Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2883(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0522/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.9
CRE 22/11/2012 - 13.9

Testi adottati :

P7_TA(2012)0454

Testi adottati
PDF 213kWORD 23k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni f'Gaża
P7_TA(2012)0454RC-B7-0522/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f’Gaża (2012/2883(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tad-19 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tat-18 u d-19 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011 u tat-8 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tat-12 ta’ Novembru 2012 dwar l-aħħar eskalazzjoni tal-vjolenza bejn Gaża u l-Iżrael, u tas-16 ta' Novembru 2012 dwar l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-vjolenza fl-Iżrael u f'Gaża,

–  wara li kkunsidra l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied tal-21 Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo (“Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Gvern Awtronomu”) tat-13 ta' Settembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-eskalazjoni riċenti ta 'vjolenza wassal għat-telf ta' ħajja u tbatija inaċċettabbli għall-popolazzjoni ċivili taż-żewġ partijiet involuti;

B.  billi il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan, is-Sur Mohamed Kamel Amr u Segretarju tal-Istat Amerikan, is-Sinjura Hillary Clinton ħabbru l-waqfien mill-ġlied waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kajr fil-21 ta' Novembru 2012; billi, skond dan il-waqfien mill-ġlied, l-Iżrael għandu iwaqqaf l-ostilitajiet kollha fuq l-art, il-baħar u fl-ajru fil-Medda ta' Gaża, inkluż l-inkursjonijiet u l-immirar ta' individwi filwaqt li l-fazzjonijiet Palestinjani kollha għandhom iwaqqfu l-ostilitajiet kollha mill-Medda ta' Gaża kontra l-Iżrael, inkluż l-attakki bir-rockets u l-attakki tul il-fruntiera;

C.  billi l-Parlament Ewropew darba wara l-oħra esprima s-sostenn tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ Stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu flimkien fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li jissuktaw it-taħditiet diretti ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet;

D.  billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja hemmhekk għadhom għaddejjin minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ ta’ punti ta' qsim għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

E.  billi l-Parlament esprima ripetutament l-impenn qawwi tiegħu favur is-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 reġgħu tennew l-impenn fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha favur is-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bil-qawwa l-vjolenza mmirata deliberatament lejn iċ-ċivili, inklużi l-attakki bil-missili mill-istrixxa ta' Gaża, u appellaw għal prevenzjoni effikaċi tal-kuntrabandu tal-armi lejn Gaża;

1.  Jesprimi tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni f'Gaża u fl-Iżrael, u jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu għat-telf ta' ħajjiet ta' persuni ċivili, inklużi nisa u tfal; jilqa' t-tħabbir tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mħabbar fil-Kajr u jitlob li jiġi implimentat bis-sħiħ, jenfasizza li jeħtieġ li l-attakki kollha jintemmu minnufih, minħabba li jikkawżaw tbatija mhux ġustifikabbli għal ċivili innoċenti u jappella biex b’urġenza titnaqqas l-eskalazzjoni u jinġieb fi tmiemu l-ġlied; ifaħħar l-isforzi tal-Eġittu u atturi oħrajn għall-medjazzjoni biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied u sostenibbli, u jilqa' l-missjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-reġjun;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki bil-missili fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, li jeħtieġ li l-Ħamas u gruppi armati oħrajn f'Gaża jtemmuhom minnufih; jenfasizzali l-Iżrael għandu d-dritt jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu minn attakki ta’ dan it-tip, filwaqt li jirrimarka li f’dan l-Iżrael jeħtieġlu jaġixxi b'mod proporzjonali u jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili f’kull waqt; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li kull naħa tirrispetta l-liġi internazzjonali umanitarja, u jenfasizza li ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki mmirati deliberatament fuq ċivili innoċenti;

3.  Jikkundanna l-attakk terroristiku fuq karozza tal-linja li kienet qed iġġorr persuni ċivili ġewwa Tel Aviv fil-21 ta’ Novembru 2012;

4.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

5.  Jerġa' jenfasizza li l-uniku mod kif jista’ jintlaħaq sliem ġust u dejjiemi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa b’mezzi paċifiċi u mhux vjolenti; jerġa' jappella għall–ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu li jissuktaw it-taħditiet diretti ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet;

6.  Jappoġġa, f’dan ir-rigward, it-tentattiv tal-Palestina biex issir osservatur fin-NU bla status ta’ membru u jqis li dan ikun pass importanti biex ir-rivendikazzjonijiet tal-Palestinjani jsiru aktar viżibbli, qawwija u effikaċi; jappella, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri tal-UE u l-komunità internazzjonali jilħqu qbil f’din id-direzzjoni;

7.  Jerġa’ jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jassumu rwol politiku aktar attiv fl-isforzi ħalli jintlaħaq sliem ġust u dejjiemi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha għall-ħolqien ta’ prospettiva kredibbli għar-rilanċ tal-proċess tal-paċi;

8.  Itenni l-appel tiegħu biex jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, bil-kundizzjoni li jkun hemm mekkaniżmu ta' kontroll internazzjonali effikaċi li jipprevjeni l-kuntrabandu tal-armi lejn Gaża, b’rikonoxximent tal-esiġenzi leġittimi ta' sigurtà tal-Iżrael; jappella wkoll għat-teħid ta’ passi li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' Gaża;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza