Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali 2011 dwar l-attività tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (2011/2317(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Tratta dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 24, 227, 228, 258 u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0240/2012),
A. billi, soġġett għal Protokoll 30 tat-Trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; billi l-istess Trattat jistabbilixxi wkoll il-bażi legali għall-UE biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropea;
B. billi r-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropea(1) jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, u billi l-Parlament huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku għal inizjattivi ta’ suċċess li jiżguraw aktar minn miljun firma minn minimu ta’ seba’ Stati Membri;
C. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu d-dmir li jagħmel reviżjoni kostanti u, fejn hu possibbli, itejjeb ir-rwol tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prinċipji demokratiċi, bħal ma hija l-parteċipazzjoni miżjuda taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u ż-żieda fit-trasparenza u responsabilità; u billi fl-attività regolari tiegħu, il-Kumitat jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew u korpi oħra sabiex jiżgura li l-liġi tal-UE tkun għal kollox rispettata kemm fil-prattika kif ukoll fl-ispirtu;
D. jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-ħolqien ta’ punt uniku ta’ servizz maħsub għaċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jiksbu informazzjoni jew jissottomettu talba jew ilment permezz tal-portal “Drittijiet tiegħek fl-UE” ,
E. jilqa’ l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fil-ġurisprudenza ERT tenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri huma marbuta wkoll mad-drittijiet fundamentali supremi tal-Unjoni, anke jekk iridu jillimitaw il-libertajiet fundamentali żgurati bit-TFUE permezz ta’ miżuri nazzjonali,
F. billi ċ-ċittadini u r-residenti Ewropej għandhom aspettattivi leġittimi li l-kwistjonijiet li jqajmu mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jsibu soluzzjoni mingħajr dewmien żejjed fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, li huma jistennew minnu li jirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, u b'mod partikolari li jiddefendi l-ambjent naturali, is-saħħa, il-moviment ħieles, id-dinjità u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;
G. billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipprovdu aktar informazzjoni u jkunu aktar trasparenti fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini Ewropej,
H. billi 998 petizzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli, u minn dawk 649 tressqu quddiem il-Kummissjoni għal investigazzjoni ulterjuri skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat; u 416-il petizzjoni ġiet iddikjarata mhux ammissibbli;
I. billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista’ jikkumplimenta strumenti oħra Ewropej li huma disponibbli għaċ-ċittadini, bħall- possibilità li jippreżentaw l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew jew lill-Kummissjoni Ewropea;
J. billi fl-2011 in-numru ta' petizzjonijiet mhux ammissibbli komplew ikunu sinifikanti, li għal darba oħra indika li l-Parlament għandu jżid l-isforzi tiegħu biex jinforma liċ-ċittadini dwar il-limiti tal-qasam ta' azzjoni tiegħu fir-rigward tad-dritt ta' petizzjoni; billi kkunsidra li individwi, komunitajiet lokali, u għaqdiet volontarji, tal-karità u professjonali qegħdin f’pożizzjoni tajba biex jivvalutaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni Ewropea kif tapplika għalihom, u biex jissenjalaw liċ-ċittadini l-lakuni possibbli li jeħtieġu li jiġu analizzati sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar u aktar kumparabbli tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha;
K. billi, fir-rigward tal-analiżi statistika li hemm f’dan ir-rapport, iċ-ċittadini Ġermaniżi jibqgħu jissottomettu l-akbar numru ta’ petizzjonijiet, għalkemm dan qed jonqos b’mod proporzjonali, segwit minn petizzjonanti Spanjoli u Taljani;
L. billi l-qasam ta' azzjoni, u l-modus operandi, tad-dritt ta' petizzjoni mogħti liċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, skont it-termini tat-Trattat, ivarjaw minn rimedji oħra disponibbli għaċ-ċittadini, bħal per eżempju t-tressiq ta' lmenti lill-Kummissjoni jew lill-Ombudsman, u billi l-Istati Membri, li jużaw il-kriżijiet bħala pretest, qegħdin dejjem aktar jagħżlu li jittraskuraw dan id-dritt, li huwa tħassib importanti għaċ-ċittadini Ewropej;
M. billi l-inkwiet ewlieni marbut mat-tema ġenerali tal-ambjent huwa l-applikazzjoni ħażina u ħafna drabi żgwidata mill-Istati Membri u l-entitajiet sottonazzjonali tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA)(2) u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart(3); billi l-petizzjonijiet li jallegaw ksur tad-Direttivi tal-Għasafar u tal-Ħabitats ħafna drabi jqajmu tħassib ta’ telf serju ta’ bijodiversità bħala riżultat ta’ proġetti ewlenin ippjanati fis-siti tan-Natura 2000 u l-petizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilma żvelaw każijiet gravi ta’ tniġġis u qajmu wkoll tħassib dwar l-impatti possibbli ta' proġetti dwar is-sostenibilità u l-kwalità tar-riżorsi akkwatiċi;
N. billi d-Direttiva VIA qiegħda attwalment tiġi riveduta u li r-rapport mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ skart juri nuqqasijiet serji f’għadd ta’ Stati Membri, billi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva tibqa' mhux suffiċjenti u billi din il-problema mhux se tkun solvuta b'reviżjoni imma b'kontroll aktar effettiv mill-Kummissjoni;
O. billi d-dritt taċ-ċittadini u residenti tal-Ewropa għall-proprjetà akkwistata b’mod leġittimu tagħhom tibqa’ kwistjoni ta’ sinifikanza kbira, għal ħafna eluf ta' nies, kif jidher mill-petizzjonijiet li għadhom qed jiġu rċevuti dwar dan is-suġġett, u billi mingħajr soluzzjoni ta' din il-problema mill-awtoritajiet kompetenti m'hemmx ċans ta' ċertezza legali tal-assigurazzjonijiet, jew fiduċja fl-istess assigurazzjonijiet li s-swieq tal-proprjetà transkonfinali se jieħdu r-ruħ, li joħolqu konsegwenzi serji għall-prospetti ta' rkupru ekonomiku, u billi b'mod partikolari fl-2011 kien hemm 70 petizzjoni pendenti relatati mal-Ley de Costas Spanjola, b'51 petizzjoni identifikabbli bħala tali ġejjin minn ċittadini Spanjoli jew gruppi ta' ċittadini Spanjoli u d-19 li kien baqa' minn ċittadini ta' nazzjonalitajiet oħra;
P. billi fir-Rapport Annwali preċedenti tiegħu, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet apprezza bil-kbir il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Ombudsman Ewropew fir-rigward tat-trattament ta' petizzjonijiet u lmenti, u billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ripetutament talab li jiġi infurmat mill-Kummissjoni bl-iżviluppi fil-proċeduri ta’ ksur pendenti, li s-suġġett tagħhom huwa kopert ukoll mill-petizzjonijiet;
Q. billi ħafna petizzjonijiet sostnew li l-fondi tal-UE intużaw ħażin jew b’mod illegali u oħrajn jallegaw funzjonament ħażin fl-amministrazzjoni tal-UE, inklużi kunflitti ta’ interess f’aġenziji influwenti, jew jitolbu li jsir tibdil fil-politiki tal-UE;
R. billi n-nuqqasijiet u l-problemi li affrontaw in-nies minħabba t-tħaddim ħażin tas-suq intern, kif muri mill-petizzjonijiet, huma kkonfermati mir-Rapport Ewropew taċ-Ċittadinanza tal-2010(4) tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-UE u l-membri familjari tagħhom, sakemm dawn ikunu kompletament leġittimi, l-aċċess għal drittijiet tas-sigurtà soċjali, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, l-ostakli li jaffrontaw il-persuni b’diżabilità, kwistjonijiet ta’ liġi tal-familja u t-tkeċċijiet kollettivi fuq bażi ta’ oriġini etnika jew nazzjonali bħal dawk li qed jaffettwaw lir-Roma, inklużi wkoll kwistjonijiet ta’ tassazzjoni doppja;
S. billi anke fl-2011 għadd sinifikanti ta’ petizzjonijiet ġew sottomessi minn ċittadini li indikaw l-importanza li jiġi evitat telf irreparabbli fil-bijodiversità, fir-rigward ta’ siti tan-Natura 2000, kif ukoll l-iżgurar tal-ħarsien ta’ żoni definiti taħt id-Direttiva tal-Habitats;
T. billi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011 fil-każ T-308/07 laqgħet l-ilment tal-petizzjonant kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat li jiddikjara l-petizzjoni tiegħu inammissibbli, u b'dan l-għemil ħareġ ċar li meta l-petizzjonijiet jiġu ddikjarati inammissibbli, il-Parlament irid jagħti raġunijiet tajbin għal dan;
U. billi l-effiċjenza tal-ħidma tal-Kumitat hija, fil-parti l-kbira tagħha, ir-riżultat tar-ritmu u r-reqqa, imma dan jista’ jkompli jitjieb b’mod partikolari billi jiġi ottimizzat it-tul ta’ żmien tal-proċess tal-petizzjonijiet, u permezz ta’ sistematizzazzjoni tal-proċeduri għall-valutazzjoni tagħhom;
1. Jinnota li l-petizzjonijiet irċevuti fl-2011 komplew jiffukaw fuq ksur allegat tal-liġi tal-UE fl-oqsma tal-ambjent, il-ġustizzja u s-suq intern, li jirriflettu l-opinjonijiet taċ-ċittadini dwar jekk il-leġiżlazzjoni Ewropea, kif inhi trasposta u implimentata mill-Istati Membri, hijiex attwalment qed twassal ir-riżultat mistenni u hijiex qed tagħti rispons għal-liġi tal-UE;
2. Jinnota l-għadd li dejjem qed jiżdied ta’ petizzjonijiet u sottomissjonijiet oħra minn ċittadini li jfittxu rimedju legali u finanzjarju dwar kwistjonijiet li jaqgħu lil hinn mill-qasam ta’ kompetenza tal-UE skont l-Artikolu 227 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħal, pereżempju, talbiet li jiġi rivedut il-kalkolu tal-pensjonijiet nazzjonali, biex jiġu annullati deċiżjonijiet minn qrati nazzjonali, biex jiġu appoġġjati proposti ħalli jitfasslu mill-ġdid il-fruntieri Ewropej, biex bank jiġi mġiegħel jagħti self personali, eċċ.; jappoġġja bis-sħiħ l-azzjoni meħuda mid-Direttorati Ġenerali tal-Parlament sabiex tinstab soluzzjoni biex jiġu indirizzati dawn is-sottomissjonijiet minn ċittadini filwaqt li jiġu kkunsidrati l-obbligi tal-Parlament rigward il-korrispondenza tiegħu maċ-ċittadini;
3. Jemmen li r-rwol u r-responsabilitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jitwettqu l-aħjar, u l-viżibilità, l-effiċjenza, ir-responsabilità, u t-trasparenza tiegħu jissaħħu l-aħjar, jekk il-mezzi li bihom jista' jressaq kwistjonijiet ta' importanza għaċ-ċittadini Ewropej fil-plenarja jkollhom jitjiebu, u jekk il-kapaċitajiet tiegħu li jsejjaħ xhieda, jagħmel investigazzjonijiet u jorganizza seduti ta' smigħ fuq il-post ikollhom jissaħħu;
4. Ifakkar li, fir-rigward tal-proċeduri biex jiġu organizzati seduti ta' smigħ dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess, kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, il-Parlament iddeċieda li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa awtomatikament assoċjat ma' kull seduta ta' smigħ flimkien mal-Kumitat ewlieni bil-kompetenza leġiżlattiva għas-suġġett ikkonċernat; iqis li din hija konferma tar-rwol tiegħu bħala l-korp bl-akbar esperjenza ta' kuntatti diretti maċ-ċittadini, billi tiġi żgurata proċedura uniformi għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini kollha ta' suċċess; jistieden il-Konferenza tal-Presidenti biex tapprova kjarifika tal-kompetenzi tal-Kumitat f'dan ir-rigward fl-Anness VII, punt XX tar-regoli ta' proċedura; fl-istess ħin jenfasizza li d-differenza bejn petizzjoni skont l-Artikolu 227 tat-TFUE u Inizjattiva taċ-Ċittadini trid tkun spjegata b'mod ċar lill-pubbliku;
5. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Parlament li jiżviluppa portal għall-petizzjonijiet ħafna aktar prattiku u viżibbli fuq is-sit tiegħu, li jiffaċilita, fil-limiti tal-Artikolu 227 tat-Trattat u l-Artikolu 202 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament u l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-aċċess għaċ-ċittadini għall-proċess tal-petizzjonijiet, jipprovdilhom l-informazzjoni u jippermettilhom li jibagħtu petizzjonijiet f’ambjent aktar faċli għall-utent u li jiffirmaw b’mod elettroniku favur il-petizzjonijiet; jikkunsidra li dan il-portal għandu jipprovdi wkoll links prattiċi għal forom oħra ta’ rimedji li huma disponibbli f’livell Ewropew u nazzjonali jew reġjonali, kif ukoll deskrizzjoni ġenerali komprensiva tal-kompetenza tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u għandu jistabbilixxi ċerti oqfsa ta’ proċedura għall-korpi tal-amministrazzjoni pubblika dwar il-mudell tal-CURIA, il-portal uffiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
6. Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jibqa’ jippromwovi u jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini billi jagħmel użu mill-influwenza politika tiegħu fir-rigward ta’ każi ammissibbli li jistgħu jitqajmu mal-Kumitat, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet relevanti fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni;
7.Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jeżamina l-effetti tal-ġurisprudenza ERT fuq l-affidabilità tal-petizzjonijiet u jkompli jinvestiga wkoll il-kwistjoni dwar liema huma l-ostakli attwali għaċ-ċittadini tal-UE li japplikaw għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea sabiex jiksbu interpretazzjonijiet affidabbli tal-kwistjonijiet ewlenin skont il-leġiżlazzjoni Ewropea f’kawżi legali quddiem il-qrati nazzjonali;
8. Jikkunsidra li huwa importanti li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ reċiproċità, u, fejn hu meħtieġ, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex jikkonformaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa;
9. Jinnota l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri iżda jiddispjaċih għad-dewmien żejjed min-naħa ta’ ċerti Stati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ambjent;
10. Iqis li l-proċedura tal-petizzjonijiet m’għandhiex tkun sfruttata jew użata għal finijiet politiċi mill-Istati Membri, iżda li din għandha, għall-kuntrarju, tkun oġġettiva u tirrifletti l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew;
11. Jilqa’ l-kooperazzjoni kostruttiva bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u s-servizzi tal-Ombudsman Ewropew u jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu sabiex jappoġġja lill-Ombusdman fl-identifikazzjoni tal-amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet tal-UE u fl-azzjoni kontrihom;
12. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet b’dettalji, u analiżi statistika, tal-ilmenti li tinvestiga minn ċittadini Ewropej, inkluzi r-riżultati miksuba u l-post ta’ oriġini ta' min jagħmel l-ilment;
13. Jemmen li, fir-rigward tal-funzjonament tal-proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 u 260 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li petizzjonijiet għall-Parlament u ilmenti għall-Kummissjoni huma ttrattati b’konsiderazzjoni ugwali;
14. Jemmen li regoli ta’ proċedura iktar preċiżi u miktuba dwar it-tħejjija interna tal-kumitat, l-eżekuzzjoni u b’mod partikolari l-evalwazzjoni sostantiva taż-żjarat tad-delegazzjonijiet jistgħu jagħtu kontribut għal iktar effiċjenza u koerenza fil-ħidma tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet;
15. Jikkunsidra li l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva Qafas tal-Iskart fl-Istati Membri kollha hija tal-akbar importanza, u għalhekk jitlob lill-Istati Membri bi problemi ta’ ġestjoni tal-iskart sabiex jieħdu azzjoni b’mod deċiżiv u mingħajr dewmien;
16. Itenni t-talbiet numerużi tiegħu lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, taħt id-Direttiva dwar il-Moviment Ħieles 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fl-UE; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, inkluż għall-koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom, ir-Roma u gruppi minoritarji oħra;
17. Jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv sostantiv tal-Ley de Costas, jiġifieri li l-ambjent tal-kosta Spanjola jkun imħares minn żvilupp żejjed biex ikun preservat għal organiżmi selvaġġi u għall-ġenerazzjonijiet futuri; madankollu jinnota bi tħassib li l-kwistjoni ta' dik il-liġi tibqa’ problema għall-petizzjonanti, u għaċ-ċittadini Spanjoli b’mod partikolari; jappoġġja l-isforzi tal-petizzjonanti biex isolvu l-problemi li jikkonċernaw il-liġi u l-applikazzjoni tagħha, filwaqt li jinnota b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma biex jikkunsidra l-kwistjoni iktar fil-fond;
18. Jikkunsidra li huwa fl-interess ekonomiku attwali ta’ kulħadd li jiġu riżolti l-inċertezzi legali li jiċċirkondaw il-proprjetajiet potenzjalment affettwati mil-Ley de Costas; jilqa’ l-avviż tal-Gvern Spanjol li bi ħsiebu jirrevedi l-Ley de Costas sabiex jirrikonċilja l-protezzjoni futura tal-kosta Spanjola mat-tkabbir ekonomiku, u b'hekk jipprovdi ċertezza legali akbar lis-sidien tal-proprjetà; iħeġġeġ lill-Gvern Spanjol sabiex jassigura l-interessi ta' dawk li jkunu akkwistaw proprjetà b’bona fide u ta' dawk il-komunitajiet li dejjem għexu f'koeżistenza sostenibbli mal-baħar; b'mod partikolari iħeġġiġhom jindirizzaw il-kwistjoni speċifika tal-applikazzjoni tal-liġi, sabiex din ma tħeġġiġx deċiżjonijiet li jkunu arbitrarji, retrospettivi jew asimetriċi, imma minflok tiżgura proċess ġust, dritt ta' appell, kumpens proprju u aċċess għall-informazzjoni;
19. Ifakkar li l-Parlament stabbilixxa li l-Ley de Costas kellha impatt sproporzjonat fuq is-sidien individwali tal-proprjetà filwaqt li fl-istess ħin ma kellhiex impatt biżżejjed fuq dawk li tassew qegħdin jeqirdu l-kosta, li f’ħafna ċirkostanzi kienu responsabbli għal żvilupp urban eċċessiv tul il-kosti, iħeġġeġ lill-Gvern Spanjol jiżgura li dawk li l-azzjonijiet qarrieqa tagħhom poġġew għadd ta' ċittadini tal-UE f'sitwazzjoni intollerabbli permezz tat-telf jew tar-riskju ta' telf ta' djarhom, jiġu persegwiti kif xieraq u jintalbu jħallsu għall-ħsara li kkawżaw(5);
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali tiġi msaħħa billi jkunu provduti parametri aktar ċari fir-rigward tal-indipendenza tal-istudju esperti, limiti tal-UE komuni, perjodu massimu għall-proċess, l-inklużjoni ta’ konsultazzjani pubblika effettiva, ir-rekwiżit li jkunu ġustifikati d-deċiżjonijiet, il-valutazzjoni obbligatorja ta’ alternattivi raġonevoli u mekkaniżmu għall-kontroll tal-kwalità;
21. Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva tal-Habitats u tal-Għasafar min-naħa tal-Istati Membri kif ukoll li it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-cittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;
22. Ifakkar in-numru kbir ta’ petizzjonanti, li bl-ilmenti individwali tagħhom jindirizzaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fir-rigward tas-settur Ġermaniż għaż-żgħażagħ u l-familja b'mod ġenerali, u l-uffiċċji Ġermaniżi għall-benesseri taż-żgħażagħ b’mod partikolari, u jafferma d-determinazzjoni tal-Kumitat, biex fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tiegħu u tal-Unjoni Ewropea, jingħata kontribut kostruttiv għall-kjarifika tal-ilmenti bejn il-petizzjonanti u l-awtoritajiet; jinnota li f’dan ir-rigward, ma jistax jintervjeni fil-proċeduri interni awtonomi tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri;
23. Huwa deċiż li l-proċedura tal-petizzjonijiet għandha tiġi organizzata b’mod iktar effiċjenti, trasparenti, imparzjali u b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet parteċipatorji tal-membri tal-PETI b’tali mod, li t-trattament tal-petizzjonijiet ikun jista’ jiflaħ għar-reviżjonijiet ġudizzjarji anke fil-passi proċedurali;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li l-kontinwità fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet għandha tingħata wkoll għall-perjodi differenti tal-leġiżlaturi u għall-bidla tal-persunal li tirriżulta minħabba f’hekk;
25. Jikkunsidra l-parteċipazzjoni tal-membri tal-Parlament fil-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni mhux biss bħala dritt ta’ involviment parlamentari, iżda wkoll bħala obbligu lejn il-petizzjonanti;
26. Jitlob, li sabiex tittejjeb il-ħidma tal-Kumitat, issir proċedura skont il-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni li, fuq naħa waħda, tiżgura d-dritt li l-membri kollha tal-missjoni għal ġbir ta’ informazzjoni jippreżentaw il-fatti skont il-fehma tagħhom, u fuq in-naħa l-oħra, tiżgura li l-Membri kollha tal-Kumitat ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-konklużjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;
27. Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minbarra istituzzjonijiet u faċilitajiet oħra, bħall-kumitati ta’ inkjesta, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropea u l-Ombudsman Ewropew, għandu jkollu rwol indipendenti u ddefinit b’mod ċar bħala l-punt ta’ kuntatt għal kull ċittadin individwali;
28. Jitlob biex il-Konferenza tal-Presidenti tikkunsidra kemm titqies xierqa emenda tar-Regoli ta’ Proċedura sabiex jiġu implimentati dawn ir-rekwiżiti formali għall-proċedura tal-petizzjonijiet;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.