Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0263/2012

Testi mressqa :

A7-0263/2012

Dibattiti :

PV 19/11/2012 - 25
CRE 19/11/2012 - 25

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2012 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0419

Testi adottati
PDF 316kWORD 80k
It-Tlieta, 20 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Patt dwar l-Investiment Soċjali
P7_TA(2012)0419A7-0263/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali - bħala reazzjoni għall-kriżi (2012/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 9, 147, 149, 151 u 153 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi” (COM(2010)0682) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwarha(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012” (AGS) (COM(2011)0815), l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mehmuż miegħu u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2012 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012(2),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol” (COM(2008)0639), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009(3) dwarha,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Eurostat ta' Jannar 2012 u l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat tat-8 ta' Frar 2012(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758), l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2008)0412) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwarha(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra” (COM(2009)0545) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwarha(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu “Impetu ġdid għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020”, (COM(2010)0296) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwarha(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(11);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola(12),

–  wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Bruges dwar Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2020, li ġiet adottata fis-7 ta' Diċembru 2010(13),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Progress Lejn l-Objettivi Komuni Ewropej għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (SEC(2011)0526),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat(14),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),

–  wara li kkunsidra l-ġabra ta' ħames Regolamenti u Direttiva waħda dwar il-governanza ekonomika tal-UE li ġie adottat reċentement(15),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-29 ta' Ġunju 2011 dwar l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0263/2012),

A.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali se jkollha effetti fit-tul mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq ir-rati tal-impjieg, il-livell ta' faqar u esklużjoni soċjali, it-tfaddil pubbliku u l-kwantità u l-kwalità tal-investimenti soċjali fl-Ewropa;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin is-settur pubbliku daħal għal dejn kbir u, biex jevita dejn eċċessiv, il-parti l-kbira tar-risposti reċenti għall-kriżi kienet ibbażata sostanzjalment fuq objettivi fit-terminu qasir immirati biex jerġgħu jagħtu stabbilità lill-finanzi pubbliċi, sforzi neċessarji għad-difiża tal-ekonomija tagħna, u billi tali miżuri ta' awsterità u ta' konsolidament tal-baġit għandhom jingħaqqdu ma' strateġija komprensiva u ambizzjuża ta' investimenti għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività kif ukoll mal-governanza soċjali li tista' tforni mekkaniżmu b'saħħtu ta' sorveljanza u monitoraġġ fuq l-objettivi ta' tkabbir u soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020;

C.  billi l-Istrateġija ta' Lisbona u l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi ma solvewx il-kwistjoni u li s-suċċess tal-istrateġia Ewropa 2020 huwa inċert u jeħtieġ impenn ħafna aktar qawwi min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej, fil-forma ta' miżuri favur it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

D.  billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat dan l-aħħar u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi wrew li, billi l-konsolidament fiskali għadu ma għamilx biżżejjed progress u billi għadu jitqies prijorità, l-objettivi soċjali, tal-impjiegi u fil-qasam tal-edukazzjoni ta' Ewropa 2020 ma ġewx ittrattati biżżejjed mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

E.  billi r-rata tal-qgħad telgħet minn 7.1 % fl-2008 sa 10 % f'Jannar 2012 fl-UE 27, b'disparitajiet reġjonali ċari, li laqtu partikolarment iż-żgħażagħ, il-ħaddiema bi ftit kwalifiki u l-persuni qiegħda fit-tul u billi dan, flimkien mat-tixjiħ tal-popolazzjoni, jiddetermina riskju gravi ta' telf ta' kapital uman fit-tul u jaf jiġġenera riperkussjonijiet irreversibbli fuq is-suq tax-xogħol, partikolarment fuq il-ħolqien ta' impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali;

F.  billi 80 miljun Ewropew huma attwalment f'riskju ta' faqar u li r-rata ta' tfal u adulti li jgħixu f'familji mingħajr xogħol telgħet kważi għal 10 % fl-2010; billi dan, flimkien mal-faqar fost it-tfal, in-numru dejjem ikbar ta' ħaddiema foqra u l-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ se jwassal għal riskju u wirt ta' faqar u esklużjoni soċjali saħanistra ikbar fil-ġejjieni;

G.   billi r-rata ta' faqar tal-persuni bejn 16 u 24 sena fl-2011 fl-Ewropa kien, f'medja, 21.6 % u ż-żgħażagħ għandhom l-ogħla probabilità li jokkupaw postijiet prekarji, għal perjodu definit jew part-time kif ukoll huma aktar esposti għall-qgħad; billi l-impjiegi prekarji żdiedu b'rata mgħaġġla matul dawn l-aħħar snin u f'ċerti pajjiżi l-qgħad sploda;

H.   billi, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' investimenti, ir-riżultati tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-Unjoni Ewropea għadhom inadegwati għall-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol u ma jaqblux mal-intensità dejjem ogħla ta' speċjalizzazzjoni meħtieġa għall-impjiegi disponibbli u għal-livell ta' kompetenzi neċessarji għas-setturi futuri b'potenzjal kbir ta' impjiegi;

I.   billi l-pressjoni fuq l-iskemi tas-sigurtà soċjali żdiedet minħabba l-inkrementi fl-infiq, it-tnaqqis tad-dħul u l-impuls biex l-ispejjeż jonqsu; billi t-tkabbir ekonomiku dgħajjef, il-persistenza ta' rati għoljin ta' qgħad fit-tul, in-numru li dejjem qed jikber ta' ħaddiema foqra, il-livell ta' xogħol mhux iddikjarat u ż-żieda tal-qgħad fost iż-żgħażagħ aktarx se jikkontribwixxu biex tkompli taggrava din it-tendenza;

J.   billi l-investimenti soċjali mmirati sew huma importanti biex jiggarantixxu mill-ġdid livell ta' impjieg fil-futur kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, jistabbilizzaw l-ekonomija, itejbu l-kompetenzi u l-għarfien tal-forza tax-xogħol u jżidu l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea;

K.   billi l-SMEs għandhom potenzjal notevoli li joħolqu l-impjiegi u jiżvolġu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ġdida;

Approċċ imġedded għall-investimenti soċjali fl-Ewropa

1.  Ifakkar li l-investimenti soċjali, li l-approprjazzjonijiet u l-finanzjamenti tagħhom jiġġeneraw ritorn soċjali kif ukoll ekonomiku, jimmiraw li jittrattaw ir-riskji soċjali emerġenti u l-bżonnijiet mhux sodisfatti u jikkonċentraw ruħhom fuq il-politiki pubbliċi u l-istrateġiji ta' investiment fil-kapital uman li jippreparaw l-individwi, il-familji u s-soċjetajiet biex jadattaw ruħhom għat-trasformazzjonijiet varji, jiġġestixxu t-tranżizzjoni tagħhom lejn swieq tax-xogħol li qed jinbidlu u jaffrontaw sfidi ġodda, fejn se jkunu meħtieġa pereżempju kompetenzi ġodda għas-setturi futuri b'potenzjal kbir ta' impjiegi;

2.  Josserva li s-servizzi kollha ta' assistenza soċjali u tas-saħħa, is-servizzi tal-edukazzjoni u s-servizzi offruti f'tali setturi, fost l-oħrajn, minn operaturi privati jistgħu jitqiesu bħala investimenti soċjali, u jfakkar li abbażi ta' ftehimiet dawn is-servizzi jidħlu fost il-kompetenzi nazzjonali;

3.  Jenfasizza li waħda mill-karatteristiċi l-aktar importanti tal-investimenti soċjali hija l-kapaċità tagħhom li jirrikonċiljaw objettivi soċjali u ekonomiċi u li, b'konsegwenza, ma għandhomx ikunu ttrattati biss bħala spejjeż iżda prinċipalment, jekk ir-riżorsi jintużaw korrettament, bħala investimenti li jipproduċu ritorn konkret fil-futur;

4.  Josserva għalhekk li investimenti soċjali mmirati għandhom jikkostitwixxu parti importanti mill-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-UE u tal-Istati Membri, u tar-risposta tagħhom għall-kriżi, sabiex ikun possibbli jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;

5 Iqis li l-aġevolazzjoni tal-imprenditorja soċjali u l-attenzjoni fuqha kif ukoll l-aċċess għall-mikrofinanza għall-kategoriji vulnerabbli u għall-persuni li għadhom estremament 'il bogħod mis-suq tax-xogħol huma elementi essenzjali fil-kuntest tal-investimenti soċjali, billi jippermettu l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli ġodda, li spiss iġiegħlu tibdil fiċ-ċiklu ekonomiku;

6.  Josserva li l-kriżi timponi l-modernizzazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew, kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-politiki soċjali nazzjonali u tranżizzjoni minn stat soċjali, li jirreaġixxi prinċipalment għall-ħsarat ikkawżati mill-fallimenti tas-suq, għal “stat soċjali 'attivanti'”, li jinvesti fil-persuni u jagħti strumenti u inċentivi intiżi li joħolqu impjiegi u tkabbir sostenibbli u jipprevjenu t-tfixkil soċjali; jikkonstata li l-kriżi kompliet issaħħaħ il-bżonn ta' investiment fl-imprenditorija soċjali;

Stat soċjali attivanti

7.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżommu f'ekwilibriju l-azzjoni intiża li tittratta l-isfidi immedjati prodotti mill-kriżi u dik f'terminu medju u twil, kif ukoll jagħtu prijorità speċjali lill-attivitajiet immirati biex:

   a) jgħinu lin-nies qiegħda jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bil-ħolqien ta' ambjent innovattiv u dinamiku kif ukoll billi jiġu offruti soluzzjonijiet personalizzati u t-taħriġ meħtieġ; jgħinu lin-nies li se jidħlu fis-suq tax-xogħol biex isibu impjieg u jinħolqu l-kundizzjonijiet preliminari għal tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja tax-xogħol;
   b) jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jippermettu d-dħul permanenti taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, inkluż iż-żgħażagħ li la għandhom impjieg u lanqas ingħataw edukazzjoni jew taħriġ professjonali;
   c) jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku bil-għan li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u sostenibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, speċjalment min-naħa tal-SMEs; itejbu l-produttività u d-distribuzzjoni tax-xogħol;
   d) itejbu s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol u jnaqqsu l-kawża ta' esklużjoni mid-dinja tax-xogħol, bħall-korrimenti, il-bullying fil-post tax-xogħol u kundizzjoni ta' xogħol skarsi oħrajn;
   e) jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tul il-ħajja, għall-faxex kollha tal-età, b'enfasi partikolari l-aktar fuq l-edukazzjoni tat-tfal f'età bikrija u l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja, il-kooperazzjoni bejn is-setturi professjonali u l-iskejjel, il-korsijiet ta' taħriġ fil-postijiet tax-xogħol u korsijiet speċifiċi għas-setturi b'nuqqas ta' ħaddiema kif ukoll l-edukazzjoni vokazzjonali;
   f) jinvestu fl-innovazzjoni b'sostenn għar-realizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi relatati l-aktar mat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza enerġetika, is-saħħa u t-tixjiħ demografiku;
   g) jeliminaw il-kawżi tas-segregazzjoni tal-ġeneru fis-suq tax-xogħol;
   h) itejbu l-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà tal-kuntratti ta' impjieg biex jippromwovu l-impjiegi u jgħinu r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali;
   i) jadattaw is-sistemi tal-pensjonijiet għat-tibdil tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u demografiċi, jintroduċu r-riformi neċessarji billi jqisu l-affidabilità u s-sostenibilità tagħhom u jnaqqsu l-livell ta' dipendenza ekonomika, billi joħolqu kundizzjonijiet għal attività itwal fuq bażi volontarja, bħal pereżempju saħħa u sikurezza aħjar fil-post tax-xogħol, diversi inċentivi u mudelli flessibbli kif ukoll iż-żieda tal-impjiegi fil-faxex kollha tal-età;
   j) jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni medika u soċjali u għalhekk, jenfasizzaw b'mod partikolari azzjoni preventiva u proattiva;

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu azzjonijiet biex: jiġġeneraw tkabbir u politiki favorevoli għall-ħolqien ta' impjiegi (pereżempju permezz tas-sostenn lill-SMEs u politiki tal-impjiegi kif ukoll skemi ta' assistenza soċjali aktar effikaċi, immirati aħjar u attivanti; jintroduċu sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja u taħriġ speċifiku marbuta ma' setturi b'nuqqas ta' ħaddiema u mal-eżiġenzi tas-swieq tax-xogħol reġjonali u lokali u t-taħriġ mill-ġdid biex tiġi sostnuta l-kapaċità għall-impjieg tal-persuni qiegħda fit-tul u promossi r-rikwalifikazzjoni tul il-ħajja, l-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ fil-post tax-xogħol u apprendistati bi ħlas, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ qiegħda u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki; jimmiraw li jippermettu lill-ħaddiema full-time jgħixu minn xogħolhom;

9.  Jinsisti fuq il-bżonn li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jitqiegħed fil-qalba tal-istrateġija ta' investiment soċjali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu u jipproponu strateġiji ambizzjużi intiżi li jevitaw it-telf ta' ġenerazzjoni u jtejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol billi:

   a) jiġu żviluppati sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta' taħriġ u l-impriżi lokali u reġjonali,
   b) jitħejjew programmi ta' taħriġ u apprendistati ta' kwalità għolja, skemi vokazzjonali f'kooperazzjoni mal-impriżi kif ukoll sponsorizzazzjoni minn impjegati aktar anzjani biex jiġu reklutati u mħarrġa ż-żgħażagħ fl-impriża;
   c) jiġu promossi l-ispirtu imprenditorjali u garanzija Ewropea għaż-żgħażagħ u min iħaddem jiġi inċentivat jimpjega l-gradwati;
   d) tiġi garantita tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol u tiġi promossa l-mobilità Ewropea u reġjonali;

10.  Jisħaq fuq il-kwistjoni tar-responsabilità personali, fid-dawl tal-fatt li l-individwi jeħtieġu wkoll jaħsbu dwar x'jistgħu jagħmlu biex ikunu fost ir-rebbieħa fit-“tellieqa għat-talenti”;

11.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex itejbu s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha billi: jagħmlu enfasi qawwija fuq l-istrateġija tal-iżvilupp fit-tfal f'età bikrija; joħolqu klima skolastika inklużiva; jipprevjenu t-tluq kmieni mill-iskola; itejbu l-edukazzjoni sekondarja u jintroduċu gwida u konsulenza, billi joffru liż-żgħażagħ kundizzjonijiet aħjar biex jaċċedu b'suċċess għall-edukazzjoni terzjarja jew direttament għas-suq tax-xogħol; jiżviluppaw strumenti mmirati sabiex jantiċipaw aħjar il-bżonnijiet ta' ħiliet futuri u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi, impriżi u servizzi għall-impjiegi; itejbu r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kif ukoll jiżviluppaw Oqfsa ta' Kwalifiki Nazzjonali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu ekwilibriju korrett bejn is-sigurtà u l-flessibilità fis-suq tax-xogħol bis-saħħa, pereżempju, tal-implimentazzjoni komprensiva tal-prinċipji tal-flessigurtà, u tiġi eliminata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, permezz kemm ta' kopertura adegwata ta' protezzjoni soċjali għall-persuni f'perjodi ta' tranżizzjoni jew b'kuntratti ta' xogħol temporanji jew part-time, kif ukoll l-aċċess għat-taħriġ, u għall-possibilitajiet ta' evoluzzjoni tal-karriera u ta' xogħol full-time; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu f'servizzi – bħall-indukrar tat-tfal, postijiet fl-skola għall-ġurnata kollha u l-faċilitajiet ta' assistenza għall-anzjani ekonomikament aċċessibbli, full-time u ta' kwalità għolja – li jgħinu fil-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru, fit-trawwim ta' ekwilibriju aħjar bejn ix-xogħol u l-familja u fil-ħolqien ta' qafas li jippermetti d-dħul u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

13.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan jintroduċu r-riformi neċessarji biex is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom isiru sostenibbli, siguri u inklużivi kif ukoll inaqqsu l-livell ta' dipendenza ekonomika biex tinżamm forza tax-xogħol biżżejjed kbira u biex tali riformi jingħaqqdu mat-titjib kostanti tal-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ tul il-ħajja li jippermettu karrieri professjonali aktar tajbin għas-saħħa u aktar fit-tul;

Governanza aħjar permezz tal-Patt dwar l-Investiment Soċjali

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex jinkludu l-investimenti soċjali fost l-objettivi baġitarji fuq perjodu ta' żmien medju u twil, kif ukoll fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw aħjar l-implimentazzjoni u l-ksib tal-objettivi tal-impjiegi u soċjali tal-strateġija Ewropa 2020;

15.  Josserva li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-objettivi tal-impjiegi u soċjali, is-sistema ta' sorveljanza makroekonomika u baġitarja fl-UE, żviluppata reċentament, trid tkun akkumpanjata b'monitoraġġ imtejjeb tal-politiki tal-impjiegi u soċjali; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra l-żvilupp ta' tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi tal-investimenti soċjali komuni, bil-għan li jiġi monitorjat il-progress li għamlu l-Istati Membri u fuq livell tal-Unjoni f'dan ir-rigward, u tippromwovi r-responsabilità soċjali tal-kumpanniji, partikolarment tal-SMEs, permezz tal-ħolqien ta' marka soċjali Ewropea;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-iffirmar tal-“Patt dwar l-Investiment Soċjali”, li jistabbilixxi l-objettivi ta' investiment u joħloq mekkaniżmu ta' kontroll imsaħħaħ biex itejjeb l-isforzi intiżi biex jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; dan il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali”, bħal pereżempju l-“Patt Euro Plus”, jista' jinkludi lista ta' interventi speċifiċi fil-forma ta' investimenti soċjali li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri f'perjodu ta' żmien speċifiku sabiex jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni, konformement mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; dan għandu jkun suġġett għal qafas ta' monitoraġġ perjodiku bi rwol importanti għall-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew u bl-involviment tal-formazzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri possibbli kollha biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali” u biex tagħtihom assistenza għal dan il-għan, u tintroduċi l-valutazzjoni ta' objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew 2013;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 ikun fih riżorsi baġitarji adegwati biex jagħtu stimolu u sostenn lill-investimenti soċjali fl-Ewropa u li l-finanzjamenti disponibbli jkunu jistgħu jintużaw b'mod razzjonali u effiċjenti, u li l-Fondi Strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, ikunu ta' sostenn għall-investimenti soċjali, billi jiġi garantit li l-prijoritajiet tagħhom jirriflettu l-bżonnijet speċifiċi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, meta tqis li dan hu xieraq, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sorsi possibbli oħra ta' finanzjament ddestinati għall-investimenti soċjali;

o
o   o

19.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0047.
(3) ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 23.
(4) Stqarrija għall-Istampa tal-Eurostat 21/2012, p. 1.
(5) ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0495.
(7) ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.
(8) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 11..
(9) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 112..
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0263.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0531.
(13) IP/10/1673.
(14) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(15) ĠU L 306, 23.11.2011.

Avviż legali - Politika tal-privatezza