Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0330/2012

Testi mressqa :

A7-0330/2012

Dibattiti :

PV 20/11/2012 - 17
CRE 20/11/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2012 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0442

Testi adottati
PDF 235kWORD 75k
L-Erbgħa, 21 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-UE (2010)
P7_TA(2012)0442A7-0330/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar it-28 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2010) (2011/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-28 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-UE (2010) (COM(2011)0588),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat 'Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett “EU Pilot”' (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat 'It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot’ (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2007 intitolata 'Ewropa li Tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja' (COM(2007)0502),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet ma' min jilmenta fir-rigward ta' ksur tal-Liġi Komunitarja (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata “L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-27 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE (2009) (1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-26 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (2008) (2),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SEC(2011)0193, SEC(2011)0194 u SEC(2011)1626,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tul l-2010(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0330/2012),

A.  billi t-Trattat ta’ Lisbona introduċa numru ta’ bażijiet legali ġodda maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE;

B.  billi l-Artikolu 298 TFUE jiddikjara li fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

C.  billi l-ambjent, is-suq intern u t-tassazzjoni huma l-oqsma tal-politika l-aktar suxxettibbli għal vjolazzjonijiet u jikkostitwixxu 52% tal-każijiet kollha ta’ ksur;

1.  Ifakkar li l-Artikolu 17 TUE jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati’; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-poter u d-dmir tal-Kummissjoni li tipproċedi kontra Stat Membru li naqas milli jirrispetta obbligu skont it-termini tat-Trattati(4) jammontaw għall-ġebla tax-xewka tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni u bħala tali huma konsistenti mal-kunċett ta’ Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt;

2.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-istat tad-dritt bħala kundizzjoni għal-leġittimità ta’ kwalunkwe forma ta’ governanza demokratika, u biex ikun garantit b'mod sħiħ li ċ-ċittadini jgawdu d-drittijiet tagħhom kif ipprovdut bil-liġi;

3.  Japprova l-approċċ ta’ “regolamentazzjoni intelliġenti” tal-Kummissjoni li tiffoka fuq l-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fiċ-ċiklu ta' politika usa', li l-Kumitat jara bħala miżura preventiva ewlenija;

4.  Jinnota li l-proċedura ta’ ksur tikkonsisti f’żewġ fażijiet: l-istadju amministrattiv (investigazzjoni) u l-istadju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; iqis li r-rwol taċ-ċittadini bħala kwerelanti huwa kruċjali fil-fażi amministrattiva meta wieħed jiġi għall-iżgurar ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni fil-prattika;

5.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tuża numru kbir ta’ għodod sabiex il-proċess tat-traspożizzjoni jsir aktar faċli (listi ta’ kontroll tat-traspożizzjoni, manwali jew noti interpretattivi) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi aktar mill-qrib it-traspożizzjoni tad-direttivi qabel id-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni, partikolarment meta jkunu kkonċernati l-Istati Membri “b'rekord ħażin’, sabiex tkun tista’ tintervjeni malajr;

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-applikabilità diretta tad-dispożizzjonijiet ta’ direttivi meta dawn ikunu preċiżi biżżejjed u mhux kondizzjonati (“effett dirett’), skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b’mod konġunt u konsistenti biex tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ “gold-plating’;

8.  Jinnota li l-Kummissjoni reċentement ippubblikat komunikazzjoni ġdida dwar l-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (COM(2012)0154), fejn irrevediet il-kundizzjonijiet li bihom jiġi reġistrat ilment u għalhekk effettwat il-proċedura ta’ ksur b’mod ġenerali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tużax id-dispożizzjonijiet legali mhux vinkolanti meta tkun qed tittratta l-proċedimenti ta’ ksur iżda, pjuttost, li tipproponi regolament(5) sabiex il-Parlament ikun jista’ jiġi involut b’mod sħiħ bħala koleġiżlatur f’dan l-element essenzjali tal-ordni ġuridiku tal-UE;

9.  Jesprimi dispjaċir, madankollu, dwar in-numru enormi ta’ każijiet ta' nuqqas ta’ komunikazzjoni (470 pendenti fl-2010);

10.  Jiddeplora l-assenza fil-komunikazzjoni l-ġdida msemmija hawn fuq ta’ kull referenza għall-EU Pilot, li, kif ġie definit mill-Kummissjoni stess, huwa “metodu ta’ ħidma stabbilit sew” (6), li tuża biex tittratta lmenti bħala l-ewwel pass fil-proċedura ta’ ksur kulfejn wieħed seta’ jirrikorri għal din il-proċedura(7); jinnota li l-EU Pilot lanqas biss jissemma b’ismu fil-komunikazzjoni, u li ma hemm ebda referenza għal ebda wieħed mid-drittijiet jew il-protezzjoni mogħtija lill-kwerelant fil-qafas tal-EU Pilot; jikkonkludi, għalhekk, li d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni li jippreċedu jew jeskludu l-proċedura ta’ ksur ma jsegwux ir-regoli ta’ trasparenza u responsabilità u jittieħdu biss fid-diskrezzjoni sħiħa tal-Kummissjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-istatus tas-sistema tal-EU Pilot u tiddefinixxi b’mod ċar il-qafas u r-regoli tal-applikazzjoni tiegħu b’tali mod li ċ-ċittadini jifmuhom;

12.  Jinnota li n-numru ta’ Stati Membri li qed jipparteċipaw fl-EU Pilot (18 sal-aħħar tal-2010) kif ukoll in-numru kbir ta’ każijiet magħluqa wara li r-rispons mill-Istati Membri ġie vvalutat bħala aċċettabbli (81% tal-każijiet); jenfasizza l-importanza tal-kwalità ta’ dawn il-valutazzjonijiet, kemm f’termini ta’ informazzjoni valida u vverifikata u f’termini tal-osservanza tal-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja;

13.  Itenni l-fehma tiegħu li l-poter diskrezzjonali mogħti mit-Trattati lill-Kummissjoni fit-trattament tal-proċedura ta’ ksur għandu jirrispetta l-istat tad-dritt, il-prinċipju ta’ ċarezza legali, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-apertura u l-prinċipju tal-proporzjonalità, u li xejn ma għandu, taħt l-ebda ċirkostanzi, jipperikola l-iskop bażiku ta’ dan il-poter, li huwa li tiġi ggarantita l-applikazzjoni fil-ħin u korretta tal-liġi tal-Unjoni(8);

14.  Jinnota ċ-ċifra inkoraġġanti li jindikaw li 88% tal-każijiet ta’ ksur magħluqa fl-2010 “ma ntbagħtux lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-Istati Membri rregolaw il-kwistjonijiet legali mqajma mill-Kummissjoni qabel ma kien meħtieġ li jinbeda l-istadju li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur’; huwa tal-opinjoni, madanakollu, li jeħtieġ jitkompla l-monitoraġġ bir-reqqa tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, minħabba li ċerti petizzjonijiet jirreferu għal problemi li jippersistu anke wara li kwistjoni tkun ingħalqet (ara, pereżempju, il-petizzjonijiet 0808/2006, 1322/2007, 0492/2010, 1060/2010 u 0947/2011);

15.  Jenfasizza, b’mod ġenerali, li għandhom isiru sforzi addizzjonali biex tiżdied it-trasparenza u r-reċiproċità fil-komunikazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni; jinnota, pereżempju, li aċċess akbar għall-informazzjoni dwar ilmenti, fajls dwar ksur u mekkaniżmi oħra ta' infurzar jistgħu jiġu pprovduti mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjonijiet, u li interess pubbliku prevalenti jista’ jiġġustifika sew l-aċċess għal din l-informazzjoni, partikolarment f’każijiet fejn hemm ir-riskju ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ħsara irriversibbli lill-ambjent;

16.  Jinnota li biex l-UE Pilot isir operattiv, il-Kummissjoni ħolqot “bażi ta’ dejta onlajn kunfidenzjali” għall-komunikazzjoni bejn is-servizzi tagħha u l-awtoritajiet tal-Istati Membri; għal darb’oħra jiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqas ta’ trasparenza vis-à-vis l-kwerelanti fl-EU Pilot, u jtenni t-talba tiegħu li jingħata aċċess għall-bażi tad-dejta fejn jinġabru l-ilmenti kollha, biex il-Parlament ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ skrutinju tar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati;

17.  Jiddeplora l-assenza assoluta ta’ segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq dwar is-27 rapport annwali, u b’mod partikolari s-sejħa tiegħu għal liġi proċedurali fil-forma ta’ regolament skont l-Artikolu 298 TFUE li jistabbilixxi l-aspetti varji tal-proċedura ta’ ksur u l-proċedura preliminari, inkluż in-notifiki, il-limiti ta’ żmien obbligatorji, id-dritt tas-smigħ, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet, u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tiġi ggarantita t-trasparenza;

18.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, għal darb’oħra tipproponi “liġi proċedurali” fil-forma ta’ regolament skont il-bażi legali l-ġdida tal-Artikolu 298 TFUE;

19.  Jinnota, f’dan il-kuntest, ir-risposta tal-Kummissjoni għat-talba tal-Parlament għal liġi proċedurali, fejn esprimiet id-dubji tagħha rigward il-possibilità tal-adozzjoni ta’ kwalunkwe regolament futur imsejjes fuq l-Artikolu 298 TFUE minħabba l-poter diskrezzjonali mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattati sabiex “torganizza l-mod kif tiġġestixxi l-proċedimenti ta’ ksur u x-xogħol marbut mal-istess ħalli tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-Dritt tal-UE”; huwa konvint li tali liġi proċedurali m’għandha bl-ebda mod tillimita l-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni iżda sservi biss ta’ garanzija li fl-eżerċizzju tal-poter tagħha, il-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta’ “amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti” kif jingħad fl-Artikolu 298 TFUE u d-dritt ta’ amministrazzjoni tajba kif jipprovdi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-proċeduri ta' ksur, mhux l-inqas fid-dawl tal-possibilità għall-Parlament li jissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni; ifakkar f’dan il-kuntest li fil-Ftehim Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlament, il-Kummissjoni timpenja ruħha biex 'tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament informazzjoni fil-qosor dwar il-proċeduri kollha ta’ ksur mill-ittra ta’ tqegħid fil-mora, inkluż, jekk il-Parlament jitlob li jsir hekk, (...) dwar kwistjonijiet li tirrigwardahom il-proċedura ta’ ksur' u jistenna li din il-klawżola tiġi applikata fil-prattika in bona fede;

21.  Jindika li l-petizzjoni hija strument xieraq li għandu jintuża miċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi biex jirrapurtaw nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’livelli differenti; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tissalvagwardja t-trasparenza tal-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin billi tinforma liċ-ċittadini fil-ħin u b’mod xieraq bl-azzjoni li ttieħdet b'rispons għat-talba tagħhom;

22.  Jinnota li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkomplu jużaw il-mekkaniżmu tal-petizzjonijiet l-aktar biex jirraportaw fuq, u jilmentaw dwar, in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’livelli differenti; jenfasizza, fid-dawl ta’ dan, ir-rwol kruċjali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala l-ħolqa effettiva bejn iċ-ċittadin, il-Parlament u l-Kummissjoni;

23.  Jilqa’ s-sezzjoni speċifika dwar il-petizzjonijiet li tinsab fit-28 rapport annwali, kif mitlub mill-Parlament, li fiha l-Kummissjoni tagħti skeda ta’ petizzjonijiet ġodda li jkunu waslu; jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni li jindika li “petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew wasslu għal proċeduri ta' ksur’ f’numru ta' oqsma; jenfasizza li, anke meta l-petizzjonijiet ma jikkonċernawx infrazzjonijiet, dawn jipprovdu lill-Parlament u l-Kummissjoni b'informazzjoni notevoli dwar il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini;

24.  Jenfasizza n-numru sinifikanti ta’ petizzjonijiet li jaslu dwar kwistjonijiet relatati ma’ leġiżlazzjoni ambjentali, u l-aktar fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-iskart; ifakkar fil-punti enfasizzati mill-President tal-konferenza tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-UE, li saret fil-15 ta’ Ġunju 2011, u li rreferiet għan-nuqqas frekwenti ta' valutazzjonijiet tajbin tal-impatt ambjentali, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u diversi defiċjenzi oħra fl-operat tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart;

25.  Ifakkar li l-mandat oriġinali għall-Karta kien li jiġu kkodifikati d-drittijiet fundamentali li jgawdu ċ-ċittadini tal-UE u li l-kapijiet tal-istat u l-gvern b’mod ripetut iddikjaraw solennement li l-Karta tirrappreżenta d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jikkunsidraw mill-ġdid il-ħtieġa tal-Artikolu 51 tal-Karta u jħeġġiġhom biex unilateralment jiddikjaraw li huma mhumiex se jillimitaw id-drittijiet tal-individwi fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu;

26.  Jenfasizza li meta ċ-ċittadini jissottomettu petizzjoni lill-Parlament Ewropew jistennew li jkunu protetti bid-dispożizzjonijiet tal-Karta, indipendentement minn f’liema Stat Membru joqogħdu u jekk hix qed tiġi implimentata l-liġi tal-UE jew le; jibqa’ kkonċernat, f’dan ir-rigward, dwar il-fatt li ċ-ċittadini jħossuhom imqarrqa dwar il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-applikazzjoni tal-Karta; għalhekk, jikkunsidra li huwa essenzjali li jiġi spjegat sew il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta mill-perspettiva tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 51 tal-Karta;

27.  Jenfasizza li proporzjon konsiderevoli ta’ petizzjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali jikkonċerna l-moviment ħieles tal-persuni u li - kif jidher b’mod ċar fir-rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea tal-2010 - id-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE jirrappreżentaw kundizzjoni importanti biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tas-suq intern; jenfasizza li dan l-użu msaħħaħ miċ-ċittadini jista’ jillibera potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir tas-suq intern u għalhekk, fir-rigward tal-isfidi ekonomiċi attwali fl-Ewropa, itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f'dan ir-rigward biex jagħmlu sforzi akbar biex jiżguraw traspożizzjoni sħiħa u f'waqtha tal-liġi tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam;

28.  Ikompli jenfasizza li bl-istess mod iċ-ċittadini jħossuhom imqarrqa dwar l-applikabilità tal-liġi Komunitarja f’każijiet fejn tiġi trasposta tard; jinnota r-realtà ta’ frustrazzjoni meta ċ-ċittadini, li għalihom liġi Komunitarja applikabbli ma tkunx disponibbli minħabba l-fatt li tkun għadha ma ġietx trasposta mill-Istat Membru inkwistjoni, isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jirrikorru għal ebda mekkaniżmu ta’ rimedju;

29.  Jappoġġja l-fehma tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew li, fir-rigward tal-ammissibilità tal-petizzjonijiet, l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni Ewropea huma usa’ mill-kompetenzi tagħha; jenfasizza li dan il-kunċett għandu jservi bħala bażi għatt-trattament tal-petizzjonijiet mill-Parlament u l-Kummissjoni;

30.  Itenni li l-ilmenti individwali min-negozji u l-membri tal-pubbliku jibqgħu is-sors ewlieni biex jiġu rikonoxxuti każi ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u, sussegwentement, biex jinbdew proċeduri ta’ ksur; jitlob għalhekk, biex jiġu introdotti atti amministrattivi iktar effettivi u legalment vinkolanti, li jiddefinixxu b’mod sikur u affidabbli r-relazzjoni proċedurali bejn il-Kummissjoni u l-kwerelanti qabel, waqt u wara l-proċeduri ta’ ksur u għalhekk, għandha tissaħħaħ fuq kollox il-pożizzjoni tal-kwerelant individwali;

31.  Jilqa’ l-element ġdid fl-Artikolu 260 TFUE li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq Stat Membru għat-traspożizzjoni tard ta’ direttiva meta tkun qed tressaq każ quddiem il-Qorti skont l-Artikolu 258 TFUE;

32.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tagħmel użu mill-Artikolu 260(3) TFUE bħala prinċipju f’każijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kopert minn din id-dispożizzjoni, dwar it-traspożizzjoni ta’ direttivi adottati taħt proċedura leġiżlattiva;

33.  Iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-Kummissjoni tagħmel użu minn din il-possibilità, flimkien ma’ mezzi oħra possibbli biex jiġi ggarantit li l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjonijoni tal-Unjoni fil-ħin u b’mod korrett; dawk li jkaxkru saqajhom u għadhom ma implimentawx il-liġijiet fil-ħin għandhom jissemmew;

34.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, mindu ħareġ dan ir-rapport, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri laħqu ftehim dwar il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni li jistabbilixxu r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali (“tabelli ta’ korrelazzjoni’); jinnota li t-tliet istituzzjonijiet u l-Istati Membri qablu li jinkludu fid-direttivi premessa li tiddikjara li tabella ta’ korrelazzjoni għandha tingħata mill-Istat Membru kkonċernat meta, f'każ partikolari, dan ikun meħtieġ u proporzjonat;

35.  Jenfasizza li t-tabelli ta’ korrelazzjoni huma għodda ta’ valur kbir biex jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Parlament jissorveljaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni mill-Istati Membri, minħabba li r-relazzjoni bejn direttiva u d-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti spiss hija kumplessa ħafna u xi kultant kważi impossibbli li tinstab;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tittrażmetti linji gwida ċari lill-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien, l-inklużjoni u l-applikazzjoni ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni fil-liġi Komunitarja, u wkoll biex twettaq valutazzjoni trasparenti, li tagħti kontribut sinifikanti lejn il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din il-liġi fil-livell tal-Istati Membri;

37.  Jinnota li l-qrati nazzjonali għandhom rwol kruċjali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ u tikkoordina t-taħriġ ġudizzjarju għall-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u lill-professjonisti legali, l-uffiċjali u l-ħaddiema taċ-ċivil kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-livell Ewropew;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0377.
(2) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p.46.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0382.
(4) L-Artikoli 258 u 260 TFUE jiddefinixxu l-poteri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-inizjar ta’ proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 258 jiddisponi li l-Kummissjoni ”għandha toħroġ opinjoni motivata“ jekk tqis li l-Istat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu skont it-termini tat-Trattati.
(5) Ara l-paragrafu 7, li jsejjaħ għal “liġi proċedurali”.
(6) It-Tieni Rapport ta' Valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-EU Pilot (SEC(2011)1626), p. 7.
(7) Ara r-rapport imsemmi hawn fuq, p.3. Ara r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2010 msemmija hawn fuq.
(8) Il-Parlament iddikjara, fir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2010 msemmija hawn fuq, li “d-diskrezzjoni assoluta flimkien man-nuqqas assolut ta’ trasparenza huma fundamentalment kuntrarji għall-istat ta’ dritt’.

Avviż legali - Politika tal-privatezza