Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2309(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0284/2012

Testi mressqa :

A7-0284/2012

Dibattiti :

PV 20/11/2012 - 11
CRE 20/11/2012 - 11

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2012 - 5.13
CRE 21/11/2012 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0444

Testi adottati
PDF 414kWORD 101k
L-Erbgħa, 21 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
L-aspetti industrijali, enerġetiċi u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale
P7_TA(2012)0444A7-0284/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale (2011/2309(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu, li jiddikjara li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jistabbilixxu miżuri tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija, inter alia, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, fosthom, b'mod partikolari, l-Artikolu 192(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020’(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994, dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE(4),

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE dwar l-iżvilupp tal-gass tax-shale, inklużi: id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(5); id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(6); id-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni(7); id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(8); ir-Regolament 1907/2006/KE dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi(9); id-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali(10); id-Direttiva 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi(11); id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(12); id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)(13); id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità(14); u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020(15),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2011 dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050(16),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0284/2012),

A.  billi l-istima tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija hija li l-kapaċità globali ta’ likwefazzjoni se tiżdied minn 380 biljun metru kubiku (bcm) fl-2011 għal 540 bcm fl-2020,

B.  billi skont it-Trattati tal-UE, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw it-taħlita tagħhom ta' enerġija,

C.  billi l-iżvilupp tal-gass tax-shale jista' jkollu impatt sinifikanti fuq is-suq tal-gass naturali f'termini ta' dinamika u prezzijiet, kif ukoll fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija;

D.  billi s-sustanzi kimiċi użati għat-tkissir idrawliku għandhom jiġu rreġistrati mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ma jistgħux jirċievu approvazzjoni sakemm jiġi żgurat li ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent jew li ħsara bħal din titnaqqas (taħt ir-Regolament REACH);

E.  billi l-gass mhux konvenzjonali fil-forma ta’ gass kompressat, gass tax-shale u l-metan estratt mis-sodda tal-faħam diġà jikkontribwixxi għal iżjed minn nofs il-produzzjoni tal-gass fl-Istati Uniti, fejn l-ikbar żieda saret fil-gass tax-shale;

F.  billi ż-żejt diġà qed jiġi prodott mix-shales taż-żejt fl-Estonja u l-esplorazzjoni għaż-żejt mill-formazzjonijiet tax-shale saret fil-baċir ta’ Pariġi;

Aspetti dwar l-enerġija
Riżorsi potenzjali

1.  Jinnota li ġew imwettqa diversi stimi dwar ir-riżorsi tal-gass tax-shale fl-Ewropa, fosthom dawk mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għall-Informazzjoni dwar l-Enerġija u mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), u li diversi Stati Membri għandhom riżervi; jirrikonoxxi li għalkemm dawn l-istimi huma, fin-natura tagħhom stess, ineżatti huma juru l-eżistenza ta’ riżorsi indiġeni konsiderevoli tal-enerġija, li mhux kollha kemm huma, madankollu, jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli f'termini ta' estrazzjoni; jinnota wkoll li xi Stati Membri għandhom riżervi taż-żejt tax-shale u li sorsi oħra ta' żejt mhux konvenzjonali għad iridu jiġu esplorati fuq skala usa';

2.  Jemmen li min ifassal il-politika għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data xjentifika aktar eżatta, aġġornata u komprensiva biex ikun jista' jieħu deċiżjonijiet infurmati; jaqbel, għaldaqstant, mal-Kunsill Ewropew li l-potenzjal tal-Ewropa għall-estrazzjoni u għall-użu sostenibbli ta’ riżorsi tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale, mingħajr ma jitqiegħdu fir-riskju d-disponibilità u l-kwalità tar-riżorsi tal-ilma, għandu jiġi vvalutat u mmappjat sabiex potenzjalment tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista; jilqa’ l-valutazzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri u jħeġġiġhom ikomplu dan ix-xogħol, u jitlob il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi vvalutat il-potenzjal tar-riżervi tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale fl-UE billi tiġbor ir-riżultati mill-valutazzjonijiet tal-Istati Membri u minn riżultati disponibbli minn proġetti ta’ esplorazzjoni, kif ukoll billi tanalizza u tevalwa l-aspetti industrijali, ekonomiċi, ambjentali, tal-enerġija u tas-saħħa tal-produzzjoni domestika tal-gass tax-shale;

Swieqi tal-enerġija

3.  Jindika li ż-żieda kbira fl-użu tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti diġà kellha impatt pożittiv sinifikanti fuq is-suq tal-gass naturali u fuq il-prezzijiet tal-gass u l-enerġija, b’mod partikolari billi wassal biex il-gass naturali likwifikat li kien maħsub għas-suq tal-Istati Uniti jintbagħat mill-ġdid xi mkien ieħor; josserva li l-prezzijiet spot tal-Istati Uniti laħqu livell baxx storiku, u b’hekk wessgħu id-differenza fil-prezzijiet bejn l-Istati Uniti u Ewropa marbuta b’kuntratti fuq perjodu ta’ żmien twil, u għandhom impatt fuq il-kompetittività tal-ekonomiji u l-industriji Ewropej;

4.  Jinnota li skont l-Amministrazzjoni tal-Informazzjoni dwar l-Enerġija tal-Istati Uniti, huwa previst li l-produzzjoni domestika fl-Istati Uniti se tipprovdi 46 % tal-provvista tal-gass sal-2035;

5.  Jinnota li l-prezzijiet tal-gass fl-Istati Uniti għadhom neżlin, u dan joħloq sfidi addizzjonali ta’ kompetittività għall-UE;

6.  Jinnota li, hekk kif is-suq tal-gass qed isir aktar u aktar globali u interkonness, l-iżvilupp tal-gass tax-shale se jżid il-kompetizzjoni globali bejn gass u ieħor u għaldaqstant se jibqa’ jkollu effett kbir fuq il-prezzijiet; jindika li l-gass tax-shale se jsaħħaħ l-pożizzjoni tal-klijenti fir-rigward tal-fornituri tal-gass u għaldaqstant għandu jwassal għal prezzijiet aktar baxxi;

7.  Jinnota, min-naħa l-oħra, li hemm ħtieġa ta’ investimenti sinifikanti għat-twaqqif tal-infrastrutturi meħtieġa kollha relatati mat-tħaffir u l-ħżin, it-trasport u l-ipproċessar mill-ġdid tal-gass u l-fluwidu tal-fracking, li jridu jiġu koperti kompletament mill-industrija;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq tal-gass u t-tkabbir tal-ipprezzar ibbażat fuq postijiet ċentrali (“hub-based pricing’) fl-Ewropa, biex tindirizza, fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Enerġija tal-UE u tal-Istati Uniti, l-impatt potenzjali tal-iżvilupp dinji tal-gass tax-shale fuq is-suq tal-gass naturali likwifikat (LNG) u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet possibbli għall-kummerċ globali tal-LNG;

9.  Jenfasizza li fil-livell tal-UE l-prinċipju tas-sussidjarjetà f’termini ta’ soluzzjonijiet ta’ taħlita tal-enerġija japplika għall-esplorazzjoni u/jew l-estrazzjoni tal-gass tax-shale; jinnota, madankollu, li l-esplorazzjoni tal-gass tax-shale jista’ jkollha dimensjoni transkonfinali, b’mod speċjali meta t-tħaffir isir ħdejn il-konfini terrestri ma’ Stat Membru ieħor jew meta jaffettwa l-ilma ta' taħt l-art, l-arja jew il-ħamrija ta' iżjed minn pajjiż wieħed; jitlob li ssir divulgazzjoni sħiħa tal-kwistjonijiet tekniċi u ambjentali relatati mal-esplorazzjoni tal-gass tax-shale u kooperazzjoni xierqa mal-partijiet interessati kollha qabel u waqt il-konċessjonijiet;

10.  Josserva li l-konsum globali tal-gass naturali attwalment qed jiżdied, u li l-Ewropa għadha fost ir-reġjuni bl-ogħla ħtiġijiet ta’ importazzjoni ta’ gass; jinnota li skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, huwa previst li l-produzzjoni tal-gass domestiku fl-Ewropa se tonqos u d-domanda se tiżdied, u l-importazzjonijiet se jiżdiedu sa ma jilħqu madwar 450 bcm sal-2035; jirrikonoxxi, għaldaqstant, ir-rwol importanti tal-produzzjoni globali tal-gass tax-shale sabiex jiġu assigurati s-sigurtà u d-diversità tas-sorsi u l-fornituri tal-enerġija fuq perjodu medju u twil ta' żmien; huwa konxju mill-fatt li l-produzzjoni domestika tal-gass tax-shale tista' toffri opportunità għal xi Stati Membri biex jiddiversifikaw aktar is-sorsi tagħhom ta' forniment ta' gass naturali, filwaqt li titqies id-dipendenza tal-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali minn pajjiżi terzi; jirrikonoxxi li b'riżultat tat-tkabbir tal-produzzjoni tal-gass naturali mix-shales fl-Istati Uniti, issa huma disponibbli aktar provvisti tal-LNG għall-Ewropa, u li kombinazzjoni ta’ provvista domestika akbar ta’ gass naturali u iżjed disponibbiltà ta’ LNG jipprovdu opzjonijiet attraenti għad-diversità tal-provvista tal-gass;

11.  Jenfasizza, madankollu, li huwa kruċjali li jiġu adottati miżuri u politiki oħra għas-sigurtà tal-provvista, b'perspettivi fit-tul, bħaż-żieda sinifikanti fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar ta' enerġija filwaqt li jiġu assigurati infrastruttura u faċilitajiet suffiċjenti ta' ħżin, id-diversifikazzjoni tal-provvisti u tar-rotot ta' transitu, u l-bini ta’ sħubijiet affidabbli ma’ pajjiżi fornituri, pajjiżi ta’ transitu u pajjiżi konsumaturi abbażi tat-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u n-nondiskriminazzjoni, skont il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija u t-Tielet Pakkett tal-Enerġija tal-UE;

12.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq sa tmiem tal-2013 analiżi tal-ġejjieni tas-suq tal-gass dinji u tal-UE, li tinkludi l-impatt ta' proġetti ta' infrastruttura tal-gass li diġà huma ppjanati (bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-Kuritur tan-Nofsinhar), terminali ġodda tal-LNG, l-impatt tal-gass tax-shale fuq is-suq tal-gass tal-Istati Uniti (partikolarment fuq l-esiġenzi ta' importazzjoni ta' LNG), u l-impatt tal-iżviluppi eventwali tal-gass tax-shale fl-UE fuq il-futur tas-sigurtà tal-provvista u l-prezzijiet tal-gass; jemmen li l-analiżi għandha tirrefletti, u tqis bħala punt ta' tluq, l-istat attwali tal-iżvilupp tal-infrastruttura u l-miri tal-UE rigward l-emissjonijiet ta' CO2 għall-2020; jenfasizza li l-partijiet interessati kollha għandhom jiġu kkonsultati;

13.  Jenfasizza li suq intern tal-enerġija tal-UE li huwa kompletament funzjonanti, interkonness u integrat huwa wkoll essenzjali, inter alia mill-perspettiva li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-produzzjoni possibbli tal-gass tax-shale fl-UE, mingħajr impatt negattiv fuq l-ambjent u l-komunitajiet li jinstabu viċin is-siti tal-esplojtazzjoni ta’ dan it-tip; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod vigoruż jisħqu għal dan l-objettiv, b’mod partikolari billi tiġi assigurata tranżizzjoni bla xkiel u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija tal-UE u tal-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija, bil-għan li sal-2014 jiġu armonizzati u liberalizzati bis-sħiħ is-swieq Ewropej tal-operaturi tal-enerġja;

Tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata

14.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-gass se jkun sinifikanti għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, hekk kif iddikjarat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, peress li jirrappreżenta mod veloċi, temporanju u kosteffiċjenti biex titnaqqas id-dipendenza fuq fjuwils fossili oħra aktar maħmuġin qabel ma ssir it-tranżizzjoni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju kompletament sostenibbli, biex b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li attwalment jużaw ammonti kbar ta’ faħam fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, jekk il-valutazzjonijiet tal-impatt jikkonkludu li dawn l-operazzjonijiet m'għandhom l-ebda effett negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ilma ta’ taħt l-art, jew fuq il-komunitajiet lokali kontigwi;

15.  Jistieden liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta' data Ewropea komprensiva dwar il-marka tal-karbonju tal-gass tax-shale, biex jiffinalizza malajr l-analiżi tiegħu taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-estrazzjoni u l-produzzjoni tal-gass tax-shale, bl-għan li jkun żgurat li jitqiesu korrettament fil-ġejjieni;

16.  Jirrimarka wkoll li ċerti forom ta’ enerġija rinnovabbli – pereżempju l-enerġija mir-riħ – huma varjabbli u jeħtieġ li jkunu appoġġjati jew ibbilanċjati b'teknoloġija affidabbli u flessibbli; jesprimi l-opinjoni li l-gass naturali – inkluż il-gass tax-shale – jista’ jkun waħda mill-opzjonijiet disponibbli għal dak l-iskop fost ħafna soluzzjonijiet oħra bħal iżjed interkonnessjoni, il-ġestjoni u l-kontroll aħjar tas-sistema permezz ta' grids intelliġenti fil-livelli kollha tan-netwerks, il-ħżin tal-enerġija u l-ġestjoni mil-lat tad-domanda; jirrikonoxxi l-importanza tas-CCS sabiex tigi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-gass bħala sors ta' enerġija;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-ekonomiji tas-CCS għall-gass sabiex tħaffef l-iżvilupp u l-użu ta’ din it-teknoloġija; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-impatt probabbli tat-teknoloġija tas-CCS fuq il-flessibilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-gass, u għalhekk fuq ir-rwol tagħha bħala appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'konformità mal-istrateġija tal-UE ta' Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, tevalwa l-impatt ekonomiku u ambjentali tal-gass mhux konvenzjonali u l-prospetti għal dan il-gass fl-UE, filwaqt li tqies it-tagħlimiet li jistgħu jinsiltu mill-esperjenza u r-regolamentazzjoni tal-Istati Uniti f'dan il-qasam, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-livell ta' użu ta' gass mhux konvenzjonali fl-UE finalment ikun deċiż mis-suq u mid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-qafas tal-objettivi fit-tul tal-UE dwar il-politika tal-klima u l-enerġija;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproduċu valutazzjoni reġjonali tal-impatt taħt l-art sabiex tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-enerġija ġeotermali, il-gass tax-shale u riżorsi oħra ta’ taħt l-art, u għalhekk jiġu massimizzati l-benefiċċji għas-soċjetà;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tipprepara analiżi xjentifika ambjentali bir-reqqa tal-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale u l-impatt potenzjali tat-tekniki disponibbli;

Aspetti industrijali u ekonomiċi ta’ żejt u gass mhux konvenzjonali
Ambjent industrijali

21.  Ifakkar li ż-żieda massiva fil-produzzjoni tal-gass tax-shale ġiet appoġġjata minn ambjent industrijali stabbilit, inklużi numri suffiċjenti ta’ pjattaformi taż-żejt, il-ħaddiema meħtieġa u industrija tas-servizz li hi ta’ esperjenza u mgħammra sew; huwa konxju mil-fatt li fl-UE jrid jgħaddi ż-żmien biex is-settur neċessarju tas-servizzi jibni kapaċità adegwata u biex il-kumpaniji jakkwistaw it-tagħmir u l-esperjenza meħtieġa u li dan aktarx jikkontribwixxi ukoll għal kostijiet ogħla fuq perjodu qasir ta’ żmien; jinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn il-kumpaniji rilevanti tal-UE u tal-Istati Uniti bil-għan li jiġu applikati “green completions”, l-Aħjar Teknoloġiji Disponibbli u proċessi industrijali li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet; jemmen li l-aspettattivi dwar il-pass tal-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-UE għandhom ikunu realistiċi u li kwalunkwe estrazzjoni kummerċjali potenzjali għandha tiddaħħal u tiġi rregolata gradwalment, sabiex jiġu evitati ċikli ekonomiċi “boom-and-bust” bl-impatti lokali negattivi sinifikanti tagħhom;

22.  Jindika li qafas regolatorju stabbli huwa essenzjali kemm sabiex jinħoloq l-ambjent tajjeb għall-kumpaniji tal-gass sabiex jinvestu f’infrastruttura u riċerka u tkabbir bżonjużi ħafna, u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri interessati li jiżviluppaw il-gass tax-shale sabiex jintroduċu l-ħiliet meħtieġa fis-sistemi prinċipali tagħhom tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, sabiex iħejju l-forza tax-xogħol meħtieġa;

24.  Jindika li l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-gass u ż-żejt tax-shale mhijiex unika għall-Ewropa u li hemm interess kbir fl-iżvilupp ta’ riżorsi ġodda ta’ żejt u gass bħala mezz għat-titjib tal-kompetittività tal-enerġija u dik ekonomika f’ħafna pajjiżi u reġjuni fl-Asja, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, l-Afrika u l-Awstralja; jenfasizza l-ħtieġa li l-gass u ż-żejt tax-shale jiġu inklużi fid-djalogu bilaterali u s-sħubijiet tal-UE mal-pajjiżi li diġà qegħdin jiżviluppaw riżorsi mhux konvenzjonali jew li huma interessati fl-iżvilupp u/jew l-użu tagħhom, għall-iskambju tal-kompetenza u l-aħjar prassi;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu kkunsidrati t-teknoloġiji futuri ġodda kollha fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija; jitlob aktar attività ta' riċerka u żvilupp rigward għodod u teknoloġiji, inkluż is-CCS, sabiex tiġi esplorata l-possibilità ta' żvilupp aktar sostenibbli u sikur tal-gass mhux konvenzjonali; jirrikonoxxi, għalhekk, ir-rwol usa’ li t-teknoloġija u l-innovazzjoni fis-settur tal-gass jistgħu jikkontribwixxu għall-bażi tal-ħiliet u l-kompetittività tal-UE;

26.  Jinnota l-iżviluppi teknoloġiċi fl-Awstrija, fejn l-industrija qed tipproponi l-użu ta’ fluwidi tal-fracking li jinkludu biss ilma, ramel u lamtu tal-qamħirrun; jirrakkomanda li Stati Membri oħra u l-Kummissjoni jeżaminaw il-possibilità tal-estrazzjoni ta’ gass tax-shale mingħajr l-użu ta’ sustanzi kimiċi, u jitlob iżjed attività ta' riċerka u żvilupp rigward tali tekniki u/jew prattiki li jistgħu jnaqqsu l-impatti potenzjali fuq l-ambjent;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq rakkomandazzjonijiet sabiex il-bjar kollha tal-gass tax-shale tal-UE jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan li jaħarbu;

Qafas tal-ħruġ ta' liċenzji

28.  Jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu fis-seħħ reġim regolatorju robust u jiżguraw ir-riżorsi amministrattivi u ta’ monitoraġġ meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet kollha marbutin mal-gass tax-shale, fosthom dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien ambjentali u klimatiku; ifakkar li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kull Stat Membru għandu d-dritt jiddeċiedi għalih innifsu rigward l-esplojtazzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale;

29.  Jinnota li l-proċedura attwali ta’ ħruġ ta' liċenzji għall-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale hija regolata mill-leġiżlazzjoni ġenerali dwar it-tħaffir u l-idrokarburi; jinnota li skont ir-Rapport Finali dwar il-Gass Mhux Konvenzjonali fl-Ewropa tat-8 ta' Novembru 2011 imħejji mill-Kummissjoni u n-Nota ta' Trażmissjoni dwar il-qafas legali ambjentali tal-UE applikabbli għal proġetti tal-gass tax-shale tas-26 ta' Jannar 2012 imħejjija mill-Kummissjoni, il-qafas leġiżlattiv tal-UE jkopri b'mod adegwat l-aspetti kollha tal-ħruġ ta' liċenzji għall-gass tax-shale, l-esplorazzjoni bikrija u l-produzzjoni; jinnota, madankollu, li l-estrazzjoni fuq skala kbira tal-gass tax-shale tista’ teħtieġ l-adattament komprensiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti kollha tal-UE, inkluż ir-REACH, sabiex jiġu koperti l-ispeċifiċitajiet tal-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri biex, mingħajr dewmien, jivverifikaw u, fejn meħtieġ, itejbu l-oqfsa regolatorji sabiex tiġi assigurata l-adegwatezza tagħhom għall-proġetti tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale, b’mod speċjali bil-għan li jkunu ppreparati għall-produzzjoni futura possibbli fuq skala kummerċjali fl-Ewropa kif ukoll sabiex jiġu indirizzati riskji ambjentali;

30.  Jenfasizza l-importanza ta’ trasparenza u ta’ konsultazzjoni sħiħa mal-pubbliku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-introduzzjoni ta’ approċċ ġdid għall-esplorazzjoni tal-gass; jindika li f’xi Stati Membri hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni pubblika fil-fażi ta’ awtorizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jaraw jekk hijiex tittieħed kunsiderazzjoni xierqa ta’ dan l-aspett, inkluża l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus u d-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-liġi tal-Unjoni;

31.  Jesprimi l-opinjoni li l-Istati Membri li jidħlu għal proġetti tal-gass tax-shale għandhom jadottaw approċċ uniku għall-awtorizzazzjoni u għall-ħruġ ta' liċenzji u għall-verifika ta’ konformità ma’ regolamenti ambjentali (inkluża valutazzjoni tal-impatt ambjentali obbligatorja), li hija l-prattika normali f’xi Stati Membri għall-proġetti kollha tal-enerġija;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-modifiki fil-qafas legali meħtieġa għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-esplorazzjoni tal-gass tax-shale jeħtieġu l-approvazzjoni mandatorja tal-awtoritajiet lokali konċernati;

L-opinjoni pubblika u l-aħjar prassi
L-attitudni tal-pubbliku

33.  Huwa konxju mill-fatt li l-attitudni tal-pubbliku għall-iżvilupp tal-gass tax-shale tvarja bejn l-Istati Membri, u li l-attitudnijiet negattivi jistgħu jkunu kkawżati minn nuqqas ta' informazzjoni jew informazzjoni ħażina; jitlob li tittejjeb it-trażmissjoni tal-informazzjoni pubblika relatata mal-operazzjonijiet tal-gass tax-shale b’mod trasparenti u oġġettiv, u jappoġġja l-ħolqien ta’ portali li jipprovdu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni pubblika dwar tali operazzjonijiet; iħeġġeġ lill-kumpaniji li qed jikkunsidraw l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fl-UE biex jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar l-attivitajiet tagħhom, jikkonsultaw mal-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet lokali qabel ma jibdew iħaffru, u jiżvelaw pubblikament is-sustanzi kimiċi kollha li jużaw fit-tkissir idrawliku, inklużi l-konċentrazzjonijiet użati, wara l-valutazzjoni tal-formazzjoni tax-shale;

34.  Jemmen li l-aħjar mod biex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u fi żmien oportun tal-komunitajiet lokali huwa permezz ta' valutazzjoni obbligatorja tal-impatt ambjentali, livell għoli ta' trasparenza, u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti proposti tal-gass tax-shale, irrispettivament mid-dewmien u l-kobor tal-proġett;

35.  Jinnota li huwa importanti ħafna li operaturi tal-gass tax-shale tal-UE jniedu u jibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-komunitajiet lokali f’kull stadju tal-operat tagħhom, ladarba l-UE għandha densità tal-popolazzjoni aktar għolja mill-Istati Uniti u s-sidien tal-art fl-Ewropa mhumiex sidien ta’ riżorsi taħt l-art u għaldqastant ma jibbenefikawx direttament mill-estrazzjoni bħalma jiġri fl-Istati Uniti; jitlob, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ oqsfa li huma kompetittivi għall-industrija iżda fl-istess ħin jippermettu li l-komunitajiet nazzjonali u lokali jibbenefikaw mir-riżorsi tal-gass tax-shale; jistieden ukoll lill-kumpaniji tal-gass tax-shale biex jistabbilixxu prattiki komunitarji responsabbli, jiżguraw li l-komunitajiet lokali jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-gass tax-shale, jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas', u jkopru l-kostijiet ta' kwalunkwe ħsara diretta jew indiretta li jistgħu jikkaġunaw;

36.  Jirrikonoxxi li għandu jkun hemm enfasi fuq djalogu trasparenti u miftuħ mas-soċjetà ċivili kemm matul il-fażi ex ante kif ukoll matul dik ta' monitoraġġ, abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli u filwaqt li jiġu indirizzati b’mod ċar il-kwistjonijiet ta’ tnixxijiet ta’ gass u tal-impatt tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale fuq l-ilmijiet ta’ taħt l-art, il-kampanja, l-agrikoltura u l-industrija tat-turiżmu; ifakkar li l-baġit tal-2012 tal-UE jinkludi allokazzjoni maħsuba għall-finanzjament ta’ proġetti pilota u attivitajiet oħra ta’ appoġġ bil-għan li jistimulaw djalogu bħal dan; jikkunsidra li dan għandu jiġi organizzat b’mod newtrali u b’kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, il-komunitajiet lokali, il-pubbliku ġenerali, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

37.  Jenfasizza l-importanza ta' governanza korporattiva trasparenti tal-kumpaniji taż-żejt u l-gass involuti f'attività marbuta mal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale;

L-aħjar prassi

38.  Jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza, tal-aħjar teknoloġiji disponibbli u l-aħjar prattiki operattivi fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-gass tax-shale, u tat-titjib kontinwu tat-teknoloġiji u tal-prattiki u l-minimizzazzjoni tal-effetti ħżiena; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġu żgurati livelli sinifikanti ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-industrija; jilqa’ l-inizjattivi min-naħa tal-AIE u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt u l-gass sabiex jiddefinixxu l-aħjar prattiki fl-esplorazzjoni u fil-produzzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale;

39.  Jemmen li t-tħassib dwar il-potenzjal tal-iżvilupp tal-gass tax-shale li jagħmel ħsara lill-provvisti tal-ilma permezz ta’ tnixxija minn bjar jista’ jiġi indirizzat permezz tal-adozzjoni tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp u l-bini tal-bjar, b’mod speċjali fil-kisi, l-applikazzjoni tas-siment, u l-ġestjoni tal-pressjoni, flimkien mal-ittestjar tal-pressjoni tal-kisi bis-siment u logs imwaħħla bis-siment ta’ teknoloġija avvanzata sabiex tiġi kkonfermata l-formazzjoni tal-iżolament; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li dawn il-prattiki jiġu segwiti fl-iżvilupp tal-gass tax-shale, inter alia permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post;

40.  Jenfasizza li bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prattiki aħjar ibbażati fuq regolamenti robusti, l-operaturi u l-industriji tas-servizzi mhux biss itejbu l-aċċettazzjoni pubblika ta’ proġetti marbutin mal-gass tax-shale iżda jiksbu wkoll opportunitajiet kummerċjali u jtejbu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni, meta wieħed iqis l-isfidi ambjentali globali tal-esplorazzjoni tal-gass mhux konvenzjonali; jirakkomanda, għalhekk, li l-Istati Membri jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-AIE fid-dokument ta’ referenza komprensiv dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BAT) dwar it-tkissir idrawliku, hekk kif ikun disponibbli;

41.  Jenfasizza l-bżonn għall-ogħla standards ta’ sikurezza u ambjentali u ta’ spezzjonijiet regolari waqt stadji kritiċi tas-sikurezza fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ bjar u tat-tkissir idrawliku; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-operaturi għandhom inaqqsu l-ivvampjar u l-ivventjar u għandhom jirkupraw il-gass, jaqbdu l-emissjonijiet li jaħarbu u jużaw mill-ġdid/jittrattaw l-ilma mormi; jistieden lill-UE sabiex issegwi l-eżempju tal-Istati Uniti fir-rigward tal-istandards ambjentali dwar il-gass tax-shale għat-tkissir idrawliku li jirrikjedu li l-kumpaniji jaqbdu l-metan u emissjonijiet oħra ta’ gassijiet li jniġġsu, kif introdotti mill-Aġenzija għall-Ħarsien Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA);

42.  Jistieden, barra minn hekk, lill-operaturi tal-gass tax-shale sabiex jittestjaw il-bjar domestiċi tal-ilma li huma qrib il-bjar tagħhom kemm qabel kif ukoll waqt il-produzzjoni, u jiżvelaw l-informazzjoni li tirriżulta lill-pubbliku b’mod aċċessibbli, li jiftiehem u trasparenti;

43.  Jenfasizza l-importanza li l-operaturi jirreklamaw u jirkupraw l-art użata u jwettqu sorvelajnza post-operattiva meta l-attivitajiet tagħhom jaslu fi tmiem;

44.  Iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, imma anke bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada; b’mod partikolari, jinkoraġġixxi l-ġemellaġġ bejn bliet u muniċipji Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq li skoprew il-gass tax-shale; jenfasizza l-importanza tat-trasferiment tal-għarfien dwar l-iżvilupp tal-gass tax-shale mill-industrija għall-komunitajiet lokali;

45.  Iħeġġeġ lill-industrija tal-gass u ż-żejt tax-shale biex japplikaw, b’mod uniformi, l-ogħla standards ambjentali u ta’ sikurezza kull fejn ikunu qed joperaw kumpaniji fid-dinja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina liema mekkaniżmi jistgħu jkunu xierqa sabiex jiżguraw li l-kumpaniji b’bażi fl-UE joperaw globalment skont l-ogħla standards; jemmen li r-responsabbiltà tal-kumpaniji għandha tkun il-forza ewlenija f'dan il-qasam, u li s-sistemi ta' ħruġ ta' liċenzji tal-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw inċidenti globali li jinvolvu kumpaniji fil-ħruġ ta' liċenzji, sakemm dawn l-inċidenti huma akkumpanjati b'eżamijiet dettaljati;

46.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġu appoġġjati u kofinanzjati l-attivitajiet li għandhom l-għan li joħolqu pjattaformi indipendenti magħmula minn rappreżentanti mill-isfera tal-industrija u tax-xjenza bl-għan li jingħataw opinjonijiet u li jiġu stabbiliti prattiki tajba marbuta mat-teknoloġiji nodfa ta' estrazzjoni tal-gass tax-shale;

47.  Ifakkar li l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas’ irid jiġi applikat konsistentement għal operazzjonijiet tal-gass u ż-żejt tax-shale, partikolarment fir-rigward tat-trattament tal-ilma mormi, u li kumpaniji jridu jkunu kompletament responsabbli għal kull dannu dirett jew indirett li jistgħu jikkawżaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tressaq proposti sabiex tinkludi speċifikament it-tkissir idrawliku u attivitajiet oħra relatati mal-estrazzjoni tal-gass tax-shale taħt fid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u tobbliga lill-operaturi tal-gass tax-shale li jipprovdu sigurtà finanzjarja obbligatorja jew rekwiżiti ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ kwalunkwe ħsara ambjentali konnessa mal-attivitajiet tagħhom, sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-popolazzjonijet ikkonċernati;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 64.
(2) P7_TA(2011)0430.
(3) ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3.
(4) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.
(5) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
(6) ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
(7) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(8) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(9) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(10) ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.
(11) ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.
(12) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(13) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
(14) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(15) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.
(16) COM(2011)0885.
(17) COM(2011)0658.

Avviż legali - Politika tal-privatezza