Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2242(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0381/2012

Testi mressqa :

A7-0381/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2012 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0433

Testi adottati
PDF 215kWORD 45k
L-Erbgħa, 21 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 5/2012: Il-Fond ta' Solidarjetà wara t-terremoti fl-Emilia Romagna (Italja) u modifika tal-linja baġitarja għall-azzjoni preparatorja għas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011
P7_TA(2012)0433A7-0381/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni (16398/2012 – C7-0383/2012 – 2012/2242(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea għall-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1) (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni(4), u b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament maqbula mit-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura baġitarja 2012;

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, li l-Kummissjoni ressqitu lill-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Settembru 2012 (COM(2012)0536),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012, stabbilita mill-Kunsill fl-20 ta' Novembru 2012 (16398/2012 – C7-0383/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0381/2012),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012 jirrigwarda l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (EUSF) għal ammont ta’ EUR 670 192 359 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta' pagament bi rbit mas-sensiela ta' terremoti fl-Emilia-Romagna, l-Italja, f'Mejju 2012,

B.  billi l-iskop tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012 huwa li dan l-aġġustament baġitarju jiddaħħal b'mod formali fil-baġit 2012, u li l-linja baġitarja 16 05 03 01 – Azzjoni preparatorja – Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 tiġi modifikata biex is-“sing” għall-pagamenti fil-linja jiġi sostitwit b'entrata pro memoria (p.m.) biex ikunu jistgħu jsiru l-pagamenti finali,

C.  billi l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012, kif imressaq mill-Kummissjoni, ippropona żieda fil-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, fid-dawl tan-nuqqas globali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2012,

D.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2012, rigward mobilizzazzjoni oħra tal-EUSF, il-Parlament iddeplora bil-qawwa, għall-każ speċifiku tal-mobilizzazzjoni tal-EUSF, il-fatt li l-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja kienet ħalliet 8 ġimgħat jgħaddu qabel ma adottat il-pożizzjoni tagħha, u żammet mal-interpretazzjoni tagħha tal-Protokoll 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (skadenza għall-informazzjoni tal-parlamenti nazzjonali),

1.  Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012 kif imressaq mill-Kummissjoni;

2.  Iqis li hija ħaġa importanti ħafna li jsir rilaxx rapidu tal-assistenza finanzjarja permezz tal-EUSF għal dawk affettwati minn katastrofi naturali, u għalhekk jilqa' bi pjaċir il-preżentazzjoni fil-pront mill-awtoritajiet Taljani tal-applikazzjoni tagħhom għal assistenza finanzjarja mill-EUSF, kif ukoll il-preżentazzjoni fil-pront mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha għall-mobilizzazzjoni tal-EUSF;

3.  Jistieden lill-partijiet involuti kollha fl-Istati Membri, jiġifieri kemm dawk fil-livell lokali kif ukoll dawk fil-livell reġjonali, u lill-awtoritajiet nazzjonali, biex ikomplu jtejbu l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-koordinazzjoni għal applikazzjonijiet potenzjali futuri għall-EUSF bil-għan li jħaffu, kemm jista' jkun, il-mobilizzazzjoni tal-EUSF;

4.  Itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Kunsill biex ma jippreġudikax dawn l-isforzi favur it-twassil aktar fil-pront tal-assistenza tal-UE permezz ta' kwalunkwe posponiment indebitu tad-deċiżjoni tiegħu rigward kwistjoni sensittiva u urġenti bħal din;

5.  Ifakkar li għall-mobilizzazzjoni preċedenti tal-Fond (baġit emendatorju Nru 2/2012 rigward l-għargħar ta' Ottubru 2012 fil-Ligurja u fit-Toskana f'Ottubru 2011), l-awtorità baġitarja ma kellhiex għalfejn tipprovdi flejjes ġodda peress li nstabu xi sorsi mhux mistennija għal riallokazzjonijiet fl-ammont meħtieġ; jenfasiżża li n-nuqqas attwali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, li diġà jaffettwa għadd ta' programmi, b'mod partikolari dawk li fuqhom jiddependi ħafna l-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi adottat mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Ġunju 2012, jeskludi b'mod strett li tiġi prevista xi riallokazzjoni bħal din f'dan il-każ;

6.  Japprova, bla ma jemenda, il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2012 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgurali tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 56, 29.2.2012.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0232.

Avviż legali - Politika tal-privatezza