tal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġija billi jinżamm bilanċ xieraq bejn l-għarfien teoretiku u l-ħiliet prattiċi;

22.  Jitlob il-promozzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jgħinu lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jsaħħu t-tagħlim u r-riċerka fl-oqsma tematiċi kollha permezz tal-inklużjoni ta' studenti u jipprovdu kwalifiki fundamentali addizzjonali għas-suq tax-xogħol sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol;

23.  Jitlob li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jinfetħu kemm biex joffru taħriġ vokazzjonali kontinwu, kif ukoll biex joħolqu l-forsijiet xierqa għall-ħaddiema li ma jkunux kisbu kwalifika ta' edukazzjoni sekondarja għolja, sabiex jisfruttaw il-potenzal addizzjonali biex jiksbu l-kwota ta' gradwati;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għal qafas ta' kwalità għall-apprendistati u jenfasizza s-suċċess tal-programm Erasmus li jagħti l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu esperjenza ta' xogħol barra minn pajjiżhom, u jinsisti li din l-azzjoni titkompla taħt il-programm il-ġdid u tissaħħaħ permezz ta' finanzjamenti xierqa;

25.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u lill-istituzzjonijiet responsabbli għas-settur edukattiv fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew jimmonitoraw it-tendenzi fir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol sabiex jirriflettu b'mod aktar preċiż il-ħtiġijiet tal-ġejjieni f'termini ta' opportunitajiet ta' tagħlim;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu segwiti l-kisbiet tal-gradwati fil-qasam tal-impjieg biex jitkejjel kemm is-settur tal-edukazzjoni għolja qed jirreaġixxi tajjeb għad-domandi tas-suq tax-xogħol; jilqa' għalhekk l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb id-disponibilità ta' data ta' dan it-tip, bl-għan prinċipali li tipprovdi lill-istudenti bl-informazzjoni meħtieġa biex tiggwida l-għażliet tagħhom fil-qasam tal-istudju, waqt li fl-istess ħin tagħti lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u ta' riċerka l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u, sussegwentement, jiżviluppaw programmi ta' studju li jkopru kemm l-għarfien ġenerali, kif ukoll il-ħiliet professjonali speċifiċi permezz ta' tagħlim tul il-ħajja, fi djalogu kontinwu ma' dawk involuti fil-produzzjoni tal-għarfien, iżda anke mas-soċjetà kollha kemm hi u mal-istat;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiġbdu u jippubblikaw data statistika rigward il-korrelazzjoni bejn il-lawrji ta' edukazzjoni għolja differenti u l-opportunitajiet ta' impjieg;

28.  Jitlob li jiġi żviuppat bank tad-data internazzjonali, simili għal AlmaLaurea, li jgħin lill-gradwati jidentifika l-opportunitajiet xierqa ta' xogħol, taħriġ, studju u riċerka, waqt li l-ostakli ekonomiċi jitneħħew permezz ta' boroż ta' studju u self għall-istudenti sabiex tiġi żgurata ugwaljanza ta' vera fost l-istudenti u b'hekk jitħeġġu l-mobilità u t-tqabbil tal-ħiliet max-xogħlijiet; itenni l-importanza ta' komunikazzjoni adatta fl-iżgurar li din l-informazzjoni tkun disponibbli faċilment għall-istudenti, il-gradwati reċenti, il-qiegħda, min qed ifittex xogħol u min jimpjega;

29.  Jikkunsidra li l-iskemi tal-garanziji taż-żgħażagħ huma għodda siewja għall-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja għall-impjiegi u jitlob lill-Istati Membri jinkorpoaw l-iskemi ta' dan it-tip fl-istrateġiji ta' tranżizzjoni nazzjonali tagħhom;

30.  Ifakkar ir-rwol importanti li l-fondi strutturali jistgħu jiżvolġu f'dan ir-rigward; jilqa' l-impenn li sar fi ħdan il-komunikazzjoni “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933) għall-iskjerament sħiħ tar-riżorsi disponibbli u jitlob lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali jużaw din l-opportunità sabiex iżidu l-provvista ta' appoġġ u gwida għall-istudenti li jkun se jidħlu fis-suq tax-xogħol;

Il-bilanċ bejn is-sessi fl-edukazzjoni għolja

31.  Jinnota li għad fadal differenzi bejn is-sessi fis-sistemi edukattivi Ewropej allavolja kważi l-pajjiżi kollha issa implimentaw politiki biex jiġġilduhom, u li tali differenzi jinfluwenzaw kemm ir-rendiment fl-iskola u kemm l-għażliet ta' studju u karriera, u għandhom effett negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq l-istat assistenzjali;

32.  Jenfasizza l-fatt li ħafna studenti nisa li jattendu skejjel vokazzjonali jew sekondarji għadhom jagħżlu karrieri li jirriflettu r-rwol tradizzjonali tas-sess tagħhom; jinnota għalhekk li hemm bżonn ta' gwida vokazzjonali aħjar għall-ġlieda kontra l-istereotipi persistenti;

33.  Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-fatt li l-kwalifiki ta' edukazzjoni għolja tagħhom mhumiex kummerċjabbli biżżejjed, in-nisa ta' spiss ikunu kkwalifikati żżejjed u mħallsa inqas milli suppost għall-impjiegi tagħhom u ħafna drabi jispiċċaw qiegħda jew f'impjiegi prekarji, sitwazzjoni ta' żvantaġġ addizzjonali għalihom fis-swieq tax-xogħol fil-bidu tal-karriera tagħhom, li tkompli ssostni ċ-ċiklu tal-inugwaljanza fil-pagi;

34.  Ifakkar li, fl-Istati Membri kollha, għadhom ftit l-inizjattivi stabbiliti bl-għan li jipprovdu informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni; jissuġġerixxi li l-għalliema jingħataw taħriġ speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

35.  Jirrimarka li l-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet domestiċi u tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel hija sine qua non għall-avvanz u l-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jirrikonoxxu li l-istudenti nisa jista' jkollhom responsabilitajiet addizzjonali speċifiċi barra mit-tagħlim, bħall-kura ta' tfal żgħar jew ta' qraba anzjani; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-universitajiet jipprovdu lill-ġenituri – speċjalment lin-nisa – bi kwantità suffiċjenti ta' kura tat-tfal ta' kwalità għolja, ekonomika u aċċessibbli, inklużi ċentri tal-komunità, sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ndaqs tagħhom fl-istudji u r-riċerka; iħeġġeġ ukoll l-introduzzjoni ta' varjetà ikbar ta' metodi ta' studju, pereżempju t-tagħlim part-time u mill-bogħod, u, f'dan ir-rigward, ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-livell ta' sostenn finanzjarju għat-tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu lin-nisa jkomplu l-istudji tagħhom, jidħlu mill-ġdid fil-forza tax-xogħol u jarmonizzaw ir-responsabilitajiet professjonali u personali tagħhom;

L-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja involuti

36.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jinvolvu ruħhom b'mod aktar intensiv mar-reġjuni tagħhom u jistabbilixxu azzjonijiet kollaborattivi dinamiċi mal-gvernijiet reġjonali, il-kunsilli lokali, il-korpi pubbliċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp reġjonali; jirrimarka li dan għandu jsaħħaħ ukoll l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u min iħaddem;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ċentrali u reġjonali tagħhom jinkludu u jappoġġaw lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja f'kooperazzjoni transkonfinali;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-interazzjoni bejn it-tliet naħat tat-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) bħala element fundamentali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

39.  Jirrimarka li l-iżvilupp tal-kurrikuli tal-edukazzjoni għolja u l-programmi ta' riċerka għandu jibqa' kompitu għall-universitajiet, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-impjegabilità;

40.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għal “Alleanzi tal-Għarfien” u “Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali” li fihom l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jiskambjaw informazzjoni man-negozji filwaqt li jiżviluppaw kurrikuli biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' ħiliet; jistieden lill-intrapriżi u lill-intraprendituri, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jiżviluppaw sħubijiet mal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja b'mod attiv, billi jipprovdu taħriġ intern ta' kwalità għolja għal studenti u lekċerers u japprofittaw mill-ħiliet trasferibbli ġenerali tal-lekċerers; itenni però illi l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja għandhom jipproduċu kontenut kulturali li jista' jiġi tradott mhux biss f'ħiliet vokazzjonali iżda anke f'għarfien ġenerali, f'termini ta' esperjenza intellettwali tar-realtà u l-valuri komuni li jgħix bihom iċ-ċittadin;

41.  Jitlob li jkun hemm impenn għal approċċi ta' tagħlim aktar flessibbli u innovattivi u għal metodi ta' forniment li jkunu dejjem iċċentrati fuq il-bżonnijiet tal-istudenti;

42.  Jinnota l-ħtieġa biex l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-intrapriżi transkonfinali jikkoperaw fi programmi prattiċi u fit-tiswir tal-karrieri futuri tal-istudenti billi jidentifikaw il-mogħdijiet ta' żvilupp, l-istennijiet u l-isfidi speċifiċi li se jistennewhom fis-suq tax-xogħol;

43.  Jenfasizza l-utilità li jiġu żviluppati mekkaniżmi u strateġiji ta' ġestjoni li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' ideat innovattivi u ta' riżultati ta' riċerka fis-soċjetà u fin-negozju, u li jippermettu lis-soċjetà u lin-negozji jipprovdu kontribut għall-edukazzjoni għolja rigward il-bżonnijiet attwali u mistennija għal ħiliet u innovazzjonijiet, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aħjar prattiki minn madwar id-dinja; jirrimarka li tali kollegament aktarx jiffavorixxi finanzjarjament biss lil dawk l-istituzzjonijiet ta' riċerka u ta' edukazzjoni għolja li jispeċjalizzaw fl-innovazzjoni u t-teknologija għad-detriment tal-edukazzjoni iktar marbuta mal-istudji umanistiċi;

44.  Jafferma mill-ġdid il-valur ta' governanza demokratika bħala mod fundamentali biex jiġi żgurat il-ħelsien akkademiku u tkun promossa l-parteċipazzjoni attiva tal-parteċipanti kollha fil-ħajja ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja;

45.  Jenfasizza li t-trasparenza, d-distribuzzjoni ugwali tad-drittijiet u l-obbligi bejn is-sħab kooperattivi u l-iskejjel ta' edukazzjoni għolja relevanti, kif ukoll prinċipju bbilanċjat ta' rappreżentanza iridu jiġu osservati fil-kuntest tal-koperazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jkunu jistgħu jorganizzaw u jiżviluppaw ruħhom b'mod awtonomu bħala beni pubbliċi skont il-prinċipji akkademiċi;

46.  Jenfasizza wkoll li l-prinċipju tad-demokrazija u tal-awtogovernanza fost l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-persunal u l-istudenti tagħhom għandu jiġi rispettat u miżmum fil-proġetti kollaborattivi kollha;

47.  Jitlob, għalhekk, li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u d-diversi entitajiet tagħhom jiġu rikjesti jiżvelaw il-ftehimiet kooperattivi ma' partijiet terzi;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur tal-volontarjat Ewropew, sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-involviment tal-istudenti f'parteċipazzjoni attiva permezz ta' ħidma fis-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

49.  Jissottolinja l-importanza tal-isport fil-proċess edukattiv; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw u jħeġġu l-isport fost l-istudenti u jżidu l-appoġġ għall-programmi sportivi bażiċi;

50.  Jirrimarka li l-firxa u l-intensità tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u sħabhom fin-negozju u s-soċjetà jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini akkademiċi;

51.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' investiment kontinwu fir-rabta bejn l-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jibqa' jingħata appoġġ lil l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u li jibqa' jiġi żviluppat bil-komunitajiet ta' għarfien u innovazzjoni tiegħu;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura fl-edukazzjoni għolja u jitlob l-inklużjoni ta' kriterji speċjali għall-istudji umanistiċi kemm fl-innovazzjoni, kif ukoll fir-riċerka;

53.  Jenfasizza l-bżonn li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jiġu involuti u jipprovdu appoġġ għall-inizjattivi tal-istudenti kif ukoll jassistu fil-koordinament ta' attivitajiet ta' dan it-tip fost istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, intrapriżi u awtoritajiet lokali oħrajn minn diversi Stati Membri;

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki

54.  Jirrikonoxxi l-ġid inerenti fil-varjetà wiesgħa ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri u lil dawn l-istituzzjonijiet jiżviluppaw mogħdijiet ċari u integrati, li jippermettu li l-istudenti javvanzaw minn tipi oħra ta' edukazzjoni għall-edukazzjoni għolja u li dawn ikunu jistgħu jibdlu bejn mogħdijiet u tipi ta' istituzzjonijiet differenti;

55.  Jenfasizza madanakollu l-ħtieġa li tinżamm id-diversità tal-mogħdijiet u l-programmi edukattivi, tal-metodi ta' tagħlim u tas-sistemi universitarji fl-UE; hu tal-fehma li konsegwentement hemm bżonn jiġi żviluppat qafas nazzjonali tal-kwalifiki, waqt li fl-istess ħin jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-lawriji u tal-kwalifiki fost l-Istati Membri kollha;

56.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-Qafas tal-Kwalifiki tal-EHEA u jiżviluppaw u jappoġġaw finanzjarjament ir-rikonoxximent reċiproku;

57.  Jirrimarka li l-mobilità tal-istudenti, u fuq kollox l-istudju fl-universitajiet l-oħra taħt il-Programm Erasmus, jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki u b'hekk għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja; jinnota, għaldaqstant, il-ħtieġa biex l-università ta' provenjenza tirrikonoxxi l-kwalifiki miksuba waqt studju f'universitajiet oħra;

58.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-istudju mwettaq barra billi tikkonsolida s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw rikonoxximent iktar effikaċi u aktar armonizzazzjoni fir-rigward tal-kwalifiki akademiċi wkoll;

It-titjib tal-mobilità fl-EHEA u lil hinn minnha

59.  Itenni li l-edukazzjoni għolja hija beni pubbliku Ewropew komuni u li l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet lokali u l-UE jaqsmu responsabilità komuni fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-EHEA, taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u tal-Proċess ta' Bologna;

60.  Jisħaq fuq il-fatt li koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni għolja – anke permezz ta' appoġġ finanzjarju u politiku b'saħħtu għal ftehimiet dwar kurrikuli bażiċi komuni u riżultati ta' tagħlim iddefiniti sew – hija prekundizzjoni għall-ilħuq tal-għanijiet tal-impjegabilità u t-tkabbir fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn il-ministeri rilevanti tagħhom sabiex jaġġornaw il-kurrikuli eżistenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

61.  Jirrimarka l-ħtieġa għal kollaborazzjoni bejn l-EHEA u ż-ŻER bħala mezz ta' appoġġ għall-programmi ta' riċerka universitarji kemm fix-xjenza, kif ukoll fl-istudji umanistiċi;

62.  Jitlob li tiġi promossa l-attraenza tal-EHEA u taż-ŻER għall-istudenti u r-riċerkaturi mid-dinja kollha u li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE f'oqsma edukattivi u fi kwistjonijiet relatati mal-mobilità fil-livell tal-istaff u tal-istudenti, b'mod partikulari mal-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropew tal-Viċinat (PEV) jew li għandhom fruntiera diretta mal-UE, sabiex l-EHEA ssir kalamita għal taħriġ u għarfien li jkun kemm makroreġjonai u kemm globali, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi ta' skambju u ta' taħriġ professjonali;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' programmi Erasmus u Leonardo da Vinci Ewromediterranji, bil-għan li jippromwovu il-mobilità transnazzjonali fost l-istudenti miż-żewġ naħat tal-Mediterran;

64.  Jitlob li jinfetħu programmi ta' mobilità, skambju, riċerka u esperjenza ta' ħidma għal studenti minn pajjizi affiljati mas-Sħubija tal-Lvant;

65.  Ifakkar l-importanza tal-mobilità kemm fost l-istudenti, kif ukoll fost l-għalliema u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni twettaq progress fuq il-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi;

66.  Ifakkar fil-mira li, sas-sena 2020, 20 % tal-gradwati tal-Ewropa għandhom ikunu mobbli u jenfasizza l-importanza ta' ħiliet lingwistiċi bħala prekundizzjoni għal aktar mobilità fi ħdan l-EHEA u għall-impjegabilità;

67.  Jappoġġa t-tisħiħ tat-tagħlim tal-ilsna u tal-lingwaġġ tas-sinjali – u tat-tagħlim u l-iżvilupp tal-ilsna lokali u reġjonali – fi ħdan l-EHEA bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' ċittadinanza Ewropea ta' vera bbażata fuq il-multikulturaliżmu u l-pluraliżmu lingwistiku;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema ta' edukazzjoni għolja f'kull Stat Membru tipprovdi tagħlim ta' kwalità għolja sabiex in-numru akbar ta' opportunitajiet ta' mobilità għall-istudenti ma jimxix id f'id ma' aggravament tal-“ħarba tal-imħuħ” li issa hija problema soċjali ġenwina f'xi Stati Membri;

69.  Jirrimarka li l-inugwaljanzi persistenti li jeżistu bejn is-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa tal-Punent u dawk tal-Ewropa Ċentrali/tal-Lvant għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' integrazzjoni ta' vera, bl-għan li titħeġġeġ u tiġi appoġġata kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija u tfassal pjan ta' azzjoni finanzjarja professjonali għat-tnaqqis ta' dawn l-inugwaljanzi reġjonali sinifikattivi;

70.  Jistieden lill-Istati Membri, l-UE u s-sistemi ta' edukazzjoni għolja Ewropej jivvalutaw il-possibilità li jippromwovu, fi ħdan iċ-ċiklu ta' studju, perjodu ta' tagħlim obbligatorju f'università ta' Stat Membru apparti dik li jkun affiljat magħha l-istudent;

71.  Itenni l-prinċipju li l-iskemi ta' self ma jistgħux jissostitwixxu s-sistemi ta' għotjiet stabbiliti bħala appoġġ għal aċċess għall-edukazzjoni għall-istudenti kollha jkun xi jkun l-isfond soċjali tagħhom;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara ulterjurment il-proposta biex jinħoloq strument finanzjarju li jgħin lill-istudenti jiksbu finanzjament żgur għal lawrja tal-Masters barra mill-Istat Membru ta' provenjenza tagħhom, ikunu xi jkunu l-isfond soċjali u l-possibilitajiet finanzjarji tagħhom; jitlob li jkun hemm aċċess ġust u trasparenti għall-iskema fl-Istati Membri kollha;

73.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied il-baġit disponibbli tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, biex b'hekk tiġi kkomplementata l-azzjoni li ħadu l-Istati Membri, minħabba l-fatt li l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka huwa fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi Ewropa 2020 u biex jinkiseb tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa;

o
o   o

74.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/mt/educ/126375.pdf.
(2) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(3) ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.
(4) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.
(5) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
(6) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(7) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/MT/ec/115356.pdf.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0230.
(10) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 21.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0092.
(13) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 95.
(14) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
(15) Testi adottati, P7_TA(2012)0072.


Suq uniku diġitali kompetittiv - il-Gvern elettroniku bħala xprun
PDF 347kWORD 114k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar Suq uniku diġitali kompetittiv - il-Gvern elettroniku bħala xprun 2011/2178(INI)
P7_TA(2012)0140A7-0083/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-acquis tal-Komunità fil-qasam tas-Suq Intern u s-Soċjetà tal-Informazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali Ewropea: 2015.eu(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(2),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-istrateġija Ewropa 2010, inkluż l-Aġenda Diġitali (punt 7),

–  wara li kkunsidra l-Gwida dwar l-akkwist ta' ICT bbażata fuq standards - Elementi ta' Prattika Tajba, ippublikat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa” (COM(2010)0712),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA)(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” (COM(2010)0743),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Lejn interoperabilità għas-servizzi pubbliċi Ewropej – Strateġija Ewropea għall-Interoperabilità (EIS) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (Anness 1) u Qafas Ewropew ta' Interoperabilità (EIF) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (Anness 2)” (COM(2010)0744),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar i2010 Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku – it-Tħaffif tal-Gvern elettroniku fl-Ewropa għall-Benefiċċju ta' Kulħadd (COM(2006)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja: ”Flimkien għal tkabbir ġdid' (COM(2011)0206),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2011 dwar Protezzjoni tal-Infrastruttura ta' Informazzjoni Kritika – Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn sigurtà elettronika globali' (COM(2011)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2009 dwar “il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – ”Il-protezzjoni tal-Ewropa mill-attakki ċibernetiċi u t-tfixkil fuq skala kbira: titjib fit-tħejjija, is-sigurtà u r-reżistenza' (COM(2009)0149),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummissjoni dwar Data Miftuħa, ippubblikat f'Diċembru 2011, li huwa magħmul minn: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Data miftuħa- magna għall-innovazzjoni, it-tkabbir u tmexxija trasparenti”, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (COM(2011)0877) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni 2011/833/EU,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-impatt ekonomiku tal-informazzjoni tas-settur pubbliku mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 (studju Vickery),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (COM(2011)0635),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali għall-kummerċ elettroniku u servizzi onlajn (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Green Paper – Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (COM(2011)0941),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress Annwali 2011 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ippubblikat fit-22 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Rapport tal-Kompetittività Diġitali Ewropea – Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment(4),

–  wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-Impatt Soċjali tal-ICT – SMART 2007/0068, ippubblikat fit-30 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Impatt Ekonomiku tal-ICT - SMART 2007/0020, ippubblikat f'Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreparat għall-Kummissjoni intitolat “Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku i2010 – Studju dwar il-Progress (SMART 2008/0042)”, ppubblikat f'Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza Svediża tal-10 ta' Novembru 2009 mill-konferenza Visby dwar il-ħolqien ta' impatt għal Unjoni Elettronika 2015,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Presidenza Svediża dwar Soċjetà ta' Għarfien Aħdar – aġenda politika tal-ICT għall-2015 għas-soċjetà fil-futur ta' għarfien tal-Ewropa, ippubblikat f'Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “Cloud Computing: Rapport ta' konsultazzjoni pubblika”, ippubblikat fil-5 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Pjan ta' Azzjoni għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali fis-Suq Uniku” (COM(2008)0798),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0083/2012),

A.  billi t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għandha impatt dirett u indirett profond fuq il-ħajja politika, ekonomika, soċjali, kulturali u dik ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE; billi suq uniku diġitali kompetittiv li jista' jelimina l-ostakli kollha għal servizzi elettroniċi transkonfinali u jkun ħieles mit-tgħawiġ tal-kompetizzjoni jkun ta' benefiċċju konsiderevoli għaċ-ċittadini tal-UE;

B.  billi l-gvern elettroniku jiġbor fih it-teknoloġiji u l-użi kollha marbuta mal-informazzjoni, mal-orjentazzjoni u mat-tranżazzjonijiet amministrattivi onlajn;

C.  billi s-settur tal-ICT huwa responsabbli direttament għal 5% tal-PDG tal-UE, b'valur fis-suq ta' EUR 660 biljun fis-sena, iżda jikkontribwixxi ħafna aktar għat-tkabbir ta' produttività ġenerali (20% direttament mis-settur tal-ICT u 30% minn investimenti fl-ICT);

D.  billi r-regoli dwar il-fatturazzjoni elettronika mhumiex uniformi u l-benefiċċji għadhom mhux qed jittieħdu biżżejjed;

E.  billi l-ICT jistà jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-Istrateġija UE 2020, partikolarment fejn jidħol ix-xogħol, it-tkabbir ekonomiku u produttiv sostenibbli, l-għoti ta' setgħat liċ-ċittadini, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija, l-innovazzjoni u l-ambjent u l-indirizzar tal-isfidi il-kbar tas-soċjetà;

F.  billi l-SME għandhom rwol partikolarment importanti fis-Suq Diġitali;

G.  billi s-“sħaba informatika” tikkostitwixxi għodda ekonomika u ekoloġika għat-titjib tal-prestazzjonijiet informatiċi tal-intrapriżi pubbliċi u privati, għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ipproċessar u biex jiġu limitati l-ispejjeż b'rabta mal-ħażna, u b'hekk iġġib magħha bosta vantaġġi, iżda tbati minn nuqqas ta' sigurtà fil-konnessjoni bejn l-utent u s-server, u l-utent jitlef parti mill-kontroll;

H.  billi t-tabella ta' valutazzjoni 2011 tal-Aġenda Diġitali turi progress iżda 26% taċ-Ċittadini tal-UE qatt m'użaw l-Internet u 48% biss tan-nies li ġejjin minn gruppi żvantaġġjati użaw l-Internet ;

I.  billi d-distakk diġitali, kemm jekk jitqies bħala distakk eċċessiv fl-internet jew bħala distakk fil-kapaċitajiet elettroniċi/għarfien diġitali, jaffettwa direttament l-adozzjoni tal-Gvern elettroniku u huwa ta' ħsara għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika u fid-demokrazija;

J.  billi suq uniku diġitali kompetittiv irid jiżgura l-użu b'suċċess ta' broadband estremament veloċi u netwerks ta' telekomunikazzjonijiet madwar ir-reġjuni kollha tal-UE u jelimina differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tal-infrastruttura fi u bejn l-Istati Membri tal-UE, sabiex tiġi żgurata sostenibilità demografika ta' reġjuni mhux popolati ħafna;

1.  Huwa konxju mill-kontribut ewlieni magħmul mis-settur tal-ICT għall-politika industrijali, l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kompetittività u bilanċ kummerċjali tal-UE;

2.  Jissottolinja li l-utenti huma l-element ewlieni għall-istrateġija diġitali u hemm bżonn urġenti fl-UE li jiġu msaħħa s-sensibilizzazzjoni, ir-rwoli, l-involviment, il-perspettivi u l-fiduċja b'rabta mas-sigurtà, is-sikurezza u l-privatezza fis-Soċjetà tal-Informazzjoni, u jkun żviluppat kapital uman marbut mal-ICT;

3.  Jafferma mill-ġdid li l-Gvern elettroniku jagħti s-setgħa liċ-ċittadini Ewropej u jimmodernizza l-amministrazzjoni pubblika, billi jagħmilha aktar trasparenti u responsabbli u jnaqqas l-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

4.  Jissottolinja li x-xkiel għal adozzjoni ta' Gvern elettroniku mhumiex neċessarjament teknoloġiċi biss, iżda wkoll organizzattivi, politiċi, legali u kulturali u li soluzzjonijiet u prattiki ta' suċċess normalment jiddependu ħafna fuq il-kundizzjonijiet lokali;

5.  Jissottolinja li l-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Gvern Elettroniku għandu l-potenzjal li jirrappreżenta parti essenzjali tal-aġenda Orizzont 2020, filwaqt li jżid il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku u soċjali, jistimula l-innovazzjoni u jiżviluppa kapital uman, u jgħin sabiex jintlaqgħu aħjar l-isfidi tas-soċjetà u dawk politiċi li tiltaqa' magħhom l-UE;

6.  Jenfasizza l-bżonn li tkun ikkunsidrata l-qasma diġitali u li din tkun miġġielda;

7.  Jinnota li l-informatika maħżuna fi “sħaba” tippermetti l-aċċess għal post komuni ta' riżorsi informatiċi li jistgħu jitqassmu malajr bi sforz minimu ta' ġestjoni u b'interazzjoni minima min-naħa tal-fornitur tas-servizzi, u li l-effiċjenza tas-“sħaba” tinsab fil-flessibilità tagħha, fiż-żieda fil-produttività li ġġib magħha u r-rwol tagħha fil-preservazzjoni tal-ambjent, iżda fuq kollox din għandha tkun teknikament affidabbli u reżistenti;

Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku

8.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku 2011-2015, l-Istrateġija ta' Interoperabilità Ewropea (EIS) u l-Qafas ta' Interoperabilità Ewropea (EIF) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (EPS); jistieden lill-Istati Membri jkomplu malajr bl-allinjament tal-istrateġiji tagħhom ma' dawn il-politiki globali;

9.  Jappoġġa l-mira ġenerali għal żieda fl-użu tas-servizzi tal-Gvern Elettroniku fl-2015 għal 50% taċ-ċittadini (minn 41%) u 80% tan-negozji (minn 75%), iżda jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw dawn il-miri bħala limitu minimu;

10.  Jitlob biex jiġu żviluppati programmi speċjali u pjattaformi ta' Gvern elettroniku bil-għan li tkun protetta u promossa d-diversità lokali, reġjonali, etnika u lingwistika;

11.  Jiddispjaċih li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni 2011 tal-Aġenda Diġitali, 50% biss tal-utenti tal-Gvern Elettroniku imlew formoli onlajn;

12.  Jinnota l-korrelazzjoni bejn il-PDG u d-disponibilità tas-servizzi tal-Gvern elettroniku u jitlob finanzjament xieraq għall-iżvilupp ta' Gvern elettroniku, kemm fuq livell nazzjonali u kemm dak Ewropew;

13.  Jissottolinja li l-Internet qiegħed jintuża dejjem aktar fuq apparat mobbli kemm miċ-ċittadini kif ukoll mill-intrapriżi, u jitlob li jiġi żgurat li s-servizzi ta' Gvern Elettroniku jkunu aċċessibbli u adattati għal ħafna mezzi ta' twassil, inklużi ċ-ċentri telefoniċi u l-Internet fuq it-telefowns ċellulari (Gvern mobbli);

14.  Jindika li Gvern elettroniku li jirnexxi jrid ikollu integrazzjoni komprensiva u l-aqwa użu tal-proċessi amministrattivi filwaqt li jqis id-dritt tal-gvern awtonomu lokali fil-livelli kollha;

15.  Jenfasizza li l-Gvern Elettroniku huwa ta' benefiċċju b'mod partikolari għal ċittadini tal-UE u intraprendituri, b'mod speċjali għal SME, li sikwit jaffaċċjaw ostakli li ma jingħelbux meta joperaw b'mod transkonfinali fi ħdan l-UE, għaliex dan iġib miegħu spejjeż u piżijiet amministrattivi mnaqqsa, aktar produttività, effiċjenza, kompetittività, trasparenza, ftuħ, effikaċja tal-politika, aċċessibilità u razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri, u billi għandu jiffaċilita l-bini ta' sinerġiji u l-qsim ta' riżorsi u l-kapaċitajiet bejn il-kumpaniji u jippermetti ambjent professjonali iktar kollaborattiv għall-SME;

16.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippubblikaw data miksuba bl-użu ta' fondi pubbliċi f'forma li tista' tinqara minn magna (u fi żmien reali) u taħt liċenzji miftuħa, sabiex jippermettu l-użu mill-ġdid innovattiv ta' informazzjoni relatata mas-settur pubbliku mid-dinja akkademika, inklużi l-istudenti, u l-pubbliku ġenerali, u għal skopijiet ta' riċerka u żvilupp ta' negozji, bir-riżultat li tkun imtejba wkoll it-trasparenza;

17.  Jindika li s'issa għad m'hemmx definizzjoni ċara tat-terminu “data amministrattiva pubblika” u li, sabiex tkun iċċarata t-tifsira preċiża tagħha, għandha ssir diskussjoni pubblika biex jintlaħaq fehim komuni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu possibbli biex tiżgura l-esklużjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi u l-istabbilimenti kulturali mill-ambitu tad-Direttiva 2003/98/KE;

19.  Jinnota li l-ostakli ewlenin għal aċċess transkonfinali ta' servizzi elettroniċi ta' amministrazzjonijiet pubbliċi huma marbuta mal-użu ta' Identifikazzjoni-e u Firem-e u li hemm nuqqas ta' interoperabilità fil-livell ta' UE;

20.  Jikkunsidra li sabiex jiġu żgurati servizzi ta' Gvern elettroniku transkonfinali effettivi mal-UE kollha li jipprovdu interazzjoni miż-żewġ naħat u/jew interazzjoni awtomatizzata bejn amministrazzjonijiet u ċittadini u/jew negozji, hemm bżonn ta' qafas legali tal-UE ċar u koerenti għall-għarfien reċiproku ta' Awtentikazzjoni-e, Identifikazzjoni-e u Firem-e;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex kontinwament jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-portals eżistenti tal-UE bħas-SOLVIT u “L-Ewropa Tiegħek” minħabba li n-nuqqas attwali ta' informazzjoni qed jikkawża aktar dewmien fl-iżvilupp tal-ambjent tan-negozju u tal-arranġamenti għall-ħarsien tal-konsumatur, speċjalment fiż-żoni transkonfinali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm kont tal-għodod kollha għas-soluzzjoni tal-problemi u tal-portals ta' informazzjoni onlajn eżistenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu u tikkollegahom jew tikkonsolidahom fejn ikun possibbli; jirrakkomanda li l-portals ġodda onlajn jiġu żviluppati biss meta l-integrazzjoni fis-sistemi eżistenti ma tkunx vijabbli;

23.  Jilqa' l-adozzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Pjan ta' azzjoni dwar Firem u Identifikazzjoni elettroniċi kif ukoll tal-proġett pilota STORK f'termini ta' interoperabilità ta' servizzi pubbliċi transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Firem elettroniċi u jitlob għal deċiżjoni li tiżgura għarfien reċiproku ta' Identifikazzjoni-e u Awtentikazzjoni-e;

24.  Jenfasizza li kull fejn proċeduri ta' proċessar tad-data jitħaddmu f'istituzzjonijiet edukattivi u fi stabbilimenti kulturali, id-data personali għandha tkun koperta mid-drittijiet ta' aċċess individwali sabiex ikunu protetti minn użu mhux awtorizzat;

25.  Iqis li l-interoperabilità tal-Firma elettronika mill-perspettiva tal-Gvern elettroniku għandha aspetti legali (l-użu tal-firma elettronika fis-settur pubbliku - Artikolu 3.7 tad-Direttiva dwar il-Firma Elettronika; ir-relazzjoni bejn il-firma u l-awtentikazzjoni; id-dilemma superviżjoni/akkreditazzjoni; il-perspettiva nazzjonali; il-livelli ta' sigurtà; il-kwalifiki tal-firma) kif ukoll l-aspetti tekniċi (identifikaturi fiċ-ċertifikati; tip ta' firma; format tal-firma; validazzjoni tal-firma); huwa tal-opinjoni li għall-evoluzzjoni tal-applikazzjonijiet bl-għan ta' servizz sħiħ ta' interoperabilità tal-Firma elettronika Ewropea, l-aktar rakkomandazzjoni sinifikanti tkun li titwaqqaf Federazzjoni ta' Awtoritajiet ta' Validazzjoni (FVA) għall-koordinazzjoni tal-Awtoritajiet ta' Validazzjoni Nazzjonali (NVA) tal-Istati Membri(6);

26.  Jieħu nota li l-Kummissjoni tat mandat lil CEN, CENELEC u ETSI biex jaġġornaw u jirrazzjonalizzaw il-qafas ta' standardizzazzjoni tal-Firem elettroniċi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tressaq lill-PE rapport ta' progress annwali bbażat fuq ir-rapporti mressqa darbtejn fis-sena minn korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw softwer edukattiv miftuħ fl-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej, biex jiskambjaw l-aħjar prattika u jiżviluppaw pjattaformi onlajn għall-kollaborazzjoni fuq materjal u riżorsi edukattivi, li huma bla ħlas għall-istudenti u li josservaw b'mod xieraq ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u tal-awtur;

28.  Jissottolinja li l-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku għandhom jiġu riveduti u, jekk hemm bżonn, modifikati biex jiġi żgurat li jkunu miftuħa wkoll għal utenti mhux residenti; jinsisti li l-interoperabilità hija meħtieġa fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u fuq livell ta' UE;

29.  Jikkunsidra li l-interoperabilità tal-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku teħtieġ l-interoperabilità ta' Infrastrutturi Ewlenin Privati (PKI) permezz ta' Servizz ta' Validazzjoni Ewropew (Pont Ewropew);

30.  Jilqa' l-konsultazzjoni pubblika mnedija fuq abbozzi ta' linji gwida dwar konnessjonijiet bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku u jitlob għal proposta dwar is-suġġett;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ta' Gvern elettroniku, konformi mal-objettivi u l-miri tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku u tal-Aġenda Diġitali, bħala mezz għall-iżvilupp tas-suq diġitali uniku Ewropew u ż-Żona ta' Gvern Elettroniku Ewropea;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li waqt l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni tal-Gvern elettroniku u tal-infrastruttura u tas-servizzi, għandhom jiġu osservati f'kull livell ir-rekwiżiti tas-sigurtà u tiġi żgurata l-ikbar protezzjoni possibbli tal-privatezza u tad-data personali u finanzjarja għall-prevenzjoni ta' kull tip ta' sorveljanza mhux awtorizzata;

33.  Jitlob lill-Istati Membri jużaw l-għodod tal-ICT biex jitjiebu t-trasparenza, l-affidabilità u l-involviment taċ-ċittadini, jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività, jonqos il-piż amministrattiv, il-ħin u l-ispejjeż, jitjiebu l-proċessi amministrattivi, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, jiġu ffrankati riżorsi pubbliċi u jsir kontribut għal demokrazija aktar parteċipattiva filwaqt li jinbnew il-fiduċja u l-kunfidenza;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jobbligaw lill-entitajiet pubbliċi jpoġġu għad-dispożizzjoni dejta billi jżommu repożitorji u katalogi ta' dejta pubblika u billi jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli ta' żvelar u ta' użu mill-ġdid, filwaqt li jitiqesu l-liġi tad-dritt tal-awtur u l-liġi dwar il-protezzjoni tal-bażijiet tad-dejta;

35.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw punti uniċi ta' servizz (one-stop shops) u jagħmlu użu minn atturi intermedjarji sabiex jipprovdu sistema ta' kuntatt mingħajr intoppi, integrata u faċilment aċċessibbli għall-utenti kemm għas-servizzi ta' Gvern elettroniku domestiċi kif ukoll transkonfinali;

36.  Jenfasizza li l-Gvern elettroniku jista' jtejjeb il-kwalità tad-demokrazija tagħna u jista' jkollu rwol importanti fiż-żieda tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini - speċjalment il-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ - u n-negozji bl-istess mod fil-ħajja pubblika u politika u l-proċessi demokratiċi; jinnota f'dan ir-rigward li għandhom jitħeġġu konsultazzjonijiet pilota jew referenda, b'mod partikolari fil-livell lokali;

37.  Jilqa' t-tnedija ta' OCS (Online Collection Software), żviluppat fuq inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ISA u maħsub biex jippermetti lill-firmatarji jressqu, mill-1 ta' April 2012, l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva proposta miċ-ċittadini b'mezz onlajn, kif ukoll li jintuża minn organizzaturi ta' petizzjoni għall-ġestjoni tal-ġbir, il-ħażna u t-tressiq tal-firem; jixtieq għalhekk jara l-implimentazzjoni ta' strateġiji tal-gvern elettroniku mill-aktar fis;

38.  Jissottolinja li s-servizzi tal-Gvern elettroniku interoperabbli transkonfinalment għandhom jibbenefikaw minn arkitetturi u teknoloġiji innovattivi (“sħaba” ta' servizzi pubbliċi u Arkitettura Orjentata lejn is-Servizz) u jitlob għal aġġornament tal-infrastruttura tal-Gvern elettroniku IPv6-relevanti u tas-servizzi onlajn ta' interess pubbliku;

39.  Jirrikonoxxi l-potenzjal kbir tas-“sħaba informatika”, għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini; Jinsisti madankollu dwar il-fatt li ż-żieda fl-użu tas-“sħaba” jeħtieġ superviżjoni tar-rilokazzjoni tar-riżorsi informatiċi u kontroll strett tal-aċċess għas-servers u għad-data, inter alia biex jiġi pprevjenut l-użu kummerċjali mhux permess minn partijiet oħra, u huwa għalhekk li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu trattati fir-riforma tar-regoli ta' protezzjoni tad-data tal-UE kif propost mill-Kummissjoni (COM(2012)0011), COM(2012)0010));

40.  Jisħaq li sistema transkonfinali sigura ta' Gvern elettroniku hija parti integrali mill-Programm għall-Protezzjoni ta' Infrastruttura Kritika Ewropea; jitlob għal miżuri suffiċjenti biex jitpoġġew f'posthom għall-iżgurar tal-protezzzjoni tad-data u l-privatezza u t-tnaqqis għall-minimu tal-vulnerabilità għal attakki elettroniċi; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-ENISA fir-rigward tal-appoġġ li tagħti lill-UE u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu servizzi ta' Gvern elettroniku sodi u robusti; jitlob li jiġu introdotti forom ta' kontroll demokratiku reali tal-użu tad-data u tal-metodi applikati;

41.  Jilqa' l-kontribuzzjoni tal-programmi IDA, IDABCD u ISA u piloti CIP, fuq skala kbira kif ukoll tal-forum Prattika-e fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet interoperabbli transkonfinalment; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw sostenibilità fit-tul ta' dawn l-azzjonijiet;

42.  Jilqa' u jappoġġa l-proposta “Faċilità li Tgħaqqad lill-Ewropa” (CEF), li talloka kważi EUR 9,2 biljun biex tappoġġa l-investiment f'netwerks tal-broadband veloċi u veloċi ħafna u servizzi diġitali pan-Ewropej; CEF se tipprovdi għotjiet sabiex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex jinxterdu l-identità elettronika, l-identifikazzjoni elettronika, il-Gvern elettroniku, l-Akkwist elettroniku, is-saħħa elettronika, il-Ġustizzja elettronika u servizzi marbuta mad-dwana u se tgħin biex tiżgura l-interoperabilità u tkopri l-ispejjeż meħtieġa biex l-infrastruttura timxi fuq livell Ewropew, filwaqt li tgħaqqad flimkien l-infrastrutturi tal-Istati Membri;

43.  Jikkunsidra li l-Inizjattiva Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti se timmobilizza l-finanzjament privat għal investiment immirat fl-infrastrutturi futuri ewlenin tal-UE bħal toroq, ferroviji, grids u pipelines tal-enerġija, u netwerks tal-broadband;

44.  Itenni l-importanza ta' servizzi futuri b'veloċità għolja li jgħinu biex tingħata l-effiċjenza tal-enerġija tal-UE, l-objettivi ta' sigurtà u kapaċitajiet oħra ta' komunikazzjoni (eż. sistemi tat-trasport effiċjenti u intelliġenti, sistemi ta' komunikazzjoni persuna għall-magna);

45.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pakkett ta' Data Miftuħa u jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku b'modi innovattivi (informazzjoni mhux personali); jitlob għal involviment aħjar ta' awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta' aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex jiġu mtejba l-forniment ta' informazzjoni lill-pubbliku, in-negozju u l-istituzzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' impjiegi ġodda filwaqt li jiżdied l-iżvilupp fuq livell lokali u reġjonali;

46.  Jissottolinja l-importanza ta' metodoloġiji ta' kejl (kwalitattivi u kwantitattivi) ffukati fuq l-effiċjenza u l-effettività ta' Gvern elettroniku u d-demokrazija, bl-użu ta' miri SMART(7) , li għandhom jintużaw b'mod attiv fi ħdan il-gvernijiet;

47.  Jiddispjaċih li l-lista tas-servizzi pubbliċi ewlenin transkonfinali kollha li għandha ssir disponibbli onlajn sal-2015 għadu ma ntlaħaqx qbil dwarha mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi akbar sabiex jintlaħaq dan il-għan;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jdaħħlu fis-seħħ għadod tal-ICT speċifiċi biex jiffaċilitaw il-Parteċipazzjoni onlajn - bħall-iskemi komuni ta' Petizzjonijiet onlajn - bil-għan li ċ-ċittadini tal-UE u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jingħataw il-possibilità konkreta li jużaw id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini, kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE;

49.  Ifakkar fl-impenn essenzjali li jitnaqqsu d-diskrepanzi ta' litteriżmu u kompetenza diġitali bin-nofs sal-2015 u jilqa' l-proposti f'dan ir-rigward biex jittejbu l-kompetenza diġitali, il-ħiliet u l-Inklużjoni-e, speċjalment il-proposta li l-kompetenza diġitali u l-komponenti relatati jsiru prijorità għar-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020); itenni l-ħtieġa tal-approċċ “l-ebda ċittadin ma jibqa” lura – inklużjoni maħsuba mit-tfassil' u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' servizzi ta' Gvern elettroniku mfassla b'mod li jpoġġu fiċ-ċentru l-ħtiġijiet tal-utent u taċ-ċittadin;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu programmi ta' taħriġ diġitali biex jippromwovu l-użu sħiħ tas-servizzi tal-gvern elettroniku, isaħħu l-litteriżmu diġitali u jingħelbu l-ostakli elettroniċi li jaffettwaw l-SME u s-setturi żvantaġġati tal-popolazzjoni bħal persuni anzjani, il-persuni b'diżabiltajiet, il-minoranzi, l-immigranti, in-nies qiegħda u dawk li jgħixu f'żoni remoti tal-Unjoni; għal dan l-għan, it-tagħlim elettroniku għandu jiġi inkorporat fil-politiki nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u anke fid-definizzjoni tal-programmi, fil-valutazzjoni tar-riżultati formattivi u fl-iżvilupp professjonali tal-għalliema u ta' min iħarreġ;

51.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien li jaffettwa l-proposta leġiżlattiva bl-għan li tiżgura li s-siti internet tas-settur pubbliku jkunu aċċessibbli għal kollox sal-2015 kienet imdewma; jilqa' l-pjan direzzjonali għall-inklużjoni diġitali u jitlob implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Aċċessibilità tal-Internet (WAI), inkluż il-Linji gwida għall-Aċċessibilità tal-Kontenut tal-Internet (WCAG) għall-portals tal-Gvern elettroniku, kif ukoll id-disponibbiltà u l-affordabilità ta' terminals personalizzati, magħmula apposta għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabiltà;

52.  Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-provvista ta' dawn is-servizzi huwa rakkomandat l-aġġustament ta' dawn għall-istandards, ir-regoli u l-linji gwida għal prattika tajba ta' ambitu internazzjonali bħall-ISO 27001 dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, jew l-ISO 20000 fir-rigward ta' kwalità fil-proċessi ta' ġestjoni għal servizzi ta' IT;

Akkwist Elettroniku

53.  Jenfasizza illi l-Akkwist elettroniku jippermetti akkwist pubbliku tal-UE u l-akbar għażla għall-awtoritajiet pubbliċi, b'riżultat ta' nfiq ta' flus effiċjenti, trasparenza, responsabbiltà, fiduċja pubblika, tisħiħ tas-Suq Intern u kompetizzjoni;

54.  Jissottolinja li fl-UE27, l-infiq pubbliku jirrappreżenta 16% tal-PDG u jħeġġeġ l-użu ta' l-Akkwist-e għall-akkwist pubbliku kollu sal-2015; jitlob li jintuża wkoll l-Akkwist-e għal konċessjonijiet;

55.  Jiddispjaċih li fl-2010, 13% biss tal-intrapriżi tal-UE użaw l-internet biex jissottomettu proposta lill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta' sistema pubblika ta' tenders elettroniċi; jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-SME fl-Akkwist-e;

56.  Jenfasizza li l-Akkwist-e jikkonsisti f'żewġ fażijiet: qabel l-għoti (8) u wara l-għoti(9); jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jintegraw iż-żewġ fażijiet fil-portals tal-Akkwist-e tagħhom sal-2015;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-livell kwalitattiv tal-proġetti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi sabiex min-naħa, jiġi żgurat l-impenn lejn l-għanijiet strateġiċi tal-innovazzjoni tal-Amministrazzjoni, u min-naħa l-oħra t-titjib fil-livell tal-istandards ġenerali tal-kwalità, iż-żmien u l-ispejjeż tal-kompetizzjonijiet;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu, fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali u lokali, il-mudell tal-akkwist prekummerċjali (pre-commercial procurement, PCP), li jippermetti lix-xerrejja pubbliċi jaqsmu mal-fornituri r-riskji u l-vantaġġi tat-tfassil, il-prototipi u t-testijiet ta' prodotti u servizzi ġodda, jitqiegħdu inkomuni r-riżorsi ta'diversi xerrejja, jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni wiesgħa u t-tifrix tar-riżultati tal-attivitajiet ta' R&Ż, u tingħata għajnuna biex proġetti bħal dawn jinżammu fil-baġit operattiv assenjat lilhom;

59.  Jissottolinja l-attivitajiet b'suċċess tal-proġetti pilota fuq skala kbira ta' Akkwist-e PEPPOL u e-CERTIS;

60.  Jissottolinja li sistemi nazzjonali ta' Akkwist-e għandhom isiru aktar avvanzati biex jiffaċilitaw servizzi transkonfinali u biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-Servizzi;

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti White Paper dwar il-kapaċità ta' Akkwist-e ta' interkonnessjoni fl-UE – “Strateġija għall-Akkwist-e”;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għall-valutazzjoni tal-progress, l-ostakoli u l-miżuri korrettivi relatati mal-Akkwist elettroniku waqt l-introduzzjoni tas-sistema tal-Akkwist elettroniku fl-Istati Membri;

63.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun mexxej eżemplari għal kulħadd u ddaħħal sistema ta' Akkwist elettroniku fl-istituzzjonijiet tagħha kollha;

Fatturazzjoni Elettronika

64.  Jilqa' l-Inizjattiva ta' Fatturazzjoni Elettronika, bl-għan li tagħmel il-Fatturazzjoni elettronika l-metodu predominanti ta' fatturazzjoni fl-UE sal-2020, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-Forum ta' Diversi Partijiet Interessati Ewropew dwar il-Fatturazzjoni elettronika (EMSFEI);

65.  Jissottolinja l-benefiċċji sostanzjali offruti mill-Fatturazzjoni elettronika bħala strument li jagħmel il-ġestjoni tar-relazzjonijiet klijent-fornitur kollha aktar effiċjenti u inqas impenjattiva, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll dak privat, permezz ta' perjodi iqsar ta' pagament, anqas żbalji, ġbir aħjar ta' VAT, spejjeż anqas ta' stampar u mpustar u pproċessar integrat fin-negozju; jinnota wkoll li tali strument jippermetti trasparenza akbar tal-fluss ta' informazzjoni u tal-iskambji li jwasslu għad-definizzjoni tal-fattura;

66.  Huwa konxju mill-frammentazzjoni tas-swieq minħabba regoli nazzjonali fuq il-Fatturazzjoni elettronika, jiddispjaċiħ li 22% biss tal-SME jirċievu jew jibagħtu Fatturazzjoni elettronika;

67.  Jilqa' r-regoli l-ġodda tal-VAT (10) rigward il-Fatturazzjoni elettronika, li tintroduċi trattament ugwali bejn il-karti u l-Fatturazzjoni elettronika;

68.  Jissottolinja l-importanza ta' “punti uniċi ta' servizz” għall-VAT sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u jippromwovi l-Fatturazzjoni elettronika;

69.  Jisħaq dwar l-importanza taċ-ċertezza legali, ambjent tekniku ċar u soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli ta' Fatturazzjoni elettronika bbażati fuq ħtiġijiet legali komuni, proċessi fin-negozji u standards tekniċi biex jiffaċilitaw l-adozzjoni mill-massa;

70.  Jistieden lill-industrija u l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jippromwovu konverġenza lejn mudell ta' data komuni tal-Fatturazzjoni elettronika;

71.  Japprezza l-inizjattivi tad-Danimarka, l-Finlandja, l-Italja, Spanja u l-Isvezja biex jagħmlu l-Fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-awtoritajiet pubbliċi, u jitlob li l-Fatturazzjoni elettronika ssir obbligatorja għall-akkwist pubbliku kollu sal-2016;

72.  Jinnota li l-problemi ta' interoperabilità tal-Firem-e transkonfinali jżommu lura l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' Fatturazzjoni elettronika transkonfinali;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-EMSFEI biex tħares b'reqaa lejn aspetti legali u tikkoordina inizjattivi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta fuq bażi annwali u tistieden lill-MPE jipparteċipaw fil-laqgħat tal-EMSFEI;

74.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwaqqfu Fora Nazzjonali dwar il-Fatturazzjoni elettronika b'rappreżentazzjonijiet ibbilanċjati ta' partijiet interessati;

75.  Iqis li konsumaturi b'aċċess limitat għall-Internet jew bl-ebda aċċess m'għandhomx jitħallew lura u li l-konsumaturi għandhom dejjem jitħallew jirċievu fatturi tal-karti;

Rimarki ġenerali

76.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-132 proġett fi ħdan il-prijoritajiet strateġiċi CIP ICT PSP u jissottolinja l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-innovazzjoni fl-iżvilupp u t-titjib ta' servizzi transkonfinali; jitlob biex jiġi appoġġat aċċess “ħafif u mgħaġġel għall-fondi R&D tal-UE għall-ICT kif ukoll żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għal servizzi ta' Gvern elettroniku u infrastruttura transkonfinali għall-2014-2020;

77.  Jirrikonoxxi l-kontribut u r-rwol globali tal-programm ISA fid-definizzjoni, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet u l-oqsfa ta' interoperabilità għall- amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fil-kisba ta' sinerġiji u l-promozzjoni ta' użu mill-ġdid ta' infrastrutturi, servizzi diġitali u soluzzjonijiet ta' softwer u l-bidla ta' rekwiżiti ta' interoperabilità ta' amministrazzjoni pubblika fi speċifikazzjonijiet u standards għal servizzi diġitali u jitlob żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għal soluzzjonijiet ta' interoperabilità bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE (programm ISA) għall-2014-2020;

78.  Jisħaq li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku Ewropew 2011-2015 jirrappreżenta opportunità unika sabiex jiġu mmodernizzati u mnaqqsa l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali, filwaqt li jippermettilhom jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' aktar integrazzjoni Ewropea u jrawmu t-tkabbir, l-innovazzjoni, il-mobilità għaċ-ċittadini u opportunitajiet professjonali għal negozji, b'mod partikolari għall-SMEs, kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-politiki; jissottolinja l-importanza ta' sħubija pubblika-privata u r-rwol tas-settur privat li jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi, applikazzjonijiet u servizzi għall-iżvilupp ta' infrastruttura ta' Gvern elettroniku interoperabbli fl-UE u l-isfruttar tar-riżorsi disponibbli;

79.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kull sena l-miri tal-Aġenda Diġitali, l-aktar dawk relatati mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku, u tirrapporta lill-PE kull sena;

80.  Jilqa' l-prijorità mogħtija mill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE Svediża, Spanjola, Pollakka u Daniża lill-Gvern elettroniku u lill-kwistjonijiet ta' Suq Diġitali u jissottolinja l-kontribut pożittiv tal-konferenzi ta' Malmo, Poznan u Madrid dwar il-Gvern elettroniku; jikkunsidra li l-2012-2013 huwa perjodu kruċjali għall-interoperabilità transkonfinali tas-servizzi ta' Gvern elettroniku u għalhekk, qed jistenna b'interess il-proċedimenti u l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Gvern Elettroniku li se ssir f'Marzu 2012;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 45.
(2) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 1.
(3) ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0322.
(5) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(6) IDABC- Studju preliminari dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Firem Elettroniċi għall-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku, 2007
(7) SMART: Speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin.
(8) e-Notice, e-Tendering, e-Submission, aċċettazzjoni tal-firem elettroniċi
(9) e-Ordering, e-Invoicing, e-Payments, użu tal-firem elettroniċi
(10) Direttiva 2010/45/UE


Is-sitwazzjoni fil-Mali
PDF 231kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Mali (2012/2603(RSP))
P7_TA(2012)0141RC-B7-0201/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, adottata f'Marzu tal-2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar Mali tat-22 ta' Marzu(1), is-26 ta' Marzu(2), l-4 ta' April(3) u d-9 ta' April(4) 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Marzu, is-26 ta' Marzu u s-7 ta'April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Mali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas iffirmat fis-6 ta' April 2012 bejn il-ġunta militari u l-ECOWAS,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 u t-23 ta' Marzu 2012 dwar ir-reġjun tas-Saħel,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Alġeri tal-2006 dwar l-iżvilupp u l-paċi fit-Tramuntana ta' Mali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fit-12 ta' April 2012 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillary (5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-dipartiment tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni ta' kriżi umanitarja f'Mali,

–  wara li kkunsidra t-talba minn aġenziji varji tan-NU – il-UNICEF, il-UNHCR u d-WHO – tal-10 ta' April 2012 għal finanzjament addizzjonali għall-miljuni ta' nies affettwati bin-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fir-reġjun tas-Saħel,

–  wara li kkunsudra l-appell tal-UNICEF għal USD 26 miljun għal Mali sabiex il-pajjiż ikun jista' jissodisfa l-bżonnijiet tas-saħħa u dawk nutrittivi tat-tfal sal-aħħar tas-sena,

–  wara li kkunsidra t-talba tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tat-23 ta' Frar 2012 għal USD 35,6 miljun sabiex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qed tikber f'Mali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afrika tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi matul il-lejl ta' bejn il-21 u t-22 ta' Marzu 2012, il-President ta' Mali, Amadou Toumani Touré, twaqqa' f'kolp ta' stat li ġab fi tmiemu proċess demokratiku twil li kien beda iktar minn għoxrin sena qabel;

B.  billi fil-jiem ta' wara l-kolp ta' stat, pressjoni internazzjonali u sforzi ta' medjazzjoni, speċjalment min-naħa tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS), wasslu għall-konklużjoni ta' ftehim qafas fis-6 ta' April 2012 bejn il-Comité nazzjonali pour le redressement et la démocratie (CNRDE) u l-ECOWAS, li ppermetta l-ħatra ta' Dioncounda Traore bħala president interim, li ġie nkarigat jorganizza elezzjonijiet nazzjonali fi żmien 40 jum;

C.  billi, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-1992, il-President tal-Assemblea Nazzjonali nħatar President Interim;

D.  wara li kkunsidra l-mewġa ta' arresti fis-16 u s-17 ta' April 2012, mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja, ta' mexxejja politiċi, fosthom żewġ kandidati fl-elezzjonijiet presidenzjali, u ta' uffiċjali militari anzjani li qed jinżammu priġunieri fil-kamp militari ta' dawk responsabbli għall-kolp ta' stat;

E.  billi l-pajjiż qiegħed jaffaċċa wkoll ġlied vjolenti mill-ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż bejn il-forzi tal-Gvern u r-ribelli tat-Tuareg, li minn Jannar spostja aktar minn 200 000 persuna; billi n-numru stmat ta' persuni spustati internament jaqbeż il-100 000, u billi madwar 136 000 refuġjat ħarbu lejn pajjiżi ġirien (l-Alġerija, il-Mawritanja, in-Niġer u l-Burkina Faso), fejn in-nixfa qawwija diġà kkawżat nuqqas sinifikanti ta' ikel fis-snin reċenti;

F.  billi r-ribelli tat-Tuareg, li jappartjenu prinċipalment għall-Moviment Nazzjonali għal-Liberazzjoni ta' Ażawad (MNLA), ħakmu t-Tramuntana ta' Mali wara l-kolp ta' stat militari, keċċew il-forzi tal-Gvern minn tliet reġjuni fit-Tramuntana ta' Mali (Kidal, Gao u Timbuktu) u pproklamaw unilateralment l-indipendenza tal-istat il-ġdid ta' “Ażawad” fis-6 ta' April 2012;

G.  billi grupp Iżlamiku bl-isem ta' Ansar Dine, li għandu rabtiet mill-qrib mal-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (ACMI), iddikjara li għandu kontroll fuq Timbuktu u qed jipprova jimponi l-liġi tax-Xarija f'Mali;

H.   billi l-proliferazzjoni tal-armi li qed jemanaw mil-Libja, it-traffikar tad-drogi u l-livell għoli ta' qgħad u faqar qed jikkontribwixxu għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun b'mod ġenerali;

I.  billi jeżistu rabtiet iddikjarati fil-miftuħ bejn gruppi terroristiċ fir-reġjun tas-Saħara u s-Saħel u traffikanti ta' drogi, armi, sigaretti u bnedmin, li jinvolvu b'mod partikolari l-qbid ta' ostaġġi għal riskatt;

J.  billi jeżistu wkoll movimenti estremisti oħrajn fit-Tramuntana ta' Mali, bħalma huma l-AQMI (l-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku), il-Moviment għall-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u l-Boko Ħaram, ibbażati fin-Niġerja;

K.  billi kien hemm bosta rvellijiet tat-Tuareg f'Mali, fl-1963, fl-1990 u fl-2006, b'tentattiv biex jiġi żgurat titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom, u billi ċerti wegħdiet li saru lit-Taureg ma seħħewx, b'mod partikolari fi żmien il-“Patt Nazzjonali” tal-1992, u dan kollu kompla jgħin biex jinħoloq sens ta' frustrazzjoni;

L.  billi d-daqs enormi u l-popolazzjoni sparsa tat-territorju ta' Mali u l-fruntieri twal u mhux definiti b'mod ċar jinneċessitaw koordinazzjoni reġjonali tajba ta' informazzjoni u azzjoni;

M.  billi l-UE għandha interess vitali fis-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun kollu tas-Saħel, b'mod partikolari fi żmien ta' nuqqas gravi ta' ikel li qed jaffettwa miljuni ta' nies hemmhekk; billi l-vjolenza reċenti se tkompli taggrava l-emerġenza tal-ikel kemm fit-Tramuntana ta' Mali kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, fejn ir-refuġjati qed jidħlu f'żoni li jsofru minn nuqqas qawwi ta' sigurtà tal-ikel; billi hemm Strateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel; billi s-Saħel qed jaffaċċa l-agħar kriżi umanitarja f'dawn l-aħħar 20 sena;

N.  billi jeħtieġ li t-terroriżmu fis-Saħel jiġi missielet parzjalment permezz ta' politika attiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali, l-istat tad-dritt u l-integrazzjoni; billi huwa neċessarju li jiġu offruti prospetti ekonomiċi għall-gruppi tal-popolazzjoni lokali li jipprovdu alternattiva għall-ekonomija kriminali;

O.  billi fis-16 ta' April 2012, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati, Radhika Coomaraswamy, esprimiet it-tħassib profond tagħha fir-rigward ta' rapporti dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal;

P.  billi qed ikun hemm rapporti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni ta' Mali speċjalment fiż-żoni tat-Tramuntana tal-pajjiżi maħkuma mir-ribelli;

Q.  billi bosta ċittadini ta' Mali sabu ruħhom maqbuda fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż u għandhom aċċess limitat għall-ikel u għal neċessitajiet bażiċi oħrajn, filwaqt li l-operazzjonijiet ta' għajnuna għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom sospiżi minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u minħabba l-fatt li f'ħafna każijiet l-aġenziji ta' għajnuna nsterqulhom it-tagħmir, il-vetturi u l-provvisti tagħhom;

R.  billi l-persuni spustati qed jgħixu f'kundizzjonijiet ta' faqar talment estrem li l-bżonnijiet tal-bniedem mhux qed jiġu ssodisfati filwaqt li t-tensjonijiet soċjali qed jiżdiedu; billi aktar minn 50% ta' dawk spustati huma nisa miċħuda minn kwalunkwe forma ta' protezzjoni, u jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli;

S.  billi, minħabba s-serq tal-faċilitajiet u l-ħażniet tagħhom, bosta organizzazzjonijiet umanitarji telqu mir-reġjun tat-Tramuntana;

T.  billi l-UE rrilaxxat EUR 9 miljun addizzjonali f'għajnuna finanzjarja għall-1,4 miljun ċittadin ta' Mali stmati fi bżonn ta' għajnuna alimentari;

U.  billi din is-sena bejn 175 000 u 220 000 tifel u tifla se jsofru minn malnutrizzjoni gravi u billi l-aċċess għat-Tramuntana ta' Mali u għal żoni fejn ir-refuġjati qed jgħixu lil hinn mill-fruntieri qed isir dejjem iktar problematiku;

1.  Jikkundanna l-kolp ta' stat militari f'Mali u s-sospensjoni tal-istituzzjonijiet tar-repubblika tal-pajjiżi;

2.  Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas li jipprovdi għal serje ta' passi mmirati lejn ir-restawr tal-ordni kostituzzjonali; iħeġġeġ il-partijiet kollha kkonċernati ta' Mali jimplimentaw immedjatament dan il-ftehim;

3.  Ifaħħar l-azzjonijiet meħuda mill-ECOWAS, l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi ġirien bl-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn rapidu ta' Mali għall-ordni kostituzzjonali u t-tnedija ta' miżuri konkreti mfassla biex jipproteġu s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' Mali; jieħu nota tal-eżitu tal-konferenza li saret f'Ouagadougou bejn l-14 u l-15 ta' April 2012 taħt l-awspiċi tal-President Burkinjan Blaise Compaoré, il-medjatur maħtur mill-ECOWAS, u jittama li l-kalendarju u l-arranġamenti dettaljati tat-tranżizzjoni se jkomplu jiġu ċċarati bil-ħeffa;

4.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu u jiġu rrispettati s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' Mali; jistieden lill-awtoritajiet ta' Mali u lill-Moviment tat-Tuareg għal-Liberazzjoni jilħqu soluzzjoni paċifika u fit-tul permezz ta' djalogu kostruttiv;

5.  Jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura bl-għan li terġa' tiġi rrestawrata l-awtorità tar-rappreżentanti eletti, u jikkooperaw biex tiġi żgurata l-organizzazzjoni bikrija ta' elezzjonijiet taħt superviżjoni internazzjonali, flimkein ma' treġġieh lura fil-pront għad-demokrazija;

6.  Huwa tal-fehma li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fit-Tramuntana u li għandha tinstab soluzzjoni permezz tan-negożjati;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw b'mod attiv il-passi li jmiss fil-proċess ta' tranżizzjoni anke billi jibagħtu missjoni ta' osservazzjoni elettorali għall-monitoraġġ tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tħaffef l-implimentazzjoni tal-komponenti varji tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel;

8.  Jitlob ir-rilaxx immedjat tal-persuni li qed jinzammu b'mod arbitrarju mill-persunal militari responsabbli għall-kolp ta' stat;

9.  Jitlob ir-rilaxx immedjat ta' dawk kollha maħtufa u l-waqfien immedjat ta' kull vjolenza, u jġedded it-talba tiegħu lill-partijiet kollha f'Mali sabiex isibu soluzzjoni paċifika permezz ta' djalogu politiku adegwat;

10.  Jesprimi tħassib profond rigward it-theddida terroristika ikbar fit-Tramuntana ta' Mali minħabba l-preżenza ta' membri tal-Al Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku u ta' elementi estremisti fost ir-ribelli; jikkundanna, f'dan ir-rigward, kull forma ta' vjolenza u serq, inkluż kontra ħaddiema umanitarji, u l-ħtif f'Gao ta' persunal diplomatiku Alġerjan;

11.  Jikkundanna l-atti ta' vjolenza mwettqa minn gruppi armati;

12.  Jikkundanna b'mod partikolari l-attroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili, li kienu diretti l-iktar kontra n-nisa milli kontra vittmi oħrajn, u jikkundanna b'mod partikolari l-użu tal-ħtif u l-istupru bħala armi tal-gwerra; jitlob inkjesta fl-attroċitajiet imwettqa f'Mali matul dawn ix-xhur reċenti;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet fir-reġjun tas-Saħel, u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom minn kwalunkwe tip ta' vjolenza u mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' Mali jiġġieldu b'mod vigoruż kwalunkwe traffikar b'xeħta Mafjuża;

15.  Jikkundanna s-serq u s-sakkeġġ tal-wirt kulturali;

16.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-koordinazzjoni reġjonali fl-iżforzi li jagħmlu;

17.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istati fir-reġjun u biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex jipproteġu n-nies u jippromwovu s-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun b'kooperazzjoni mal-Istati fir-reġjun u l-organizzazzjonijiet interstatali ECOWAS u WAEMU;

18.  Jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta' missjoni Ewropea fil-qasam tal-PESD b'mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiġi pprovdut appoġġ loġistiku lill-Armata ta' Mali jekk il-Gvern ta' Mali jitlob dan u għall-possibilità ta' forza tal-ECOWAS jew forza konġunta ECOWAS/Unjoni Afrikana/Nazzjonijiet Uniti biex jiġu protetti ż-żoni ta' Mali li mhumiex okkupati minn gruppi armati illegali;

19.  Jispera li l-missjoni tal-ESDP se tgħin biex il-pajjiżi fis-sottoreġjun jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom b'mod iktar effettiv u b'mod partikolari biex jiġġieldu t-traffikar ta' armi, drogi u bnedmin;

20.  Jikkundanna wkoll il-ħtif bejn l-24 u l-25 ta' Novembru 2011 ta' żewġ ċittadini Franċiżi, Svizzeru, Olandiż u Sud-Afrikan b'passaport Brittaniku, flimkien mal-qtil ta' ċittadin Ġermaniz li rreżista lil dawk li ppruvaw jaħtfuħ; jinnota li dan iġib it-total ta' ostaġġi mill-UE fiż-żona tas-Saħel għal 12, bl-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku li għada żżomm żewġ ċittadini Spanjoli u ċittadin Taljan maħtufa fil-Punent tal-Alġerija f'Ottubru 2011 u erba' ċittadini Franċiżi maħtufa fin-Niġer f'Settembru 2010; u, fil-15 ta' April 2012, missjonarju Nisrani Svizzeru maħtuf f'Timbuktu;

21.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi umanitarja u alimentai li qed tiddeterjora b'rata mgħaġġla u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri iżidu u jħaffu l-kunsinna ta' provvisti umanitarji lill-popolazzjonijiet fil-bżonn; jinnota li l-Kummissjoni qiegħda tagħti fondi addizzjonali ta' EUR 9 miljun b'reazzjoni għall-ħtiġijiet umanitarji ġodda fit-Tramuntana ta' Mali; jinnota li jinħtieġu sforzi urġenti sabiex jinfetaħ l-ispazju umanitarju u biex il-provvista ta' ikel u mediċina tkun tista' tilħaq it-Tramuntana ta' Mali; jinsab imħasseb li, sakemm ma jitteħdux tali miżuri rapidi, tista' tiżviluppa kriżi umanitarja kbira li jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-pajjiżi ġirien;

22.  Jitlob il-ftuħ ta' kuritur umanitarju bħala għajnuna għal għexieren ta' eluf ta' persuni spustati minħabba l-ġlied f'Mali, li ħafna minnhom fittxew refuġju f'pajjiżi ġirien bħan-Niġer, il-Mawritanja u l-Burkina Faso; jitlob ukoll reazzjoni komprensiva u rapida għall-kriżi umanitarja tas-Saħel b'mod ġenerali;

23.  Jinnota li l-kriżi attwali f'Mali toriġina mill-problemi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż u li jeħtieġ li jiġu ssodisfati b'urġenza l-ħtiġijiet tal-persuni fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, is-saħħa, id-djar u s-servizzi soċjali, f'liema rigward kulħadd irid jiġi trattat b'mod ugwali, filwaqt li jiġu garantiti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi;

24.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid l-azzjoni tagħha biex tassisti lill-persuni tar-reġjun billi tgħin sabiex jingħataw aċċess aħjar għall-ilma, għall-edukazzjoni pubblika u għas-servizzi tas-saħħa, kif ukoll infrastruttura aħjar sabiex jitjieb l-aċċess għar-reġjun;

25.  Jitlob valutazzjoni dettaljata tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun;

26.  Huwa konvint li soluzzjoni dejjiema fir-reġjun għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet statali, tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika attiva fit-teħid ta' deċiżjonijiet u twitti t-triq għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u ekwu;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-ECOWAS u l-Unjoni Afrikana, lill-President Interim ta' Mali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) SC/10590.
(2) SC/10592.
(3) SC/10600.
(4) SC/10603.
(5) http://www.unhcr.org/refworld/docid/4e9bd7382.html


Is-sitwazzjoni fil-Burma/Mjanmar
PDF 228kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Burma/il-Mjanmar (2012/2604(RSP))
P7_TA(2012)0142RC-B7-0202/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta' Frar 2009 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi f'Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Novembru 2010(1) u tal-20 ta' Mejju 2010(2),

–  wara li kkunsidra l-ġabra ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-tal-Kunsill 2010/232/PESK tas-26 ta' April 2010 u kif emendati l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' April 2011 dwar it-tneħħija tas-sospensjoni tal-laqgħat ta' livell għoli kif ukoll dwar is-sospensjoni tal-projbizzjoni ta' viżi għall-membri ċivili tal-gvern (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/239/PESK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-28 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-12 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-2 ta' April 2012 dwar l-elezzjonijiet f'Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Samit tal-ASEAN ta' Novembru 2011 li jgħaddi l-Presidenza tal-ASEAN lil Burma/il-Mjanmar fl-2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 dwar it-triq tar-riformi f'Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tat-28 ta' April 2011 u tal-14 ta' Ottubru 2011 dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/239/PESK u 2011/504/PESK dwar miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-23 ta' Jannar 2012 dwar Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, f'Burma/il-Mjanmar bejn it-12 u l-14 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewwel Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u Burma/il-Mjanmar tas-26 ta' Frar sat-2 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi, tat-13 ta' Jannar 2011 u tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, u tat-2 ta' April 2012 dwar l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parzjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tal-ASEAN tat-3 ta' April 2012 li tirrigwarda l-eżitu tal-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta' April 2012 u ssejjaħ għat-tneħħija tas-sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-diversi laqgħat li saru minn Awwissu 2011 “l hawn bejn il-President ta' Burma/il-Mjanmar U Thein Sein u Daw Aung San Suu Kyi,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar il-Qagħda tal-Unjoni tal-President Thein Sein fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju tal-gvern tiegħu fl-1 ta' Marzu 2012, li fih irrikonoxxa li, minkejja l-isforzi li saru, għad baqa' “ħafna aktar xi jsir”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' April 2012, f'Burma/il-Mjanmar saru elezzjonijiet parzjali għal 40 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament (Pyithu Hluttaw), li fihom il-Partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ta' Aung San Suu Kyi seta' jipparteċipa bis-sħiħ; billi dawn l-elezzjonijiet parzjali, li ġeneralment tqies li l-komunità internazzjonali ġeneralment qistihom u ġusti, huma indikazzjoni li Burma/il-Mjanmar tinsab fit-triq lejn tibdil demokratiku;

B.  billi, matul l-ewwel sena tiegħu fil-kariga,il-gvern tal-President Thein Sein għamel aktar progress lejn id-demokrazija milli kien sar fl-aħħar għexur ta' snin;

C.  billi l-oppożizzjoni bħalissa għandha biss 6,6% tas-siġġijiet fil-parlament (42 minn 659 siġġu), filwaqt li maġġoranza kbira tas-siġġijiet hija kkontrollata mill-partit fil-gvern, il-Partit tal-Unjoni, Solidarjeta u Żvilupp (USDP), inklużi l-25% tas-siġġijiet li huma rriservati għall-fizzjali militari;

D.  billi l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, skedati għall-2015, meta 75% tas-siġġijiet se jiġu kkontestati, se jkunu l-vera żmien ta' prova tar-rieda tal-awtoritajiet ta' Burma/il-Mjanmar li jiddemokratizzaw il-pajjiż;

E.  billi l-mod kif saru l-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta' April 2012 u l-istediniet lil osservaturi u ġurnalisti barranin u l-preżenza tagħhom, inkluż rappreżentant tal-Parlament Ewropew, jagħtu xhieda tar-rieda tal-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar li jissokta bil-proċess ta' riforma tiegħu, li għandu jkun sostenibbli u irriversibbli;

F.  billi dawn it-tibdiliet li qed isiru joħolqu opportunitajiet importanti biex tiżviluppa relazzjoni speċjali u wisq itjeb bejn l-Unjoni Ewropea u Burma/il-Mjanmar;

G.  billi hemm ħtieġa għal prudenza, fid-dawl tal-fatt li, skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Burma/il-Mjanmar, għad baqa' tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem, għad hemm mijiet ta' priġunieri politiċi fil-ħabsijiet, u ħafna minn dawk li m'għadhomx miżmuma nħelsu biss kondizzjonatament;

H.  billi l-gvern qed jindirizza l-wirt ta' għexur ta' snin ta' gwerra ċivili u kunflitti armati, bir-riżultat ta' sensiela ta' ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied mal-parti l-kbira tal-gruppi armati etniċi, għajr l-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-Kachin, filwaqt li l-għajnuna umanitarja għal għexur ta' eluf ta' ċivili spostati hija bblukkata u l-politika ta' diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya għadha għaddejja bla ma battiet xejn;

I.  billi l-gvern indika li miexi bi proċess ta' kostruzzjoni tal-paċi fi tliet fażijiet: l-ewwel waqfien mill-ġlied, it-tieni proċessi ekonomiċi, kulturali u politiċi, u fl-aħħar nett ftehim kumplessiv – u li jinvolvi tibdil tal-kostituzzjoni – dwar kwistjonijiet etniċi, fosthom demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-ex kombattenti, il-qsim tar-riżorsi u aktar awtonomija;

J.  billi hemm qabża bejn id-deċiżjonijiet politiċi fl-ogħla livell u l-kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi limitati fil-prattika, u billi l-bidliet idumu ma jkollhom effett fuq il-ħajja tal-maġġoranza taċ-ċittadini ta' Burma/il-Mjanmar, li jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma' faqar kbir, livell għoli ta' dejn, nuqqas ta' impjiegi u assenza ta' servizzi soċjali;

K.  billi fl-imgħoddi ħafna setturi tal-attività ekonomika f'Burma/il-Mjanmar, bħall-minjieri, l-injam, iż-żejt, il-gass u l-kostruzzjoni ta' digi ġew konnessi ma' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u mal-qerda tal-ambjent u kienu, fl-istess ħin, is-sors ewlieni tad-dħul tal-gvern militari;

L.  billi l-gvern ħa passi biex jespandi l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, b'aktar libertà tal-informazzjoni u espressjoni, it-tneħħija tal-projbizzjoni fuq bosta siti u pubblikazzjonijiet, il-libertà tal-għaqda, l-istabbiliment ta' Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-abolizzjoni tal-bord taċ-ċensura, li għandha sseħħ qabel tmiem l-2012;

M.  billi l-Barunessa Ashton, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, sejra żżur Burma/il-Mjanmar ftit wara l-laqgħa tal-Kunsill tat-23 ta' April 2012;

N.  billi ġudikatura indipendenti u imparzjali hija essenzjali jekk f'Burma/il-Mjanmar se jkun hemm il-ġustizzja u r-rispett tal-istat ta' dritt; jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar ukoll biex jibda riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali;

O.  billi l-gvern fl-aħħar qiegħed jieħu nota tat-tħassib tan-nies rigward proġetti li jistgħu jagħmlu ħsara ambjentali u soċjali;

P.  billi l-miżuri restrittivi tal-UE kontra Burma/il-Mjanmar se jiġu riveduti fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ġenerali fit-23 ta' April 2012;

1.  Jilqa' l-iżvolġiment trasparenti u kredibbli tal-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta' April 2012, li l-osservaturi internazzjonali qiesu li kienu liberi, filwaqt li nnutaw l-irregolaritajiet li ġew irrappurtati fiż-żmien qabel il-votazzjoni; huwa fiduċjuż li l-parlamentari ġodda eletti jibdew il-kariga tagħhom mill-aktar fis; jappoġġa lill-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu li l-proċess ta' riforma jkun sostenibbli u irriversibbli;

2.  Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għat-taqbida, li damet deċenni sħaħ, tal-mexxejja tal-opożizzjoni u rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi, jifirħilha għar-rebħa tal-partit tagħha fl-elezzjonijiet parzjali ta' April u jiċċelebra l-kuraġġ u t-tenaċja tagħha bħala eżempju ta' kuraġġ ġeneruż u ta' taqbid għal-libertà u d-demokrazija kontra t-tirannija;

3.  Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-President Thein Sein u riformaturi oħrajn fir-reġim ta' Burma/il-Mjanmar biex jimplimentaw riformi demokratiċi matul l-aħħar sena, u jħeġġiġhom jissuktaw dan il-proċess b'urġenza, ħalli l-bidla ssir irriversibbli;

4.  Juri s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-isforzi tal-gvern, il-parlament u t-tmexxija tal-forzi armati biex itemmu kunflitti armati interni li ilhom għaddejjin deċenni saħ, u jħeġġeġ li jiġu ffinalizzati bil-ħeffa n-negozjati tal-paċi mal-Kachins;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jikkunsidra, qabel l-elezzjonjiet tal-2015, emendi għall-Kostituzzjoni tal-2008 li jxejnu r-rwol tal-forzi armati fil-politika ċivili, partikolarment is-siġġijiet tal-militar fiż-żewġ kmamar tal-parlament;

6.  Jilqa' t-tqarrib reċiproku bejn il-President U Thein Sein u Daw Aung San Suu Kyi, u d-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni;

7.  Jilqa' l-isforzi internazzjonali ta' livell għoli biex jinkoraġġixxu l-bidla demokratika f'Burma/il-Mjanmar, jieħu nota taż-żjara tal-Prim Ministru Britanniku David Cameron wara l-elezzjonijiet parzjali ta' April, u jilqa' d-diskussjonijiet siewja li kellu mal-President ta' Burma/il-Mjanmar U Thein Sein u ma' Daw Aung San Suu Kyi;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' għadd sinifikanti ta' priġunieri politiċi u l-libertà tal-midja u tal-internet, li tjiebet ħafna, filwaqt li jesprimi tħassib dwar iċ-ċensura u r-restrizzjonijiet li għad hemm; jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-libertà tal-għaqda u l-progress li ġie rrappurtat dwar bidliet fil-liġijiet u fil-prattika ħalli jeliminaw l-użu tax-xogħol furzat;

9.  Jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar biex, bla dewmien u bla kundizzjonijiet, jeħles il-priġunieri politiċi kollha li għad fadal, u biex jagħti aċċess liberu għall-ħabsijiet ta' Burma/il-Mjanmar lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u lil korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex tintensifika ħidmietha ħalli tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

10.  Jitlob li l-liġi tal-1982 dwar iċ-ċittadinanza tindidel b'tali mod li tiżgura r-rikonoxximent xieraq tad-dritt għaċ-ċittadinanza tal-minoranza etnika Rohingya;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' Burma/il-Mjanmar jiggarantixxu midja ħielsa u indipendenti u jiżguraw li l-liġi l-ġdida tal-midja tippermetti aċċess bla restrizzjonijiet għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni;

12.  Jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jagħti bidu għal riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjai u jistabbilixxi proċess ta' ġustizzja u responsabbiltà ta' rendikont għall-abbużi tal-imgħoddi kontra d-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tad-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li estenda l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar għal sena oħra;

14.  Jistieden lill-President Thein Sein jinvestiga allegazzjonijiet ta' vjolenza sesswali mill-armata ta' Burma/il-Mjanmar u jieħu passi fil-qrati kontra dawk is-suldati li wettqu attu ta' dan it-tip; iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar iwaqqaf minnufih ir-reklutaġġ u l-użu tas-suldati tfal, jintensifika l-miżuri għall-garanzija tal-ħarsien tat-tfal mill-kunflitti armati u jissokta bil-kollaborazzjoni tiegħu mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati;

15.  Jistieden lill-President Thein Sein jikkonsulta lill-komunitajiet lokali milquta mill-proġetti ppjanati ta' digi u jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali indipendenti;

16.  Jilqa' l-passi pożittivi tal-UE bħala appoġġ għall-bidu tat-tranżizzjoni politika fil-pajjiż, inkluża l-wegħda ta' EUR 150 miljun għall-għajnuna umanitarja, somma maħsuba b'mod partikolari biex tiżviluppa l-faċilitajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni tal-pajjiż u għall-assistenza tal-persuni spustati;

17.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta' Burma/il-Mjanmar rigward ir-rata tal-kambju tal-valuta;

18.  Jitlob lill-Kunsill jissospendi l-miżuri restrittivi fis-seħħ, bl-eċċezzjoni tal-embargo fuq l-armi, għal perjodu inizjali ta' sena, u jitolbu jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu kalendarju u indikaturi ċari rigward l-evalwazzjoni tal-proċess ta' riforma politika u ekonomika f'Burma/il-Mjanmar;

20.  Jirrikonoxxi li l-kummerċ u l-investiment responsabbli u sostenibbli – inklużi dawk mill-Unjoni Ewropea – se jsostnu l-isforzi ta' Burma/il-Mjanmar biex il-pajjiż jiġġieled kontra l-faqar u jiżgura li parti akbar tal-popolazzjoni tgawdi mill-miżuri, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissoni jikkunsidraw li Burma/il-Mjanmar ikollha aċċess privileġġat għas-suq tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jilqa' l-impenn tal-UE li żżid l-għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitti u jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar iħalli aġenziji tal-għajnuna u n-Nazzjonaijiet Uniti jidħlu fi stati etniċi, jew inkella jiżgura li tingħata għajnuna lokali bbażata fuq il-komunità u għajnuna transfruntiera ħalli jiżgura li dawn il-popolazzjonijet vulnerabbli jintlaħqu;

22.  Jilqa' ż-żjara uffiċjali imminenti tal-Barunessa Ashton, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll is-deċiżjoni tagħha li f'dik l-okkażjoni tistabbilixxi preżenza diplomatika fil-pajjiż u tinawgura l-Uffiċċju tal-UE f'Yangon;

23.  Ifakkar l-istedina lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Daw Aung San Suu Kyi, biex iżżur il-Parlament Ewropew ħalli tirċievi uffiċjalment il-Premju Sakharov li rebħet fl-1991 għal dak kollu li għamlet biex iġġib “il quddiem id-demokrazija u l-libertà f'Burma/il-Mjanmar;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN u lill-Parlament u l-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar.

(1) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 120.
(2) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 154.


Is-sigurtà legali tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea
PDF 293kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea (2012/2619(RSP))
P7_TA(2012)0143RC-B7-0214/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta l-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (Regolament ta' eżenzjoni tal-osservanza ta' regoli ġodda) (COM(2010)0344),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew”, (COM(2010)0343),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Eurolat tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-WTO tat-30 ta' Marzu 2012 dwar il-politiki u l-prattiki restrittivi tal-Arġentina rigward l-importazzjonijiet(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-G20 ta' Washington (15 ta' Novembru 2008), Londra (2 ta' April 2009), Pittsburgh (25 ta' Settembru 2009), Toronto (26 ta' Ġunju 2010), Seul (12 ta' Novembru 2010) u Cannes (4 ta' Novembru 2011), li fihom impenji biex jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti ffirmata bejn l-Arġentina u Spanja u għadd ta' Stati Membri tal-UE oħrajn,

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni interreġjonali bejn l-UE u Mercosur, u partikolarment iż-żona ta' kummerċ ħieles,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-sħubija strateġika tal-UE mal-Amerika Latina(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jistabblixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi jikkostitwixxu element fundamentali tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jiffurmaw parti intrinsika tal-politika ta' azzjoni esterna u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment barrani dirett (IBD) huwa kompetenza esklużiva tal-UE, kif minqux fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-Tratatt dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

B.  billi l-Unjoni bdiet teżerċita tali kompetenza fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehimiet ta' investiment mal-Indja, Singapor u l-Kanada, u għal proposti għal mandati ta' negozjati mal-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Eġittu;

C.  billi l-investiment se jkun it-tema ċentrali fis-samit UE-LAC li jmiss li se jsir f'Santjago fiċ-Ċilì f'Jannar 2013;

D.  billi l-investimenti tal-UE fl-Arġentina huma mħarsa mill-ftehimiet bilaterali ta' investiment tal-Istati Membri, meta jeżistu, u billi 18-il Stat Membru tal-UE attwalment għandhom fis-seħħ ftehimiet mal-Arġentina;

E.  billi l-gvern tar-Repubblika Arġentina ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jibgħat abbozz ta' liġi lill-Kungress tiegħu sabiex jikkonvalida l-esproprjazzjoni ta' 51 % tal-ishma tal-korporazzjoni fis-settur tal-idrokarburi YPF, li l-kapital tagħha huwa detenut f'maġġoranza minn kumpanija Ewropea, li l-maġġoranza tal-ishma tagħha jikkostitwixxu speċifikament l-oġġett tal-esprorjazzjoni proposta;

F.  billi t-tħabbira msemmija hawn fuq kienet akkumpanjata mit-teħid effettiv u immedjat tal-pussess tas-sede prinċipali tal-kumpanija min-naħa tal-awtoritajiet tal-gvern federali Arġentin, u keċċew lid-diriġenti leġittimi u lill-persunal deżinjat tal-impriża msemmija mill-uffiċini;

G.  billi f'dawn l-aħħar xhur, il-kumpanija kienet fil-mira ta' kampanja pubblika ta' vessazzjonijiet li, flimkien ma' bosta deċiżjonijiet amministrattivi, irriżultat f'telf ta' valur tal-ishma tagħha b'riperkussjonijiet għall-azzjonisti tagħha u għall-kumpaniji assoċjati magħha;

H.  billi, qabel din it-tħabbira, il-Gvern Spanjol u YPF-Repsol ippruvaw isibu soluzzjoni negozjata iżda l-Gvern Arġentin ma segwiex dan l-objettiv;

I.  billi kumpaniji Ewropej oħrajn jistgħu jintlaqtu minn azzjonijiet analogi jew minn indħil politiku fis-suq ħieles min-naħa tal-awtoritajiet Arġentini;

J.  billi r-Repubblika Arġentina, bħala membru sħiħ ta' Mercosur, qiegħda tipparteċipa fin-negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE;

K.  billi, minkejja dawn in-negozjati, il-Kummissjoni kkonstatat fir-Rapporti dwar Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment li l-Arġentina adottat għadd ta' miżuri protezzjonistiċi li kkawżaw deterjorament fil-klima kummerċjali għall-investituri tal-UE fl-Arġentina;

L.  billi f'bosta okkażjonijiet il-Kummissjoni Ewropea esprimiet it-tħassib tagħha lid-WTO fir-rigward tan-natura u l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi applikati għall-importazzjonijiet mill-Gvern Arġentin, li laqtu għadd dejjem akbar ta' pajjiżi li jagħmlu parti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

M.  billi r-Repubblika Arġentina tradizzjonalment ibbenefikat mis-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) konċessa unilateralment mill-UE;

N.  billi l-Arġentina, bħala membru tal-G20, impenjat ruħha f'kull samit tal-G20 favur il-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u ż-żamma ta' swieq miftuħa għall-kummerċ u l-investimenti;

1.  Jiddeplora d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Arġentin biex jipproċedi bl-esproprjazzjoni tal-maġġoranza tal-ishma ta' kumpanija Ewropea u b'hekk injora soluzzjoni negozjata; isostni li din tirrappreżenta deċiżjoni unilaterali u arbitrarja li tinvolvi attakk fuq l-eżerċizzju ta' impriża libera u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika, b'hekk ikkawżaw deterjorament tal-kuntest għall-investimenti għall-impriżi tal-UE fl-Arġentina;

2.  Josserva li tali deċiżjoni tolqot mhux biss impriża waħda fis-settur iżda biss parti tal-ishma tagħha, li tista' titqies bħala diskriminatorja;

3.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni billi din tirrappreżenta l-inadempjenza tal-obbligi fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali; iwissi dwar l-effetti negattivi li tali miżuri jistgħu jkollhom, bħal diżinvestiment internazzjonali u konsegwenzi negattivi għall-Arġentina fil-komunità internazzjonali;

4.  Ifakkar li l-objettiv tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u Mercosur huwa l-introduzzjoni ta' qafas għall-integrazzjoni ekonomika u d-djalogu politiku bejn iż-żewġ blokki biex jinkiseb l-ogħla livell ta' progress u prosperità għaż-żewġ reġjuni, u jqis li biex tali negozjati jirnexxu ż-żewġ naħat iridu jidħlu għat-taħdidiet bi spirtu ta' ftuħ u ta' fiduċja reċiproka; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li deċiżjoni bħal dik meħuda mill-awtoritajiet Arġentini jistgħu jikkawżaw tensjonijiet fil-klima ta' fehim u ħbiberija meħtieġa biex tali ftehim jintlaħaq;

5.  Jiddispjaċih li l-Arġentina ma rrispettatx dan il-prinċipju u introduċiet bosta miżuri restrittivi għall-kummerċ u l-investiment, bħal ostakoli non-tariffarji, li xekklu l-impriżi tal-UE u l-kummerċ globali mal-Arġentina;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi għal tali restrizzjonijiet billi tirrikorri għal kull strument ta' riżoluzzjoni tat-tilwim disponibbli fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-G20 u tikkoopera ma' pajjiżi oħra li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli diskriminatorji simili għall-kummerċ u l-investimenti;

7.  Jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni jagħmlu kull sforz mal-awtoritajiet Arġentini biex jiddefendu l-interessi tal-Unjoni u jissalvagwardaw il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika li tiggarantixxi l-preżenza Ewropea u l-investiment tal-Ewropa f'dan il-pajjiż tal-Amerika t'Isfel, bil-għan li terġa' tinqabad it-triq tad-djalogu;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jeżaminaw u jadottaw kull miżura meħtieġa għas-salvagwardja tal-interessi Ewropej bil-għan li jevitaw li jerġgħu jinqalgħu tali sitwazzjonijiet, inkluża s-sospensjoni parzjali possibbli tal-preferenzi tariffarji unilaterali fl-ambitu tal-iskema SPĠ;

9.  Ifakkar fil-ħbiberija profonda bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina, li magħha tikkondividi valuri u prinċipji komuni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Arġentini jmorru lura għat-triq tad-djalogu u tan-negozjati bħala l-aktar mod xieraq biex jissolvew diverġenzi possibbli bejn sħab kummerċjali u pajjiżi li tradizzjonalment huma ħbieb;

10.  Jilqa' favorevolment id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, li tikkundanna l-azzjoni tal-Gvern Arġentin u t-tħassir tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni UE-Arġentina; iħeġġeġ lill-Kummissarju De Gucht u lir-Rappreżentant Għoli Ashton jużaw kull possibilità diplomatika għad-dispożizzjoni biex isolvu din is-sitwazzjoni mal-kontropartijiet Arġentini tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-kollegi tagħhom fil-fora internazzjonali bħall-G20 u d-WTO biex jinkiseb kunsens kontra l-azzjonijiet tal-Gvern Arġentin;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Arġentina u lill-membri tal-Kunsill ta' Mercosur.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0141.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0565.
(4) http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2011/resolutions/trade_en.pdf
(5) http://eeas.europa.eu/delegations/wto/documents/press_corner/2012_03_30_joint_statement_argentina.pdf
(6) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.


L-impatt fuq l-għoti ta' għajnuna tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-Kummissjoni mill-kwartieri ġenerali tagħha għad- delegazzjonijiet tagħha
PDF 233kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-impatt fuq l-għoti ta' għajnuna tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-Kummissjoni mill-kwartieri ġenerali tagħha għad-delegazzjonijiet tagħha (2011/2192(INI))
P7_TA(2012)0144A7-0056/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “L-objettiv prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw'”,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tal-2000, b'referenza partikulari għat-tmien għan ta' żvilupp tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Evaluation of Devolution Process: Final Report” (SEC(2004)0561),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar id-devoluzzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar ir-Rapport Speċjali Nru 1/2011: Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha, rriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-UE għar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-effikaċja tal-għajnuna (HLF-4, Busan, 29 ta' Novembru – 1 ta' Diċembru 2011),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha, irriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?,

–  wara li kkunsidra l-paragrafi 122 u 123 tal-Kunsens Ewropew għall-iżvilupp, dwar il-progress ta' riformi relatati mal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-komplementarjetà u t-tqassim tax-xogħol f'politiki dwar l-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-effikaċja tal-għajnuna, l-Aġenda ta' Accra għall-azzjoni tal-2008 u s-Sħubija ta' Busan għall-kooperazzjoni ta' żvilupp effikaċi tal-2011,

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni minn pari tal-Komunità Ewropea tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC) tal-2007,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD/DAC tal-2008 bit-titolu “Effective Aid Management: Twelve lessons from DAC Peer Reviews”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0056/2012),

A.  billi approċċ deċentralizzat għall-għoti tal-għajnuna jqarreb it-teħid tad-deċiżjonijiet lejn ir-realtajiet tat-twassil u lejn il-lok fejn isseħħ koordinazzjoni effiċjenti tad-donaturi u armonizzazzjoni, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal sjieda lokali;

B.  billi l-objettiv aħħari tad-devoluzzjoni u tar-riforma usa' tal-għajnuna esterna mmexxija mill-Kummissjoni huwa li titjieb ir-rapidità, ir-reqqa tal-proċeduri ta' ġestjoni finanzjarja u l-kwalità tal-għajnuna f'pajjiżi sħab;

C.  billi l-konklużjoni ġenerali tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri hija li d-devoluzzjoni kkontribwixxiet lejn twassil aħjar tal-għajnuna u li r-rapidità tat-twassil tal-għajnuna tjieb, bħar-reqqa tal-proċeduri finanzjarji, iżda għad hemm lok konsiderevoli għal titjib;

D.  billi fadal tliet snin sal-iskadenza tal-għanijiet ta' żvilupp tal-Millenju, se tkun meħtieġa żieda sostanzjali fil-kapaċità tal-UE li twassal l-għajnuna kif ukoll fil-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi riċevituri;

E.  billi 74 % tal-għajnuna esterna tal-UE mill-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) titmexxa direttament permezz ta' 136 delegazzjoni tal-UE;

F.  billi l-Aġenda għall-Bidla rrikonoxxiet il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' attivitajiet ta' żvilupp u ż-żieda fl-effiċjenza u fl-effikaċja tagħhom;

G.  billi r-riorganizzazzjoni reċenti fi ħdan il-Kummissjoni u l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għadha ma ġġeneratx iż-żieda mistennija fl-effiċjenza ġenerali u fil-koerenza tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

H.  billi d-delegazzjonijiet, bil-ħolqien tas-SEAE, ġew sfurzati li jieħdu kompetenzi addizzjonali bħad-diplomazija, l-informazzjoni/komunikazzjoni u l-politiki ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, filwaqt li xorta kellhom jindirizzaw l-isfidi eżistenti ta' nuqqas ta' koordinazzjoni, koerenza u riżorsi;

I.  billi l-għajnuna mmexxija mid-delegazzjonijiet individwali tibqa' tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma, u dan joħloq aktar pressjoni fuq ir-riżorsi li jinsabu fil-livell ta' delegazzjoni;

J.  billi regolamenti u proċeduri komplikati jistgħu jxekklu l-użu tas-sistemi tal-pajjiż u l-programmazzjoni konġunta, kif ukoll billi fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp l-użu ta' Oqfsa ta' Programmazzjoni Multiannwali huwa rakkomandat;

K.  billi l-appoġġ tal-baġit ġenerali u settorjali hija l-modalità għall-għajnuna l-aktar xierqa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' transazzjoni għall-pajjiżi sħab, għax tiffoka aktar strettament fuq il-kwalità tal-għajnuna, in-natura tas-sħubija, u l-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab;

L.  billi l-proċess ta' devoluzzjoni għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu fuq livell ta' Stat Membru sabiex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar fejn l-aġenziji qegħdin jippjanaw li jonfqu l-baġits tagħhom, sabiex l-għajnuna ssir aktar immirata u jkun possibbli li jiġu identifikati lakuni fir-riżorsi u opportunitajiet ta' finanzjament f'pajjiżi individwali;

M.  billi r-riforma tal-għajnuna esterna tal-UE għandha tintuża bħala turija ta' kif l-impatt tal-għajnuna qiegħed itejjeb il-ħajja tal-persuni l-foqra, kemm bi tweġiba għat-tkabbir fl-appoġġ tal-pubbliku Ewropew għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp bħala mezz għall-qerda tal-faqar u għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp tal-Millenju, kif ukoll fid-dawl tal-fatti li jikkonfutaw ix-xettiċiżmu fil-konfront tal-effikaċja tal-għajnuna;

N.  billi ż-żjarat fuq il-post fil-qafas tar-reviżjoni minn pari mill-OECD/DAC juru b'mod regolari li l-persunal lokali jħoss li mhuwiex utilizzat biżżejjed jew li mhuwiex integrat bis-sħiħ fit-tim ta' donaturi lokali;

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet ġenerali tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha sabiex iżżid l-effikaċja tat-twassil ta' għajnuna;

2.  Jilqa' r-rapport komprensiv ħafna u analitiku mħejji mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll il-kalendarju eċċellenti tal-valutazzjoni tar-riżultati tal proċess ta' devoluzzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwartieri tagħha jkollhom biżżejjed kapaċità u riżorsi umani sabiex jipprovdu appoġġ adegwat għad-delegazzjonijiet permezz tad-Direttorat għall-operazzjonijiet ta' kwalità;

4.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, jinħtieġu sforzi addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-mod li bih tevalwa l-kwalità u r-riżultat tal-interventi tagħha; huwa tal-fehma li dan għandu jwassal biex jingħata rendikont finanzjarju aħjar tal-interventi finanzjarji tal-UE u għandu jiżgura aktar viżibilità għall-azzjonijiet tagħha;

5.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkomplementa l-kriterji u ssaħħaħ il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġetti ffinanzjati biex iżżid il-kwalità tal-għajnuna u tkompli tnaqqas in-numru ta' proġetti bi prestazzjoni negattiva; jinnota li l-impatt tal-infiq fuq għajnuna huwa ta' importanza fundamentali għall-Parlament;

6.  Jinsab imħasseb li tul il-perjodu bejn l-2005 u l-2008 l-kompożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet inbidlet għal waħda b'funzjonijiet diretti aktar lejn il-politika u l-kummerċ u jistieden lill-Kummissjoni ssib bilanċ xieraq fil-persunal tad-delegazzjonijiet bejn il-ġestjoni tal-għajnuna u funzjonijiet oħra;

7.  Iqis li r-rata għolja ta' tibdil fl-istaff fid-delegazzjonijiet hija inaċċettabbli (40 % tal-istaff tal-Kummissjoni huma aġenti kuntrattwali), għaliex ħafna tibdil idgħajjef il-memorja istituzzjonali u jaffettwa b'mod negattiv l-effiċjenza tal-operazzjonijiet;

8.  Jinnota li, 6 % tal-impenji fil-baġit disponibbli għall-2006 ma kinux ikkuntrattati sal-2009 u għaldaqstant intilfu, skont ir-regola D+3; jitlob li dan il-perċentwal jitnaqqas, u jixtieq ikun infurmat bil-perċentwali u l-ammonti rilevanti għall-2010 u l-2011;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jindirizzaw b'mod speċifiku l-oqsma identifikati mill-verifika, b'mod partikulari t-tgħabija tax-xogħol fid-delegazzjonijiet, l-adegwatezza tal-livelli ta' riżorsi umani fost id-delegazzjonijiet u l-bilanċ tal-persunal tad-delegazzjonijiet bejn il-ġestjoni tal-għajnuna u funzjonijiet oħra;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-promozzjoni tal-konsultazzjoni lokali, fejn ikun possibbli, meta tiddeċiedi dwar proġetti ta' għajnuna u meta tissorvelja l-progress tagħhom;

11.  Jemmen li sabiex il-politika għall-iżvilupp tal-UE ssir aktar koerenti u aktar effikaċi, is-servizzi tal-Kummissjoni fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu fit-tfassil u jkunu quddiemnett fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-għajnuna għall-iżvilupp; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li taħtar punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) f'kull delegazzjoni biex jimmonitorjaw l-impatt tal-politiki tal-UE fil-livell ta' pajjiżi sħab;

12.  Jindika li għandu jkun ikkunsidrat l-użu tal-għarfien espert lokali u l-persunal attwali tad-delegazzjonijiet tal-UE li għandhom jirsistu lejn involviment akbar fis-soċjetajiet lokali, sabiex jitnaqqas id-distakk fl-għarfien u biex jiġi żgurat fehim preċiż tal-ambjent lokali li joperaw fih;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toffri u tipproponi b'mod aktar sistematiku taħriġ legali u finanzjarju għall-persunal lokali, bil-għan li tottimizza l-ġestjoni tal-għajnuna tal-UE u tiżgura governanza tajba fit-terminu medju fil-livell tal-awtorità lokali;

14.  Jemmen li kemm il-mandat u kemm il-kompetenzi tas-SEAE fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp għadhom mhux ċari, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni tissolva; jinnota bi tħassib f'dan ir-rigward, li s-separazzjoni bejn il-kompiti politiċi u amministrattivi tas-SEAE u l-kompiti għall-ġestjoni tal-għajnuna tal-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' inkonsistenzi possibbli fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi;

15.  Jenfasizza, f'konformità mad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-SEAE, li l-persunal kollu kemm hu li jaħdem f'delegazzjoni jkun taħt l-awtorità tal-kap tad-delegazzjoni, ladarba dan hu l-uniku mod li bih tista' tiġi żgurata, f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE f'pajjiż speċifiku;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jirrakkomandaw tnaqqis fin-numru ta' oqsma ta' intervent, skont il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-komplementarjetà u t-tqassim tax-xogħol u l-Aġenda għall-Bidla;

17.  Jemmen li l-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej tal-iżvilupp għandhom jiffukaw aktar fuq il-faqar u jkunu aktar flessibbli fir-rigward tal-approċċ u l-operat tagħhom, u li għandhom jiġu inkoraġġiti wkoll aktar responsabbiltà u trasparenza u valur aħjar għall-flus fir-rigward tal-kisba ta' riżultati ċari;

18.  Jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tegħleb id-dgħufijiet tas-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll, notevolment fil-livell ta' delegazzjonijiet kif indikat mill-Qorti; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-kumitati kompetenti tal-Parlament sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2012 dwar il-miżuri li tkun ħadet;

19.  Jinnota l-kritika mill-Qorti tal-Awdituri(3) tar-relazzjoni ta' ħidma bejn il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tagħha għall-ġestjoni tal-għajnuna esterna; jitlob li l-proċessi inkwistjoni jiġu vvalutati u ssimplifikati bil-għan li titnaqqas il-burokrazija interna, u jitressaq rapport lill-Parlament dwar l-azzjoni li ttieħdet;

20.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tirrikjedi li d-delegazzjonijiet iwettqu sistematikament żjarat ta' sorveljanza teknika u finanzjarja lill-proġetti u tiffoka s-sistema ta' rappurtar intern iktar fuq ir-riżultati miksuba mill-interventi ta' għajnuna;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni attiva tad-delegazzjonijiet, tanalizza u tidentifika l-possibilitajiet ta' ingranaġġ tal-programmi ta' għajnuna fil-pajjiżi sħab, bl-involviment tal-BEI kif ukoll tal-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali Ewropej li jiffinanzjaw l-iżvilupp;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni turi kif devoluzzjoni ulterjuri tar-responsabbiltajiet finanzjarji u tar-riżorsi umani mill-kwartieri tal-Kummissjoni għad-delegazzjonijiet tista' żżid fil-valur billi ttejjeb id-djalogu u l-koordinazzjoni u l-programmazzjoni tal-għajnuna tal-UE fil-post;

23.  Jenfasizza li la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri m'għandhom jużaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja kurrenti sabiex jiġġustifikaw approċċ “nagħmlu aktar b'inqas” li jinvolvi ż-żamma f'limiti jew tnaqqis fil-livell ta' persunal f'aġenziji tal-għajnuna bilaterali;

24.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-ogħla standards tal-professjonalità fost il-persunal li qed jaħdem fuq il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fid-delegazzjonijiet tal-UE u l-aġenzi ta' għajnuna bilaterali;

25.  Jemmen li, fl-interess tal-implimentazzjoni bla intoppi tal-baġit tal-UE, il-kapijiet ta' delegazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw il-ġestjoni tal-infiq amministrattiv ta' delegazzjoni lid-deputati tagħhom u li r-regolament finanzjarju, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi rivedut kif xieraq;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar sabiex jittejbu r-rabtiet bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-aġenziji bilaterali u l-gvernijiet sħab u gruppi ta' żvilupp oħrajn bħal gruppi ta' riflessjoni, universitajiet, fundazzjonijiet, NGOs u awtoritajiet subnazzjonali, billi rabtiet akbar jimmassimizzaw il-vantaġġi komparattivi tal-proċess ta' devoluzzjoni u tal-atturi differenti fi ħdan il-kuntest nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata ripetizzjoni inutli tal-isforzi;

27.  Jitlob li jiġi żgurat, li tul il-proċess tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-UE mis-servizzi ċentralizzati għad-delegazzjonijiet, il-Parlament iżomm is-setgħat tiegħu ta' monitoraġġ u skrutinju;

28.  Jilqa' r-rimarka tal-Qorti tal-Awdituri li r-rwol tas-SEAE fil-qasam tal-protezzjoni konsulari għandu jiġi analizzat aktar;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE.

(1) Dok. 10749/2005.
(2) Dok. 12255/2011.
(3) Ara r-Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-QEA, Dijagramma 1.


In-nisa u t-tibdil fil-klima
PDF 418kWORD 102k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima (2011/2197(INI))
P7_TA(2012)0145A7-0049/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bl-isem “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottata f'Pekin u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw adottati matul is-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi sabiex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-2 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 36/CP.7 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) dwar it-Titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rappreżentazzjoni ta' partijiet f'korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto tad-9 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar “L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima”(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0049/2012),

A.  billi t-tibdil fil-klima mhuwiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru u ma għandux effetti divrenzjati skont il-ġeneru;

B.   billi l-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja għandhom impatt sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima;

C.   billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 50 % tal-popolazzjoni dinjija u billi dawn relattivament għad għandhom aktar responsabbiltà fir-rigward tal-għażliet ta' kuljum tal-konsum, l-attivitajiet għall-kura tat-tfal u dawk domestiċi; billi t-tendenzi tal-konsum ivarjaw bejn in-nisa u l-irġiel għaliex in-nisa jikkunsmaw b'mod aktar sostenibbli mill-irġiel u juru aktar disponibilità għall-preservazzjoni tal-ambjent billi jagħmlu għażliet konsumeristiċi sostenibbli;

D.  billi minħabba r-rwoli bbażati fuq il-ġeneru, l-impatt tan-nisa fuq l-ambjent mhuwiex l-istess bħall-impatt tal-irġiel, u l-aċċess tagħhom għar-riżorsi u l-mod li bih jaffaċċjaw u jadattaw huwa affettwat bil-qawwi mid-diskriminazzjoni f'termini ta' dħul, l-aċċess għar-riżorsi, il-poter politiku, l-edukazzjoni u r-responsabilità domestika;

E.  billi t-tibdil fil-klima se jamplifika l-inugwaljanzi u hemm riskju li l-politiki tat-tibdil fil-klima jkollhom impatt negattiv ukoll fuq il-bilanċ bejn il-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa jekk id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru ma tiġix ikkunsidrata mill-bidu nett;

F.   billi mhux ser ikun hemm l-ebda ġustizzja fir-rigward tal-klima mingħajr ugwaljanza reali bejn is-sessi, u billi l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima m'għandhomx jitqiesu kontradittorji;

G.   billi d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-opportunità bejn l-irġiel u n-nisa jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali;

H.  billi s-sorsi ta' diskriminazzjoni u vulnerabilità apparti l-ġeneru (bħall-faqar, il-ġeografija, id-diskriminazzjoni tradizzjonali u istituzzjonali, ir-razza, eċċ.) flimkien joħolqu ostakolu għall-aċċess għar-riżorsi u l-mezzi sabiex ilaħħqu ma' tibdil drammatiku bħat-tibdil fil-klima;

I.   billi f'xi reġjuni, kważi 70 % tan-nisa impjegati kollha jaħdmu fl-agrikoltura(6) u jipproduċu sa 90 % ta' xi prodotti tar-raba“(7), iżda madankollu huma kważi assenti mid-deliberazzjonijiet baġitarji u l-attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima;

J.   billi, filwaqt li 70 % tal-foqra li jgħixu b'anqas minn USD 1 kuljum huma nisa, in-nisa għandhom anqas minn 1 % tal-proprjetà fid-dinja; billi, meta mqabbla mal-irġiel, in-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvestu mill-ġdid parti konsiderevolment ikbar mid-dħul tagħhom fil-familji tagħhom;

K.   billi l-ippjanar tal-familja jista' jtejjeb b'mod sinifikanti s-saħħa materna u l-kontroll fuq id-daqs tal-familja u fl-aħħar mill-aħħar iżid l-indipendenza u jnaqqas l-ammont ta' xogħol tan-nisa, li għadhom meqjusin bħala dawk li prinċipalment jieħdu ħsieb it-tfal, filwaqt li jżid il-kapaċità tan-nisa u l-familji tagħhom li jirreżistu l-impatti tat-tibdil fil-klima, kif indikat fil-pjan fuq 20 sena adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp;

L.   billi l-problemi ambjentali – ikkawżati u aggravati mit-tibdil fil-klima – huma attwalment responsabbli għaż-żieda fil-migrazzjoni furzata, u billi għaldaqstant hemm konnessjoni dejjem aktar b'saħħitha bejn dawk li jfittxu l-asil u ż-żoni ta' ħsara ambjentali; billi tinħtieġ protezzjoni aħjar u riallokazzjoni ta' “rifuġjati tal-klima”, kif ukoll attenzjoni speċjali lin-nisa li huma l-iżjed vulnerabbli;

M.  billi madwar 75 u 80 % mis-27 miljun rifuġjat fid-dinja huma nisa u tfal(8); billi l-migrazzjoni li ssir minħabba t-tibdil fil-klima se taffettwa lill-irġiel u lin-nisa b'mod differenti u spiss in-nisa jiġu affettwati b'mod aktar gravi; billi d-dispożizzjonijiet partikolari rigward is-saħħa, is-sigurtà u l-indipendenza huma meħtieġa sabiex titnaqqas il-vulnerabilità tan-nisa f'każijiet ta' migrazzjoni mġiegħla jew volontarja;

N.  billi l-proporzjon ta' nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u b'mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għadu mhux sodisfaċenti u ftit li xejn sar progress dwar dan; billi n-nisa jammontaw biss għal 12 sa 15 % tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u għal madwar 30 % tad-delegati;

O.  billi żewġ terzi tal-persuni illitterati fid-dinja huma nisa(9) u l-aċċess għall-informazzjoni u t-taħriġ permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni xierqa huwa għaldaqstant importanti sabiex jiżgura l-indipendenza u l-inklużjoni tagħhom, partikolarment f'każijiet ta' emerġenza bħad-diżastri naturali;

P.  billi d-diżastri naturali għandhom effett qawwi fuq perjodu medju u twil fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, il-faqar strutturali u l-ispustar tal-popolazzjoni, u billi t-tfal jirrappreżentaw grupp partikolarment vulnerabbli għall-effetti tad-diżastri naturali; billi hemm konnessjoni ċara bejn l-inċidenza tad-diżastri u t-tnaqqis fil-livell ta' attendenza tal-iskola, u billi d-diżastri jkabbru konsiderevolment id-differenza bejn il-ġeneru fil-livell skolastiku;

Q.   billi n-nixfa u n-nuqqas ta' ilma minħabba l-bidla fil-klima jobbligaw lin-nisa jaħdmu aktar biex jipprovdu l-ilma, l-ikel u l-enerġija u billi ż-żgħażagħ spiss jabbandunaw l-iskola biex jgħinu lill- ommijiethom f'dawn il-kompiti;

R.   billi n-nisa huma wkoll aġenti tal-bidla b'saħħithom u huma aktar attivi globalment fir-rigward ta' attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f'kull aspett tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiżgura politiki aktar ġusti u aktar komprensivi u effettivi sabiex jiġi indirizzat it-tibdil tal-klima, kemm fl-aspetti tal-adattament kif ukoll tat-taffija;

S.   billi, minħabba r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni ta' riżorsi naturali skarsi, in-nisa jiksbu għarfien importanti dwar il-ħtieġa ta' ambjent aktar sostenibbli, li jagħtihom rwol potenzjali – li m'għandux ikun injorat – fit-titjib tal-istrateġiji ta' adattament u taffija għall-bidla fil-klima;

T.   billi l-mekkaniżmi jew il-finanzjament għall-prevenzjoni, l-adattament u t-taffija tad-diżastri se jibqgħu insuffiċjenti sakemm ma jintegrawx il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċessi ta' tfassil, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; billi prattiki tajba, pereżempju, mit-Tuneżija, in-Nikaragwa, El Salvador u l-Ħonduras urew li l-għarfien u l-parteċipazzjoni tan-nisa jsalvaw il-ħajjiet permezz tal-ġestjoni tad-diżastri, jagħtu spinta lill-bijodiversità, itejbu l-ġestjoni tal-ilma, itejbu s-sikurezza tal-ikel, jipprevjenu d-deżertifikazzjoni, jipproteġu l-foresti u jappoġġaw is-saħħa pubblika;

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Filwaqt li jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima, apparti l-effetti katastrofiċi tiegħu l-oħra, jaggrava d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, jisħaq li l-prevenzjoni ta' tibdil fil-klima perikoluż għandu jkun l-ogħla prijorità tal-UE kemm għall-politika interna kif ukoll għall-politika esterna;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw u jintegraw il-ġeneru f'kull pass tal-politiki dwar il-klima, mit-tfassil għall-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni dwar il-klima ma żżidx l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri iżda twassal għal kobenefiċċji għas-sitwazzjoni tan-nisa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu – fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet – objettivi għall-ugwaljanza u l-ġustizzja bejn is-sessi fil-politiki, il-pjanijiet ta' azzjoni u f'miżuri oħra relatati mal-iżvilupp sostenibbli, ir-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima, billi jwettqu analiżi sistematika tas-sessi, jistabbilixxu indikaturi u punti ta' referenza li jkunu sensittivi għall-ġeneru u jiżviluppaw għodod prattiċi; jenfasizza li l-proċess tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għandu jikkunsidra l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tiegħu, mir-riċerka u l-analiżi għat-tfassil u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrateġiji ta' taffija u adattament;

4.  Ifakkar li, fir-4 Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu tal-2007, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ikkonferma li l-impatt tat-tibdil fil-klima jvarja skont il-ġeneru, l-età u l-klassi soċjali, fejn il-foqra huma dawk li x'aktarx ibatu l-aktar; huwa tal-fehma li l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u objettiv fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar; jirrikjedi li fit-tfassil tal-politiki dwar l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima, jiġi applikat approċċ ġenerali bbażat fuq il-ġeneru; jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw li l-UNFCCC taġixxi skont l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem u skont il-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-ekwità bejn is-sessi, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

5.  Jenfasizza l-fatt li t-tibdil fil-klima u l-impatti negattivi tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala kwistjoni ta' żvilupp b'implikazzjonijiet għall-ġeneru li hija relevanti għas-setturi kollha (soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi) mil-livell lokali għal dak globali, u li jeħtieġ li jkun hemm sforzi miftiehma mill-partijiet interessati kollha biex jiġi żgurat li t-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju tad-diżastri jirrispondu għall-ġeneru, ikunu sensittivi għall-popli indiġeni u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jilqa' s-sensibilizzazzjoni dejjem tikber tal-aspett tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima fit-taħditiet ta' livell għoli dwar il-klima, u fl-interventi mill-atturi ta' livell għoli; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jara passi konkreti għall-inklużjoni ta' iżjed nisa fid-diplomazija tal-UE għall-klima, fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet u b'mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima permezz ta' miżuri bħall-introduzzjoni ta' kwoti 40 %+ fid-delegazzjonijiet;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu għall-konferenza dwar it-tibdil fil-klima ġewwa Durban (COP 17) u jħeġġiġhom jaġixxu fuq l-impenn tiegħu biex jistinkaw għar-rappreżentanza tan-nisa ta' mill-anqas 40 % fil-korpi rilevanti kollha għall-finanzjament fir-rigward tal-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat dan il-prinċipju għat-trasferiment tat-teknoloġija kif ukoll għall-korpi tal-adattament;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data speċifika skont il-pajjiż u separata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima, programmi u proġetti, sabiex jiġu vvalutati u indirizzati b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima dwar kull ġeneru u biex tinħoloq gwida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tiddefinixxi l-politiki li jistgħu jipproteġu lin-nisa u tagħtihom is-setgħa jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-istatistiki sensittivi għall-ġeneru fl-oqsma kollha tal-politika marbuta mal-ambjent sabiex itejbu l-kejl tas-sitwazzjoni ġenerali tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tat-tibdil fil-klima;

10.  Ifakkar li l-inklużjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-politika għall-affarijiet barranin tal-UE għandha tkompli tikkontribwixxi sabiex in-nisa jkollhom rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-formazzjoni tal-politika, il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi naturali u tal-ambjent u fl-isforzi kontra t-tibdil fil-klima;

11.  Jitlob indikatur “li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent” (bħala alternattiva għall-PGN) għall-monitoraġġ ta' kif it-tkabbir, il-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja jinfluwenzaw it-tibdil fil-klima;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw sa liema punt il-politiki relatati mal-klima jqisu l-ħtiġijiet tan-nisa, u jħeġġiġhom japplikaw perspettiva bbażata fuq il-ġeneru meta jifformulaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli li tkun sensittiva għall-ġeneru;

Adattament

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu għodod faċli għall-valutazzjoni tal-impatt skont il-ġeneru tal-proġetti matul iċ-ċikli tal-ħajja tal-proġett, bħal pereżempju għodod użati għall-proġetti tal-iżvilupp;

14.  Jitlob soluzzjonijiet u proġetti lokali inklużivi, inkluż l-għarfien inkorporat tal-vulnerabilitajiet u l-kapaċitajiet eżistenti biex ikampaw, bħall-esperjenzi tradizzjonali u l-għarfien tal-popli indiġeni, u partikolarment in-nisa;

15.  Jindika li n-nisa globalment huma attivi ħafna fil-livell tas-soċjetà ċivili, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tappoġġa n-networking tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi programmi li permezz tagħhom it-trasferiment tat-teknoloġiji u l-kompetenzi moderni jkunu jistgħu jgħinu komunitajiet u reġjuni li qed jiżviluppaw biex jadattaw għat-tibdil fil-klima;

17.  Jindika li n-nisa għandhom rwol kruċjali fl-estrazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li dawn spiss huma dawk li jiġbru, jużaw u jqassmu l-ilma, mhux biss fid-dar iżda wkoll fil-biedja; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp ta' programmi aċċessibbli għat-tħaffir ta' bjar permezz ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sistemi sempliċi u faċli li jinżammu għat-trattament tal-ilma;

18.  Jitlob li jiġu integrati l-bini ta' kapaċitajiet u t-taħriġ li jqisu l-ġeneru fis-soluzzjonijiet ta' adattament, li jridu jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet speċjali tan-nisa u jikkunsidraw l-ostakoli speċifiċi, iżda anke l-kapaċitajiet u l-esperjenzi tan-nisa;

19.  Jenfasizza l-importanza li wieħed iserraħ fuq l-għarfien tan-nisa u t-tħeġġiġ ta' soluzzjonijet lokali li għandhom influwenza konkreta fuq il-ħajja ta' kuljum tal-persuni, bħall-proġett “Girls in Risk Reduction Leadership” fin-Nofsinhar tal-Afrika, jew diversi proġetti sabiex jgħinu lill-gruppi tan-nisa jinstallaw faċilitajiet għall-ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji fil-kwartieri foqra Indjani;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-kwistjoni dwar il-ġeneru fi strateġiji għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati mad-diżastri naturali, u jippromwovu s-setgħa u l-għarfien tan-nisa permezz tal-bini tal-kapaċità qabel, waqt u wara diżastri relatati mal-klima, flimkien mal-involviment attiv tagħhom fl-antiċipazzjoni tad-diżastri, is-sistemi ta' twissija bikrija u l-prevenzjoni tar-riskji bħala parti mir-rwol tagħhom fil-bini tar-reżistenza;

21.  Jinnota li f'ħafna komunitajiet madwar id-dinja, ir-responsabilitajiet tan-nisa fil-familja jagħmluhom aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, li jiġi aggravat mill-impatt tat-tibdil fil-klima; jindika li dawn qed jiġu affettwati fir-rwoli multipli tagħhom bħala dawk li jipproduċu u jipprovdu l-ikel, jagħtu l-kura u bħala atturi ekonomiċi;

22.  Jitlob li jiżdiedu t-trasparenza u l-inklużjoni tal-mekkaniżmi eżistenti u l-proċessi ta' ppjanar, bħall-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament u Pjanijiet ta' Adattament Nazzjonali futuri, u sabiex dawn il-prinċipji jiġu promossi fit-trattati futuri li jikkonċernaw il-klima, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta' kooperazzjoni bilaterali;

23.  Jenfasizza li hemm provi qawwija li l-impatt fuq is-saħħa ta' kundizzjonijiet li huma sensittivi għall-klima, bħan-nutrizzjoni ħażina u l-inċidenza ta' mard infettiv bħall-malarja, ivarja skont is-sess; jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' mwiet fost in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' diżastri; huwa tal-fehma li riċerka dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tan-nisa li tkun aktar speċifika għall-ġeneru tista' tgħin biex jinkiseb rispons aktar speċifiku; jitlob lill-gvernijiet kollha jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw prevenzjoni, trattament u aċċess għall-mediċini aħjar – speċjalment għan-nisa, billi dawn huma grupp vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kompetenza tagħhom ta' fornituri tal-kura –, biex jieħdu l-impenn għal sensiela ta' azzjonijiet immirati li jindirizzaw ir-riskji għas-saħħa assoċjati mat-tibdil fil-klima, u biex jipprovdu qafas għall-valutazzjonijiet tar-riskji tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru u miżuri ta' adattament/taffija b'rabta mat-tibdil fil-klima;

24.  Jenfasizza li 70 % tal-persuni l-aktar foqra fid-dinja huma nisa, li jwettqu żewġ terzi tax-xogħol kollu, iżda għandhom anqas minn 1 % tal-beni kollha; jinnota li dawn jiġu mċaħħda minn aċċess għal u kontroll ugwali tar-riżorsi, it-teknoloġiji, is-servizzi, is-sjieda tal-art, is-sistemi ta' kreditu u ta' assigurazzjoni u s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet u għalhekk huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u milquta minnu b'mod sproporzjonat u għandhom anqas opportunitajiet biex jadattaw; jenfasizza li 85 % tan-nies li jmutu minħabba diżastri naturali kkawżati mill-klima huma nisa, li 75 % tar-rifuġjati ambjentali huma nisa, u li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jkunu l-vittmi inviżibbli ta' gwerer għar-riżorsi u ta' vjolenza li tirriżulta mit-tibdil fil-klima;

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw il-prinċipju tal-“ġustizzja tal-klima”; jinsisti li l-akbar inġustizzja fil-falliment tagħna li nittrattaw b'mod effikaċi t-tibdil fil-klima tkun l-effetti negattivi fuq il-pajjiżi l-foqra u fuq il-popolazzjonijiet, u b'mod partikolari fuq in-nisa;

It-taffija

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ġejjin iniedu studju li jiffoka speċifikament fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki ta' taffija;

27.  Jenfasizza li jinħtieġu politiki mmirati biex jiġu evitati s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni tas-sessi fl-ekonomija ekoloġika, fejn l-impjiegi ġodda fit-teknoloġija u x-xjenza huma kważi diġà esklussivament iddominati mill-irġiel; jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza tal-intraprenditorija f'termini tal-ftuħ tal-ekonomija ekoloġika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lin-nisa jsegwu korsijiet ta' taħriġ u karrieri tekniċi u xjentifiċi fl-oqsma tat-teknoloġija ambjentali u tal-enerġija, peress li l-ħtieġa ta' għarfien espert f'dan il-qasam se jiggarantixxi lin-nisa impjiegi sikuri b'futur stabbili u jiżgura kuxjenza akbar tal-ħtiġijiet tan-nisa fid-definizzjoni ta' politiki għat-tibdil fil-klima;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riforma tal-mekkaniżmi u l-fondi eżistenti sabiex tagħmilhom aktar trasparenti, komprensivi u li jirriflettu l-kontribuzzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-komunitajiet lokali u partikolarment in-nisa u sabiex tippromwovi dawn il-prinċipji fit-trattati, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta' kooperazzjoni bilaterali futuri li jikkonċernaw il-klima, bil-għan li joħolqu metodi aħjar għall-għoti tas-setgħa ekonomika tan-nisa;

30.  Jirrikonoxxi li t-tkabbir fil-popolazzjoni għandu impatt fuq il-klima u jenfasizza l-ħtieġa għal reazzjoni adegwata f'każijiet fejn il-ħtieġa għal kontraċezzjoni għan-nisa u għall-irġiel fis-soċjetajiet kollha jibqgħu mhux sodisfatti;

31.  Ifakkar li sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għan-nisa u għal popolazzjonijiet vulnerabbli oħra huwa meħtieġ u assolutament kritiku li jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż u li ż-żieda fit-temperaturi medji tkun limitata għal 2° C, jew għal 1,5°C jekk huwa possibbli, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sett ta' għodda li jħeġġeġ it-teħid ta' deċiżjonijiet komprensiv, kif sar fis-setturi tat-trasport u l-enerġija f'Malmö (l-Isvezja) u ż-żona ta' Vollsmose (id-Danimarka)(10);

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw indikaturi biex jevalwaw l-impatt tal-proġetti u l-programmi fuq il-ġeneri u biex jiġi promoss l-ibbaġitjar għall-ġeneri fil-politiki li jikkonċernaw il-klima, kemm jekk dawn il-politiki jsiru fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod u gwida għall-analiżi tal-ġeneri tal-politiki u l-programmi ta' taffija, u programmi u attivitajiet ta' riċerka relatati;

35.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom in-nisa fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' taffija fil-ħajja ta' kuljum, pereżempju permezz ta' prattiki għall-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma, miżuri ta' riċiklaġġ u l-użu ta' prodotti ekoloġiċi u organiċi, billi dawn jitqiesu bħala l-mexxejja primarji ta' dawn ir-riżorsi fid-dar; jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji sabiex titqajjem kuxjenza mill-għeruq, li jiffukaw fuq l-għażliet ta' konsum ta' kuljum relatati mal-attivitajiet domestiċi u tal-kura tat-tfal;

36.  Jirrikonoxxi għalhekk, il-kontribut sinifikanti li n-nisa jistgħu jagħtu għall-innovazzjoni b'suċċess permezz tal-kapaċità tagħhom li jedukaw, kemm fin-negozju kif ukoll fil-ġestjoni domestika;

37.  Jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli bħala mezz kif jiġu ttrattati l-isfidi serji tat-tibdil fil-klima;

38.  Jindika li t-tibdil fil-klima b'mod inevitabbli se jwassal għal migrazzjonijiet mir-reġjuni milquta mid-diżastri bħal nixfiet jew għargħar u li l-UE għandha żżomm f'moħħha l-ħtieġa li jiġu protetti n-nisa fil-kampijiet stabbiliti għall-persuni spostati f'pajjiżhom u r-rifuġjati;

39.  Jinnota li l-impatt tat-tibdil ambjentali fuq il-migrazzjoni u l-ispostament se jiżdied fil-futur u li, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), 80 % tar-rifuġjati fid-dinja huma nisa u tfal; itenni l-importanza tal-identifikazzjoni ta' strateġiji sensittivi għall-ġeneru biex jindirizzaw il-kriżijiet ambjentali u umanitarji kkawżati mit-tibdil fil-klima; jikkunsidra għalhekk, li jeħtieġ li ssir riċerka urġenti dwar kif tiġi ġestita l-migrazzjoni ambjentali b'mod sensittiv għall-ġeneru – din tinkludi l-għarfien tar-rwoli u tar-responsabilitajiet tas-sessi fil-qasam tar-riżorsi naturali u r-rispons għalihom, u tista' tinkludi li tkun żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi skarsi għall-komunitajiet fil-bżonn u li jkun ipprovdut l-ilma għar-rifuġjati;

Il-finanzjament

40.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jirrispettaw il-prinċipju stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17), sabiex jiġi żgurat li l-bilanċ tal-ġeneri fil-korpi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima jkun iggarantit, anke fil-Bord tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima u f'sottokumitati eventwali għal perjodi individwali ta' finanzjament;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi u strateġiji ta' taffija u adattament għat-tibdil fil-klima li jużaw l-analiżi tal-ġeneru biex itejbu l-benesseri tan-nisa u l-bniet u jqisu l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-aċċess għall-kreditu, l-informazzjoni, it-teknoloġija, l-art, ir-riżorsi naturali, l-enerġija sostenibbli u l-informazzjoni u s-servizzi dwar is-saħħa riproduttiva; jitlob sabiex tali programmi u strateġiji jinkludu soluzzjonijiet ta' finanzjarji innovattivi bħal skemi ta' mikrokreditu, b'mod partikolari f'każijiet ta' emerġenza bħal dawk tar-rifuġjati minħabba l-klima;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' finanzjament li jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iżvilupp ta' kriterji għall-finanzjament u fl-allokazzjoni tar-riżorsi għal inizjattivi tat-tibdil fil-klima, partikolarment fuq il-livell lokali u fl-attivitajiet tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

43.  Jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata bħala kwistjoni trażversali fil-fondi u l-istrumenti kollha għall-klima; jenfasizza li din l-integrazzjoni tirrikjedi għarfien espert dwar il-ġeneru u għandha tiġi estiża għall-missjoni, il-governanza u l-modalitajiet operazzjonali ta' tali mekkaniżmi finanzjarji, u li l-modalitajiet operattivi u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għandhom jiżguraw li n-nisa u l-komunitajiet lokali jibbenefikaw minn finanzjament xieraq;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-UE jappoġġaw finanzjament ogħla, ġdid u addizzjonali partikolarment għall-azzjonijiet ta' adattament li minnhom jibbenefikaw in-nisa b'mod dirett, li ta' spiss huma vulnerabbli b'mod sproporzjonat għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jitlob li l-forniment ta' tali finanzjament għall-adattament ikun esklussivament f'forma ta' għotjiet;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta' skambji ta' teknoloġija u għarfien li jinvolvu l-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa, bil-ħsieb li jikkontribwixxu fl-istess ħin kemm lejn l-opportunitajiet indaqs u u kemm lejn it-taffija tat-tibdil fil-klima;

46.  Jindika bi tħassib l-impatt negattiv li t-tibdil fil-klima jista' jkollu fuq is-suċċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU, b'mod partikolari dawk konnessi mal-kundizzjoni u l-protezzjoni tan-nisa;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0515.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0504.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0430.
(4) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.
(5) ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 57.
(6) FAO, The State of Food and Agriculture 2010-11:Women in Agriculture – Closing the gender gap for development, http://www.fao.org/docrep/013/i2050e/i2050e.pdf.
(7) Forum Ekonomiku Dinji, Women's Empowerment: Measuring the Global Gender Gap”, 2005, https://members.weforum.org/pdf/Global_Competitiveness_Reports/Reports/gender_gap.pdf.
(8) NU, Ecosoc, “Women at a glance”, http://www.un.org/ecosocdev/geninfo/women/women96.htm.
(9) UNICEF, Progress for Children, 2005, http://www.unicef.org/progressforchildren/2005n2/PFC05n2en.pdf.
(10) Gender mainstreaming in the public transportation policy in Malmö: http://www.nikk.no/A+gender+equal+and+sustainable+public+transport+system.b7C_wljSYQ.ips; and the project to train ethnic minority women to be environmental ambassadors in Vollsmose: http://www.nikk.no/Women+are+everyday+climate+experts.b7C_wljQ1e.ips.


L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
PDF 474kWORD 180k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (2011/2307(INI))
P7_TA(2012)0146A7-0101/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra l-viżjoni 2050 u l-objettiv ewlieni tal-2020 adottati mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE f'Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-21 ta' Ġunju u d-19 ta' Diċembru 2011 dwar l-“Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari r-riżultat tal-10 Konferenza tal-Partijiet (COP 10) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, b'mod partikolari l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-objettivi Aichi, il-Protokoll Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom u strateġija biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u l-Konvenzjoni dwar l-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Il-PAK fid-dawl tal-2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” (COM(2010)0672) u l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK wara l-2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500) flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Strateġiku 2014-2020,

–  wara li kkunsidra ir-Rapport Kompost dwar l-Istatus ta' Konservazzjoni ta' Tipi u Speċiijiet ta' Ħabitats kif mitlub skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (COM(2009)0358),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tikkonserva l-bijodiversità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 bl-isem “Il-PAK fid-dawl tal-2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”(3),

–  wara li kkunsidra id-dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Finanzjament ta' Natura 2000 – Ninvestu f'natura 2000: inwasslu l-benefiċċji għan-natura u n-nies” (SEC(2011)1573),

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem “L-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB)”(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0101/2012),

A.  billi l-UE naqset milli tilħaq l-objettiv tagħha tal-bijodiversità 2010;

B.  billi n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010–2020 bħala d-Deċennju dwar il-Bijodiversità;

C.  billi l-bijodiversità hi essenzjali għall-eżistenza tal-ħajja tal-bniedem u l-benessri tas-soċjetajiet, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz tal-ekosistemi li tipprovdi – pereżempju l-benefiċċji li jirriżultaw biss min-netwerk Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea ta' żoni protetti waħedhom huma stmati li jammontaw għal EUR 200–300 biljun, b'total ta' madwar 4,5 sa 8 miljuni impjiegi ekwivalenti full-time li huma sostnuti min-nefqa tal-viżitaturi f'dawn is-siti u madwarhom;

D.  billi t-telf tal-bijodiversità bħalissa qed inaqqas il-PDG globali bi 3 % kull sena;

E.  billi kważi 65 % tat-tipi ta' ħabitat u 52 % tal-ispeċijiet imniżżla fl-Annessi tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għandhom status ta' konservazzjoni mhux favorevoli;

F.  billi 88 % tal-istokkijiet tal-ħut li jiġu maqbuda jaqbżu mill-qabda massima sostenibbli;

G.  billi l-fruntieri tal-Ewropa diġà ġew invażi b'iżjed minn 11 000 speċi aljena, li mill-inqas 15 % minnhom huma invażivi u ta' ħsara għall-bijodiversità;

H.  billi l-bdiewa jwettqu rwol essenzjali fil-kisba tal-objettivi ta' bijodiversità tal-UE; billi fl-1992 ingħata impetu inizjali għall-inkorporazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fil-politika agrikola komuni (PAK), u billi r-riforma tal-2003 sussegwentement introduċiet miżuri bħat-transkonformità, il-pagament uniku lir-razzett (diżakkoppjament) u l-iżvilupp rurali, li huma ta' benefiċċju għall-bijodiversità;

I.  billi l-ħlas għal servizzi ekosistemiċi (PES) hu għodda finanzjarja innovattiva promettenti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

J.  billi l-ħabitats u l-ispeċijiet huma mhedda mill-bidla fil-klima; billi l-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità huma kruċjali għall-mitigazzjoni ta' u għall-adattament għall-bidla fil-klima;

Rimarki ġenerali

1.  Jiddeplora l-fatt li l-UE naqset milli tilħaq l-objettiv tagħha għall-2010 fir-rigward tal-bijodiversità;

2.  Jilqa' u jappoġġja l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE sal-2020, inklużi l-objettivi u l-azzjonijiet tagħha kollha; hu tal-fehma, madankollu, li xi azzjonijiet għandhom jiġu msaħħa u speċifikati b'mod iktar ċar, u li għandhom jittieħdu miżuri iżjed konkreti sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-azzjoni, u l-bżonn li tingħata prijorità politika ogħla lill-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-objettiv ewlieni 2020 għall-bijodiversità u l-impenji tal-bijodiversità globali tal-UE; jenfasizza li, permezz ta' riżorsi finanzjarji adegwati u ta' rieda politika, jeżistu l-għodod biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jenfasizza li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija sfida kollettiva li għandha tiġi trattata bl-impenn u l-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati;

4.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bijodiversità 2020 u jinnota li t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-theddida li ġejja minn speċijiet invażivi u mill-konsum eċċessiv tar-riżorsi naturali huma sfidi transnazzjonali u transreġjonali li jaffetwaw liċ-ċittadini kollha tal-UE, kemm lil dawk li jgħixu f'żoni urbani kif ukoll li dawk li jgħixu f'żoni rurali, u li hemm bżonn li tittieħed azzjoni urġenti f'kull livell tal-gvern, lokali, reġjonali u nazzjonali, biex dawn l-effetti jittaffew;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw, għalhekk, l-istrateġija fil-pjanijiet, programmi u/jew strateġiji nazzjonali tagħhom;

6.  Hu tal-fehma li s-salvagwardji tal-bijodiversità li qegħdin fil-liġi eżistenti tal-UE m'għandhomx jiġu mdgħajfa;

7.  Jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida ma tistax tfalli wkoll; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi lill-Parlament rapporti ta' progress kull sentejn li fihom il-Kunsill u l-Kummissjoni jelaboraw dwar l-istat ta' affarijiet;

8.  Jenfasizza li t-test reali tal-impenn tal-UE għall-kisba tal-mira tal-bijodiversità, u l-punt ewlieni ta' din il-kwistjoni, mhuwiex din l-istrateġija l-ġdida, iżda r-riformi li se jsiru tal-politiki komuni tal-agrikultura u tas-sajd u tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jindika, barra minn hekk, li l-livell inadegwat ta' integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f'politiki oħra tal-UE wassal biex l-ewwel strateġija falliet;

9.  Hu tal-fehma li d-diffikultajiet li jinqalgħu sabiex ikun hemm konformità mal-objettiv għall-2010 jitolbu li ssir reviżjoni sħiħa tal-metodi applikati s'issa; isostni li għandhom jitwettqu l-istudji strateġiċi li jkopru l-fatturi kollha li jistgħu jolqtu ż-żoni protetti, u li dawn l-istudji għandhom jiġi inkorporati fl-ippjanar urban u għandhom jiġu akkumpanjati minn kampanji edukattivi u informattivi dwar l-importanza tar-riżorsi naturali lokali u l-konservazzjoni tagħhom;

10.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità ma jirreferix biss għal speċijiet u ħabitats iżda wkoll għal diversità ġenetika; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika;

11.  Jinnota li l-wirt naturali tagħna huwa patrimonju ekoloġiku prinċipali li huwa fundamentali għall-benesseri tal-bniedem; hu tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw użu aktar effettiv tar-riżorsi naturali u jevitaw telf nett fil-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi taż-żoni kemm rurali kif ukoll urbanizzati;

Objettivi – l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-politiki kollha tal-UE

12.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-politiki kollha l-oħra tal-UE, inklużi dawk dwar l-agrikoltura, il-foresterija, is-sajd, l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, it-turiżmu, il-kooperazzjoni tal-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jagħmlu l-politiki settorjali u baġitarji tal-Unjoni Ewropea aktar koerenti u jiżburaw li dawn jonoraw l-impenji vinkolanti tagħhom dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità;

13.  Jissottolinja li l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-istrateġiji għall-mitigazzjoni u l-adozzjoni għat-tibdil fil-klima;

14.  Ifakkar li l-prinċipju prekawzjonarju jikkostitwixxi bażi legali li għandha tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet kollha li jolqtu l-bijodiversità;

15.  Jenfasizza li l-protezzjoni, il-valorizzazjoni, l-immappjar u r-riabilitazzjoni tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala parti minn miżuri speċifiċi, jikkunsidraw il-preżentazzjoni ta' skeda għall-immappjar u l-valutazzjoni ta' servizzi ekosistemiċi fl-UE li se jippermettu li jittieħdu miżuri mmirati u effiċjenti biex titwaqqaf id-degradazzjoni tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi;

16.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità għandu spejjeż ekonomiċi devastanti għas-soċjetà li s'issa ma ġewx integrati b'mod suffiċċenti fil-politiki ekonomiċi u f'politiki oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jivvaloraw is-servizzi ekosistemiċi u jintegraw dawn il-valuri fis-sistemi ta' kontabilità bħala bażi għal politiki iktar sostenibbli; hu tal-fehm li kwalunkew mudell ekonomiku li ma jirrispettax il-konservazzjoni xierqa tal-bijodiversità mhux vijabbli; jenfasizza wkoll li l-azzjonijiet għar-restawr tal-ekosistemi u tal-bijodiversità għandhom potenzjal sinifikanti li joħolqu ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fid-dettall dwar l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità ta' setturi differenti tal-ekonomija;

18.  Jenfasizza li l-Istrateġija għall-Bijodiversità hija parti mill-inizjattiva emblematika tal-Użu tar-Riżorsi b'Effiċjenza u jfakkar li l-politika reġjonali għandha rwol essenzjali fl-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli tul l-azzjonijiet li tappoġġja sabiex tindirizza il-kwistjonijiet tal-klima, l-enerġija u l-ambjent;

19.  Isostni li numru sinifikanti ta' mard infettiv emerġenti huwa żoonotiku (trasmissibbli fost l-annimali selvaġġi, l-annimali domestiċi u l-bnedmin), u jirrikonoxxi li l-kummerċ fl-annimali selvaġġi kif ukoll bidliet fl-użu u l-ġestjoni tal-art jistgħu jwasslu għal interfaċċji ġodda jew modifikati bejn il-bnedmin, l-annimali domestiċi u l-annimali selvaġġi li jistgħu jiffavorixxu t-trasmissjoni tal-mard u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità fil-politiki tas-saħħa tal-annimali, dawk dwar il-benesseri tal-annimali u dawk kummerċjali hi essenzjali;

20.  Hu tal-fehma, madankollu, li permezz valutazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tista' tkun meħtieġa f'każi fejn ikun hemm nuqqas ta' data;

Il-konservazzjoni u r-restawr tan-natura

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf id-deterjorament fl-istatus ta' kull speċi u ħabitat kopert mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konservazzjoni tan-natura u li jinkiseb titjib fl-istatus tagħhom fil-livell tal-UE; jenfasizza li dan għandu jieħu l-forma ta' titjib f'mill-inqas wieħed mill-parametri għall-istat ta' konservazzjoni kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, mingħajr l-ebda deterjorament fil-parametri l-oħra;

22.  Jistieden lill-Kummisjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex iwettqu strateġiji integrati li jippermettu li jiġu identifikati l-valuri naturali u l-karatteristiċi tal-patrimonju kulturali ta' kull żona ġeografika, kif ukoll tal-kundizzjonijiet neċċessarji għall-manteniment tagħha;

23.  Jenfasizza li l-għanjiet tal-bijodiversità jridu jiġu implimentati permezz ta' azzjoni konkreta biex tkun effettiva; jiddispjaċih li, minkejja l-azzjoni meħuda kontra t-telfien tal-bijodiversità, fl-UE hemm biss 17 % tal-ħabtitats u l-ispeċijiet u 11 % tal-ekosistemi ewlenin protetti taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'mod urġenti, tanalizza għaliex l-isforzi attwali għadhom ma rnexxewx u tqis jekk hemmx strumenti oħra potenzjalment aktar effettivi li huma disponibbli;

24.  Jenfasizza li sabiex tiġi stabbilita triq ċara għall-kisba tal-viżjoni 2050, mill-inqas 40 % tal-ħabitats u l-ispeċijiet kollha għandhom ikunu fi status ta' konservazzjoni favorevoli sal-2020; ifakkar li sal-2050, 100 % (jew kważi 100 %) tal-ħabitats u l-ispeċijiet kollha għandhom ikunu fi status ta' konservazzjoni favorevoli;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-deterjorament dejjem akbar tal-ħabitats essenzjali, bħall-artijiet mistagħdra, li għandhom jingħataw attenzjoni prijoritarja permezz ta' miżuri urġenti li jikkorrispondu realment mal-istatus ta' protezzjoni speċjali mogħti lilhom mill-UE;

26.  Jirrikonoxxi li l-bini tal-infrastrutturi, l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni u l-interventi fiżiċi fil-pajsaġġ b'mod ġenerali, huma fost affarijiet oħra, l-istimoli l-aktar sinifikanti tal-frammentazzjoni tal-ekosistemi u tal-ħabitats; jitlob lill-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, fil-kuntest tar-regolamenti ta' ppjanar u tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom u fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, biex jikkunsidraw dawn il-fatturi li huma ta' theddida għall-ekosistemi u għall-ħabitats fil-proġetti tagħhom ta' ppjanar u ta' żvilupp, kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira; jirrikonoxxi l-pressjonijiet u l-bżonnijiet li jeżistu fil-livelli lokali u reġjonali biex jiġi pprovdut żvilupp ekonomiku sostanzjali, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippruvaw isibu bilanċ bejn l-iżvilupp u l-bżonn tal-ħarsien tal-bijodiversità u l-ħabitats naturali; jappoġġa riformi ulterjuri u l-użu ta' politiki ta' żvilupp reġjonali u lokali sabiex jitwasslu l-benefiċċji tal-bijodiversità u jitwaqqaf it-telf ta' aktar ħabitats, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u finanzjarja;

27.  Jappoġġja t-tisħiħ tal-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (VIA), tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibilità (VIS), tal-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi (VAS) u ta' strumenti oħra sabiex jitqiesu t-telf tal-bijodiversità u l-effetti tat-tibdil fil-klima fit-teħid ta' deċiżjonijiet reġjonali u lokali; jinnota li r-reġjuni kollha se jibbenefikaw minn proġetti li jippromwovu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni mit-telf tal-bijodiversità, inklużi reġjuni anqas żviluppati;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċess biex jiġu stabbiliti s-siti Natura 2000 jiġi finalizzata sal-2012 skont il-mira Aichi 11; jiddeplora bil-kbir id-dewmien fil-proċess biex jiġu stabbiliti siti marittimi; jinsab imħasseb dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kaċċa fid-Delta ta' Danubju u l-impatt negattiv possibbli fuq il-bijodiversità; jitlob lill-Kummissjoni li tivverifika li l-Istati Membri qed jimplimentaw l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Għasafar (2009/147/KE(5)), b'mod partikolari fir-rigward tal-kaċċa,

29.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiżdidu l-isforzi għall-protezzjoni tal-oċeani u l-ambjenti marittimi, kemm permezz ta' azzjoni tal-UE u ukoll bit-titjib tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u żoni lil hinn minn ġurisdizzjoni nazzjonali;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw l-iskadenzi legali għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni jew ta' strumenti ekwivalenti għas-siti Natura 2000 kollha, kif stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE(6));

31.  Jemmen li kooperazzjoni transkonfinali aħjar jista' jkollha benefiċċji sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet Natura 2000; jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tal-bijodiversità u r-riżorsi naturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-opportunitajiet offruti mill-kooperazzjoni transkonfinali, interreġjonali u transnazzjonali fl-indirizzar tal-problema tat-telf tal-bijodiversità, u jemmen li użu aħjar tal-potenzjal ta' kooperazzjoni territorjali u skambji ta' informazzjoni, esperjenza kif ukoll prattiki tajba jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kisba ta' dan l-objettiv; jinnota li l-inklużjoni ta' prijoritajiet marbuta mal-bijodiversità fil-makrostrateġiji reġjonali hija pass importanti “l quddiem lejn ir-restawr u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-konservazzjoni xierqa tan-Netwerk Natura 2000 permezz ta' finanzjament adegwat għal dawk is-siti; jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jiżviluppaw strumenti nazzjonali vinkolanti b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati differenti, li permezz tagħhom jiddefinixxu miżuri prijoritarji ta' konservazzjoni u jiddikjaraw is-sorsi relevanti pjanati ta' finanzjament (kemm minn fondi tal-UE kif ukoll mill-baġits tal-Istati Membri stess);

33.  Huwa tal-fehma li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari dwar in-natura, għandu jitjieb;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tad-differenzi enormi bejn l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' Natura 2000, biex tipprovdi iżjed kjarifika jew gwida meta meħtieġ, fuq il-bażi tal-aħjar prassi; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi gwida jew taqsam l-aħjar prattiki għall-ġestjoni taż-żoni li jagħmlu mas-siti Natura 2000;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid il-kapaċità biex tipproċessa u tinvestiga effettivament l-ilmenti u l-ksur marbut mal-implimentazzjoni xierqa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, u tiżviluppa gwida xierqa għall-Istati Membri fir-rigward tal-monitoraġġ fil-post tal-implimentazzjoni ta' dawk id-direttivi; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tinkorpora miżuri li jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar konġunt tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats fil-ħidma kurrenti tiegħu dwar l-implimentazzjoni mtejba u l-ispezzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali; iqisha bħala ħaġa essenzjali, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri(7), li jissaħħaħ in-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirraporta dwar metodi possibbli biex dan isir, inkluż l-vijabilità li tiġi stabbilita forza ta' spezzjoni ambjentali tal-UE, u biex tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali;

36.  Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar programmi ta' taħriġ għal imħallfin u prosekuturi; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali programmi ta' taħriġ ikunu disponibbli wkoll għal professjonisti li jitrattaw mas-siti Natura 2000, pereżempju l-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli għall-infurzar tal-liġi u korpi amministrattivi oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;

37.  Iqis li jeħtieġ li jkun hemm mapep diġitali u aċċessibbli b'informazzjoni preċiża dwar ir-riżorsi naturali prinċipali, iż-żoni protetti, l-użu tal-art, massa tal-ilma u żoni fil-periklu sabiex jagħmluha faċli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jwettqu l-leġiżlazzjoni ambjentali, speċjalment dik relatata mal-bijodiversità;

38.  Jinnota l-kuxjenza pubblika limitata fl-UE dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ispejjeż ambjentali u soċjo-ekonomiċi severi assoċjati mat-telfien tagħha; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija ta' komunikazzjoni iżjed komprensiva skont il-Mira Aichi 1;

39.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jnedu kampanja kbira ta' komunikazzjoni għal Natura 2000 sal-2013, biex titjieb l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE għall-ħarsien ambjentali u tiġi promossa l-koeżistenza tal-ħarsien ambjentali, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-iżvilupp soċjali bħala prinċipji ugwali u mhux kontradittorji; jitlob, għal dan l-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u tqassim ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar il-vijabbiltà ta' żvilupp ekonomiku bla ħsara għall-ambjent f'żoni ta' wirt naturali u kulturali importanti bħal dawk li jappartjenu għan-netwerk Natura 2000;

40.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu organizzati kampanji ta' għarfien u informazzjoni dwar il-bijodiversità għall-etajiet u l-kategoriji soċjali kollha, bil-fehim li qabel kollox għandha titqajjem kuxjenza fl-iskola fost it-tfal u l-adolexxenti li huma mħassbin b'mod partikolari dwar dan is-suġġett; hu tal-fehma li l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, b'mod partikolari fil-biedja, fil-forestrija u s-setturi relatati, għandhom jiffukaw aktar fuq ir-rwol tal-bijodiversità.

41.  Jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom rwol importanti xi jwettqu fil-ħarsien tal-bijodiversità billi jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, filwaqt li jieħdu azzjoni fil-post u jqajmu l-kuxjenza pubblika;

42.  Jirrakomanda t-tkabbir tal-governanza lejn mobilizzazzjoni taċ-ċittadini, iżda wkoll lejn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u lill-atturi ekonomiċi, filwaqt li l-enfasi, għal dawn tal-aħħar, ikun fuq l-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-istrateġiji tal-kumpaniji; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mis-settur volontarju u komunitarju favur il-ħarsien tal-bijodiversità u l-valur u l-għarfien ta' dan is-settur, u jitlob lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jinvolvu lil dawn il-gruppi fl-ippjanar u fil-konsultazzjoni ta' proġetti, billi jistabbilixxu sħubijiet bejn l-awtoritajiet, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

43.  Jirrikonoxxi l-importanza kbira li tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-atturi lokali u l-amministraturi diretti tat-territorju kkonċernat, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi akbar f'dan ir-rigward, filwaqt li tagħti attenzjoni lill-esperjenza u l-għarfien speċjali li jistgħu jikkontribwixxu dawn l-atturi fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni, bil-għan li tiġi żgurata kundizzjoni tajba tal-ħabitats li fihom il-bijodiversità li nixtiequ nippreservaw fl-UE;

44.  Isostni li waħda mir-raġunijiet għaliex ma rnexxilniex inreġġgħu lura t-tendenza kontinwa tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema b'mod globali hija li ma nifhmux sew il-kumplessità tal-bijodiversità u l-interazzjonijiet tal-komponenti tagħha ma' xulxin u mal-ambjent ħaj, inkluż il-valur tal-bijodiversità għal ġenerazzjonijiet attwali u futuri tal-bniedem; itenni li x-xjenza tal-bijodiversità hija s-sinsla neċessarja għal kwalunkwe tip ta' implimentazzjoni tal-politika;

45.  Jenfasizza, għaldaqstant, il-bżonn li jsir iktar investiment fir-riċerka dwar il-bijodiversità, inkluż f'rabta ma' waħda jew iktar “mill-isfidi tas-soċjetà” indirizzati mill-Horizon 2020, sabiex biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-politika ta' riċerka; iqis li tali żieda fil-fondi għar-riċerka tal-bijodiversità tista' tinkiseb bil-mezzi eżistenti ġenerali minħabba r-rata baxxa ta' assorbiment tagħhom; jemmen, min-naħa l-waħda, li r-riċerka tista' twassalna biex ikollna għarfien aktar wiesa' tal-bijodiversità u tal-importanza tagħha għall-aspetti kollha tal-attivitajiet tal-bniedem, u, min-naħa l-oħra, li se tikkontribwixxi, permezz ta' kunċetti innovattivi, għal strateġiji ta' ġestjoni u politiki ġodda u mtejbin kif ukoll strategiji ta' ġestjoni u żvilupp fuq in-naħa l-oħra;

46.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ ta' riċerka multidixxiplinari u transkonfinali fir-rigward tal-bijodiversità, billi hija konnessa b'mod inerenti ma' oqsma bħall-ekoloġija, il-ġenetika, l-epidemjoloġija, ix-xjenza tal-klima, l-ekonomija, l-antropoloġija soċjali, l-immudellar teoretiku; jenfasizza l-bżonn ta' politiki bbażati fuq ix-xjenza fil-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, b'mod speċjali fl-oqsma ekonomiċi u soċjali vitali tal-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija;

47.  Iqisha bħala ħaġa essenzjali li d-data xjentifika disponibbli dwar il-bijodiversità, l-eżempji tal-aħjar prattiki biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u r-restawr tal-bijodiversità, u informazzjoni dwar il-potenzjal tal-innovazzjoni u l-iżvilupp ibbażati fuq in-natura, ikunu aktar magħrufa u kondiviżi fost dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati ewlenin, u li l-ICT għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' opportunitajiet u għodod ġodda; jilqa“, għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni stabiliet Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE, u jħeġġiġha tkompli tiżviluppa l-Pjattaforma u tippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-amministrazzjoni u n-negozji fl-Ewropa, inklużi l-l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

48.  Jitlob li l-portall tal-Internet tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa (BISE) ikun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jikkontribwixxi għall-kondiviżjoni ta' data u informazzjoni;

Iż-żamma u r-riabilitazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom

49.  Jinnota l-ħtieġa fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika biex 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu riabilitati sal-2020; iqis dan bħala minimu, madankollu, u jixtieq li l-UE tistabbilixxi mira ta' restawr konsiderevlment ogħla li tirrifletti l-mira ewlenija iktar ambizzjuża tagħha stess u l-viżjoni tagħha għall-2050 b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet naturali speċifiċi għal kull pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar dak li huwa mfisser minn “ekosistemi degradati” u tistabbilixxi bażi biex ikun jista' jitkejjel magħha l-progress li jsir;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sa mhux aktar tard mill-2012, bil-ħarsien tal-bijodiversità bħala objettiv primarju; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tindirizza l-objettivi relatati maż-żoni urbani kif ukoll rurali, inter alia sabiex tissodisfa aħjar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;

51.  Jiddeplora l-fatt li l-iżvilupp tal-Istrateġija għall-Infrastruttura l-Ħadra tal-Kummissjoni huwa ppjanat biss għall-2012, filwaqt li l-kurituri tal-enerġija u tat-trasport diġà ġew identifikati fil-proposta għal Pakkett Ewropew għall-Infrastruttura; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taċċelera l-ħidma fuq l-Istrateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika u tiżgura li l-Mira Nru 2 proposta tintlaħaq; jaqbel li s-sinerġiji bejn il-proġetti tal-enerġija, it-trasport u l-ICT għandhom jiġu massimizzati sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità, u li dawk l-azzjonijiet biss li huma konformi mal-liġi tal-UE u mal-politiki relevanti tal-Unjoni għandhom jirċievu finanzjament mill-UE;

52.  Jenfasizza li l-ħolqien tal-ambjenti naturali m'għandux ikun limitat għaż-żoni magħżula biss, imma għandu jitħeġġeġ f'postijiet differenti, pereżempji fil-bliet, matul l-awtostradi u t-toroq ferrovjarji u f'siti industrijali, sabiex tiġi żviluppata infrastruttura verament ekoloġika;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas regolatorju effettiv ibbażat fuq l-inizjattiva ta' “ebda telf nett”, li tikkunsidra l-esperjenza eżistenti tal-Istati Membri filwaqt li tuża wkoll l-istandards applikati mill-Programm ta' Kumpens tan-Negozju u l-Bijodiversità; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi applikat dan l-approċċ għall-ħabitats u l-ispeċijiet kollha tal-UE mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddedika attenzjoni partikolari lil speċijiet u ħabitats li l-“funzjonijiet” tagħhom huma ta' valur ekonomiku imprezzabbli, peress li l-isforzi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-futur ser ikunu diretti lejn dawk l-oqsma li fuq perjodu ta' żmien qasir ser jipproduċu benefiċċji ekonomiċi, jew ikunu mistennija li jagħmlu hekk;

55.  Jirrikonoxxi li s-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistemi jipprovdu benefiċċji mhux monetarji sinifikanti għall-industriji u għal atturi ekonomiċi oħra; jistieden lill-organizzazjonijiet li jirrappreżentaw is-settur privat biex jippreżentaw proposti kif inhu l-aħjar mod biex il-bijodiversità tiġi ppreservata u rrestawrata fuq skala sinifikanti;

56.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tkun promossa l-infrastruttura ekoloġika, l-ekoinnovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi sabiex tinħoloq ekonomija aktar ekoloġika, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal gwidi prattiki tajba f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-istudju tal-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB), li huwa maħsub bħala għodda ta' konsulenza utli għal dawk li jfasslu l-politika lokali u reġjonali, l-amministraturi u l-meniġers; jenfasizza l-ħtieġa li jespandi u jintensifika t-taħriġ għall-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u għall-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali kumplessa immirata biex tipproteġi n-natura u żżid l-għarfien dwar l-importanza tat-telf tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi ta' assistenza teknika mfassla biex jippromwovu l-għarfien fil-livell reġjonali u lokali dwar problemi marbuta mal-implimentazzjoni;

L-agrikoltura

57.  Ifakkar li aktar minn nofs it-territorju Ewropew huwa ġestit mill-bdiewa, li r-raba' jagħti servizzi ekosistemiċi importanti u għandu valur soċjoekonomiku konsiderevoli, u li l-finanzjament għall-PAK jirrappreżenta parti sinifikanti mill-baġit tal-UE; jenfasizza li l-PAK mhix marbuta mal-miri tad-disponibilità tal-ikel u l-iżvilupp rurali, imma hija għodda kruċjali tal-bijodiversità, il-konservazzjoni, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u ż-żamma tas-servizzi ekosistemiċi; jinnota li l-PAK diġà tinkludi miżuri mmirati lejn il-protezzjoni ambjentali, bħad-diżakkoppjament, it-transkonformità u miżuri agroambjentali; jiddispjaċih, madankollu, li dawn il-miżuri s'issa ma rnexxilhomx iwaqqfu t-tnaqqis ġenerali fil-bijodiversità fl-UE u li l-bijodiversità tal-raba' tinsab fi stat kontinwu ta' tnaqqis; jitlob, għalhekk, għal orjentament mill-ġdid tal-PAK lejn il-provvista ta' kumpens għall-bdiewa għat-twassil tal-prodotti pubbliċi, peress li s-suq bħalissa mhux qed jirnexxielu jintegra l-valur ekonomiku tal-prodotti pubbliċi li l-agrikoltura tista' twassal;

58.  Jenfasizza l-konnessjoni bejn il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità bħala element essenzjali għall-manteniment tal-ħajja u għall-iżvilupp sostenibbli;

59.  Jenfasizza n-neċessità li nimxu mill-approċċ iffukat fuq il-mezzi għal wieħed li jiffoka fuq ir-riżultati sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-istrumenti implimentati;

60.  Jitlob li l-Pilastru I tal-PAK jitħaddar sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-pajsaġġ usa' tal-art li tintuża għall-agrikoltura, titjieb il-konnettività u din tiġi adattata għall-effetti tal-bidla fil-klima; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK li tipprovdi għal “tħaddir” tal-PAK permezz tal-allokazzjoni tal-pagamenti tal-Pilastru I għal pakkett ta' prattiki tajba bażiċi applikati fil-livell tal-irziezet, li jinkludu n-newba u d-diversifikazzjoni tal-għelejjel, il-mergħat permanenti u “żona b'fokus ekoloġiku” minima; jenfasizza li tali miżuri ekoloġiċi għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu u m'għandhomx joħolqu burokrazija mhux neċessarja; ittenni t-talba tiegħu għal appoġġ fuq bażi taż-żona għan-netwerk Natura 2000 taħt skemi ta' pagamenti diretti; jemmen li prattiki agrikoli effiċjenti bħala riżorsi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima se jiżguraw kemm is-sostenibilità tan-negozji agrikoli u s-sikurezza għaż-żmien twil tal-ikel, u jirrikonoxxi li l-PAK għandu jkollha rwol sinifikanti biex jinkiseb dan;

61.  Jitlob li l-prattiki ta' “tħaddir” ikunu mmirati lejn id-diversità agrikola fid-diversi Stati Membri, waqt li titqies, pereżempju, is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi Mediterranji, li mhix indirizzata bil-limiti proposti rigward id-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-art ta' importanza ekoloġika; jinnota li l-għelejjel miġbura, l-għelejjel permanenti (l-imsaġar taż-żebbuġ, id-dwieli, l-imsaġar tat-tuffieħ) u l-għelejjel tar-ross huma xi eżempji ta' prattiki li għandhom ikunu kompatibbli mat-“tħaddir”, minħabba l-valur għoli ekoloġiku u ta' konservazzjoni ta' xi wħud minn dawn is-sistemi agrikoli;

62.  Isostni li l-għajnuna għal atturi pubbliċi u privati li jaħdmu biex jipproteġu l-bijodiversità fil-foresti f'dak li jikkonċerna speċijiet, ħabitats u servizzi ekosistemiċi għandha tiżdied fil-PAK il-ġdida, u l-eliġibbiltà għandha tiġi estiża wkoll għal żoni ta' kollegament ta' siti ta' Natura 2000;

63.  Jitlob biex il-pagamenti kollha tal-PAK, inklużi dawk li jsiru mill-2014, jiġu sostnuti minn regoli sodi ta' kundizzjonalità li jgħinu biex jiġu konservati l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosisteama, li jkopru d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (mingħajr ma jdgħajfu l-istandards attwali mill-2007 sal-2013), il-leġiżlazzjoni dwar il-pesitiċidi u l-bijoċidi u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(8); jitlob regoli sempliċi u trasparenti għal dawk affettwati;

64.  Jitlob fl-Istati Membri kollha tal-UE għat-tisħiħ tal-Pilastru II u għal titjib drastiku fl-enfasi ta' dak il-pilastru fuq l-ambjent u fl-effikaċja tal-miżuri agroambjentali tiegħu, inkluż permezz ta' nfiq obbligatorju minimu fuq miżuri ambjentali – bħall-miżuri agroambjentali, Natura 2000 u l-miżuri ambjentali tal-foresti – u l-appoġġ għall-Valur Naturali Għoli u l-biedja organika; jissottolinja li l-miżuri ambjentali taħt iż-żewġ pilastri għandhom jinfurzaw lil xulxin b'mod reċiproku;

65.  Jirrikonoxxi r-rapport kritiku mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-iskemi agriambjentali; jinnota li bit-EUR 22.2 biljun disponibbli għall-2007–2013 intlaħqu għanijiet ambjentali limitati ħafna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sussidji agriambjentali tal-futur jiġu approvati biss taħt kriterji ambjentali stretti;

66.  Jiġbed attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fid-domanda għall-karburanti agrikoli u l-intensifikazzjoni konsegwenti tal-pressjoni għall-produzzjoni tagħhom f'pajjiżi li qed jiżviluppaw qiegħda thedded il-bijodiversità, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba d-degradazzjoni u l-konverżjoni ta' ħabitats u ekosistemi bħalma huma artijiet mistagħdra u foresti, fost oħrajn;

67.  Hu tal-fehma li għandha tissaħħaħ l-ispezzjoni tal-prattiki agrikoli sabiex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità; isostni, b'mod partikolari, li r-rimi tad-demel għandu jkun ikkontrollat u saħansitra pprojbit fiż-żoni l-aktar sensittivi għall-konservazzjoni tal-ekosistemi;

68.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw il-fenomenu tal-abbandun tal-art li qed iseħħ f'xi partijiet tal-Ewropa, tiġi appoġġjata ż-żamma mmirata tal-bijodiversità u tiġi evitata d-deżertifikazzjoni filwaqt li jiġu pprovduti opportunitajiet soċjoekonomiċi ġodda għall-iżvilupp; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tiġi rrispettata s-sjieda tal-art eżistenti; jenfasizza wkoll li l-bdiewa Ewropej għandhom rwol importanti bħala “gwardjani” tal-pajsaġġ;

69.  Iwissi dwar il-fatt li speċijiet u ħabitats varji ta' valur għoli ħafna minn perspettiva ta' konservazzjoni, inklużi dawk protetti bil-leġiżlazzjoni tal-UE, huma dipendenti fuq is-sistemi ambjentali agrikoli li fihom il-preżenza tal-bniedem hija fattur ewlieni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jitwaqqaf u jiġi riversat l-abbandun tal-art; jappoġġja sostenn miżjud għall-biedja ta' daqs żgħir u medju, għall-biedja ibbażata fil-familja u għall-biedja estensiva, li jippromwovu il-konservazzjoni xierqa tar-riżorsi naturali;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-riforma l-ġdida tal-PAK, biex iżżid l-isforzi tagħha fl-appoġġ tas-setturi agrikoli li jagħtu kontribuzzjoni ppruvata għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, u b'mod partikolari s-settur tat-trobbija tan-naħal; jindika li l-insetti selvaġġi u domestiċi bħan-naħal jikkontribwixxu għal 80 % tad-dakkir tal-pjanti li jagħtu l-fjuri, u li t-tnaqqis li qed jheddidhom jirrapreżenta sfida kbira għas-soċjetajiet tagħna fejn il-produzzjoni agrikola, u b'hekk l-ikel, jiddependu sew mid-dakkir tal-pjanti tal-fjuri; jisħaq, għaldaqstant, li l-apikultura għandha tkun l-oġġett ta' attenzjoni partikolari fil-miżuri li ser jittieħdu għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

71.  Jenfasizza l-importanza li jieqaf u jiġi riversat it-tnaqqis tad-diversità tal-ispeċijiet u l-varjetajiet tal-għelejjel, ħaġa li qed twassal għal tgħawwir tal-bażi ġenetika li fuqha tiddependi n-nutrizzjoni tal-bniedem u l-annimali; jirrakkomanda l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-użu ta' varjetajiet agrikoli tradizzjonali partikolari għal ċerti reġjuni; jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni u inċentivi xierqa għall-manutenzjoni u aktar żvilupp tad-diversità fir-riżorsi ġenetiċi fl-irziezet, eż. razez u varjetajiet adattati lokalment;

72.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni aktar effettiva fil-livell Ewropew rigward ir-riċerka xjentifika u f'dik applikata fuq id-diversità tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti u l-annimali sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom, titjieb l-abilità tagħhom biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jiġi promoss użu xieraq fil-programmi ta' titjib ġenetiku;

Il-forestrija

73.  Jitlob li ssir azzjoni speċifika bil-għan li tintlaħaq il-Mira Aichi 5, li tirrikjedi li r-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi foresti, titnaqqas almenu bin-nofs sal-2020 u, meta jkun fattibbli, tinġieb viċin għal żero, u d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

74.  Jistenna lill-Kummissjoni, malli jitlesta l-istudju dwar l-impatti tal-konsum Ewropew fuq id-deforestazzjoni, biex issegwi is-sejbiet tiegħu b'inizjattivi ta' politika ġodda biex jindirizzaw l-impatti identifikati;

75.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni ta' foresta, filwaqt li jikkunsidraw konsultazzjoni pubblika xierqa, inklużi miżuri effettivi għall-konservazzjoni u l-irkupru ta' speċijiet u ħabitats protetti, u servizzi ekosistemiċi marbuta;

76.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, inter alia permezz tal-użu ta' miżuri ta' żvilupp rurali u l-programm LIFE+; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri speċjali dwar il-bijodiversità fi pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, speċjalment miżuri speċifiċi għall-konservazzjoni ta' speċijiet protetti u ħabitats naturali, sabiex jitjieb l-istat tagħhom, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn miż-żoni ta' Natura 2000;

77.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu l-politika tal-forestrija tagħhom b'tali mod li tkun ikkunsidrata bis-sħiħ l-importanza tal-foresti għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, is-sekwestru tal-karbonju u l-purifikazzjoni tal-arja u biex jiġi ppreservat iċ-ċiklu tal-ilma;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskemi ta' prevenzjoni tan-nierien fil-foresti fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti tagħhom jinkludu miżuri bbażati fuq l-ekosistemi biex iżidu r-resistenza tal-foresti kontra n-nirien;

Is-sajd

79.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PKS, li għandha tiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku u l-applikazzjoni ta' informazzjoni xjentifika aġġornata li sservi bħala bażi għall-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul għall-ispeċijiet kollha ta' ħut sfruttati għal skopijiet kummerċjali; jenfasizza li huwa biss billi tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut nistgħu niżguraw il-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tas-sajd Ewropew;

80.  Jenfasizza li l-ebda pajjiż wieħed ma jista' jitratta l-problema tat-telf tal-bijodiversità, b'mod partikolari fl-ekosistemi marittimi, u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jridu jikkooperaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom b'mod aktar effettiv biex jindirizzaw din il-kwistjoni globali; jenfasizza li kemm is-soċjetà u kif ukoll l-ekonomija jibbenefikaw minn implimentazzjoni sħiħa ta' politika dwar il-bijodiversità;

81.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw żoni tal-baħar protetti li fihom l-attivitajiet ekonomiċi, inkluż is-sajd, ikunu soġġetti għal ġestjoni msaħħa bbażata fuq l-ekosistema, u b'hekk tkun possibbli r-rikonċiljazzjoni bejn il-konservazzjoni tal-ambjent mal-prattika tas-sajd sostenibbli;

82.  Jenfasizza li għad hemm differenzi kbar fl-għarfien dwar l-istat tal-ekosistemi marini u r-riżorsi tas-sajd, u jitlob li jsiru iżjed sforzi mill-UE fil-qasam tar-riċerka marina;

83.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom fil-ġbir ta' data xjentifika dwar il-popolazzjonijiet tal-ħut, fejn dawn huma nieqsa, bl-għan li jiġi offrut parir xjentifiku aktar affidabbli;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw bil-ħsieb li titwaqqaf “gwardja kostali Ewropea” sabiex tingħata spinta lill-kapaċità ta' monitoraġġ u ta' spezzjoni komuni u sabiex jiġi żgurat l-infurzar;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġi żgurat li l-qbid tal-ħut jaqa' taħt il-livelli ta' Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) sal-2015, u biex iqisu l-konsiderazzjonijiet ekoloġiċi fid-definizzjoni ta' MSYs; jenfasizza, għalhekk, li nuqqas ta' data xjentifika adegwata m'għandux jintuża bħala skuża għal nuqqas ta' azzjoni, u li f'tali ċirkostanzi r-rati tal-mortalità mis-sajd għandhom jitnaqqsu fuq bażi prekawzjonarja; ifakkar fl-obbligu legali - kif stabbilit fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima(9) - li jiġi żgurat li l-istokkijiet tal-ħut kollha sfruttati għal skopijiet kummerċjali jkunu fil-limiti bijoloġiċi ta' sigurtà sal-2020.

86.  Jindika li l-impenn biex l-istokkijiet tal-ħut sal-2015 jinżammu jew jinġiebu lura għal livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY, kif jipprevedi l-pakkett ta' riforma tal-PKS propost mill-Kummissjoni, ġie approvat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' Johannesburg fl-2002;

87.  Jenfasizza li l-ġestjoni tas-sajd għandha tikkontribwixxi ħalli jintlaħaq stat ta' konservazzjoni favorevoli skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u b'hekk jintlaħaq l-għan ta' Status Ambjentali Tajjeb (GES) skont l-MFSD; jenfasizza li l-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul għandhom ikunu bbażati fuq diversi speċijiet pjuttost milli bbażati fuq speċi waħda, b'kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha tal-popolazzjoni tal-ħut – b'mod partikolari id-daqs, l-età u l-istatus riproduttiv – sabiex jirriflettu aħjar approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, u li għandhom jiġu stipulati skedi stretti għall-iżvilupp tagħhom;

88.  Jenfasizza li l-PKS il-ġdida u l-miżuri sussegwenti kollha adottati mill-Istati Membri jridu jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2009/147/KE u d-Direttiva 2008/56/KE;

89.  Jenfasizza li l-għan tal-eliminazzjoni tar-rimi ta' speċijiet fl-objettiv inqas ta' valur u qabdiet sekondarji ta' speċi protetti mhux fl-objettiv, inklużi ċetaċji, fkieran tal-baħar u għasafar tal-baħar, għandu jiġi inkorporat fil-PKS u implimentat bħala kwistjoni urġenti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-PKS il-ġdida għandha tinkludi obbligu ċar li speċijiet mhux fl-objettiv bi probabbiltà kbira li jgħixu jiġu rilaxxati;

90.  Jirrimarka li l-miżuri mmirati lejn l-eliminazzjoni tar-rimi ta' ħut żgħir u ta' daqs żgħir jew qbid “il fuq mill-kwota għandhom jitfasslu b'tali mod li jevitaw li jipprovdu kwalunkwe inċentiv ħażin għall-ħatt u l-kummerċjalizzazzjoni tar-rimi;

91.  Jenfasizza li l-miri u l-iskedi għandhom jiġu stipulati għat-tnaqqis tal-kapaċità żejda sabiex ikun jista' jintlaħaq tnaqqis nett tal-kapaċità tal-flotta;

92.  Jinnota li l-bijodiversità tal-ambjent marittimu hija pperikolata b'mod serju mis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) u jenfasizza li l-kooperazjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi għandha tissaħħaħ sabiex jiġi miġġieled is-sajd IUU;

93.  Jinnota li l-istabbiliment ta' riżervi tas-sajd (żoni li fihom l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jkunu pprojbiti jew ristretti) huwa miżura partikolarment effettiva u kosteffikaċi biex tinkiseb il-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jistabbilixxu riżervi tas-sajd u jistipulaw ir-regoli ta' ġestjoni li għandhom jiġu stabbiliti fihom, b'enfasi partikolari fuq inħawi ta' żvilupp jew żoni fejn ibid il-ħut għall-istokkijiet tal-ħut;

94.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi affidabbli tas-sostenibbiltà ambjentali, inkluża s-sostenibilità marittima u tal-kosta, sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' progress lejn il-mira ġenerali ta' protezzjoni tal-bijodiversità;

L-ispeċijiet aljeni invażivi

95.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri li jittieħdu jipprevjenu kemm id-dħul ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda fl-UE kif ukoll il-firxa ta' speċijiet aljeni invażivi stabbiliti f'żoni ġodda; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm linji gwida ċari skont it-termini tar-Regolament tal-Iżvilupp Rurali tal-PAK biex jiżguraw li l-afforestazzjoni ma tkunx ta' ħsara għall-bijodiversità u biex tiġi evitata l-provvista ta' appoġġ finanzjarju għat-taħwil ta' speċijiet aljeni u invażivi; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm strateġiji ambizzjużi u inventarji aġġornati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri; hu tal-fehma li dawk l-istrateġiji m'għandhomx jiffokaw biss fuq dawk l-ispeċijiet li huma meqjusa “prijorità”, kif issuġġerit fil-Mira 5 tal-Istrateġija għall-Bijodiversità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li ttejjeb il-bażi tal-għarfien, biex tappoġġja attivitajiet simili għal dawk appoġġjati fl-ambitu tal-proġett DASIE (Delivering Alien Invasive Species Inventories for Europe);

96.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2012 tippreżenta proposta leġiżlattiva li tadotta approċċ olistiku rigward il-problema ta' speċijiet aljeni invażivi ta' pjanti u annimali sabiex tiġi stabbilita politika komuni tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-monitoraħħ, il-qerda u l-ġestjoni ta' dawn l-ispeċijiet u dwar sistemi ta' twissija bikrija f'dan il-qasam;

97.  Jirrikonoxxi li l-prevenzjoni hija aktar kosteffikaċi u mixtieqa mil-lat ambjentali minn miżuri meħuda wara li speċi aljena invażiva tkun diġà ġiet introdotta u tkun saret stabbilita; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, kif appoġġjat mill-appoġġ ġerarkiku għal tali speċijiet adottat fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

98.  Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li l-kummerċ ta' speċijiet mhedda – inklużi fil-lista l-ħamra mħejjija mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura – ikun suġġett għal restrizzjonijiet miżjuda u, b'mod partikolari, regolazzjoni stretta; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jirrapurtaw b'mod regolari dwar l-importazzjoijiet ta' speċijiet eżotiċi u mhux nativi u biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar iż-Żoos(10); jitlob lill-Kummissjoni tevalwa u tagħmel proposti għal projbizzjoni fuq annimali maqbuda fis-selvaġġ għall-kummerċ tal-annimali domestiċi;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota tal-istrateġiji nazzjonali u l-pjani ta' azzjoni eżistenti, u tiżgura li l-ħabitats f'għamla ta' gżejjer jingħataw kunsiderazzjoni proporzjonali fir-Regolament dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi li għad irid jitfassal;

It-tibdil fil-klima

100.  Ifakkar l-interkonnessjonijiet bejn il-bijodiversità u s-sistema tal-klima; hu konxju mill-impatti negattivi sinifikattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità u jenfasizza l-fatt li t-telf tal-bijodiversità kulma jmur jagħmel iktar sever t-tibdil fil-klima a minħabba d-degradazzjoni tal-bir tal-karbonju provdut mill-ambjent naturali; jenfasizza l-urġenza għall-ħarsien tal-bijodiversità, inter alia bħala mezz li jitnaqqas it-tibdil fil-klima u jinżammu bjar ta' karbonju naturali;

Id-dimensjoni internazzjonali

101.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya sabiex l-Unjoni tkun tista' tirratifika l-Protokoll malajr kemm jista' jkun;

102.  Jenfasizza li, minħabba n-natura globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi u r-rwol kruċjali tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi globali tal-iżvilupp sostenibbli, l-istrateġija tal-UE għandha żżid ukoll l-isforzi biex tevita t-telf fil-bijodiversità u b'hekk tikkontribwixxi b'mod aktar effettiv biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

103.  Hu tal-fehma li l-konservazzjoni tal-bijodiversità marittima għandha tiġi indirizzata fl-ogħla livell fis-Samit Rio+20 li se jsir f'Rio de Janeiro f'Ġunju tal-2012;

104.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Diċembru 2011 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU mmirata lejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sajd dinji(11), li tenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi urġenti biex jinkiseb użu sostenibbli tal-oċeani u tal-ibħra tad-dinja;

105.  Jilqa' l-pjan, ippreżentat f'Novembru 2011, żviluppat minn erba' aġenziji tan-NU (il-UNESCO, il-FAO, il-UNDP u l-IMO) biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jġeddu l-impenn tagħhom li jillimitaw id-degradazzjoni tal-oċeani u jitrattaw theddid bħall-isfruttar żejjed tas-sajd, it-tniġġis u t-tnaqqis tal-bijodiversità;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu approċċ komuni għall-konservazzjoni tan-natura fl-UE kollha, jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li teħtieġ tikkoopera mal-Istati Membri biex tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej tal-UE, li fihom jgħixu aktar speċijiet endemiċi milli jinsabu fil-kontinent Ewropew kollu; jixtieq li jara t-tisħiħ tal-istrumenti speċifiċi maħsuba għas-salvagwardja u l-protezzjoni tal-bijodiversità f'dawn it-territorji, b'mod partikolari l-azzjoni preparatorja BEST (il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi fit-Territorji tar-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej) appoġġjata mill-Parlament mill-2011 u li tipprovdi finanzjament adegwat għall-protezzjoni tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej tal-UE;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod strett u jinfurzaw il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi, imma mhux biss, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi;

108.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv is-sostenibilità ambjentali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi u bħala parti minn proċessi globali bħall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

109.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u, għalhekk, jappoġġja l-proposta tagħha li jiddaħħal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali ġodda kollha li li jkun fih dispożizzjonijiet ambjentali sostanzjali ta' importanza fil-kuntest tal-kummerċ, inklużi miri għall-bijodiversità;

110.  Jirrikonoxxi ż-żieda fit-traffikar illegali internazzjonali ta' speċijiet koperti mill-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu sabiex iżidu l-kapaċità tal-Interpol f'dan ir-rigward u jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-kummerċ illegali tal-ispeċijiet selvaġġi fid-diskussjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi;

111.  Jirrikonoxxi li l-UE hija importatur ewlieni ta' speċijiet selvaġġi u li din tinfluwenza l-konservazzjoni tal-bijodiversità f'partijiet oħra tad-dinja peremzz tal-politiki u l-attivitajiet kummerċjali tagħha; jitlob lill-UE tieħu miżuri biex tnaqqas l-impatt negattiv tat-tendenzi ta' konsum tal-UE fuq il-bijodiversità billi tinkorpora inizjattivi relatati mal-agrikoltura u l-kummerċ tal-ispeċijiet selvaġġi sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha;

112.  Jitlob lis-Samit dwar id-Dinja Rio +20 jagħmel progress konkret fir-rigward ta' sorsi innovattivi u indipendenti ta' finanzi għall-ħarsien tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu proattivi ħalli jiksbu riżultati f'dan ir-rigward;

113.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tkun mingħajr ħsara għall-bijodiversità sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità filwaqt li jikkunsidraw il-fatt li l-persuni bl-inqas introjtu huma l-aktar dipendenti mis-servizzi ekosistemiċi;

114.  Jirrikonoxxi li hu meħtieġ li tinbena ekonomija bbażata fuq sorsi ta' enerġija sostenibbli b'mod kosteffikaċi mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-bijodiversità, u li din l-ekonomija tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi; iqis, f'dan il-kuntest, li huwa neċessarju li jiddaħħlu salvagwardji ulterjuri li jirrigwardaw is-sorsi, l-effiċjenza u l-kwantità tal-bijomassa użata għall-enerġija; jistiden, ukoll f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun x'effett għandhom il-bijofjuwils fuq il-bijodiversità, inkluż l-impatt indirett tal-użu tal-art, u jitlob li jiġu stabbiliti kriterji effettivi ta' sostenibilità għall-produzzjoni u l-użu tal-bijofjuwils kollha, inkluża l-bijomassa solida;

Il-finanzjament

115.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, skont kriterji oġġettivi, is-sussidji eżistenti kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, u jistieden lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2012 tippubblika pjan ta' azzjoni, flimkien ma' skeda taż-żmien, dwar kif dawn is-sussidji jinqatgħu sal-2020 b'konformità mal-impenji tal-Protokoll ta' Nagoya;

116.  Jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' appoġġ finanzjarju kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE mis-sorsi possibbli kollha, inkluż il-ħolqien ta' strument speċifiku għall-finanzjament tal-bijodiversità, u tal-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi, b'mod partikolari servizzi bankarji għall-ħabitat, sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-qasam tal-bijodiversità;

117.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit għar-riċerka ffokata fuq l-ambjent u l-bijodiversità skont il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka li jmiss, b'mod proporzjonali għall-ħtiġiet u l-isfidi kbar assoċjati mal-indirizzat kemm tat-telf tal-bijodiversità kif ukoll tat-tibdil fil-klima, sabiex jgħin biex jiġi eliminat in-nuqqas ta' għarfien identifikat u tkun appoġġjata l-politika;

118.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk ir-reġim regolatorju attwali jinċentivax b'mod addattat l-istrateġiji li jsaħħu l-bijodiversità u jistidinha tipproponi soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex taqleb l-infiq fuq il-bijodiversità mill-burokrazija lejn il-protezzjoni u t-tisħiħ;

119.  Jaqbel li l-istrumenti mfassla sew u bbażati fuq is-suq immirati biex jinternalizzaw l-ispejjeż esterni marbutin ma' attivitajiet ta' konsum u produzzjoni fuq l-ambjent jikkontribwixxu għall-ksib tal-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità jekk dawn ikunu kkombinati ma' inċentivi għal investimenti ekoloġiċi fi ħdan is-setturi kkonċernati;

120.  Jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità mill-Kummissjoni biex timpenja s-settur privat fl-aġenda tal-bijodiversità;

121.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-għażliet għall-introduzzjoni ta' pagamenti għal servizzi ekosistemiċi, b'kunsiderazzjoni tar-rwol tal-konservazzjoni tal-bijodiversità;

122.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jiffinanzjaw l-Istrateġija għall-Bijodiversità l-ġdida billi jiżguraw li kull miżura ta' finanzjament tal-UE tkun konsistenti mal-liġijiet għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ilma;

123.  Jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li jiġi żgurat li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (2014–2020), jappoġġja l-isforzi biex jintlaħqu s-sitt miri stipulati fl-Istrateġija għall-Bijodiversità, u b'hekk jiżdied il-finanzjament għall-programm LIFE; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq proġetti ta' responsabbiltà soċjali korporattiva li jippromwovu l-bijodiversità;

124.  Jinnota, barra minn hekk, li l-valur ekonomiku enormi tal-bijodiversità joffri qligħ fejjiedi fuq l-investiment fil-konservazzjoni tagħha; jitlob, għalhekk, biex jiżdiedu l-fondi għal miżuri għall-konservazzjoni tan-natura;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi żgurat finanzjament adegwat tan-netwerk Natura 2000, biex jiżguraw li jiġu pprovduti mill-inqas EUR 5.8 biljun fis-sena permezz ta' finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsir disponibbli finanzjament adegwat permezz ta' fondi diversi tal-UE (bħal pereżempju l-fondi tal-PAK, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, il-fondi ta' koeżjoni u l-fond LIFE+ imsaħħaħ), flimkien ma' koordinazzjoni u koerenza aħjar bejn dawn il-fondi, inter alia permezz tal-kunċett ta' proġetti integrati, biex b'hekk titjieb it-trasparenza għar-reġjuni differenti li jirċievu fondi mill-UE; jitlob li l-BEI ikun imdaħħal fl-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji innovattivi u servizzi tekniċi u konsultattivi għall-proġetti ta' kofinanzjament relatati mal-bijodiversità;

126.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu bl-allokazzjoni proposta għall-programm LIFE il-ġdid, li, minkejja s-suċċess rimarkabbli tiegħu matul għoxrin sena, għadu jirċievi parti insinifikanti mill-baġit tal-UE; Hu tal-fehma li l-isfidi preżentati fil-pjan ta' konservazzjoni tal-bijodiversità u tan-natura jirrikjedu żieda sostanzjali fil-fondi allokati għall-programm LIFE;

127.  Jinnota bi tħassib li n-numru ta' proġetti finanzjati taħt il-prgramme LIFE+ kull sena huwa iżgħar mill-allokazzjoni indikattiva f'diversi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal din is-sottoimplimentazzjoni u, fejn meħtieġ, tipproponi bidliet għar-regoli li jirregolaw il-programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-livelli ta' kofinanzjament;

128.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, u jemmen li għandha tingħata aktar attenzjoni għall-użu tiegħu, speċjalment mill-awtoritajiet pubbliċi li jibbenefikaw minn fondi tal-UE; jirrakkomanda li l-awtoritajiet responsabbli għas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll maħluqa fl-Istati Membri biex jamministraw fondi strutturali u ta' koeżjoni għandhom jappoġġjaw proġetti li jipprovdu għal proċeduri bħal dawn;

129.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jsir investiment fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità skont il-Fond ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' finanzjament 2014–2020; jirrakkomanda wkoll li jitqies il-potenzjal ta' Natura 2000 għall-ekonomiji lokali u s-swieq tax-xogħol;

130.  Jirrikonoxxi li l-“ekonomija ekoloġika” hija mod kif jiġu ġġenerati l-ħiliet u l-impjiegi u jitlob li din tiġi appoġġjata permezz ta' fondi li jgħinu biex tinbena l-kapaċità f'livell lokali u biex l-għarfien lokali u tradizzjonali jservi bħala sisien li fuqu jinbnew l-elementi kollha meħtieġa fil-ġlieda għall-protezzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza l-fatt li madwar 30 % tal-allokazzjonijiet totali għall-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007–2013 huma disponibbli għal attivitajiet li għandhom impatt partikolari fuq it-tkabbir sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri, u speċjalment lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-kuntest tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, biex ikunu iżjed attivi u jżidu l-isforzi tagħhom fl-investiment marbut mal-kapital naturali u biex jużaw il-finanzjament tal-Politika Reġjonali għall-prevenzjoni tar-riskji naturali bħala element għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u għall-adattament għat-tibdil fil-klima, speċjalment fil-perspettiva tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020;

131.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilità li l-programmi operattivi attwali jiġu allinjati mill-ġdid mal-objettivi ta' tkabbir sostenibbli tal-Ewropa 2020 billi jerġgħu jitqiesu l-prijoritajiet tal-investimenti għall-proġetti u jħeġġiġhom biex jużaw ir-riżorsi disponibbli b'mod aktar effettiv;

o
o   o

132.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 19.
(2) ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 103.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(4) http://www.teebweb.org
(5) ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
(6) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(7) ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 67.
(8) Id-Direttiva 2000/60/KE, (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2008/56/KE, (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(10) Direttiva 1999/22/KE, (ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24).
(11) A/RES/66/68.


Ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali
PDF 346kWORD 108k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar 2011/2194(INI)
P7_TA(2012)0147A7-0048/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Is-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità - Valutazzjoni finali” (COM(2011)0531),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mal-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-10 ta' Ottubru 2011 dwar il-Valutazzjoni tas-sitt programm ta' azzjoni ambjentali tal-komunità u t-triq “il quddiem: Lejn is-7 programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport taż-ZEE intitolat “L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010” (SOER2010),

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku taż-ŻEE Nru 15/2011 “Niżvelaw l-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja mill-faċilitajiet industrijali fl-Ewropa'”

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi” (COM(2011)0571),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Politika ta' Koeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0048/2012),

A.  billi s-sitt EAP attwali se jiskadi fit-22 ta' Lulju 2012;

B.  billi għal deċennju s-sitt EAP ipprovda qafas globali għall-politika ambjentali, li matul daż-żmien il-leġiżlazzjoni ambjentali ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'mod sostanzjali, u billi l-adozzjoni tagħha permezz ta' kodeċiżjoni żiedet il-leġittimità tagħha u għenet toħloq sens ta' sjieda; billi, madankollu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni mhux dejjem aġixxew skont dan il-programm, u billi kellu xi nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati;

C.  billi l-progress lejn l-objettivi stabbiliti fis-sitt EAP kien wieħed varjabbli, b'xi objettivi li nkisbu (tibdil fil-klima, skart), u oħrajn li ma nkisbux (l-arja, l-ambjent urban, ir-riżorsi naturali), filwaqt li l-kisba ta' oħrajn tiddependi fuq l-isforzi futuri tal-implimentazzjoni (il-kimiċi, il-pestiċidi, l-ilma), u billi jibqa' għadd ta' sfidi u huma meħtieġa sforzi addizzjonali;

D.  billi s-sitt EAP irriżulta f'nuqqas ta' implimentazzjoni tal-acquis ambjentali fl-oqsma tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja, l-ilma u t-trattament tad-drenaġġ, l-iskart u l-konservazzjoni tan-natura;

E. billi l-għan li jitwaqqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità sal-2010 ma ntlaħaqx minħabba n-nuqqas ta' impenji politiċi u finanzjarji;

F.  billi “L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010” (SOER 2010) jirrimarka li għad baqa' sfidi ambjentali ewlenin li se jkollhom konsegwenzi sinifikanti jekk ma jiġux indirizzati;

G.   billi ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni ambjentali għandhom jiġu riveduti, b'mod partikolari, bit-tisħiħ tal-indipendenza tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali;

H.  billi d-degradazzjoni ambjentali - tniġġis tal-arja, storbju, kimiċi, kwalità baxxa tal-ilma u d-degradazzjoni tal-ekosistema - hija fattur importanti taż-żieda fil-mard kroniku. billi l-aġenda ambizzjuża tal-UE għall-ħarsien ambjentali hija għalhekk komponent ewlieni għall-prevenzjoni effettiva tal-mard u n-nuqqas ta' saħħa;

I.  billi jibqgħu differenzi ewlenin fil-kwalità ambjentali u fis-saħħa pubblika bejn l-Istati Membri;

1.  Jissottolinja l-urġenza tal-adozzjoni mill-aktar fis possibbli tas-seba' EAP, sabiex jindirizza l-isfidi ambjentali tal-ġejjieni: għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għas-seba EAP mingħajr dewmien;

2.  Iqis li s-seba' EAP il-ġdid jeħtieġ li jiddeskrivi b'mod mhux ambivalenti l-isfidi ambjentali li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż ir-rata mgħaġġla tat-tibdil fil-klima, id-deterjorazzjoni tal-ekosistema tagħna u ż-żieda fl-użu żejjed tar-riżorsi naturali;

3.  Iqis, fid-dawl tal-isfidi attwali ta' sostenibilità li qed tiffaċċja l-UE, li l-Programmi ta' Azzjoni Ambjentali, bħala strumenti globali, jikkontribwixxu biex jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-politiki Komunitarji differenti. Iqis, b'mod speċifiku, li fid-deċennju li ġej, se jkun iżjed kruċjali li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali b'approċċ aktar koerenti u integrat li jikkunsidra r-rabtiet ta' bejniethom u li jimla' n-nuqqasijiet li għad baqa“, għaliex inkella tista” ssir ħsara irriversibbli;

4.  Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi narrattiva pożittiva dwar il-benefiċċji tal-politika ambjentali stretta sabiex isaħħaħ l-appoġġ pubbliku u r-rieda politika għall-azzjoni;

5.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jistabbilixxi miri konkreti għall-2020 kif ukoll jistabbilixxi viżjoni ambizzjuża u ċara għall-ambjent fl-2050 li għandha l-għan li tipprovdi kwalità għolja tal-ħajja u benesseri għal kulħadd fil-limiti ambjentali siguri;

6.  Iqis li l-iskeda ta' żmien għas-seba' EAP għandha tkun allinjata mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ta' wara l-2013 u mal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza madankollu li d-deċiżjonijiet ewlenin f'oqsma oħra tal-politika b'impatt qawwi fuq l-ambjent aktarx li jittieħdu qabel l-adozzjoni tas-seba' EAP.

7.  Jenfasizza li s-seba' EAP għandu jipprovdi l-qafas it-tajjeb biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u li l-objettivi ambjentali finanzjarji, f'sinerġija ma' LIFE, u li jintegraw b'mod sħiħ il-protezzjoni tal-ambjent, għandhom ikunu parti importanti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, tar-riforma tal-Politika Agrikultura Komuni (PAK), u l-Politika tas-Sajd Komuni (PSK), tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Orizzont 2020; iqis b'mod partikolari, li l-UE għandha tippermetti l-ħolqien ta' sorsi ġodda ta' finanzjament għall-EAP billi timmobilizza strumenti tas-suq u ħlasijiet għal servizzi tal-ekosistemi;

8.  Iqis li s-seba' EAP għandu jkun qafas globali li jagħmilha possibbli li jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u ta' sostenibilità persistenti u emerġenti b'kunsiderazzjoni xierqa tal-miżuri eżistenti u ppjanati;

9.  iqis li, għad-deċennju li ġej, is-seba' EAP għandu jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jkunu ċari u prevedibbli biżżejjed għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, ċittadini, negozji u investituri; huwa tal-opinjoni li dan il-programm tal-UE globali għandu jibgħat messaġġ politiku qawwi lill-bqija tad-dinja u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' governanza ambjentali internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża l-proposta futura tagħha għas-seba' EAP fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

   Implimentazzjoni u tisħiħ
   Integrazzjoni
   Dimensjoni internazzjonali

11.  Jemmen li ħafna mill-miri li jinsabu fis-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali huma fformulati sew, iżda huwa wkoll konxju li ħafna għadhom “il bogħod milli jiġi sodisfati; Għalhekk, il-Parlament Ewropew jixtieq li jara aktar minn dawn l-objettivi trasferiti għas-seba” Programm ta' Azzjoni Ambjentali.

12.  Jixtieq jenfasizza l-importanza li l-prinċipju tal-prekawzjoni jitħalla jiggverna l-politika ambjentali tal-UE;

Implimentazzjoni u tisħiħ

13.  Jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali għadha mhijiex suffiċjenti; iqis li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar fil-livelli kollha, u t-tisħiħ addizzjonali tal-prijoritajiet politiċi ambjentali ewlenin u relatati - il-bidla fil-klima, il-bijodiversità, ir-riżorsi, l-ambjent u s-saħħa, kif ukoll il-politiki soċjali u tal-impjieg, l-enerġija, it-trasport sostenibbli, l-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali - huma kruċjali; għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni ambjentali ċara, konsistenti, ibbażata fuq l-evalwazzjonijiet u l-feedback tal-politika pubblika;

14.  Jissottolinja l-fatt li l-konformità sħiħa mal-liġi ambjentali tal-UE hija obbligu ġenwin tat-Trattat u kriterju għall-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri;

15.  Jenfasizza l-importanza fundamentali li għandha l-informazzjoni li tingħata liċ-ċittadini dwar il-politiki ambjentali tagħna biex jiġu involuti fis-suċċess ta' tali politiki. jitlob, għalhekk, li f'dan ir-rigward isir sforz akbar fil-Programm futur ta' Azzjoni, bil-kunsiderazzjoni li l-ħolqien ta' ambjent aħjar għal ħajja aħjar ma jistax isir b'mod unilaterali mill-Istituzzjonijiet mingħajr l-għajnuna tas-soċjetà nnifisha;

Tibdil fil-klima

16.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija u jipprovdi għat-tisħiħ tiegħu;

17.  Iqis li s-seba' EAP għandu jirrifletti l-ħtieġa għall-miri vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija u/jew l-iffrankar tal-enerġija peress li dan se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-protezzjoni ambjentali; jenfasizza l-importanza ta' qafas Komunitarju flessibbli, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri proposti għall-effiċjenza tal-enerġija jikkunsidraw b'mod xieraq l-ispeċifiċitajiet f'kull Stat Membru;

18.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jkompli bid-dibattitu lil hinn mill-2020 u jqis il-miri fuq perjodu ta' żmien medju għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għall-2030;

19.  Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza wkoll l-emmissjonijiet marittimi u dawk mhux tas-CO2;

20.  Iqis li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat sew mis-seba' EAP, b'kunsiderazzjoni tan-neċessitajiet differenti tar-reġjuni, fuq il-bażi tal-Istrateġija ta' Adattament tal-UE li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riforma ambizzjuża tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti tal-UE għall-ġlieda effettiva kontra t-tixrid ta' speċi invażivi u organiżmi ta' ħsara, li wħud minnhom huma kkawżati mill-bidla fil-klima.

21.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji addizzjonali tal-produzzjoni li dejjem qed tiżdied tal-enerġija rinnovabbli f'termini tat-tnaqqis fit-tniġġis u l-impatti fuq is-saħħa, sakemm tnaqqas b'mod effikaċi l-produzzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli;

22.  Jirrakkomanda li jissaħħaħ l-appoġġ għall-istrateġiji reġjonali ta' karbonju baxx u reżiljenti għall-klima kif ukoll proġetti fil-klima fuq skala żgħira mwettqa mill-SMEs, l-NGOs u awtoritajiet lokali fis-subprogramm Azzjoni għall-Klima inklużi fil-programm ġdid LIFE propost mill-Kummissjoni;

Użu Effiċjenti u Sostenibbli tar-Riżorsi

23.  Ifakkar li tnaqqis assolut tal-użu tar-riżorsi huwa meħtieġ b'mod urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tinterpreta t-terminu “effiċjenza tar-riżorsi” b'mod wiesa“, sabiex fih jiġu inklużi r-riżorsi kollha; jindika li fost dawn hemm, pereżempju, ir-riżorsi enerġetiċi naturali u mhux enerġetiċi, bħall-ilma, l-ekosistemi, u l-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tintegra wkoll il-ġestjoni ta' materjali sostenibbli u s-sostenibilità fil-produzzjoni u l-konsum fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi;

24.  Iqis li s-seba' EAP għandu jkun strumentali fil-kisba ta' mira fit-tul, jiġifieri t-tnaqqis tal-Impronta Ekoloġika bil-50% fl-20 sena li ġejjin; jirrimarka li l-impronta ekoloġika eċċessiva tal-UE qed timmina l-perspettivi reġjonali u globali tal-ekosistemi naturali li jistgħu jappoġġaw lill-bniedem b'mod suffiċjenti;

25.  Iqis li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi għandu jiġi inkluż bis-sħiħ fis-seba' EAP;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża diġà - u ttejjeb - l-indikaturi eżistenti tal-effiċjenza tar-riżorsi meta jkunu disponibbli, u tistabbilixxi għanijiet mingħajr dewmien f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet l-oħra kollha interessati, u biex tiżviluppa malajr kemm jista' jkun indikaturi ġodda u għanijiet fejn meħtieġ, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-limitazzjonijiet tal-indikatur prinċipali fuq il-produttività tar-riżorsi, tiddefinixxi mill-aktar fis possibbli indikatur tal-konsum tal-materjal skont approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja li jintegra l-flussi moħbija, jiġifieri, it-trasferiment possibbli ta' pressjonijiet ambjentali barra mill-UE u l-moviment ta' nuqqasijiet u dipendenzi.

27.  Huwa tal-opinjoni li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-iżvilupp ta' qafas leġiżlattiv għall-integrazzjoni f'politiki rilevanti, speċjalment fil-każ tal-produzzjoni sostenibbli, tal-idea tal-użu kaskata tar-riżorsi, sabiex jiżgura li l-materja prima skarsa tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha;

28.  Huwa tal-opinjoni li s-seba' EAP għandu jinkludi objettivi dwar kif jiġi indirizzat l-ambjent urban, fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, fejn jiġu prodotti iktar minn żewġ terzi tal-emissjonijiet tas-Co2, u fejn iseħħ impatt konsiderevoli fuq l-ambjent, u għandu jipprovdi gwida dwar kif għandu jiġi promoss l-ippjanar ambjentali integrat, il-mobilità sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem fl-ibliet, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġu implimentati strateġiji li jnaqqsu t-tniġġis fl-ambjent urban, jeżaminaw il-possibilità li jinħoloq qafas ta' appoġġ Ewropew għall-implimentazzjoni progressiva ta' pjanijiet ta' mobilità urbana fil-bliet Ewropej, li jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju fuq livell Ewropew għall-preparazzjoni ta' rapporti ta' awditjar għall-mobilità urbana kif ukoll pjanijiet għall-mobilità urbana, u jistabbilixxu Tabella ta' Mobilità Urbana Ewropea;

30.  Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-kisba sħiħa tal-għanijiet għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u ekoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali, pereżempju rigward l-Akkwist Pubbliku Aħdar u Sostenibbli f'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza u kompetizzjoni ġusta; jitlob li jkun hemm żbilupp tal-politika tal-prodott, jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott u jiġu inklużi l-metodi favur il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni, ladarba jkun ġie finalizzat il-metodu Ewropew armonizzat għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta' prodott, tiżgura li tiġi inkluża informazzjoni addizzjonali għall-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti, lil hinn minn skemi eżistenti (eko-tikketta, tikketta tal-enerġija, ċertifikazzjoni organika, eċċ); jistieden lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tad-Direttiva tal-Ekodisinn u terġa' teżamina l-implimentazzjoni tagħha;

31.  Iqis li s-seba' EAP għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' skemi ta' inċentivi għall-appoġġ tad-domanda għall-materjali riċiklati, speċjalment meta jkunu inkorporati fil-prodotti finali;

32.  Għandu l-opinjoni li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluża l-konformità mal-ġerarkija tat-trattament tal-iskart filwaqt li tiġi żgurata koerenza ma' politiki tal-UE oħrajn; iqis li għandu jistabbilixxi miri ta' prevenzjoni, użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ aktar ambiżżjuzi, inkluż tnaqqis nett fil-ġenerazzjoni tal-iskart, l-ebda inċinerazzjoni tal-iskart li jkun adattat għar-riċiklaġġ jew għall-ikkompostjar fir-rigward tal-ġerarkija tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u projbizzjoni stretta fuq ir-rimi ta' skart miġbur b'mod selettiv f'landfills, kif ukoll l-objettivi settorjali għall-effiċjenza tar-riżorsi u punti ta' referenza dwar l-effiċjenza tal-proċess. ifakkar li l-iskart ukoll huwa riżorsa u spiss jista' jerġa' jintuża, u f'dan il-każ inkunu nistgħu niżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tagħmel il-ġbir tal-iskart minn prodotti tal-konsumaturi iktar effiċjenti kemm billi testendi l-prinċipju ta' responsabbiltà estiża tal-produttur kif ukoll permezz ta' linji gwida dwar il-ġestjoni tas-sistemi tal-irkupru, il-ġbir u r-riċiklaġġ. jenfasizza l-bżonn ta' investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li l-attività tal-minjieri, ir-raffineriji u r-riċiklaġġ ta' elementi rari jista' jkollhom konsegwenzi serji fuq l-ambjent jekk ma jkunux immaniġjati sewwa;

33.  Jemmen li l-miri li diġà ġew stabbiliti f'diversi Direttivi rigward il-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart, għandhom jiġu elaborati aktar u stabbiliti għall-ikbar u l-iżjed irkupru kwalitattiv ta' materja f'kull fażi tar-riċiklaġġ, jiġifieri l-ġbir, id-diżarmar, l-ipproċessar minn qabel u r-riċiklaġġ/raffinerija;

34.  Iqis li s-seba' EAP għandu jikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Pjan għall-Politika tal-UE dwar l-Ilma li ġej u jenfasizza l-valur ta' approċċ ikkoordinat aħjar għall-ipprezzar tal-ilma; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għal soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' ilma, l-irkupru ta' ilma u tiżviluppa tekniki alternattivi ta' irrigazzjoni u tippromwovi l-ottimizzazzjoni tal-użu suċċessiv tal-ilma irtirat fiċ-ċiklu tal-ilma, inkluż l-ilma tar-riċiklaġġ għall-prodotti agrikoli u industrijali fejn il-kontenut hu rilevanti waqt li tirkupra n-nutrijenti u l-enerġija tad-drenaġġ;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u għandu l-opinjoni li, sabiex tkun żgurata konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' għargħar, jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri għall-irkupru tax-xtut naturali tax-xmajjar u riforestazzjoni tal-inħawi tal-madwar;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-formulazzjoni ta' miri li għandhom jiżguraw is-sostenibilità tal-użu tal-art fis-seba' EAP; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi kwistjonijiet kritiċi dwar l-użu tal-art bħal pereżempju t-telf ta' ħabitats semi naturali u ċ-ċaqliq mill-użu tal-art ta' valur għoli għall-għelejjel tal-bijoenerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għall-kriterji ta' sostenibilità għal bijomassa u l-bijofjuwils li jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tal-bidla indiretta fl-użu tal-art;

37.  Iqis li s-seba' EAP jeħtieġ li jindirizza l-impatti tal-politiki Ewropej lil hinn mill-UE, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tmexxi l-kwistjoni tat-tnaqqis fl-impronta tal-UE fuq l-art fil-pajjiżi terzi, b'mod partikolari billi tindirizza l-bidla fl-użu indirett tal-art minħabba l-bijofjuwils u l-bijomassa għall-enerġija, u tinkludi l-għan li l-ebda art ta' valur ambjentali għoli ma tiġi kkonvertita f'użu ġdid sabiex jiġu prodotti l-għelejjel għall-UE;

Il-Bijodiversità u l-Forestrija

38.  Jissottolinja l-importanza li ssir azzjoni issa, sabiex l-UE titpoġġa fit-triq it-tajba biex tikseb l-għan ewlieni tagħha tal-bijodiversità għall-2020, kif ukoll l-impenji globali tagħha, għaliex aħna ma naffordjawx infallu darb'oħra, u jiġu ppjanati riżorsi suffiċjenti għall-konservazzjoni tan-Netwerk Natura 2000; iqis li d-diffikultajiet li jinqalgħu sabiex ikun hemm konformità mal-għan għall-2010 jindikaw il-ħtieġa li ssir reviżjoni fil-fond tal-metodi applikati s'issa; jemmen li għandhom jitwettqu studji strateġiċi integrati, inklużi studji tal-elementi li jistgħu jinfluwenzaw żoni protetti, iqis li dawn l-istudji għandhom jiġu inkorporati fl-ippjanar urban u jkunu akkumpanjati minn kampanji edukattivi u informattivi dwar l-importanza tar-riżorsi naturali lokali u l-konservazzjoni tagħhom;

39.  Iqis li l-objettivi tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020, inklużi l-għanijiet u l-azzjonijiet tagħha, għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fis-seba' EAP bħala mezz li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; iqis li ċerti azzjonijiet jeħtieġu li jissaħħu fiż-żmien qasir sabiex il-bijodiversità tiġi indirizzata b'mod aktar ċar fl-oqsma politiċi kollha, u li l-azzjonijiet addizzjonali huma neċessarji sabiex tinkiseb b'mod effikaċi l-mira tal-2020; jenfasizza li s-seba' EAP se jipprovdi qafas b'saħħtu biex jappoġġa l-adozzjoni tal-istrumenti legali u finanzjarji meħtieġa, l-ewwel nett permezz ta' finanzjament garantit għal Natura 2000;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar kemm tal-appoġġ finanzjarju tal-UE kif ukoll dak nazzjonali mis-sorsi possibbli kollha kif ukoll tal-iżvilupp tal-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' appoġġ għall-bijodiversità;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Forestali Ewropea ġdida sa tmiem l-2012 u tipproponi miżuri effettivi biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-forestrija, jiġi promoss l-użu razzjonali tar-riżorsi forestali u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

42.  Jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni lill-foresti bħala parti mill-Politika Agrikola Komuni l-ġdida permezz tal-promozzjoni tal-agroforestrija, u biex jippromwovu l-iżvilupp rurali bbażat fuq pajsaġġi sostenibbli;

43.  Jitlob il-ħolqien ta' regolament ġdid Komunitarju dwar il-prevenzjoni tan-nar, jew mill-inqas, jipproponi li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam;

Kwalità tal-ambjent u saħħa

44.  Minħabba li kundizzjonijiet ambjentali ħżiena għandhom impatt sostanzjali fuq is-saħħa li jinvolvu spejjeż għoljin, għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu notevolment:

   ikompli jinkludi l-objettiv tas-sitt EAP li sal-2020, il-kimiċi jiġu prodotti biss u użati b'modi li ma jwasslux għal impatt negattiv sinifikanti fuq is-saħħa u l-ambjent;
   jindirizza l-kwalità tal-arja - inkluża l-kwalità tal-arja ta' ġewwa - u l-impatt tagħha fuq is-saħħa;
   jindirizza l-istorbju u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa;
   jipprovdi għall-iżvilupp ta' miżuri speċifiċi relatati ma' theddid emerġenti tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, attwalment mhux indirizzati biżżejjed, sabiex jeżamina l-effetti ta' żviluppi ġodda fuq is-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, bħal pereżempju n-nanomaterjali, sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u l-effetti kombinati ta' kimiċi, abbażi ta' studji xjentifiċi u definizzjonijiet komunament aċċettati, fejn ikunu disponibbli;
   jinkludi azzjoni għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal mit-tniġġis ambjentali abbażi tad-Dikjarazzjoni Ewropa Parma tad-WHO dwar l-Ambjent u s-Saħħa ta' Marzu 2010;
   jaqbel mat-tieni Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa Ambjentali;

45.  Jissottolinja li s-seba' EAP għandu jistabbilixxi għanijiet speċifiċi sabiex jiżgura li sal-2020 is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej ma tkunx iżjed imminata mit-tniġġis u s-sustanzi perikolużi;

46.  Iqis li għandhom jitqiesu b'mod sħiħ il-metodi użati fil-valutazzjoni tar-riskju tal-kimiċi, billi jiġu prijoritizzati l-alternattivi għat-testijiet fuq l-annimali; iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-adozzjoni ta' strateġija mifruxa fl-UE kollha sabiex jitnaqqas l-għadd ta' annimali użati fl-ittestjar tas-sigurtà, filwaqt li tiġi ggarantita kwalità għolja tal-ħajja għall-bnedmin u l-annimali fl-UE.

47.  Jemmen li hemm bżonn ta' approċċ olistiku għas-saħħa u l-ambjent, li jiffoka fuq il-prekawzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji, u li jikkunsidra partikolarment gruppi vulnerabbli bħal feti, tfal u żgħażagħ.

48.  Iqis li għandhom isiru sforzi sabiex l-attenzjoni tkun fuq il-ħarsien, il-prekawzjoni u l-promozzjoni tal-attivitajiet favur l-ambjent fil-livell tal-UE, fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, bil-għan li jitnaqqas il-piż ambjentali tal-mard;

49.  Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza l-kwistjoni tat-trasport billi jippromwovi aktar investiment f'sistemi ta' trasport favur l-ambjent u jipproponi soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-konġestjoni, emissjonijiet tas-CO2 u mikropartiċelli;

50.  Iqis li huma importanti li s-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jagħti attenzjoni speċjali lit-tneħħija kontinwa tal-merkurju, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

Infurzar

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kif ukoll tal-politiki u l-istrateġiji adottati, u jiżguraw il-kapaċità u l-finanzi adegwati għall-implimentazzjoni sħiħa anke fiż-żminijiet ta' awsterità, għaliex in-nuqqas tal-implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhux biss huma illegali, imma wkoll ferm iżjed ta' spiża għas-soċjetà fuq perjodu ta' żmien twil;

52.  Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirraporta dwar modi possibbli ta' kif jista' jsir dan;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika b'mod sistematiku l-kontrolli ex-ante tal-konformità mal-liġijiet rilevanti kollha tal-Komunità, partikolarment fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, qabel jingħata kwalunkwe finanzjament;

54.  Iqis li huwa importanti li s-seba' EAP jiġi kkunsidrat bħala mezz ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, biex b'hekk ikun jista' jimmobbilizza dawn iċ-ċittadini, mhux tal-anqas għall-fini ta' infurzar fuq il-post tal-politiki miftiehma;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati” biex tiżgura traspożizzjoni korretta, implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali mill-Istati Membri kollha; jirrakkomanda parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali matul il-proċess ta' żvilupp ta' politika ambjentali biex itejbu l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni, inkluż permezz ta' twaqqif ta' timijiet għat-traspożizzjoni tal-liġi ambjentali fuq livell reġjonali u lokali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tesplora r-rwol li jista' jkollha l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent rigward it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni.

Integrazzjoni

56.  Għandu l-fehma li kunsiderazzjonijiet ambjentali qed jiżdiedu fl-importanza f'politiki settorjali oħra u, għaldaqstant integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'politiki settorjali oħra tkun mixtieqa;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi sabiex tkun tista' tkejjel it-titjib tal-integrazzjoni;

58.  Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta' inċentivi ta' politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha tas-seba' EAP lista aggregata tal-għanijiet kollha eżistenti relatati mal-ambjent għall-oqsma differenti ta' politika, speċjalment it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd u l-politika ta' koeżjoni, u teżaminahom flimkien, sabiex tippermetti paragun xieraq u tiżgura li l-objettivi jkunu koerenti.

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta' terġa' teżamina d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u d-Direttiva 2001/42/KE, tiżgura li huma jikkontribwixxu għal użu sostenibbli tal-art bħala riżorsa kritika fl-UE u wkoll biex testendi l-ambitu tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali biex ikopru mhux biss proġetti kbar, filwaqt li tirrestrinġi u tespandi l-kriterji ta' tali valutazzjonijiet, iżda wkoll tinkludi l-kunċett ta' użu kaskata tar-riżorsi u l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi proċedura li tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-ewwel nett billi telimina r-relazzjoni diretta bejn l-iżviluppaturi tal-proġett u l-assessuri.

62.  Jirrakkomanda li jinstab bilanċ ekwu bejn il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-waqfien jew in-nuqqas tat-telf tal-bijodiversità u s-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tilħaq l-għanijiet tal-UE 2020 u tevita l-impatt finanzjarju li jirriżulta mill-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013; jenfasizza wkoll, b'kunsiderazzjoni tal-politika ta' prevenzjoni, il-ħtieġa li l-ispejjeż jitqiesu bħala investimenti għall-futur u għal impjiegi ġodda u sabiex jiġu mnedija kampanji ta' informazzjoni, ta' sensibilizzazzjoni u kampanji oħra sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki fil-livelli kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal użu aħjar tal-assistenza teknika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva fejn meħtieġ; iqis neċessarju li l-għanijiet ta' riċerka u innovazzjoni ikunu jikkorrispondu b'mod effiċjenti mal-ħtiġijiet ta' żvilupp kemm lokali kif ukoll reġjonali;

63.  Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta' inċentivi ta' politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

64.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jinkludi pjan strett u dettaljat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali għat-tneħħija b'mod gradwali sal-2020 tas-sussidji kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, pereżempju dawk li jaffettwaw il-bijodiversità, sabiex jiġu rispettati l-impenji ta' Nagoya;

65.  Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-inklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali lil hinn mill-bidla fil-klima attwali u indikaturi ewlenin tal-enerġija fis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tintegra politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali tal-Effiċjenza tar-Riżorsi, u timmonitorja permezz tas-Semestru Ewropew, is-segwitu tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b'mod xieraq;

66.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-akkademiċi, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali effettiva fl-UE kollha;

67.  Iqis li, sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti, għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm fuq livell reġjonali u lokali u l-proċess għandu jinkludi b'mod aktar wiesa' l-partijiet kollha interessati; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' reġjuni u territorji b'karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħalma hu l-każ tal-gżejjer, ir-reġjuni fil-muntanji jew ir-reġjuni b'popolazzjoni baxxa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali Strateġiċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet lokali u reġjonali;

68.  Jissottolinja li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, b'mod partikolari dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jenfasizza f'dak il-kuntest il-ħtieġa urġenti għall-adozzjoni tad-direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jistieden lill-Kunsill jirrispetta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta' Aarhus u jadotta pożizzjoni komuni dwar il-proposta korrispondenti tal-Kummissjoni qabel l-aħħar tal-2012

69.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jimmira lejn l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mudelli alternattivi għat-tkejjil tat-tkabbir u l-benessri li jmorru lil hin minn evalwazzjoni fuq il-bażi tal-PDG;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l- “ekonomija ħadra” madwar id-dinja , filwaqt li jintegraw l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-tnaqqis tal-faqar;

71.  Jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, li l-protezzjoni tal-ambjent mhix kontradittorja fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli; huwa favur, għal dan il-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u t-tixrid ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar il-fattibbiltà ta' żvilupp ekonomiku li jirrispetta l-ambjent f'żoni ta' wirt naturali u kulturali importanti bħan-netwerk Natura 2000;

72.  Ifakkar li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-qafas xieraq biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż qafas għall-innovazzjoni, riċerka u żvilupp;

73.  Huwa tal-fehma li l-programm LIFE+ għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni, b'enfasi fuq proġetti ta' innovazzjoni u eċċellenza, il-promozzjoni ta' SMEs u istituzzjonijiet ta' riċerka u żvilupp u l-prijoritizzazzjoni taż-żamma tl-bijodiversità b' approċċ sistematiku u integrali, u teknoloġiji agrikoli kompatibbli mal-preservazzjoni tal-ħamrija u tal-katina tal-ikel tal-ekosistemi tal-annimali; jemmen li l-Programm LIFE+ tal-UE għandu jkun promoss b'mod aktar wiesa' fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex jiġu mħeġġa prattiki innovattivi fil-livell lokali, u sabiex l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tat-taqsima li tirrigwarda l-politika u l-ġestjoni ambjentali ta' dan il-programm jissaħħu;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-Programm ta' Qafas ta' Riċerka li jmiss, programmi ta' riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta' materjali u riżorsi ġodda li fil-futur jistgħu jieħdu post il-materja prima eżistenti li l-provvista tagħhom hija insuffiċjenti;

Dimensjoni internazzjonali

75.  Iqis li s-seba' EAP għandu jkollu bħala għan l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali, sabiex jippromwovi l-ħarsien ambjentali fil-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi programmazzjoni konġunta tar-riċerka fil-qasam ambjentali mal-ġirien tagħha;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha għan għall-UE biex tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tan-NU, tal-Bank Dinji u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-kontabilità ambjentali, sabiex tgħammar id-dinja b'sistema armonizzata ta' kontabilità ambjentali; u jilqa' l-impenji taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità biex jittejjeb l-għarfien dwar dawn l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fl-UE (bħal dawk li jipprovdu l-foresti); iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni dwar l-esperjenzi tagħhom u jikkumparaw riflessjonijiet metodoloġiċi relatati mal-kontabilità tal-Ekosistemi;

77.  Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni f'waqtha tal-impenji internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tal-UNFCCC u s-CBD;

78.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra fis-seba' EAP ir-riżultat tal-konferenza Rio+20 dwar l-Ekonomija Ekoloġika u dwar it-tisħiħ tal-Governanza Ambjentali Internazzjonali;

o
o   o

79.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza