Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE dwar il-Kreditu għall-Konsumatur (2012/2037(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0343/2012),
A. billi l-ftuħ tas-swieq nazzjonali fis-settur ekonomiku importanti tal-kreditu għall-konsumatur, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni, l-indirizzar tal-livelli differenti tal-ħarsien tal-konsumatur, it-tneħħija ta’ tgħawwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-suq u t-titjib tas-suq intern huma funzjoni politika tal-UE u ta’ interess għall-konsumatur u għal min jipprovdi l-kreditu.
B. billi l-armonizzazzjoni finali mmirata li hi prevista mid-Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur f’ħames sottosetturi, abbażi ta’ ftehimiet li joffru lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra limitata, partikolarment f’dak li jirrigwarda d-diversi forom ta’ implimentazzjoni, ħolqot qafas legali Ewropew komuni għall-ħarsien tal-konsumaturi;
C. billi, madankollu, għad iridu jiġu megħluba ostakli legali u prattiċi;
D. billi, hekk kif juri l-istudju tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, ċerti dispożizzjonijiet prinċipali tad-direttiva – bħall-Artikolu 5 dwar l-informazzjoni prekuntrattwali – ma laħqux l-armonizzazzjoni maħsuba tar-regoli għall-ħarsien tal-konsumatur tal-Istati Membri minħabba differenzi fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri;
E. billi, minħabba l-iskadenza qasira u l-modifiki ġuridiċi numerużi u estensivi li kellhom isiru, mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur fil-liġi nazzjonali fiż-żmien maħsub, jew f’ċerti każijiet b’mod mhux għal kollox korrett;
F. billi l-istatistika turi li wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, in-numru ta’ krediti għall-konsumatur li saru fil-livell transkonfinali ma żdiedx, u dan jista’ jiġi spjegat permezz ta’ diversi fatturi, bħal-lingwa, iżda wkoll permezz tal-problemi gravi li jirrigwardaw is-settur finanzjarju u ta’ nuqqas ta’ informazzjoni għall-konsumatur dwar l-opportunitajiet ta’ kreditu transkonfinali għall-konsumatur u d-drittjiet tal-konsumatur meta jikkonkludi tali kuntratti.
G. billi l-prattiki adegwati tal-ħarsien tal-konsumatur fis-settur tal-krediti għandhom rwol sinifikanti biex jiżguraw stabbiltà finanzjarja; billi l-volatilità tar-rata tal-kambju toħloq riskji sinifikanti għall-konsumaturi, speċjalment waqt kriżijiet finanzjarji;
H. billi s-self eċċessiv lill-konsumaturi f’munita barranija żied ir-riskju u t-telf imġarrab mill-familji;
I. billi fil-21 ta’ Settembru 2011, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistematiku adotta rakkomandazzjoni importanti dwar is-self f’muniti barranin (ESRB/2011/1);
J. billi, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta’ ċerti aspetti tad-Direttiva ,u billi, f’dan ir-rigward, hija diġà kkummissjonat studju preparatorju;
K. billi huwa partikolarment ħerqan li jkun infurmat rigward il-fażijiet differenti u r-riżultati tar-rieżami u li jkollu l-possibilità li jesprimi l-opinjoni tiegħu;
1. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, bi tħejjija għar-rieżami tagħha, diġà bdiet studju dwar l-effetti tad-Direttiva dwar is-suq intern u l-ħarsien tal-konsumatur, sabiex jiġi determinat x’impatt se jkollha fuq l-użu ta’ kreditu transkonfinali, u japprezza x-xogħol notevoli li sar mill-Kummissjoni, mil-leġiżlaturi nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-kreditu;
2. Jinnota li t-titjib fis-swieq transkonfinali tal-kreditu għall-konsumaturi jipprovdi valur miżjud Ewropew billi jagħti spinta lis-suq intern; iqis li dan jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, billi l-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar l-opportunità li jakkwistaw il-kreditu għall-konsumatur fi Stati Membri oħra u dwar id-drittjiet tal-konsumaturi meta jikkonkludu tali kuntratti;
3. Jirrikonoxxi li l-volum tal-kreditu transkonfinali għall-konsumaturi jirrapreżenta inqas minn 2 % tas-suq globali tal-kreditu għall-konsumaturi u li bejn wieħed u ieħor 20 % ta’ tali krediti jittieħdu online;
4. Jinnota li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva huwa li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-informazzjoni, fejn il-funzjonament tas-suq uniku jiġi ffaċilitat ukoll fil-qasam tal-għoti ta’ self u, għalhekk, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk in-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ self transkonfinali huwiex qed jiżdied;
5. Huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni prekuntrattwali, l-ispjegazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 5(6) u l-valutazzjoni tal-mertu kreditizju skont l-Artikolu 8 għandhom rwol importanti fir-rigward tat-titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar ir-riskji ta’ krediti f’munita barranija;
6. Jitlob, madankollu, lill-awtoritajiet ta' sorveljanza jirrikjedu lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdu lill-konsumaturi bi spjegazzjonijiet personalizzati, kompluti u li jinftiehmu faċilment fir-rigward tar-riskji involuti fis-self f’munita barranija u rigward l-impatt fuq ħlasijiet bin-nifs ta’ deprezzament qawwi fil-valuta legali tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat konsumatur, kif ukoll ta’ żieda fir-rata tal-imgħax barrani; iqis li dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jiġu provduti qabel ma jkun iffirmat kwalunkwe kuntratt.
7. Jinnota t-tħassib li tqajjem f’xi Stati Membri dwar il-mod kif l-informazzjoni prekuntrattwali tiġi ppreżentata lill-konsumaturi fil-formola tal-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur (SECCI) u li hija ta’ natura tant teknika li taffettwa l-kapaċità tal-konsumaturi li jifmuha b’mod effikaċi; iqis li l-effikaċja tal-formola SECCI għandha tkun aspett importanti fil-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva mwettqa mill-Kummissjoni;
8. Jilqa’ l-operazzjoni “SWEEP” li tmexxiet mill-Kummissjoni f’Settembru 2011, li fiha rriżulta li 70 % tas-siti tal-internet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li ġew ikkontrollati kienu nieqsa minn informazzjoni importanti f’reklamar, u minn ċerti affarijiet fl-informazzjoni ewlenija fl-offerta ta’ kreditu innifisha, u li l-preżentazzjoni tal-ispejjeż kienet qarrieqa, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati biex jikkorreġu din il-problema; jinnota, f’dan il-kuntest, li xi drabi r-regoli dwar l-eżempji rappreżentattivi ma jintużawx kif preskritt u li hemm il-ħtieġa ta’ titjib;
9. Jappella biex il-prattiki tal-istituzzjonijiet finanzjarji fir-rigward tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni jkunu ssorveljati strettament sabiex jiġi evitat li jkun hemm informazzjoni qarrieqa jew falza fir-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' ftehimiet ta' kreditu;
10. Jinnota li xi Stati Membri sfruttaw il-possibilità li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex tkopri prodotti finanzjarji oħra u dan jidher li ma wassalx għal inkonsistenzi fl-applikazzjoni;
11. Jenfasizza li d-dispozizzjonijiet legali għandhom jirriflettu l-prattika normali u l-bżonnijiet tal-konsumatur medju u tal-imprenditur medju, u ma għandhomx jirrapreżentaw reazzjoni għal numru żgħir ta’ abbużi mir-regoli, b’mod li l-informazzjoni provduta lill-konsumatur tkun tiftiehem inqas u ssir inqas trasparenti u komparabbli;
12. Jinnota li kwantità akbar ta’ dispożizzjonijiet komprensivi ma twassalx awtomatikament għal livell aktar effettiv ta’ ħarsien tal-konsumaturi u li ammont eċċessiv ta’ informazzjoni, speċjalment f’każ ta’ konsumaturi mingħajr esperjenza, jista’ aktar ifixkel milli jgħin; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, l-għarfien, l-assistenza u l-edukazzjoni finanzjarja provduti mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u r-rwol potenzjali tagħhom fir-ristrutturar tal-kreditu f’isem il-familji li jinsabu f’diffikultà;
13. Jappella biex il-konsumaturi jkollhom dritt jiġu infurmati dwar l-ispejjeż tas-servizzi awżiljarji u dwar id-dritt tagħhom li jixtru servizzi awżiljarji bħal assigurazzjoni mingħand fornituri alternattivi; iqis li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandu jkollhom l-obbligu li jagħmlu distinzjoni bejn tali servizzi u l-ispejjeż relatati u dawk li jappartjenu għas-self bażiku, u li jiċċaraw liema servizzi huma essenzjali għall-estensjoni tas-self u liema huma għal kollox fid-diskrezzjoni ta’ min jissellef;
14. Jikkunsidra li jeħtieġ li jkunu eżaminati b’attenzjoni d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw f’rabta mal-eżerċitar tad-dritt ta’ rtirar f’każ ta’ kuntratti konnessi; jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jiġu sensibilizzati li, jekk jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar minn kuntratt fejn il-fornitur jew il-fornitur tas-servizz jirċievu l-ammont rispettiv tal-ħlas b’mod dirett mill-fornitur tal-kreditu permezz ta’ kuntratt anċillari, m’għandu jkun hemm l-ebda ħlasijiet, kummissjonijiet jew spejjeż għall-konsumaturi fir-rigward tas-servizz finanzjarju provdut.
15. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sa fejn jasal in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni fil-kuntratti fejn l-intermedjarji mhumiex marbuta b’rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, sabiex jiġi stabbilit kif l-aħjar jitħarsu l-konsumaturi f’tali sitwazzjonijiet;
16. Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-regoli kumplessi li jirregolaw il-ħlas lura bikri;
17. Jiddikjara li qabel ma jkun hemm tibdil fir-rati tal-imgħax, in-notifika lill-konsumaturi għandha tħallilhom biżżejjed żmien biex jistudjaw is-suq u jibdlu l-fornitur tal-kreditu qabel ma jiġi effettwat it-tibdil;
18. Jinnota li jeħtieġ ikun hemm titjib fl-interpretazzjoni tal-espressjoni “eżempju rappreżentattiv”;
19. Jenfasizza li għandha tkun garantita metodoloġija uniformi tal-kalkolu tar-rata perċentwali annwali tal-imposti, għandhom ikunu ċċarati l-punti ambigwi u tiġi żgurata l-koerenza mal-istrumenti legali l-oħra kollha;
20. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-superviżuri nazzjonali jingħataw is-setgħat u r-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom; jistieden ukoll lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jissorveljaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u biex jinfurzawhom b’mod effikaċi;
21. Jenfasizza li, fil-futur, waqt l-istipular tal-iskadenzi tat-traspożizzjoni, għandhom jitqiesu aktar tali emendi fil-liġi nazzjonali li l-proċess ta’ traspożizzjoni jġib miegħu;
22. Jistieden lill-Istati Membri jestendu l-livell attwali tal-ħarsien tal-konsumaturi għall-krediti, inklużi krediti għal żmien qasir, provduti fuq l-internet, permezz ta’ servizzi ta’ messaġġi qosra jew midja oħra ta’ komunikazzjoni fuq distanza, li qed isiru fattur dejjem aktar frekwenti tas-swieq tal-kreditu għall-konsumaturi, u li jinvolvu ammonti li ma jaqbżux il-valur limitu minimu ta’ EUR 200, li fil-preżent huma barra mill-ambitu tad-Direttiva;
23. Jenfasizza li fil-preżent m’hemmx raġunijiet għal reviżjoni tad-Direttiva, iżda minflok wieħed għandu jieħu ħsieb li d-Direttiva tiġi implimentata u infurzata korrettament;
24. Huwa tal-fehma li, b’referenza għal traspożizzjoni sħiħa u korretta, wieħed għandu jistenna u jivvaluta l-impatt effettiv u konkret tad-Direttiva qabel ma l-Kummissjoni tipproponi xi emendi meħieġa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni lill-Parlament u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u valutazzjoni sħiħa tal-impatt tagħha relatat mal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u l-qafas legali l-ġdid tal-UE għas-servizzi finanzjarji;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.