Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2068(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0353/2012

Testi mressqa :

A7-0353/2012

Dibattiti :

PV 19/11/2012 - 23
CRE 19/11/2012 - 23

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2012 - 6.17
CRE 20/11/2012 - 6.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0428

Testi adottati
PDF 450kWORD 119k
It-Tlieta, 20 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali
P7_TA(2012)0428A7-0353/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (2012/2068(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dipożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007),(4)

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-ħarsien tal-minorenni u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta' tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online(5),

–  wara li kkunsnidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-15 ta' Frar 2011, bit-titolu “Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal ’ (COM(2011)0060),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta' Awwissu 2010, bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245/2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2012 bit-titolu “Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f'din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità’ (COM(2012)0140),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2012-2015) tal-15 ta’ Frar 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta' Mejju 2012 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal’ (COM(2012)0196),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-13 ta’ Settembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online - Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali (COM(2011)0556),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar approċċ komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kummissjoni għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (A7-0353/2012),

A.  billi l-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali għandha tiġi indirizzata fil-livell regolatorju bl-użu ta’ miżuri iktar effettivi, inkluż permezz ta' awtoregolazzjoni fejn l-industrija tassumi r-responsabbiltà kondiviża tagħha, kif ukoll fil-livell edukattiv u ta’ taħriġ bit-taħriġ tat-tfal, tal-ġenituri u tal-għalliema sabiex ikun evitat li l-minorenni jkollhom aċċess għall-kontenut illegali;

B.  billi hemm ħtieġa li jiġu indirizzati l-forom kollha ta’ kontenut illegali online, u billi l-ispeċifiċità tal-abbuż sesswali tat-tfal għandha tiġi rikonoxxuta mhux biss f’dan il-kontenut illegali iżda wkoll bħala waħda mill-aktar forom diżgustanti ta’ kontenut disponibbli online;

C.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ strateġija ta’ protezzjoni għat-tfal għandu jkun li jiġi żgurat li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-ġenituri/min jieħu ħsiebhom kollha jkunu provduti bl-informazzjoni u l-ħiliet sabiex ikunu kapaċi jipproteġu lilhom infushom online;

D.  billi l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji joħloq il-bżonn għal tweġibiet f’waqthom permezz ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni, kif ukoll permezz ta’ korpi permanenti li jistgħu jadottaw approċċ olistiku f’ambjenti differenti;

E.  billi d-dinja diġitali tipprovdi opportunitajiet numerużi marbuta mal-edukazzjoni u t-tagħlim; billi s-settur tal-edukazzjoni qed jadatta għad-dinja diġitali, iżda b’ritmu u b’mod li mhux qed ilaħħaq mar-ritmu tal-bidliet teknoloġiċi fil-ħajja tal-minorenni, u billi dan qed joħloq problemi għall-ġenituri u għal min iħarreġ hekk kif jippruvaw iħarrġu lit-tfal biex jużaw il-midja b'mod intelliġenti, iżda għandhom it-tendenza li jibqgħu mal-marġini tal-ħajjiet virtwali tagħhom;

F.  billi, waqt li l-minorenni ġeneralment juru abilità kbira fl-użu tal-internet, xorta għandhom bżonn l-għajnuna sabiex jużawh b’mod intelliġenti, responsabbli u sikur;

G.  billi mhuwiex biss importanti li l-minorenni jifhmu aħjar il-perikli potenzjali li jaffaċċjaw online, iżda anki l-familji, l-iskejjel u s-soċjetà ċivili għandhom kollha jaqsmu r-responsabilità li jedukaw il-minorenni u jiżguraw li t-tfal ikunu protetti sew meta jużaw l-internet u midja ġodda oħra;

H.  billi wieħed jikkunsidra l-importanza tal-edukazzjoni fil-mezzi tal-midja u fit-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-iżvilupp tal-politiki fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali u r-rwol tagħha għal użu sigur, xieraq u kritiku ta’ dawn it-teknoloġiji;

I.  billi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali jirrappreżenta opportunità tajba biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu provduti b’opportunitajiet biex jużaw midja ġodda u l-internet b’mod effettiv b’manjiera li tagħtihom is-setgħa li jaqsmu l-opinjoni tagħhom mal-oħrajn u għalhekk jipparteċipaw u jitgħallmu jkollhom rwol attiv fis-soċjetà, online u offline;

J.  billi l-eżerċitar taċ-ċittadinanza u t-tgawdija tad-drittijet marbuta magħha, inkluża l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, soċjali u demokratika, jeħtieġ aċċess, anki għall-minorenni, għall-użu ta' għodda, servizzi u kontenuti diġitali, pluralistiċi u siguri;

K.  billi, minbarra l-ġlieda kontra l-kontenut illegali u mhux xieraq, il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ intervent għall-protezzjoni tal-minorenni għandhom iqisu wkoll għadd ta’ theddid ieħor bħall-fastidju, id-diskriminazzjoni, ir-restrizzjoni ta’ aċċess għal servizzi, is-sorveljanza online, l-attakki fuq il-ħajja privata u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-għanijiet tal-ġbir tad-data personali;

L.  billi l-possibilitajiet ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni offruti mid-dinja diġitali, bħall-kompjuters, it-televiżjoni fuq pjattaformi differenti, it-telefowns ċellulari, il-video games, it-tablets, l-apps u l-livell ta’ diffużjoni ta’ midja differenti li jikkonverġu f’sistema diġitali unika, jimplikaw mhux biss għadd ta’ possibilitajiet u opportunitajiet għat-tfal u l-adolexxenti, iżda wkoll riskji f'termini ta' aċċess faċli għal kontenut illegali, mhux xieraq jew dannuż għall-iżvilupp tal-minorenni, kif ukoll il-possibilità li tista' tinġabar data bl-għan li jiġu fil-mira tfal bħala konsumaturi, b'effetti dannużi u mhux kwantifikabbli;

M.  billi, fil-moviment ħieles tas-servizzi awdjoviżivi fi ħdan is-suq uniku, il-benessri tal-minorenni u d-dinjità tal-bniedem huma interessi li jimmeritaw protezzjoni legali partikolari;

N.  billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-prevenzjoni ta’ kontenut online illegali mhux dejjem huma effettivi u inevitabbilment jinvolvu approċċi differenti għall-prevenzjoni ta’ kontenut dannuż; u billi kontenut online illegali bħal dan għandu jitħassar immedjatament fuq il-bażi ta' proċess legali dovut;

O.  billi l-fatt li tagħrif personali u data marbuta mal-minorenni għadhom online u li jista’ jwassal għall-ipproċessar illegali tagħhom, l-isfruttar ta' tali morenni jew dannu għad-dinjità personali tagħhom, u b'hekk possibilment jinħoloq dannu enormi għall-identità, il-fakultajiet mentali u l-inklużjoni soċjali tagħhom, partikolarment peress li dawn id-dettalji jistgħu jispiċċaw b’idejn ħżiena;

P.  billi t-tkabbir mgħaġġel tar-riżorsi marbuta man-netwerks soċjali jinkludi ċerti perikli għas-sigurtà tal-ħajja privata, tad-data personali u tad-dinjità personali tal-minorenni;

Q.  billi kważi 15% tal-utenti minorenni tal-internet bejn l-10 u s-17-il sena jirċievu xi forma ta’ proposta sesswali u billi 34% minnhom jiltaqgħu ma’ materjal sesswali li ma fittxewx;

R.  billi l-kodiċi ta’ kondotta varji adottati mill-fornituri ta’ kontenut diġitali u servizzi mhux dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali fir-rigward ta' trasparenza, indipendenza, kunfidenzjalità u proċessar ta' data personali, u jistgħu jippreżentaw riskji f’termini ta’ profil għal skopijiet kummerċjali, forom oħra ta’ sfruttar bħal abbuż sesswali, u anki traffikar tal-bndemin;

S.  billi reklamar immirat għat-tfal għandu jkun responsabbli u moderat;

T.  billi l-minorenni jridu jiġu protetti mill-perikli tad-dinja diġitali skont l-età u l-progress ta’ żvilupp tagħhom; billi l-Istati Membri jirrappurtaw diffikultajiet fil-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-adozzjoni ta’ kategoriji ta’ klassifikazzjoni għall-kontenut skont l-età u l-livell ta’ riskju tal-kontenut;

U.  billi, filwaqt li nirrikonoxxu l-ħafna perikli li jaffaċjaw il-minorenni fid-dinja diġitali, għandna nkomplu wkoll inħaddnu l-ħafna opportunitajiet li d-dinja diġitali ġġib fit-tkabbir ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

V.  billi r-rwol tal-ġenituri fil-proċess tal-protezzjoni tat-tfal tagħhom mill-perikli tad-dinja diġitali huwa wieħed sinifikanti;

Qafas ta’ drittijiet u governanza

1.  Jissottolinja li nbeda stadju ġdid fil-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-qafas tal-UE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona flimkien mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li issa hija legalment vinkolanti, li Artiklu 24 tagħha jiddefinixxi l-protezzjoni tat-tfal bħala dritt fundamentali u jipprovdi dak fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk meħuda mill-awtoritatjiet pubbliċi jew mill-istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja; itenni l-bżonn li l-UE tirrispetta kemm jista’ jkun l-istandards ta’ dawk l-istrumenti internazzjonali li l-UE mhijiex fil-fatt parti minnhom, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropa fil-kawża C-540/03, Il-Parlament Ewropew vs. Kunsill;

2.  Iħeġġeġ l-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw, bla xkiel u f’waqtha d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-armonizzazzjoni massima tal-isforzi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-miorenni fid-dinja diġitali;

3.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri, biex jiffirmaw u jirratifikaw, jekk dan għadu mhux il-każ, l-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal, pereżempju l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, it-Tielet Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Eżerċitar tad-Drittijiet tat-Tfal, u biex jittrasponu dawk l-istrumenti billi jużaw iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali meħtieġa kif mitlub mill-ordni legali tal-UE;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni issaħħaħ mekkaniżmi interni eżistenti sabiex tiżgura approċċ konsistenti u kkoordinat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-minorenni fid-dinja diġitali; jilqa’ l-istrateġija Ewropea tal-Kummissjoni għal internet aħjar għat-tfal u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mekkaniżmi interni eżistenti biex tiżgura approċċ konsistenti u koordinat għas-sigurtà tat-tfal online;

5.  Jenfasizza l-bżonn li d-drittijiet tat-tfal jiġu integrati fl-oqsma politiċi kollha tal-UE, billi jiġi analizzat l-impatt tal-miżuri fuq id-drittijiet, is-sigurtà u l-integrità fiżika u mentali tat-tfal, u li dan għandu jinkludi proposti mill-Kummissjoni rigward id-dinja diġitali, abbozzati b’mod ċar;

6.  Jenfasizza li huma biss ġabra ta’ miżuri legali, tekniċi u edukattivi komprensivi, inkluża l-prevenzjoni, li jistgħu jindirizzaw adegwatament il-perikli li t-tfal jaffaċċjaw online, u jsaħħu l-protezzjoni tat-tfal f’ambjent online;

7.  Jilqa’ lill-aġenzija tas-sigurtà ċibernetika ġdida bbażata fil-Europol u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tim ta’ protezzjoni tat-tfal fi ħdan iċ-ċentru l-ġdid ikollu riżorsi adegwati u jikkoopera b’mod effettiv mal-Interpol;

8.  Jittama fit-tkomplija tal-Programm Safer Internet, b’riżorsi xierqa biex jitwettqu l-attivitajiet kollha tiegħu u s-salvagwardjar tal-karattru speċifiku tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament dwar is-suċċessi u l-fallimenti tiegħu sabiex tkun żgurata l-effikaċja massima fil-futur;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri xierqa, inklużi azzjonijiet permezz tal-internet, bħall-programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili relevanti, familji, skejjel, servizzi awdjoviżivi, industrija u partijiet interessati oħra, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju li t-tfal isiru vittmi tal-internet;

10.  Jinnota l-ħolqien, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, tal-koalizzjoni CEO għas-sikurezza online tat-tfal; jitlob, f’dan il-kuntest, għal kollaborazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li inter alia jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni, tal-protezzjoni tad-data, tal-edukazzjoni, tar-rappreżentanti tal-ġenituri u tal-edukaturi, inkluż fil-livell Ewropew, kif ukoll mal-bosta Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni responsabbli mill-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ġustizzja;

Midja u midja ġodda: aċċess u edukazzjoni

11.  Jieħu nota li l-Internet jipprovdi lit-tfal u liż-żgħażagħ b’għodod siewja ħafna li jistgħu jintużaw biex jesprimu jew jaffermaw l-opinjonijiet tagħhom, jaċċessaw informazzjoni u jitgħallmu u jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom, apparti li huwa għodda eċċellenti ta’ komunikazzjoni, li joffri opportunitajiet ta’ aċċess għad-dinja u għat-tkabbir personali;

12.  Jenfasizza, madankollu, li l-ambjent online u s-sorsi tal-midja soċjali joħolqu riskji potenzjali sostanzjali għall-privatezza u d-dinjità tat-tfal, li huma fost l-aktar utenti vulnerabbli;

13.  Ifakkar li l-internet jesponi wkoll lit-tfal għar-riskji; minħabba fenomeni bħall-pedopornografija, l-iskambju ta’ materjal dwar vjolenza, ċiberkriminalità, intimidazzjoni, ibbuljar, il-fastidju sesswali, il-kapaċità tat-tfal li jaċċessaw jew jixtru affarijiet jew servizzi li huma legalment ristretti jew li mhumiex xierqa għalihom fl-età tagħhom, l-espożizzjoni għal reklami li mhumiex xierqa għalihom fl-età tagħhom, aggressivi jew li jqarrqu, nasbiet kummerċjali, serq ta’ identità, frodi u theddid simili ta’ natura finanzjarja li jistgħu joħolqu esperjenzi trawmatiċi;

14.  Jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Istati Membri li jippromwovu edukazzjoni sistemika u taħriġ għat-tfal, il-ġenituri, l-edukaturi, l-għalliema u l-ħaddiema soċjali, immirati biex jippermettulhom jifhmu d-dinja diġitali u jidentifikaw dawk il-periklu li jistgħu jikkawżaw dannu lill-integrità fiżika jew mentali tat-tfal, inaqqsu r-riskji marbuta mal-midja diġitali u jipprovdu tagħrif li jikkonċerna punti ta’ rappurtaġġ u kif jiġu indirizzati t-tfal li jaqgħu vittma ta’ dawn il-perikli; jissottolinja fl-istess ħin li t-tfal għandhom jifhmu li l-użu tat-teknoloġija diġitali tagħhom jista’ jkollu effett fuq id-drittijiet ta’ oħrajn jew anke jikkostitwixxi mġiba kriminali;

15.  Jikkunsidra bħala importanti ħafna l-edukazzjoni possibbilment kmieni għall-kompetenza tal-midja li biha t-tfal u l-adolexxenti jitgħallmu jiddeċiedu b’mod kritiku u informat, liema mogħdijiet jixtiequ jsegwu fuq l-internet u liema għandhom aktarx jevitaw, kif ukoll il-promozzjoni ta’ valuri fundamentali dwar il-koeżistenza u l-interazzjoni rispettuża u tolleranti tal-persuni ma’ xulxin;

16.  Jidentifika fil-“Media Education” l-istrument essenzjali sabiex jippermetti lill-minorenni użu kritiku tal-midja u tal-opportunitajiet tad-dinja diġitali u jistieden lill-Istati Membri jinkluduh fil-kurrikulu skolastiku; ifakkar lill-Kummissjoni li minħabba ż-żieda kostanti ta’ reklamar diġitali, l-edukazzjoni tal-konsumaturi hija wkoll importanti;

17.  Itenni l-importanza tal-litteriżmu u tal-ħiliet diġitali u tal-midja tal-minorenni u tal-ġenituri tagħhom; jenfasizza wkoll li l-litteriżmu diġitali, il-ħiliet diġitali u l-użu sikur tal-internet iridu jitqiesu bħala prijorità fl-Istati Membri u fil-politiki soċjali, edukattivi u taż-żgħażagħ tal-Unjoni, u anki bħala komponenti kruċjali għall-Istrateġija Ewropa 2020;

18.  Jinkoraġġixxi taħriġ diġitali permanenti għall-edukaturi li jaħdmu kontinwament mal-istudenti fl-iskejjel;

19.  Jenfasizza l-bżonn ta’ alleanza edukattiva bejn il-familji, l-iskola, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati inklużi dawk involuti fis-servizzi tal-midja u awdjoviżivi, sabiex tiġi ggarantita dinamika bbilanċjata u proattiva bejn id-dinja diġitali u l-minorenni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa inizjattivi ta’ tixrid ta’ informazzjoni maħsuba għall-ġenituri, għall-edukaturi u għall-għalliema sabiex dawn ikunu jistgħu joffru l-aqwa appoġġ lill-minorenni fl-użu tal-istrumenti u s-servizzi diġitali;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-aċċess ugwali tal-minorenni għal kontenut diġitali sigur u ta’ kwalità fil-proġrammi u s-servizzi eżistenti u ġodda, iddedikati għaż-żgħażagħ u għall-edukazzjoni, il-kultura u l-arti;

21.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tal-aċċess jintensifikaw il-kampanji tal-komunikazzjoni tagħhom, sabiex il-minorenni, l-adolexxenti, il-ġenituri u l-edukaturi jiġu mgħarrfa dwar il-perikli tad-dinja diġitali li ma jkunux jafu dwarhom;

22.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-midja tas-servizz pubbliku fil-promozzjoni ta’ spazju online sigur u affidabbli għall-minorenni;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-prijoritajiet ewlenin tagħha l-protezzjoni tat-tfal minn reklamar aggressiv jew li jiżgwida lit-tfal fuq it-televiżjoni jew online;

24.  Jenfasizza, b’mod partikolari, ir-rwol tas-settur privat u tal-industrija, kif ukoll ta’ partijiet interessati oħra, fir-rigward tar-responsabilità tagħhom fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet kif ukoll tikketti siguri għat-tfal għall-paġni web u l-promozzjoni ta’ “netiquette’ għat-tfal; jenfasizza li kull miżura bħal din għandha tkun totalment kompatibbli mal-istat tad-dritt u maċ-ċertezza legali, b’kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-utenti finali, u tikkonforma ma’ proċeduri legali u ġudizzjarji eżistenti, kif ukoll mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-QEDB; jitlob lill-industrija biex tirrispetta u timplimenta bis-sħiħ il-kodiċi ta’ kondotta eżistenti u inizjattivi simili bħall-wiegħda tal-UE u l-Forum tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona għall-Prodotti tal-Konsumatur;

25.  Jenfasizza li attenzjoni speċjali trid tingħata lil kummerċjalizzazzjoni online ta’ sustanzi perikolużi bħall-alkoħol li jista’ jilħaq liż-żgħażagħ; jinnota li minħabba n-natura u l-ambitu tal-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni online bħal pereżempju n-netwerks soċjali, il-kummerċjaliazzazzjoni online tal-alkoħol hija diffiċli ħafna li tiġi mmoniterjata mill-Istati Membri individwali u li azzjoni mill-Kummissjoni għalhekk tipprovdi valur miżjud f’dan ir-rigward;

26.  Jenfasizza l-effiċjenza tal-edukazzjoni formali, informali, mhux formali u bejn il-pari fit-tixrid ta’ prattiki siguri u fir-rigward ta’ theddid potenzjali (permezz ta’ eżempji konkreti) fost il-minorenni fl-użu tal-internet, tan-netwerks soċjali, tal-video games u tat-telefonija ċellulari, u jħeġġeġ l-“European Schoolnet” tiffavorixxi l-mentoring fost l-istudenti f’dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa wkoll li l-ġenituri jkunu infurmati dwar il-prattiki siguri u t-theddid;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw skemi mmirati biex jipprovdu lit-tfal u żgħażagħ b’ħiliet adegwati u jassiguraw aċċess infurmat għall-internet u l-midja ġodda għalihom, u jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza li l-kompetenza fil-midja diġitali tkun integrata fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali u mhux formali, inkluż approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja sa mill-aktar stadju bikri possibbli;

Id-dritt għall-protezzjoni
Ġlieda kontra l-kontenut illegali

28.  Jenfasizza l-isfidi li trid taffaċċja l-liġi kriminali rigward l-operat tagħha fl-ambjent online fir-rigward tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-legalità, il-preżunzjoni ta' innoċenza, id-drittijiet tal-vittma u d-drittijiet tal-persuna suspettata; jieħu nota, f’dan ir-rigward, dwar l-isfidi li qamu fil-passat rigward l-għoti ta’ definizzjoni ċara, bħal fil-każ tal-fastidju sesswali online u l-pedopornografija – perferibbilment mogħtija t-terminu “materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal’;

29.  Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tiġbor, fil-qafas tal-obbligi ta’ rappurtaġġ tagħha dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE, data eżatta u ċara dwar ir-reat tal-fastidju sesswali online, inkluż identifikazzjoni preċiża tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkriminalizzaw imġiba bħal din; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiġbru data dwar dan ir-reat marbut ma’ għadd ta’ proċedimenti kriminali li saru, l-għadd ta’ sentenzi u każistika nazzjonali importanti, u biex jaqsmu l-aħjar prattiki rigward il-prosekuzzjoni u l-pieni fir-rigward ta' dan ir-reat; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex itejjeb ħafna l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni statistika biex ikun hemm żvilupp u reviżjoni aħjar tal-politika;

30.  Jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, il-livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, kif ukoll bejnhom u l-Europol u l-Eurojust rigward atti kriminali mwettqa kontra t-tfal permezz tal-midja diġitali, u jsemmi bħala eżempju l-operazzjoni ta’ trażżin 'Icarus' tal-2011, li kienet immirata lejn netwerks online għall-qsim ta’ fajls relatati mal-abbuż sesswali li jinvolvi t-tfal;

31.  Jenfasizza, madanakollu li jista jinkiseb titjib ulterjuri b'konnessjoni ma' armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġi kriminali u tal-proċeduri kriminali tal-Istati Membri, inklużi d-drittijiet proċedurali u tal-protezzjoni tad-data tas-suspettati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali bbażati fuq il-Karta tal-UE, minħabba l-ostakli eżistenti għal kooperazzjoni sħiħa u fiduċja reċiproka;

32.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsidra miżuri leġiżlattivi possibbli jekk l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija ma taħdimx;

33.  Jenfasizza madankollu, li l-proposti għal leġiżlazzjoni kriminali tal-UE trid tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità, kif ukoll il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-liġi kriminali, u għandhom juru b’mod ċar li huma għandhom l-għan li jġibu valur miżjud f’approċċ komuni tal-UE fil-ġlieda serja kontra r-reati transkonfinali, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 tal-Parlament Ewropew dwar l-approċċ tal-UE għal liġi kriminali(8);

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' tħassir f'waqtu ta' paġni web li fihom jew ixerrdu materjal jew imġiba illegali li jinsabu fit-territorju tagħhom, kif ukoll il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; jinkoraġġixxi, f’dan ir-rigward, il-qsim internazzjonali ta’ kompetenzi u l-aqwa prattiċi u l-ġbir flimkien ta’ ideat bejn gvernijiet, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fiċ-ċiberkriminalità, hotlines, organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tat-tfal u l-Industrija tal-Internet.

35.  Jitlob, f’dan ir-rigward, għal adozzjoni sħiħa tal-miżuri kollha indikati fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2009 għat-tisħiħ tad-drittijiet ta’ proċedura ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll għal approċċ komuni dwar l-ammissibilità u l-valutazzjoni tal-evidenza, biex jitneħħew l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ evidenza miġbura fi Stat Membru ieħor;

36.  Jappoġġja l-introduzzjoni u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ linji diretti għar-rappurtar ta’ reati u ta’ kontenut illegali, b’kunsiderazzjoni inter alia, għall-esperjenza mal-hotline Ewropea għat-tfal irrapurtati nieqsin, kif ukoll mas-sistemi nazzjonali ta' twissija rapida u s-Sistema Ewropea Awtomatizzata ta’ Twissija għal Tfal irrapurtati neqsin; jisħaq, madanakollu, li kwalunkwe azzjoni kriminali bbażata fuq ir-rapport għandha ssib bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-drittijiet tal-vittmi possibbli u l-obbligu pożittiv, skont l-Artikoli 2 u 8 tal-KEDB, tal-Istati Membri biex jirreaġixxu, kif diġà ġie enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-KEDB, u, minn naħa l-oħra, id-drittijiet tal-persuna suspettata; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw ruħhom għal skambju ta’ prattika tajba rigward l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ atti kriminali kontra t-tfal fid-dinja diġitali; ifakkar li l-Artikolu 8 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Dejta (COM(2012)0011) fih salvagwardji speċifiċi għall-ipproċessar tad-data personali tat-tfal, bħall-kunsens mandatorju tal-ġenituri għall-ipproċessar tad-data ta’ tfal taħt it-13-il sena;

37.  Jinnota li l-proċeduri “notice and take down” f’xi wħud mill-Istati Membri għadha tiffunzjona bil-mod wisq; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika valutazzjoni tal-impatt f'dan ir-rigward, u jirrakkomanda li tissaħħaħ l-effiċjenza ta’ dawn il-proċeduri u li jitkompla l-iżvilupp tagħhom fl-Istati Membri fl-interessi tal-aħjar prattiċi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jivvalutaw l-effikaċja tal-kooperazzjoni mal-pulizija biex jitħarsu l-minorenni kontra reati online, hotlines, u ftehimiet eżistenti mal-fornituri ta’ servizzi tal-Internet; jitlob għall-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ servizzi relatati oħra, inklużi l-pulizija u s-sistemi ta’ ġustizzja jovanili għall-ħarsien tal-minorenni kontra r-reati online, partikolarment bil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ta’ hotlines u punti ta’ kuntatt;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kontinwità lill-hotline nazzjonali u punti oħra ta’ kuntatt, bħal pereżempju “Safety Buttons” li jikkonformaw mal-istandard INHOPE, biex jittejjeb in-netwerking tagħhom ma’ xulxin, u janalizzaw bir-reqqa r-riżultati milħuqa;

40.  Jenfasizza l-importanza li jiġu mxerrda strumenti affidabbli, bħall paġni ta’ twissija jew is-sinjali bi ħsejjes u viżivi, sabiex jiġi limitat l-aċċess dirett ta’ minorenni għal kontenut li huwa ta’ ħsara għalihom;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-informazzjoni dwar il-hotlines u punti ta’ kuntatt oħra, bħal “safety buttons’ għall-minorenni u l-familji tagħhom, u b’hekk ikun aktar faċli li l-kontenut illegali jiġi rappurtat, u jistieden lill-Istati Membru biex iqajmu għarfien dwar l-eżistenza tal-hotlines bħala punti ta’ kuntatt biex jiġu rrappurtati immaġni ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal;

42.  Jappoġġja l-impenn tal-fornituri tal-kontenut u s-servizzi diġitali biex iwettqu kodiċi ta’ kondotta konformi mar-regolamentazzjoni fis-seħħ biex jidentifikaw, jipprevjenu u jneħħu kontenut illegali abbażi ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħaddu għal valutazzjonijiet f’dan il-qasam;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jibdew kampanja ġdida mmirata lejn il-ġenituri bil-għan li tgħinhom jifhmu l-kontenut diġitali użat minn uliedhom u, fuq kollox, il-modi ta’ protezzjoni li dawn qed jużaw kontra l-kontenut diġitali illegali, mhux xieraq u perikoluż;

44.  Jilmenta dwar l-inadempjenza tal-patt iffirmat fid-9 ta’ Frar 2009 bejn il-Kummissjoni u s-17-il netwerk soċjali fl-Internet, fosthom Facebook u Myspace, li jippromwovu l-protezzjoni u s-sigurtà tal-minorenni online;

45.  Jenfasizza li l-offiżi kriminali mwettqa b’mod diġitali spiss ikollhom natura sopranazzjonali, u li element importanti fil-ġlieda kontra dawn l-offiżi għandha għalhekk ikun il-kooperazzjoni internazzjonli bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi eżistenti;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw u jniedu kampanji li jkabbru l-għarfien immirati għat-tfal, il-ġenituri u l-edukaturi biex ikunu provduti bl-informazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni kontra ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll biex jinkuraġġuhom biex jirrappurtaw siti u mġiba online suspettużi;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sew ir-regoli ta’ proċedura eżistenti għall-għeluq ta’ siti li fuqhom hemm kontenut ta’ sfruttament, ta’ theddid, abbużiv, diskriminatorju jew malizzjuż;

It-trattament ta’ kontenut ta’ ħsara

48.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-effettività tas-sistemi varji għal klassifikazzjoni volontarja ta’ kontenut mhux xieraq għall-minorenni fl-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-industrija tal-internet biex isaħħu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta' strateġiji u standards biex il-minorenni jitħarrġu fl-użu responsabbli tal-internet, u biex isiru konxji u jitħarsu minn espożizzjoni online u offline għal kontenut mhux xieraq għall-età tagħhom, inklużi vjolenza, reklamar li jħeġġeġ infiq żejjed u xiri ta’ prodotti virtwali jew krediti bit-telfowns ċellulari tagħhom;

49.  Jilqa’ l-innovazzjonijiet tekniċi permezz tal-ekonomija fir-rigward ta’ servizzi speċifiċi online, li jippermettu l-użu tal-internet adattat għat-tfal;

50.  Jistieden lill-assoċjazzjonijiet tal-fornituri ta’ servizzi awdjoviżivi u diġitali, f’kooperazzjoni ma’ assoċjazzonijiet oħra pertinenti, biex jintegraw il-protezzjoni tal-minorenni fl-istatuti rispettivi u jindikaw il-grupp ta’ età xierqa,

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu d-djalogu biex jarmonizzaw il-klassifikazzjonijiet tal-kontenut diġitali għall-minorenni, f’kooperazzjoni mal-operaturi u l-assoċjazzjonijiet pertinenti, u ma’ pajjiżi terzi;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikklassifikaw il-logħob diġitali permezz ta’ karattri ċari abbażi ta’ lejn liema grupp ta’ età jkunu mmirati u, fuq kollox, skont il-kontenut tagħhom;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-“European Framework for Safer Mobile Use” u ttejjeb l-għażliet li jaġevolaw il-kontroll mill-ġenituri;

54.  Jenfasizza x-xogħol tajjeb magħmul mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxi lil dawn l-organizzazzjonijiet biex jikkooperaw u jaħdmu flimkien transkonfinalment kif ukoll jaħdmu bi sħubija ma’ korpi tal-infurzar tal-liġi, gvernijiet, fornituri tas-servizz tal-internet u l-pubbliku;

Il-protezzjoni tal-privatezza

55.  Itenni l-importanza tal-protezzjoni tad-data għat-tfal, speċjalment fir-rigward tat-tkabbir rapidu tal-mezzi tan-netwerking soċjali u ċ-chat rooms, minħabba l-fluss u l-aċċessibilità dejjem akbar ta’ data personali permezz tal-midja diġitali;

56.  Jilqa’ l-proposta l-ġdida għal Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali (COM(2012)0011) u d-dispożizzjonijiet speċjali tiegħu dwar il-kunsens tat-tfal u d-dritt li jkunu minsija, li jipprojbixxi l-preservazzjoni online ta’ informazzjoni dwar data personali ta’ minorenni, li tista’ toħloq riskju għall-ħajja personali u professjonali tagħhom, u jfakkar li ż-żamma tal-informazzjoni u d-data tal-internet marbuta mat-tfal tista' tintuża ħażin għad-detriment tad-dinjità u l-inklużjoni soċjali tagħhom;

57.  Jenfasizza li hemm bżonn li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ċċarati u żviluppati b’mod li jiżgura li jkunu ċari u operattivi bis-sħiħ ladarba tiġi adottata l-leġiżlazzjoni l-ġdida u li ma jipperikolawx il-libertà tal-internet;

58.  Jilqa’ wkoll l-intenzjoni biex tkun stabbilita sistema elettronika għaċ-ċertifikazzjoni tal-età;

59.  Jemmen li s-sidien u l-amministraturi tal-paġni web għandhom jindikaw b’mod ċar u viżibbli l-politika ta’ protezzjoni tad-data tagħhom u għandhom jipprovdu għal sistema ta’ kunsens parentali obbligatorju għall-ipproċessar ta’ data marbuta ma' tfal ta' taħt it-13-il sena; jitlob biex isiru aktar sforzi sabiex tissaħħaħ kemm jista’ jkun il-privatezza awtomatika, biex tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja tat-tfal;

60.  Jenfasizza l-importanza li l-utenti jiġu mgħarrfa dwar kif id-data personali tagħhom u d-data ta’ persuni terzi assoċjati magħhom tiġi trattata mill-fornituri tas-servizzi jew min-netwerks soċjali, kif ukoll għar-rikors possibbli li huwa għad-dispożizzjoni tagħhom f’każ li d-data tagħhom tintuża għal skopijiet oħra differenti mir-raġunijiet leġittimi li għalihom kienu nġabru mill-fornituri u l-imsieħba tagħhom, u dan f’lingwa u forma adattati skont il-profil tal-utenti b’attenzjoni partikolari għall-utenti minorenni; iqis li l-fornituri għandhom responsabilitajiet partikolari f’dan il-qasam, u jeżiġi li dawn jinfurmaw lill-utenti dwar il-politika editorjali tagħhom b’mod ċar u li jinftiehem;

61.  Iħeġġeġ bis-saħħa l-promozzjoni f’kull settur diġitali ta’ għażliet teknoloġiċi li, jekk jintagħżlu, jistgħu jillimitaw in-navigazzjoni tal-minorenni għal-limiti rintraċċabbli u għal aċċess ikkundizzjonat; għalhekk jipprovdi għodda effettiva ta’ kontroll għall-ġenituri; jieħu nota, madankollu, li dawn il-miżuri ma jistgħux jieħdu post taħriġ dettaljat għall-minorenni fl-użu tal-midja;

62.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġu infurmati mill-aktar fis it-tfal u l-adoloxxenti dwar id-drittijiet tagħhom għall-privatezza fuq l-internet u biex dawn jiġu mgħallma jgħarfu l-metodi, kultant mhux ovvji, użati biex ħaddieħor jikseb l-informazzjoni mingħandhom;

Id-dritt ta’ tweġiba fil-midja diġitali

63.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jarmonizzaw is-sistemi relatati mad-dritt ta’ tweġiba fil-midja diġitali, u jtejbulhom anke l-effiċjenza;

Id-dritt għaċ-ċittadinanza diġitali

64.  Jenfasizza li t-teknoloġija diġitali hija għodda ta’ tagħlim importanti għaċ-ċittadinanza, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ ċittadini li jgħixu f’żoni periferiċi u partikolarment tal-pubbliku żagħżugħ, biex ikunu jistgħu japprofittaw bis-sħiħ mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ komunikazzjoni online;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-pjattaformi diġitali bħala għodda ta’ taħriġ għall-parteċipazzjoni demokratika għal kull tifel/tifla b’kunsiderazzjoni speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli;

66.  Jenfasizza l-opportunità li l-midja ġodda jirrappreżentaw biex jippromwovu, fis-servizzi u l-kontenut diġitali, il-fehim u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, is-sessi, u l-gruppi kulturali u etniċi differenti;

67.  Ifakkar li fuq l-internet, l-informazzjoni u ċ-ċittadinanza huma marbuta mill-qrib u dak li llum jhedded l-impenn ċiviku taż-żgħażagħ huwa n-nuqqas ta’ interess li huma juru fir-rigward tal-informazzjoni;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(2) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(3) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(4) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.
(5) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.
(6) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0323.
(8)1 Testi Adottati, P7_TA(2012)0208.

Avviż legali - Politika tal-privatezza