L-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra ***
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra (11119/2012 – C7-0299/2012 – 2012/0130(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11119/2012),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern tal-Groenlandja (11116/2012),
– wara li kkunsidra r-rikjesta għal kunsens imressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0299/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0358/2012),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Parlament il-konklużjonijiet tal-laqgħat u tal-proċeduri tal-Kumitat Konġunt kif jiddisponi l-Artikolu 10 tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd jitlob li rappreżentanti tal-Parlament, li jaġixxu bħala osservaturi, jingħataw l-opportunità li jattendu laqgħat u proċeduri tal-Kumitat Konġunt; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissottometti rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim lill-Parlament u lill-Kunsill fis-sena finali tal-applikazzjoni tal-Protokoll, qabel ma jinbdew in-negozjati dwar it-tiġdid tal-Ftehim;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Groenlandja.