Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni (2012/2004(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta’ April 2012 “Lejn irkupru li jwassal għal ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’ (COM(2012)0173),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni’, INT/606 tat-22 ta’ Frar 2012,
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2012 għal regolament tal-Kunsill dwar l-istatut għal fondazzjoni Ewropea (COM(2012)0035),
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 għal direttiva dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896),
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 għal regolament dwar Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (COM(2011)0862),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni’ (COM(2011)0682),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 jisimha “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Naħdmu flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 “Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna’ (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (COM(2011)0607),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u n-Netwerk Ewropew ta’ Żoni ta’ Riċerka tal-EMES tal-2008 intitolat “Intrapriża Soċjali: Mudell ġdid għat-tnaqqis fil-faqar u l-ġenerazzjoni tal-impjiegi”(1)
– wara li kkunsidra l-opinjoni Esploratorja tal-KESE tas-26 ta’ Ottubru 2011 dwar “L-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali” IN/589,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2012 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(4)
– wara li kkunsidra r-Regola 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0305/2012),
A. billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li jimpjegaw mill-inqas 11-il miljun ruħ fl-UE u li jammontaw għal 6% tal-ħaddiema kollha jew 10% tal-intrapriżi kollha Ewropej, jiġifieri, 2 miljun intrapriża, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-mudell soċjali Ewropew u lis-strateġija Ewropa 2020.
B. billi l-iżviluppi storiċi differenti wasslu għal oqfsa legali għal kull tip ta’ intrapriża, inklużi intrapriżi tan-negozji soċjali u tal-ekonomija soċjali, biex juru differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri;
C. billi ħafna tipi ta' intrapriżi fl-ekonomija soċjali mhumiex rikonoxxuti minn qafas legali fil-livell Ewropew u huma rikonoxxuti biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri;
D. billi l-effetti tal-kriżi attwali soċjali, ekonomiku u finanzjarju, kif ukoll il-bidliet demografiċi, b'mod partikolari t-tixjiħ tal-popolazzjoni, jisfidaw is-sistemi tal-benessri soċjali, inklużi skemi tal-assigurazzjoni soċjali statutorji u volontarji, u għalhekk sistemi innovattivi għall-assistenza soċjali għandhom jiġu promossi sabiex tiġi żgurata sigurtà soċjali adegwata u diċenti;
E. billi l-Att dwar is-Suq Uniku u l-istrateġija Ewropa 2020 – li t-tnejn li huma għandhom l-għan li jistabbilixxu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u b'hekk iżidu l-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi, u jkomplu bil-ġlieda kontra l-faqar – huma marbutin sew flimkien, u billi l-intrapriżi soċjali jistgħu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti permezz tal-potenzjal ta' innovazzjoni tagħhom u r-rispons releventi tagħhom għall-bżonnijiet soċjali;
F. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-atturi tal-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku u innovazzjoni soċjali, li għandhom il-potenzjal li joħolqu impjiegi sostenibbli, u li jħeġġu l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;
G. billi l-proposti tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew u l-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI) għandhom jintlaqgħu tajjeb;
H. billi intrapriżi soċjali jistgħu jgħinu biex jitwasslu s-servizzi soċjali li huma komponenti ewlenin ta' stat soċjali u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettivi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea;
I. billi ħafna intrapriżi soċjali jaffrontaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament sabiex jespandu l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk għandhom bżonn sostenn speċifiku u adattat għalihom, bħal servizzi bankarji soċjali, strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju, fondi jew krediti (mikro) filantropiċi, speċjalment fil-każ ta' intrapriżi mikro u SMEs; billi, f'dan ir-rigward, il-Fondi Strutturali u l-programmi tal-UE għandhom rwol sinifikanti fil-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali, ukoll għal dawk b'investiment ta' intensità għolja;
J. Billi ħafna intrapriżi soċjali jippromwovu riforma tal-politika billi jippromwovu governanza tajba, b'mod partikolari billi jinvolvu l-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet interessati, u jsostnu tagħlim reċiproku u l-innovazzjoni soċjali, u b'hekk jagħtu rispons għad-domanda li dejjem qed tikber taċ-ċittadini għal imġiba korporattiva etika, soċjali u favur l-ambjent;
K. billi n-negozji soċjali, min-natura u l-modus operandi tagħhom, jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' soċjetà aktar koeżiva, demokratika u attiva, u ta' spiss joffru – u għandhom joffru – kundizzjonijiet favorevoli tax-xogħol kif ukoll paga ugwali għal impjieg ugwali, u jsostnu opportunitajiet indaqs għall-irġiel u nisa, biex permezz tagħhom tista' ssir rikonċilazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata;
L. billi l-proposta tal-Kummissjoni li żżid kategorija ġdida ta’ persuni żvantaġġjati għal kuntratti riservati ġiet notata;
Introduzzjoni
1. Jilqa’ l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali’ u ”Lejn irkupru li jwassal għal ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’, b’rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet nazzjonali biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-intrapriżi soċjali li jista' jwassal għal opportunitajiet u impjiegi ġodda, inter alia fil-qasam li qed jikber malajr tas-saħħa u tal-kura soċjali (l-hekk imsejjaħ settur abjad) u fis-settur ambjentali (l-hekk imsejjaħ settur aħdar), li joffru opportunitajiet ġodda lill-ekonomija soċjali u lil dik aktar wiesgħa;
2. Jiddikjara li l-ekonomija soċjali hija parti mill-ekonomija tas-suq eko-soċjali kif ukoll tas-suq uniku Ewropew, u jenfasizza r-reżistenza għolja tagħha għall-kriżijiet u l-mudelli kummerċjali solidi tagħha. jenfasizza li l-intrapriżi soċjali ta' spiss ifittxu li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali u umani li ma jiġux sodisfatti - jew jekk jiġu jkun biss b'mod inadegwat - minn operaturi kummerċjali jew mill-istat; jenfasizza li huwa aktar probabbli li l-impjiegi fl-ekonomija soċjali jinżammu fl-livell lokali;
3. Jiddikkjara li intrapriża soċjali tfisser impriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li:
a)
tkun kisbet impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu bħala objettiv primarju skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u l-istatuti tagħha jew kwalunkwe dokument statutorju ieħor li jistabilixxi n-negozju; fejn l-impriża:
–
▌tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, emarġinati, żvantaġġjati jew esklużi;
–
tipprovi oġġetti jew servizzi permezz ta' metodu ta' produzzjoni, li jinkorpora l-objettiv soċjali tagħha;
b)
tuża l-profitti tagħha biex l-ewwel u qabel kollox tilħaq l-objettivi primarji tagħha minflok ma tqassamhom, u jkollha stabbiliti proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fiha l-profitti jitqassmu lill-partijiet interessati jew lis-sidien, li jiżguraw li kwalunkwe tali tqassim tal-profitti ma jdgħajjifx l-objettivi primarji tagħha; kif ukoll
c)
tkun immaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha.
Azzjonijiet rakkomandati għal tipi varji ta’ intrapriżi
4. Jenfasizza li l-attivitajiet imwettqa minn voluntiera f'diversi setturi tal-ekonomija soċjali – inklużi ż-żgħażagħ li qed jibdew il-karrieri tagħhom kollhom entużjażmu u b'ħiliet ġodda, u l-anzjani, li għandhom esperjenza vasta u ħiliet żviluppati sew – jagħtu kontribut importanti lit-tkabbir ekonomiku, lis-solidarjetà u lill-koeżjoni soċjali, u jagħtu skop tal-ħajja lil bosta persuni; jitlob għal rikonoxximent u sostenn finanzjarju u strutturali adegwat, fl-livell lokali, nazzjonali u Ewropew;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-intrapriżi soċjali ma jkunux żvantaġġati minħabba tipi oħra ta' intrapriżi li joqgħodu jagħżlu oqsma ta' qligħ lukrattiv fl-ekonomija soċjali; jinnota li dawn l-oqsma huma l-aktar urbani, fejn oħrajn inqas profitabbli, l-aktar dawk rurali jew periferali – fejn il-loġistika tirriżulta fi spejjeż akbar – jispiċċaw b'anqas servizzi u b'servizzi ta' kwalità aktar baxxa; jenfasizza li l-utenti għandu jkollhom il-libertà tal-għażla fost għadd ta' fornituri;
6. Jenfasizza l-importanza ta' strateġija u ta' miżuri li jippromwovu l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriżi soċjali innovattivi, speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ u l-persuni żvantaġġati, sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar u aktar faċli għall-intraprendituri – kemm nisa u rġiel – għal programmi u finanzjament tal-UE tal-Istati Membri; jitlob għal sostenn adegwat biex jitkompla l-programm Erasmus Għal Imprendituri Żgħażagħ biex tittejjeb l-attrazzjoni u l-viżibilità tiegħu anke fl-ekonomija soċjali; ifakkar, madanakollu, li l-impjieg indipendenti għandu jiġi akkumpanjat bid-dispożizzjoni għal gwida suffiċjenti;
7. Jinnota d-diversità fi ħdan l-ekonomija soċjali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' kwalunkwe qafas legali ġdid fl-livell tal-UE għandu jkun fakultattiv għall-intrapriżi u ppreċedut minn valutazzjoni tal-impatt li tqis l-eżistenza ta' diversi mudelli tan-negozju soċjali fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tati prova ta' valur miżjud fl-UE kollha;
8. Jappoġġja l-inizjattivi fuq livell Ewropew biex jitkabbar u jissaħħaħ is-settur ta’ assoċjazzjoni diġà avvanzat f’diversi Stati Membri; jitlob għal statut Ewropew għal assoċjazzjonijiet li jikkomplementaw l-istatuti legali eżistenti fil-livell tal-Istati Membri;
9. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għas-simplifikazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea;
10. Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetajiet mutwi fl-Ewropa b'involviment mill-qrib tas-settur; jisħaq li s-soċjetajiet mutwi għandhom, permezz ta’ statut Ewropew, ikunu rikonoxxuti bħala attur distint u importanti fi ħdan l-ekonomija u s-soċjetà Ewropea; jenfasizza l-benefiċċji ta 'statut Ewropew biex jiffaċilita attività transkonfinali tas-soċjetajiet mutwi; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad ma introduċewx statut nazzjonali għall mutwalitajiet biex jagħmlu dan;
11. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-Istatura għal statut Ewropew tal-fondazzjonijiet;
12. Ifakkar li fil-COM (2004) 0018, il-Kummissjoni impenjat ruħha għal 12-il azzjoni konkreta biex issostni l-iżvilupp tal-kooperattivi, u jiddeplora l-fatt li s'issa ftit li xejn sar progress. jistieden lill-Kummissjoni tipproponi b'ambizzjoni - b'konformità mal-inizjattiva 2004 - aktar miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet operattivi għall-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, u b'hekk tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali inġenerali;
13. Jilqa’ l-adozzjoni tal-pakkett rivedut ta’ regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat rigward is-servizzi soċjali u lokali filwaqt illi jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli tiċċara dawn ir-regoli sabiex tiffaċilita l-fehim u l-applikazzjoni tagħhom minn awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi soċjali;
Intrapriżi li jwettqu l-għanijiet soċjali jew li jkollhom impatt soċjali
14. Jinnota li intrapriżi soċjali huma fornituri importanti tas-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali (SSGI); jenfasizza li ħafna drabi tali intrapriżi jitnisslu jew huma marbuta mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet volontarji u/jew assoċjazzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jipprovdu servizzi orjentati lejn il-persuna u jkunu ddisinjati sabiex jagħtu rispons għall-ħtiġijiet vitali tal-bniedem, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta' utenti li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli; ħafna drabi l-intrapriżi soċjali jsibu ruħhom bejn is-setturi tradizzjonali privati u pubbliċi li jwasslu servizzi pubbliċi, jiġifieri fil-qafas tal-akkwist pubbliku;
15. Iqis li l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) għandu jkun ikkunsidrat b’mod distint minn dak tan-negozju soċjali, minkejja li xi negozji kummerċjali b’attivitajiet CSR sinifikanti jista’ jkollhom interazzjoni qawwija man-negozju soċjali;
Perspettivi finanzjarji – it-titjib tal-ambjent legali u fiskali
16. Jemmen li l-programm pSCI għall 2014-2020, bil-mikrofinanzjament u l-assi ta' intraprenditorija soċjali tiegħu, jikkontribwixxi għall-isforz biex jiġi garantit aċċess aħjar għall-mikrokrediti għal mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali waqt li titqies id-diversità tal-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-intrapriżi soċjali;
17. Jemmen li strumenti finanzjarji differenti – bħall-Fondi Ewropej għall-Intraprenditorija Soċjali, il-Fondi Ewropej għal Kapital ta' Riskju u l-Fondi Angels Ewropej (EAF) - huma meħtieġa biex jitjieb l-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-intrapriżi soċjali;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati intrapriżi soċjali permezz ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, u jindika l-fondi relevanti skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Fond għall-Iżvilupp Rurali, il-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni, il-Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll Orizzont 2020); jitlob b'mod espliċitu l-appoġġ għal intrapriżi soċjali innovattivi, b'mod partikolari dawk li jippromwovu l-impjiegi ta' kwalità, jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u li jinvestu fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;
19. Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għandu jiġi ssimplifikat filwaqt li jkun hemm lok għal flessibbiltà adegwata fil-livell tal-Istati Membri, u li l-opportunitajiet ta' finanzjament għandhom jkunu disponibbli u reklamati b'mod ċar u, barra minn hekk, li r-rekwiżiti organizzattivi, amministrattivi u ta' kontabbiltà għandhom jiġu ssimplifikati;
20. Jirrimarka li l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ appoġġ finanzjarju se jkunu preċeduti minn analiżi tal-istrumenti attwali sabiex tiġi vverifikata l-effiċjenza tagħhom u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li jiġu akkwistati l-għodod li jkejlu u jqabblu r-ritorn soċjali tal-investiment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ta' suq tal-investiment aktar trasparenti;
21. Jikkunsidra li hu neċessarju li jinħolqu kundizzjonijiet li taħthom l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jiksbu l-indipendenza finanzjarja u jinvolvu ruħhom fl-attività tan-negozju kummerċjali;
22. Jemmen li l-proċessi ta’ ġestjoni responsabbli, bl-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament suġġetti għal sorveljanza u trasparenza xierqa, huma neċessarji sabiex l-attenzjoni tibqa’ fuq l-intraprenditorija soċjali u n-negozji soċjali;
Miżuri, appoġġ u promozzjoni
23. Jitlob li jsir studju komparattiv, mibdi mill-Kummissjoni u mwettaq b'kooperazzjoni ma' intrapriżi soċjali, dwar id-diversi oqfsa nazzjonali u reġjonali legali madwar l-UE, u dwar il-kundizzjonijiet operattivi u l-karatteristiċi għall-intrapriżi soċjali, inkluż id-daqs tagħhom u n-numru u l-qasam tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll dwar iċ-ċertifikazzjoni nazzjonali u s-sistemi ta' tikettar;
24. Jenfasizza li hemm differenza kbira fost l-intrapriżi soċjali f’termini ta’ forma, daqs, attività tan-negozju, ekonomija u kooperazzjoni; jinnota li jeżistu intrapriżi soċjali li huma fuq quddiem fl-iżvilupp tal-kampijiet tagħhom u li għandhom kapaċità adegwata għall-iżvilupp proprju, iżda li jeżistu wkoll intrapriżi fil-bżonn ta’ għarfien meta jiġu biex jistabbilixxu, jiżviluppaw u jimmaniġjaw l-intrapriża tagħhom;
25. Iqis li biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi soċjali f’livell Ewropew għandha tiġi nkuraġġita l-kostruzzjoni ta' punti ta' innovazzjoni soċjali, li jkollhom valur miżjud li jmur lil hinn minn sempliċement valur lokali; jikkunsidra, madanakollu, li intrapriżi soċjali, jekk jingħataw inċentivi adegwati, jistgħu jkunu importanti għall-impjieg ta' ħaddiema kwalifikati ta’ età ta’ aktar minn 50 sena li jkunu ħarġu mis-suq tax-xogħol;
26. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex titwaqqaf pjattaforma online multilingwi, aċċessiibli u li tista' tintuża faċilment għall-intrapriżi soċjali li għandha, fost oħrajn, tippermetti l-iskambju mudelli li taw prova tal-prestazzjoni tagħhom, trawwem l-iżvilupp tas-sħab, tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-aċċess għall-finanzjament u dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ, u li għandha sservi bħala netwerk għall-kooperazzjoni transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni lin-negozju soċjali taħt il-Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni;
27. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jitwaqqaf grupp ta’ esperti dwar in-negozju soċjali (GECES) sabiex jiġi osservat u evalwat il-progress tal-miżuri kkunsidrati fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2011)0682;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-fattibbiltà u x-xewqa li tiġi żviluppata “tikketta soċjali ewropea’ li għandha tingħata lill-intrapriżi soċjali, biex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku u dak soċjalment innovattiv mingħajr ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; jissuġġerixxi li l-intrapriżi li jġorru din it-tikketta għandhom jiġu mmonitorjati regolarment fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet stipulati fit-tikketta;
29. Jitlob għal regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku li japplikaw il-prinċipju ta' “l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament (MEAT)” minflok il-prinċipju ta' “l-ispiża l-aktar baxxa” meta jkunu qegħdin jinġarġu kuntratti għall-fornitura ta' servizzi;
30. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-fehim ta 'intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali, u l-għarfien dwarhom, u biex ttejjeb il-viżibbiltà tat-tnejn, billi ssostni r-riċerka akkademika, inter alia fil-kuntest tat-tmien Programm ta' Qafas 8 (Orizzont), u biex tniedi rapport regolari dwar l-attività fir-rigward tal-intrapriżi soċjali u l-prestazzjonijiet soċjali tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jsegwu fuq is-sejħa tal-Kummissjoni għal proposti biex jkun hemm statistika affidabbli dwar l-intrapriżi soċjali, żviluppata mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-intrapriżi soċjali fl-impjieg u fil-pjanijiet ta' azzjoni għall-inklużjoni soċjali, u jappoġġa t-twaqqif ta' ''Premju Ewropew għall-Intraprenditorija Soċjali“ biex jiġu rikonoxxuti l-effetti soċjali tagħha;
32. Jinnota li l-intrapriżi soċjali jeħtieġu livell massimu ta' appoġġ u aċċettazzjoni permezz ta' tqajjim tal-kuxjenza, mhux tal-inqas billi ssir enfasi fuq il-benefiċċji lil hinn minn dawk ta' natura purament ekonomika, u jitlob għal kampanja ta' informazzjoni wiesgħa, sostenuta mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mis-sħab soċjali, li għandha tiġi mnedija permezz tal-introduzzjoni ta' websajt aċċessibbli u multilingwali li jipprovdi informazzjoni fil-pront u faċli dwar il-prodotti u s-servizzi soċjali għaċ-ċittadini;
33. Jistieden lill-Istati Membri iqisu l-benefiċċji marbuta mal-inklużjoni ta' prinċipji ta' negozju soċjali/intraprenditorija soċjali u responsabbiltà soċjali fil-kontenut ta' programmi tal-iskejjel, l-universitajiet u ta' istituzzjonijiet edukattivi oħra, u ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, sabiex jgħinu fl-iżvilupp soċjali u l-kompetenzi ċivili u jappoġġjaw l-impjieg fi ħdan intrapriżi soċjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-edukazzjoni konvenzjonali u bbażata fuq l-internet ta' intraprendituri soċjali u jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-intrapriżi soċjali, l-intrapriżi kummerċjali u d-dinja akkademika sabiex titqajjem il-kuxjenza, u fehim aħjar, tal-intrapriżi soċjali, kif ukoll tal-ġlieda kontra sterjotipi li jistgħu jeżistu;
34. Jemmen li l-introduzzjoni ta’ qafas Ewropew komuni dwar il-pubblikazzjoni tad-dejta se jiżgura informazzjoni aktar ċara u effettiva tal-investiment fl-intrapriżi soċjali;
35. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li teduka u tikkunsidra l-użu possibbli ta' privattivi reqdin mill-intrapriżi soċjali biex tiffaċilita l-iżvilupp soċjali tagħhom, u jittama li jkun hemm miżuri konkreti fil-futur qarib.
o o o
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jissottometti din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.