Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (12562/2011 - 2012/2138(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u, partikolarment, il-parti tiegħu marbuta mal-politika Ewropea ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (12562/2011),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-PSDK,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva dwar il-kapaċitajiet militari mnedija waqt il-laqgħa informali tal-ministri tad-difiża tal-UE li saret f'Ghent f'Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 24 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1),
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa, kif approvata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà bit-titolu 'Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar', adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu 'Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel', adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ċivili-militari(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża tal-Istati Membri tal-UE(5),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Mali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0357/2012),
A. billi t-tibdil importanti li għaddej bħalissa fil-kuntest ġeostrateġiku li fih tinsab il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-PSDK, partikolarment minħabba t-taqlib fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq (rivoluzzjonijiet, kunflitti u/jew tibdil ta' reġim fil-Libja, fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fis-Sirja), l-emerġenza ta' atturi ġodda b'ambizzjonijiet reġjonali jew globali fix-xena internazzjonali, kif ukoll tar-riorjentament tal-prijoritajiet tal-politika ta' difiża tal-Istati Uniti tal-Amerika lejn iż-żona tal-Asja-Paċifiku;
B. billi, fl-istess ħin, it-theddid u l-isfidi għas-sigurtà dinjija qegħdin jiżdiedu, minħabba l-inċertezzi marbuta mal-atteġġjament tal-atturi statali u mhux statali (bħall-organizzazzjonijiet terroristiċi) impenjati fi programmi li jħeġġu b'mod perikoluż il-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (inklużi l-armi nukleari), l-evoluzzjoni ta' kriżijiet lokali fil-viċinat tal-UE, b'konsegwenzi reġjonali kbar (bħall-kunflitt attwali Sirjan), ir-riskji marbuta mal-proċessi ta' tranżizzjoni fil-pajjiżi Għarab u d-dimensjoni ta' sigurtà tagħhom (pereżempju fil-Libja u fil-peniżola tas-Sinaj), l-evoluzzjoni taż-żona Pakistan-Afganistan fid-dawl tal-prospettiva tal-irtirar tal-forzi militari tan-NATO kif ukoll iż-żieda tat-theddid terroristiku fl-Afrika, partikolarment fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fin-Niġerja;
C. billi t-tibdil fil-klima huwa rikonoxxut ġeneralment bħala mutur essenzjali u aspett ta' multiplikazzjoni tat-theddid għas-sigurtà globali, il-paċi u l-istabilità;
D. billi l-Unjoni Ewropea trid twieġeb għal dan it-theddid u dawn l-isfidi billi titkellem b'vuċi waħda, b'hekk tiggarantixxi l-koerenza, taġixxi fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri u tisfrutta l-mezzi u l-istrumenti kollha disponibbli biex tiżgura l-paċi u s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħha;
E. billi l-PSDK, li tagħmel parti mill-PESK, li l-għanijiet tagħha huma definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE, tikkonferixxi lill-Unjoni kapaċità operattiva li tissejjes fuq mezzi ċivili u militari,
F. billi li l-PSDK għandha bżonn tikkonsolida l-kontribut tagħha għall-paċi u għall-istabilità fid-dinja permezz tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tagħha, li jidħlu fil-qafas tal-approċċ globali li l-UE fil-konfront ta' pajjiż jew ta' reġjun, anki permezz tal-kooperazzjoni multilaterali fi ħdan u flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti, u reġjonali, fir-rispett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
G. billi d-diżarm u n-nonproliferazzjoni huma partijiet integranti tal-PSDK, li jridu jkunu enfasizzati fl-ambitu tad-djalogu politiku tal-UE mal-pajjiżi terzi u l-istituzzjonijiet internazzjonali, u jikkostitwixxu obbligu għall-Istati Membri tal-UE skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali; billi tali impenn huwa perfettament kompatibbli mal-għan tal-PSDK ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u militari;
H. billi jfakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa innovazzjonijiet importanti li wasslu għal tisħiħ tal-PSDK iżda billi dawn għadhom ma ntużawx bis-sħiħ;
I. billi jfakkar li, mill-2003, l-UE nediet 19-il missjoni ċivili u 7 operazzjonijiet militari fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża u sussegwentement tal-PSDK, u li bħalissa għaddjjin 11-il missjoni ċivili u 3 operazzjonijiet militari,
Qafas strateġiku għall-PSDK Qafas strateġiku ġdid
1. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija adatta biex tkun attur politiku globali fix-xena internazzjonali, bl-iskop li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, tħares l-interessi tagħha fid-dinja u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha; iqis li l-UE trid tkun kapaċi tassumi r-responsabilitajiet tagħha quddiem it-theddid, il-kriżijiet u l-kunflitti internazzjonali, partikolarment fil-viċinat tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li l-UE tkun koerenti fil-politiki tagħha u aktar veloċi u effiċjenti meta tassumi r-responsabilitajiet imsemmija hawn fuq;
2. Jenfasizza, f'dawn ir-rigward, fuq il-bżonn li l-Unjoni tafferma l-awtonomija strateġika tagħha permezz ta' politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża b'saħħitha u effikaċi, li tippermettilha, jekk ikun meħtieġ, taġixxi waħedha; jisħaq fuq il-fatt li din l-awtonomija strateġika tibqa' illużorja mingħajr kapaċitajiet ċivili u militari kredibbli; ifakkar li din l-awtonomija strateġika qiegħda tinbena fir-rispett dovut tal-alleanzi eżistenti, partikolarment fir-rigward tan-NATO, u żżomm rabta transatlantika qawwija, kif enfasizzat fl-Artikolu 42 tat-TUE, u fir-rirspett dovut u bit-tisħiħ tal-multilateraliżmu effettiv, bħala prinċipju gwida għall-intervent tal-UE fil-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali;
3. Jinsab imħasseb bil-prospettiva tad-deklin strateġiku li jhedded l-UE, mhux biss permezz tat-tendenza li jiċkienu l-baġits tad-difiża minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u Ewropea, iżda wkoll minħabba l-marġinalizzazzjoni relattiva u progressiva tal-istrumenti u tal-kapaċitajiet tagħha ta' ġestjoni tal-kriżijiet, speċjalment dawk militari; josserva wkoll l-impatt negattiv tan-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;
4. Iqis li l-Unjoni għandha rwol importanti x'tiżvolġi bħala fornitur tas-sigurtà għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha; jinsab konvint li l-Unjoni għandu jkollha l-ambizzjoni li ssaħħaħ is-sigurtà tagħha u dik tal-viċinat tagħha bil-għan li ma tiddelegahiex lil ħaddieħor; jinsisti li l-UE trid tkun kapaċi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti lill-operazzjoni taż-żamma tal-paċi fid-dinja kollha;
5. Jikkonstata li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, imfassla fl-2003 u riveduta fl-2008, minkejja l-validità, sal-lum, tal-analiżijiet u tal-affermazzjonijiet tagħha, qiegħda tibda tiġi megħluba minn avvenimenti u ma għadhiex biżżejjed biex nifhmu d-dinja tal-lum;
6. Jistieden għalhekk, għal darb'oħra, lill-Kunsill Ewropew jikkummissjona lill-VP/RGħ White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża tal-UE, li tiddefinixxi l-interessi strateġiċi tal-UE f'kuntest tal-evoluzzjoni tat-theddid, fid-dawl tal-kapaċitajiet ta' sigurtà tal-Istati Membri, tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jaġixxu b'mod effikaċi fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża, u tas-sħubijiet tal-UE, partikolarment mal-ġirien tagħha u man-NATO, u li tqis l-evoluzzjoni tat-theddid u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-alleati tagħna u ma' sħabna, iżda wkoll mal-pajjiżi emerġenti;
7. Jisħaq fuq l-importanza ta' dan il-qafas strateġiku, li se jmexxi l-azzjoni esterna tal-UE u jifformula prijoritajiet ċari għall-politika ta' sigurtà tagħha;
8. Josserva li l-White Paper għandha tkun ibbażata kemm fuq il-kunċetti introdotti mill-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fl-2003 u fl-2008 kif ukoll fuq kunċetti ta' sigurtà ġodda li nibtu f'dawn l-aħħar snin, bħar-“responsabilità ta' protezzjoni”, is-sigurtà umana u l-multilateraliżmu effikaċi;
9. Jisħaq fuq l-importanza li ssir, fl-ambitu tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u f'kooperazzjoni man-NATO, reviżjoni teknika tad-dgħufijiet u tal-punti ta' saħħa militari tal-Istati Membri tal-UE; jemmen li l-White Paper se tifforma l-bażi tal-approċċ strateġiku futur tal-UE u tagħti gwida dwar l-ippjanar strateġiku f'terminu medju u twil tal-kapaċitajiet ċivili u militari li għandhom jiġu żviluppati u miksuba fil-qafas tal-PSDK;
10. Jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK u t-tħabbira ta' Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' difiża li se jsir matul l-2013; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-President tal-Kunsill Ewropew jinvolvu lill-Parlament fit-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill;
11. Jilqa' pożittivament ir-rapport tal-VP/RGħ dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-PESK, li parti minnha hija ddedikata għall-kwistjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża; jinsisti madankollu fuq il-bżonn li jogħla l-livell ta' ambizzjoni għall-iżvilupp tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri, bis-sostenn tal-VP/RGħ, jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' dan l-istrument – maħluq mit-Trattat ta' Lisbona – f'kuntest fejn bosta kriżijiet għadhom jippersistu, anki mal-fruntieri tal-Ewropa, u fejn l-impenn Amerikan ridefinit huwa dejjem aktar evidenti;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ta' Weimar, li magħha ngħaqdu Spanja u l-Italja, biex terġa' titnieda l-aġenda tal-PSDK, flimkien mal-ispinta li tat fit-tliet oqsma fundamentali: l-istituzzjonijiet, l-operazzjonijiet u l-kapaċitajiet; jappella għaż-żamma tal-impenn meħud minn dawn il-pajjiżi biex ikomplu jkollhom viżjoni ambizzjuża tal-PSDK u jqis l-azzjonijiet tagħhom bħala mudell li l-Istati Membri l-oħra għandhom jingħaqdu miegħu u jsegwuh;
Il-PSDK fil-qalba tal-approċċ globali
13. Jilqa' pożittivament il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK u t-tħabbira ta' preżentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ ta' komunikazzjoni konġunta dwar l-approċċ globali; ifakkar kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-VP/RGħ jinvolvu lill-Parlament f'dan l-isforz;
14. Jissottolinja li s-saħħa tal-UE meta mqabbla ma' organizzazzjonijiet oħrajn tikkonsisti fil-potenzjal uniku tagħha li timmobilizza firxa sħiħa ta' strumenti politiċi, ekonomiċi, ta' żvilupp u umanitarji b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tagħha ta' ġestjoni tal-kriżijiet taħt kappa ta' awtorità politika unika – il-VP/RGħ– u li dan l-approċċ globali jagħtiha ċerta flessibilità kif ukoll effikaċja unika u apprezzata;
15. Iqis, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' approċċ globali trid tiggarantixxi li l-Unjoni tirrispondi għar-riskji speċifiċi b'mezzi ċivili u/jew militari adegwati; jinsisti li l-approċċ globali għandu jissejjes fuq il-PSDK daqs kemm jissejjes fuq strumenti oħrajn ta' azzjoni esterna;
16. Jenfasizza li l-PSDK, permezz tal-operazzjonijiet tagħha, tikkostitwixxi l-istrument prinċipali tal-UE ta' ġestjoni tal-kriżijiet, billi tikkonferixxi l-kredibilità u l-viżibilità politika lill-azzjonijiet tal-Unjoni u fl-istess ħin tippermetti kontroll politiku;
L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona
17. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa innovazzjonijiet importanti għal dak li għandu x'jaqsam mal-PSDK, li tagħhom qegħdin nistennew l-implimentazzjoni; iqis bħala deplorevoli, f'dan ir-rigward, l-indifferenza tal-VP/RGħ fil-konfront tar-riżoluzzjonijiet parlamentari preċedenti li fihom intalab progress aktar attiv u koerenti fl-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda introdotti fl-ambitu tat-Trattat ta' Lisbona:
–
il-Kunsill jista' jafda missjoni lil grupp ta' Stati, bil-għan li jippreserva l-valuri tal-Unjoni u jservi l-interessi tagħhom;
–
kooperazzjoni strutturata permanenti tista' tkun stabbilita bejn l-Istati Membri li jissodisfaw kriterji ogħla ta' kapaċitajiet militari u li assumew impenji aktar vinkolanti fil-qasam fid-dawl tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi;
–
klawsola ta' difiża reċiproka kif ukoll klawsola ta' solidarjetà ddaħħlu bis-saħħa tat-Trattat;
–
lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ġiet fdata kompiti importanti f'termini ta' żvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, fosthom it-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, id-definizzjoni ta' politika Ewropea tal-kapaċitajiet u tal-armamenti u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti;
–
għandu jinħoloq fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji tal-missjonijiet li ma jitħallsux mill-baġit tal-Unjoni;
18. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tagħti l-impulsi neċessarji għall-iżvilupp tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona sabiex l-UE tkun tista' tibbenefika minn firxa sħiħa ta' possibilitajiet ta' azzjoni fix-xena internazzjonali fil-qafas tal-approċċ globali tagħha, permezz tas-“soft power” tagħha jew permezz ta' azzjonijiet aktar robusti, jekk ikun meħtieġ, u dejjem skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
19. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv mal-VP/RGħ u mal-Kunsill biex jadottaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-PSDK bħala parti mill-istrateġiji ta' difiża nazzjonali tagħhom;
20. Jilqa' favorevolment l-estensjoni tal-missjonijiet li jistgħu jitmexxew fil-qafas tal-PSDK meta mqabbla mal-missjonijiet antiki msejħa “ta' Petersberg”, kif speċifikat fl-Artikolu 43 tat-TUE; josserva iżda li din l-ambizzjoni mhijiex riflessa fid-deċiżjonijiet meħuda mill-ħolqien tas-SEAE;
L-operazzjonijiet ċivili u militari
21. Jenfasizza li sal-lum il-PSDK kkontribwiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet, għaż-żamma tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; jinsisti li l-PSDK issa teħtieġ tkun kapaċi tintervjeni f'kull tip ta' kriżi, inkluż fil-kuntest ta' kunklitti ta' intensità għolja fil-viċinat tagħha stess, u b'livell ta' ambizzjoni biżżejjed biex tħalli impatt reali fil-post;
22. Josserva li bħalissa għaddejjin 14-il operazzjoni, li minnhom 11 huma ċivili u 3 militari; jilqa' pożittivament it-tnedija ta' tliet operazzjonijiet ċivili ġodda matul is-sajf 2012 fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP Nestor), fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) u fis-Sudan t'Isfel (EUAVSEC South Sudan) u l-ippjanar ta' missjoni ċivili ta' appoġġ lill-kontroll tal-fruntieri fil-Libja u missjoni ta’ taħriġ f’Mali; iqis li dawn il-missjonijiet jirrappreżentaw l-ewwel sinjal ta' dinamiżmu ġdid tal-aġenda tal-PSDK; jissottolinja l-importanza tat-titjib tal-qafas tat-tagħlim ta' lezzjonijiet mill-missjonijiet u mill-operazzjonijiet;
23. Iqis bħala deplorevoli, madankollu, li l-UE ma tisfruttax bis-sħiħ l-istrumenti militari tal-PSDK, minkejja li bosta kriżijiet setgħu jiġġustifikaw intervent tal-PSDK, inklużi dawk fil-Libja u fil-Mali; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi kkunsidrata l-assistenza fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, speċjalment dawk fl-Afrika ta' Fuq u fir-reġjun tas-Saħel; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-approfondiment tal-ippjanar matul operazzjonijiet militari possibbli u, fl-istess ħin, jappella għar-rivalutazzjoni tal-missjonijiet li għaddejjin;
24. Jistieden ukoll lill-Istati Membri jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom b'azzjonijiet u jużaw il-mezzi, il-protokolli u l-ftehimiet eżistenti bil-għan li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-PSDK l-kapaċitajiet tagħhom, pereżempju taħt forma ta' gruppi tattiċi jew gruppi operattivi komuni;
Balkani tal-Punent
25. Ifakkar u jilqa' pożittivament l-importanza politika, strateġika u simbolika tal-impenn tal-UE fil-Balkani tal-Punent, li kkontribwixxa għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jindika, madankollu, li dan ir-reġjun ikompli jħabbat wiċċu ma' numru ta' sfidi li jirrappreżentaw prova ta' kredibilità għall-Unjoni; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jerġgħu jivvalutaw il-kontribut tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fl-Balkani tal-Punent, b'attenzjoni partikolari fuq it-tisħiħ tal-Istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-komunitajiet minoritarji u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
26. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati miksuba mill-ewwel missjoni ċivili EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, li ntemmet fit-30 ta' Ġunju 2012 u li ppermettiet, flimkien mal-operazzjoni EUFOR Althea, li jingħata kontribut lid-djalogu bejn l-entitajiet kostituttivi tal-pajjiż, u għall-konsolidament tal-Istat tad-dritt;
27. Jikkonstata li l-operazzjoni EUFOR Althea fil-Bosnja-Ħerzegovina, imnedija fl-2004, tnaqqsilha kostantement il-persunal; isostni, għaldaqstant, l-għeluq ta' tali missjoni u huwa favur tip ġdid ta' assistenza tal-UE fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tat-taħriġ tal-forzi armati tal-Bosnja-Ħerzegovina;
28. Isostni r-rwol li żvolġiet il-missjoni EULEX Kosovo, li topera f'ambjent politiku diffiċli u jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-mandat tagħha għal sentejn oħra, sal-14 ta' Ġunju 2014;
29. Jenfasizza r-rwol pożittiv tagħha biex jgħin lill-Kosovo jiġġieled il-kriminalità organizzata fil-livelli kollha u jibni Stat tad-dritt u jistabbilixxi apparat ġudizzjarju, tal-pulizija u doganali ħieles minn kull indħil politiku u konformi mal-prattiki tajba rikonoxxuti fuq livelli internazzjonali kif ukoll mal-prattiki tajba Ewropej; jinnota r-rikonfigurazzjoni u t-tnaqqis fid-daqs tal-missjoni, u jqishom bħala sinjal ċar tal-progress li sar sa issa;
30. Jirrikonoxxi, madankollu, li għad iridu jsiru sforzi kbar biex l-EULEX ittemm totalment il-missjonijiet tagħha li ġew assenjati lilha u tgawdi mill-fiduċja totali tal-popolazzjoni tal-Kosovo, partikolarment tal-komunità Serba; jistieden lill-missjoni ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha fit-Tramuntana tal-Kosovo u timpenja ruħha b'aktar reqqa fl-investigazzjoni u fl-azzjoni ġudizzjarja tal-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli;
31. Jistieden lit-Task Force Investigattiva Speċjali tal-missjoni EULEX tkompli tinvestiga bl-akbar attenzjoni u rigorożità l-kwistjonijiet imqajma mir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-veradiċità tal-akkużi ta' traffikar tal-organi; jistieden lill-missjoni EULEX timplimenta, bis-sostenn totali tal-Istati kontributuri, programm ta' protezzjoni tax-xhieda – inkluż, pereżempju, il-miżuri ta' trasferiment tax-xhieda – biex il-proċedimenti ġudizzjarji rigorużi jkunu jistgħu jaċċertaw il-fatti;
32. Josserva li l-preżenza tal-KFOR għadha indispensabbli biex tiżgura s-sigurtà lill-Kosovo, u li r-rabta bejn il-missjoni militari tan-NATO u l-missjoni ċivili tal-UE tkompli tqanqal bosta mistoqsijiet rigward l-effikaċja u l-persistenza tagħha; jistieden għaldaqstant lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-missjoni EULEX, li l-estensjoni tal-mandat tagħha sal-14 ta' Ġunju 2014 ġiet milqugħa pożittivament, kif ukoll ir-riżultati miksuba u r-relazzjonijiet mal-apparat militari tan-NATO;
Qarn tal-Afrika
33. Jilqa' favorevolment l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika, li timplimenta l-approċċ globali biex tiġġieled il-piraterija u l-kawżi tagħha, u r-rwol ta' gwida tal-Unjoni fir-rigward ta' kwisjonijiet ta' sigurtà f'dan ir-reġjun, li jsaħħaħ il-viżibilità u l-kredibilità tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet; jilqa' favorevolment l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f'Mejju 2012 biex jappoġġa l-missjonijiet PSDK fil-Qarn tal-Afrika;
34. Josserva li bħalissa tlieta huma l-operazzjonijiet (EUNAVFOR Atalanta, EUTM Somalia u EUCAP Nestor) skjerati għall-ġid tar-reġjun u jisħaq fuq il-bżonn li jitkompla l-koordinament tal-impenn Ewropew mal-isforzi min-naħa tal-komunità internazzjonali, u speċjalment tal-Unjoni Afrikana (UA), b'mod li jiġu stabbiliti l-funzjonament u n-natura demokratika tal-Istat fis-Somalja; iqis li Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE jaf jaġevola koordinament akbar fil-qafas tal-istrateġija għall-Qarn tal-Afrika.
35. Jirrakkomanda, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-Somalja fil-qagħda politika u tas-sigurtà, li l-Istati Membri u l-VP/RGħ, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet leġittimi tas-Somalja, l-UA, l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) u l-Istati Uniti, jistudjaw il-possibilità li jitnieda proċess ta' riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS).
36. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija tal-missjoni EUCAP Nestor u jħeġġeġ lit-Tanzanija taċċetta tali missjoni, li timmira għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet marittimi ta' Ġibuti, tal-Kenja u tas-Seychelles u s-sostenn għall-Istat tad-dritt fis-Somalja (għall-ewwel fil-Puntland u fis-Somaliland) permezz tal-iżvilupp ta' forza tal-pulizija tal-kosta responsabbli u ta' apparat ġudizzjarju li juri rispett sħiħ għall-Istat tad-dritt, għat-trasparenza u għad-drittijiet tal-bniedem;
37. Jitlob li l-missjoni EUCAP Nestor tkun ikkoordinata ma' inizjattivi oħra marbuta mas-sigurtà marittima, bħal MARSIC u MASE, iffinanzjati rispettivament mill-Istrument għall-Istabbiltà u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jirrakkomanda l-estensjoni tal-missjoni EUCAP Nestor għal pajjiżi oħrajn malli l-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti;
38. Ta ġieħ lill-kontribut fundamentali tal-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-golf ta' Aden u fl-Oċean Indjan oċċidentali u l-kontribut umanitarju tiegħu u għas-sigurtà marittima, billi jiskorta bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel, kif ukoll vapuri vulnerabbli oħrajn, u japprova l-proroga tal-mandat tagħha sa Diċembru 2014; japprova wkoll l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-missjoni għaż-żona tal-kosta kif ukoll għall-ilmijiet territorjali u għall-ilmijiet interni tas-Somalja; jistieden lill-Istati Membri jfornu mezzi adegwati, navali kif ukoll tal-ajru, għal din l-operazzjoni u jinkoraġġixxi lill-bastimenti kummerċjali jkomplu japplikaw il-prattiki tajba ta' navigazzjoni biex inaqqsu r-riskji ta' attakk; jifraħ bil-kontribut tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-operazzjoni Atalanta f'forma ta' skwadra ta' protezzjoni abbord intiża li tiżgura s-sigurtà tal-konvojs umanitarji u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-oħra jfornu dan it-tip ta' kontribut;
39. Jafferma li l-piraterija hija ekwiparabbli mal-kriminalità organizzata u li huwa importanti, għall-finijiet tal-libertà tal-kummerċ u tal-protezzjoni ta' rotta marittima essenzjali, li jiġi ostakolat l-interessi ekonomiċi tagħha u li jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-piraterija permezz ta' impenn fit-tul li jrawwem governanza tajba u opportunitajiet ta' awtosostenn, leġittimi u ekonomiċi għall-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw il-provvedimenti kollha meħtieġa biex jiggarantixxu t-traċċabilità tal-flussi finanzjarji ġġenerati minn din l-attività u jaġevolaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn EUNAVFOR Atalanta u Europol;
40. Jenfasizza r-rwol pożittiv li tiżvolġi l-missjoni EUTM Somalia, f'kooperazzjoni stretta mal-Uganda, l-UA u l-Istati Uniti, biex jitħarrġu aktar minn 3 000 rekluta Somalu – li minnhom madwar 2 500 diġà reġgħu ġew integrati fil-forzi tas-sigurtà Somali – billi trawwem ukoll l-Istat tad-dritt; iqis b'hekk li l-missjoni kkontribwiet notevolment għat-titjib tas-sitwazzjoni f'Mogadixu, u fil-viċinanzi tagħha, billi saħħet il-forzi tas-sigurtà Somali u tal-AMISOM; iħeġġeġ biex l-isforzi tal-missjoni jkunu kkonċentrati fuq l-istabbiliment ta' strutturi ta' kmand u ta' kontroll responsabbli u trasparenti, u fuq qafas finanzjarju li jforni l-ħlas regolari tas-salarji, kif ukoll fuq it-tnaqqis sal-minimu tan-numru tad-diżerzjonijiet min-naħa tas-suldati mħarrġa;
41. Japprova l-estensjoni tal-mandat tal-missjoni EUTM Somalia sa Diċembru 2012, kif ukoll l-enfasi mogħtija lill-kapaċitajiet ta' kmand u ta' kontroll, lill-kapaċitajiet speċjalizzati u lill-kapaċitajiet ta' awtoformazzjoni tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali Somali, fid-dawl tat-trasferiment tal-kompetenzi tat-taħriġ lill-atturi lokali; josserva li l-Unjoni Ewropea se jkollha tkompli l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha lil hinn mill-2012 u, f'din il-prospettiva, jistieden lis-SEAE jistudja l-possibilità, ladarba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja tippermettih, li jittrasferixxi dan it-taħriġ kollu, jew parti minnu, f'dawk l-inħawi tas-Somalja li jinsabu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà; jirrakkomanda li l-missjoni EUTM Somalia tista' tkun involuta aktar mill-qrib fil-proċess ta' reklutaġġ u tar-reintegrazzjoni tal-persunal li jibbenefika minn dan it-taħriġ militari.
42. Jenfasizza li l-mudell tal-operazzjoni EUTM li, quddiem investiment finanzjarju, materjali u uman relattivament żgħir, joffri lill-UE rwol reġjonali ewlieni fl-Afrika tal-Lvant, li jista' jkun replikat f'żoni oħrajn, partikolarment fis-Saħel;
Saħel
43. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-iżvilupp ta' żona ta' instabilità fis-Saħel, ikkaratterizzata mill-interkonnessjoni ta' attivitajiet kriminali, partikolarment it-traffikar tad-drogi, armi u persuni, u operazzjonijiet armati ta' gruppi terroristiċi radikali li jikkompromettu l-integrità territorjali tal-Istati tar-reġjun u li l-attività tagħhom taf tissarraf fil-ħolqien stabbli ta' żona b'assenza tad-dritt f'parti tat-territorju tal-Mali u fit-tifrix tagħha mal-pajjiżi ġirien, sitwazzjoni li żżid it-theddida fil-konfront taċ-ċittadini u tal-interessi Ewropej tal-post, li diġà huma vittmi ta' qtil u ħtif. jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' sostenn għal gvern stabbli fil-Mali bil-għan li tiġi evitata prevenzjoni tad-diżintegrazzjoni tal-pajjiż u l-konsegwenza mifruxa li din jista' jkollha f'termini tal-proliferazzjoni tal-kriminalità u tal-kunflitti;
44. Jenfasizza t-theddida għas-sigurtà li biha din is-sitwazzjoni qiegħda tgħattan l-assjem tat-territorju Ewropew; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jimplimentaw malajr u integralment l-istrateġija tal-UE għas-Saħel adottata f'Marzu 2011 u jużaw l-isforzi adegwati f'livell ta' sigurtà, jekk ikun il-każ billi jirrikorru għal missjonijiet tal-PSDK, biex jgħinu lill-Istati tar-reġjun isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u l-gruppi terroristiċi;
45. Jilqa' pożittivament it-tnedija tal-missjoni EUCAP Sahel Niger iddestinata eżattament biex tgħin lin-Niġer jegħleb dawn l-isfidi għas-sigurtà; josserva li din il-missjoni tidħol bis-sħiħ fil-qafas tal-istrateġija globali għas-Saħel, iżda jiddeplora preċiżament il-fatt li din tirrigwarda biss pajjiż wieħed filwaqt li Stati oħrajn tar-reġjun, aktar speċifikament il-Mali, għandhom bżonnijiet urġenti u importanti biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jirreaġixxu għat-theddid għall-integrità territorjali tagħhom;
46. Jilqa’ l-adozzjoni unanima mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fit-12 ta’ Ottubru 2012, tar-riżoluzzjoni 2071 dwar il-Mali; jinnota li jistieden direttament organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, inkluż l-UE, biex jipprovdu b’mod koordinat “assistenza, kompetenzi esperti, taħriġ u appoġġ għall-bini ta’ kapċità lill-Forzi Armati u tas-Sigurtà ta’ Mali (…) għall-fini li tiġi restawrata l-awtorità tal-Istat ta’ Mali’; jistieden ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jadotta riżoluzzjoni oħra li formalment tawtorizza l-iskjerament ta’ missjoni Afrikana ġdida, li tiġi mnedija bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali fuq l-istess mudell bħall-appoġġ provdut lill-AMISOM fis-Somalja;
47. Jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Mali, li fih il-Kunsill talab li x-xogħlijiet ta' ppjanar ta' missjoni militari possibbli fil-qafas tal-PSDK jitkomplew b'urġenza, billi partikolarment jitfassal kunċett ta' ġestjoni tal-kriżi relatat mar-riorganizzazzjoni u mat-taħriġ tal-forzi ta' difiża tal-Mali;
48. Jilqa’ d-deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tal-ECOWAS fil-11 ta’ Novembru 2012 biex jipprovdu forza ta’ stabbilizzazzjoni ta’ mill-inqas 3 200 suldat, b’mandat ta’ intervenzjoni ta’ sena;
49. Jappella għat-tkomplija tal-ippjanar ta' operazzjoni intiża li ssostni, b'rabta mal-ECOWAS, ir-ristrutturar tal-forzi armati tal-Mali bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-forzi tas-sigurtà tal-Mali u li dan il-pajjiż jitħalla jerġa' jieħu l-kontroll tat-territorju tiegħu;
Libja
50. Jilqa' favorevolment l-attivitajiet preċedenti ta' għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, bħala sostenn tal-organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-Libja u fil-pajjiżi ġirien; iqis, madankollu, li l-kriżi Libjana setgħet tikkostitwixxi, għall-UE, l-okkażjoni biex turi l-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod aktar komplut, anki militarment jekk ikun il-każ, fir-rispett sħiħ tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, quddiem kriżi ewlenija li kienet qed isseħħ fil-viċinat immedjat tagħha u li laqtet direttament l-istabilità tal-kuntest Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-assenza ta' rieda politika komuni fost l-Istati Membri u r-retiċenzi ideoloġiċi biex l-Unjoni tħaddem il-kapaċitajiet tagħha żammew l-Unjoni fi rwol sekondarju; jieħu nota tar-retiċenzi ta' xi Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jawtorizzaw lill-UE tvara l-operazzjoni militari umanitarja tagħha fil-Libja;
51. Jistieden lill-VP/RGħ tislet it-tagħlim kollu mill-kriżi Libjana kemm għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni fi ħdan l-UE kif ukoll għall-intervent militari tan-NATO, f'termini ta' kapaċitajiet iżda wkoll, u speċjalment, ta' koerenza u ta' solidarjetà politiċi bejn l-Istati Membri u anki għar-relazzjoni bejn l-UE u l-PSDK tagħha minn naħa u n-NATO mill-oħra;
52. Iqis li l-UE għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-proċess ta' tranżizzjoni istituzzjonali fil-Libja, partikolarment fl-oqsma tad-demobilizzazzjoni u tal-integrazzjoni tal-membri tal-brigati rivoluzzjonarji, fir-riorganizzazzjoni tal-forzi armati u fl-assistenza għall-kontroll tal-fruntieri terrestri u marittimi; jiddeplora l-fatt li l-kontribut tal-UE fis-settur tas-sigurtà qiegħed idum biex jikkonkretizza ruħu u li d-diffikultajiet tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta' dan il-kontribut iħallu t-triq miftuħa għal inizjattivi bilaterali b'viżibilità u b'koerenza dubjużi; huwa favorevoli għall-aċċelerazzjoni tax-xogħlijiet intiżi li jippjanaw missjoni ċivili ta' appoġġ lill-kontroll tal-fruntieri;
Sudan t'Isfel
53. Jieħu nota tat-tnedija tal-missjoni EUAVSEC South Sudan iddestinata li ssaħħaħ is-sigurtà tal-ajruport ta' Ġuba; jistaqsi però dwar il-motivazzjoni għar-rikors għal missjoni tal-PSDK biex tiżgura t-tqegħid fis-sigurtà ta' tali ajruport, billi missjoni bħal din setgħet twettqet mill-Kummissjoni permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà tagħha;
Repubblika Demokratika tal-Kongo
54. Jisħaq fuq l-importanza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għall-paċi u l-istabilità fl-Afrika u jappoġġa l-azzjoni tal-missjoni MONUSCO għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant tal-pajjiż;
55. Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-UE fil-qafas taż-żewġ missjonijiet tagħha EUSEC RD Congo u EUPOL RD Congo għall-konsolidament tal-Istat tad-dritt f'dan il-pajjiż; josserva, iżda, li ż-żewġ missjonijiet huma żgħar wisq meta mqabbla mal-kobor tal-kompiti rispettivi tagħhom u li tinħtieġ kollaborazzjoni attiva min-naħa tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jinkisbu riżultati tanġibbli;
Afganistan
56. Jilqa' pożittivament il-missjoni EUPOL Afghanistan, li l-għan tagħha huwa li jistabbilixxi pulizija ċivili u sistema ġudizzjarja li tħalli lill-Afgani jieħdu r-responsabilità primarja tal-kompiti tagħhom fi prospettiva ta' rikostruzzjonijiet tal-Istat Afgan; jenfasizza li din il-missjoni, li trid tibqa' fil-post sal-31 ta' Mejju 2013 u tista' tittawwal sal-31 ta' Diċembru 2014, tagħmel parti mill-isforzi kumplessivi tal-komunità internazzjonali biex tippermetti lill-Afgani jiddeċiedu li jieħdu rajhom f'idejhom, ladarba jirtiraw it-truppi tan-NATO fl-2014; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jagħmlu riflessjoni approfondita u kondiviża mal-Parlament Ewropew dwar l-evoluzzjoni tal-apparat komprensiv tal-Unjoni u l-missjoni EUPOL, aktar speċifikament, fil-kuntest ta' wara l-2014 fl-Afganistan;
Territorji Palestinjani
57. Iqis suċċess l-missjoni ta' taħriġ tal-pulizija ċivili Palestinjana EUPOL COPPS, li l-għan tagħha huwa li tgħin lill-Awtorità Palestinjana ssaħħaħ l-istituzzjonijiet ta' Stat tal-Palestina futur fl-oqsma l-eżekuzzjoni tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali taħt tmexxija Palestinjana u skont l-aħjar istandards internazzjonali; josserva li din il-missjoni tidħol fil-qafas tal-isforzi tal-Unjoni Ewropea favur il-ħolqien ta' Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi maġenb l-Iżrael;
58. Jiddeplora l-fatt li l-missjoni EUBAM Rafah ssospendiet l-operazzjonijiet tagħha mindu Hamas ħa l-kontroll tal-istrixxa ta' Gaża, flimkien mat-tnaqqis tal-persunal u jissottolinja li l-permanenza tagħha fir-reġjun turi r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tagħti l-kontribut tagħha għal kull azzjoni li tkun tippermetti l-aġevolazzjoni tad-djalogu bejn l-Iżrealjani u l-Palestinjani; jiddeplora l-fatt li l-Gvern Iżraeljan ma awtorizzax lill-kap tal-missjoni EUPOL COPPS jassumi fl-istess ħin ir-rwol ta' kap tal-missjoni ta' EUBAM Rafah u li l-kwartieri ġenerali ta' din il-missjoni jinsabu f'Tel Aviv minflok f'Ġerusalemm tal-Lvant;
Ġeorġja
59. Jissottolinja r-rwol pożittiv li tiżvolġi l-missjoni ta' osservazzjoni EUMM Georgia, partikolarment fis-sostenn tad-djalogu u tal-istabbiliment mill-ġdid ta' miżuri ta' fiduċja bejn il-partijiet, iżda jiddeplora l-fatt li din il-missjoni għadha mhijiex awtorizzata li tmur fit-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, li fihom ir-Russja ġiet rikonoxxuta bħala forza ta' okkupazzjoni mill-Parlament Ewropew, min-NATO, mill-Kunsill tal-Ewropa u minn ċerti Stati Membri;
Iraq
60. Josserva li l-missjoni EUJUST LEX-Iraq, li l-mandat tagħha ġie pprorogat sal-31 ta' Diċembru 2013, kienet l-ewwel missjoni integrata “Stat tad-dritt” tal-UE bil-għan li tagħti kontribut għall-ħolqien ta' sistema tal-ġustizzja kriminali professjonali fl-Iraq ibbażata fuq l-Istat tad-dritt; jikkonstata madankollu li l-Iraq għadu 'l bogħod milli jkun stabilizzat, kif juru l-attentati regolari li tagħhom il-pajjiż huwa vittma, sitwazzjoni aggravata minn kuntest reġjonali mill-iktar inċerti;
Ritorn ta' esperjenza
61. Josserva l-importanza tar-ritorn ta' esperjenza tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet immexxija fl-ambitu tal-PSDK u jilqa' pożittivament ix-xogħol kompjut f'dan is-sens mid-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar tas-SEAE u mill-Istat Maġġur tal-UE (EUMS); jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' din il-ħidma;
62. Iqis li hija partikolarment rilevanti l-esperjenza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili, qasam li fih l-UE wettqet ħidma estensiva u li pproduċiet riżultati importanti fih; jemmen li dan il-valur miżjud tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għandu jiġi kkunsidrat fil-koordinament tal-isforzi ma' sħabna u mal-alleati tagħna fil-ġestjoni tal-kriżi internazzjonali.
Il-kapaċitajiet u l-istrutturi ta' tmexxija tal-operazzjonijiet
63. Jikkonstata li l-operazzjonijiet militari tal-UE għadhom ta' spiss ibatu minn problemi ta' ġenerazzjoni ta' forzi u li l-kredibilità tal-PSDK hija f'riskju fl-assenza ta' kapaċitajiet kredibbli; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jibqgħu mobilizzati biex ifornu persunal u tagħmir ta' kwalità;
64. Josserva li l-istrutturi ta' ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan is-SEAE għadhom b'persunal nieqes, kemm mil-lat ċivili kif ukoll militari, u dan jagħmel ħsara lill-kapaċità tagħhom ta' reazzjoni u jikkontribwixxi għal ċerta marġinalizzazzjoni tal-PSDK; jappella lill-VP/RGħ tirmedja mill-aktar fis possibbli s-sitwazzjoni; jinsisti fuq ir-rabta diretta li trid teżisti bejn il-VP/RGħ u l-istrutturi ta' ġestjoni ta' kriżi tal-PSDK;
Persunal u kapaċitajiet ċivili
65. Jenfasizza d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri biex ifornu l-persunal adegwat, anki f'numru suffiċjenti, għall-missjonijiet ċivili mmexxija fl-ambitu tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jistudjaw il-possibilitajiet li jagħtu assistenza lill-Istati Membri rigward iż-żieda fin-numru tal-pulizija, tal-imħallfin u tal-persunal speċjalizzat ħafna fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika biex jiġu skjerati mal-missjonijiet ċivili tal-PSDK;
66. Jieħu nota tal-estensjoni tal-Objettiv Primarju ċivili 2010 lil hinn minn din id-data u jifraħ bl-adozzjoni ta' programm ta' żvilupp tal-kapaċitajiet ċivili pluriennali; jistieden lill-Istati Membri, u b'mod aktar partikolari lill-ministeri kkonċernati, jimmobilizzaw ruħhom għall-implimentazzjoni tiegħu;
67. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati – b'mod kumplementari għal dawk il-kapaċitajiet imsemmija fil-kuntest tal-Objettiv Primarju ċivili li jirreferu għall-pulizija, l-imħallfin, il-persunal speċjalizzat ħafna fil-qasam tal-amministrazzjoni – linji gwida u kapaċitajiet ta' medjazzjoni aktar effikaċi sabiex jipprevedu riżorsi adegwati għall-medjazzjoni f'waqtha u b'mod ikkoordinat;
68.Josserva bi tħasseb li f'ċerti Stati Membri l-identifikazzjoni, il-koordinament u l-iskjerament ta' persunal ċivili fil-missjonijiet tal-PSDK għadhom isofru mill-użu ta' prattiki u kriterji nazzjonali diverġenti; jappella għal aktar koordinament fost l-Istati Membri u għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;
69. Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, bl-indifferenza fil-konfront tar-riżoluzzjonijiet parlamentari preċedenti tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri li fihom intalbet id-disponibilità ta' persunal ċivili suffiċjenti u kompetenti u kapaċitajiet sostanzjali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-kapaċitajiet ċivili tal-PSDK u jqis li dawn għad għandhom ir-rilevanza tagħhom, jiġifieri:
–
jiġbdu persunal ikkwalifikat u mħarreġ f'numru suffiċjenti;
–
jiżviluppaw strumenti adegwati biex jiffaċilitaw il-bidu tal-missjonijiet, partikolarment verżjoni finalizzata ta' “Goalkeeper”; miżuri preparatorji aktar flessibbli; mekkaniżmi aħjar biex jiġu mgħammra l-missjonijiet ċivili (inkluż l-istabbiliment ta' soluzzjoni bi mħażen permanenti);
–
it-tkomplija tal-implimentazzjoni ta' attivitajiet preparatorji għall-missjonijiet ċivili, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
–
it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt u l-implimentazzjoni tat-tagħlimiet miksuba;
–
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;
Persunal u kapaċitajiet militari
70. Josserva li l-UE bħalissa qiegħda tħabbat wiċċha ma' restrizzjonijiet finanzjarji sinifikanti u li l-Istati Membri tal-UE, minħabba raġunijiet kemm finanzjarji, baġitarji kif ukoll politiċi marbuta jew le mal-kriżi li qiegħda tolqot iż-żona euro, qegħdin f'fażi ta' tnaqqis jew, l-aktar l-aktar, ta' żamma, tal-livell tal-baġits ta' difiża tagħhom; jenfasizza l-effetti negattivi potenzjali ta' dawn il-miżuri fuq il-kapaċitajiet militari tagħhom u, għalhekk, fuq il-kapaċità tal-UE li tassumi b'mod effikaċi r-responsabilitajiet tagħha fl-oqsma taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;
71. Josserva żieda fil-kapaċitajiet militari u fl-armi fil-kontinent Asjatiku u speċjalment fiċ-Ċina. jitlob li jiġi approfondit id-djalogu mar-reġjun, b'enfasi fuq il-kwistjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża.
72. Jisħaq fuq il-fatt, partikolarment, li l-multiplikazzjoni tal-operazzjonijiet esterni ta' dawn l-aħħar snin, kemm jekk hu fl-Irak, fl-Afganistan u jew fl-Afrika, inkluż fil-Libja, irrappreżentat u għadha tirrappreżenta piż finanzjarju mdaqqas għal dawk l-Istati li pparteċipaw jew li għadhom jipparteċipaw f'dawn l-operazzjonijiet; josserva li dawn l-ispejjeż għandhom impatt dirett fuq l-attrizzjoni u l-kedd bl-użu prematur tat-tagħmir, iżda wkoll fuq ir-rieda tal-Istati li jimpenjaw ruħhom f'operazzjonijiet tal-PSDK fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji u tal-kapaċitajiet;
73. Jissottolinja li l-baġits Ewropej ta' difiża tal-Istati Membri kollha flimkien, f'valuri assoluti, huma paragunabbli sew mal-ispejjeż tal-potenzi emerġenti prinċipali u li l-problema hija għaldaqstant aktar politika milli baġitarja, mid-definizzjoni ta' bażi industrijali u teknoloġika Ewropea sal-akkomunament ta' ċerti kapaċitajiet operattivi; josserva li l-konsorzji, l-inizjattivi konġunti u l-proġetti ta' fużjoni bejn impriżi Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija Ewropea tad-difiża.
74. Josserva li l-azzjoni militari fil-Libja, mibdija minn Franza u mir-Renju Unit bl-appoġġ tal-Istati Uniti u sussegwentement meħuda min-NATO, enfasizzat il-kapaċità ta' ċerti Stati Ewropej li jimpenjaw ruħhom f'kunflitti ta' intensità għolja, iżda wkoll id-diffikultajiet tagħhom biex imexxu azzjonijiet ta' dan it-tip fit-tul, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' kapaċitajiet fundamentali bħar-riforniment ta' karburant fl-ajru, il-ġbir ta' tagħrif jew l-munizzjon bi gwida ta' preċiżjoni;
75. ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet li fiha huma rilevanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri fi spirtu ta' kondiviżjoni u ta' akkomunament;
76. Jilqa' favorevolment il-ftehimiet bilaterali bħat-trattat Franko-Brittaniku dwar il-kooperazzjoni militari u jistieden lill-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw tali ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni militari bħala strument importanti għall-iffrankar tal-ispejjeż kapaċi jevita d-duplikazzjoni u jikkostitwixxi proċess ta' żvilupp ta' bażi għall-PSDK u l-futur tal-integrazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà;
77. Jifraħ bl-ewwel passi 'l quddiem tal-inizjattiva ta' “akkomunament u kondiviżjoni” (“pooling and sharing”) tal-Unjoni Ewropea u jagħti ġieħ lill-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED) li ppermettiet li jiġu identifikati 11-il qasam ta' azzjoni prijoritarju; jissottolinja b'mod partikolari l-progress li sar f'4 oqsma: riforniment ta' karburant fl-ajru, sorveljanza marittima, sostenn mediku u taħriġ; jitlob madankollu li din l-inizjattiva tingħata qafas strateġiku;
78. Jiddeplora l-fatt, madankollu, li l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni għadha ma mliet l-ebda waħda mil-lakuni identifikati fl-Objettiv Primarju tal-2010; jieħu nota tar-retiċenza tal-Istati Membri biex jerfgħu l-piż li jkunu nazzjon gwida għal wieħed mit-300 proġett issuġġerit ta' akkomunament u kondiviżjoni ppreżentati mill-Istat Maġġur tal-UE f'April 2011;
79. Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża tas-sena d-dieħla, jagħmlu bilanċ tal-kapaċitajiet eżistenti fi ħdan l-UE u jagħmlu l-inizjattiva, fl-aħħar mill-aħħar, sostenibbli sabiex jibdew proċess ta' ppjanar tad-difiża f'livell Ewropew;
80. Jilqa' pożittivament il-proprosta tal-AED intiża li tiżviluppa kodiċi tal-kondotta volontarju dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni bil-għan li tiġi aġevolata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-setturi tal-akkwiżizzjoni, l-użu u l-ġestjoni kondiviża tal-kapaċitajiet militari;
81. Isostni partikolarment il-proġett dwar ir-riforniment ta' karburant fl-ajru li jinkludi wkoll kapitolu “akkwiżizzjoni”; jesprimi, iżda, diżappunt f'dan ir-rigward, dwar ir-riżultat limitat mistenni tal-isforz, inkwantu se jġedded biss il-kapaċitajiet eżistenti minflok ma joħloq oħrajn ġodda; jinsisti biex l-Istati Membri jippreservaw in-natura Ewropea ta' din l-inizjattiva u jqis li l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR) tkun adatta biex tamministra l-kapitolu “akkwiżizzjoni”;
82. Jilqa' pożittivament il-ftehim iffirmat fis-27 ta' Lulju 2012 bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-OCCAR li se jippermetti lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ aġenziji jiġu istituzzjonalizzati, tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar integrata dwar il-programmi ta' żvilupp ta' kapaċitajiet militari u tiġi skambjata informazzjoni kklassifikata;
83. Ifakkar li bil-gwerra fil-Libja deher aħjar ukoll in-nuqqas ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones) ta' rikonjizzjoni fil-forzi armati Ewropej u jikkonstata li, fl-Ewropa, għalissa jeżistu żewġ proġetti konkorrenti ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ MALE (Medium Altitude Long Endurance); josserva wkoll li l-kooperazzjoni bejn Franza u r-Renju Unit fil-qasam tal-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ ta' kumbattiment tista' tislet benefiċċju jekk ma tkunx esklużiva u tinfetaħ għal sħab Ewropej oħrajn;
84. Jikkunsidra li l-ħolqien tal-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru (EATC) huwa eżempju konkret u li rnexxa ta' “akkomunament u kondiviżjoni” u jenfasizza li l-ħolqien ta' flotta ta' A400M fi ħdan din l-istruttura jista' jsaħħaħ notevolment il-kapaċitajiet ta' projezzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jinkoraġġixxi lill-Istati parteċipanti kollha jikkontribwixxu l-mezzi kollha tat-trasport disponibbli għall-EATC; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri mhux parteċipanti jieħdu sehem fl-EATC;
85. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-AED jirriflettu dwar l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' projezzjoni tal-UE speċjalment fi prospettiva doppja: sħubija pubblika-privata fil-qasam tat-trasport bl-ajru, mibnija fuq flotta żgħira ta' A400M, tkun tista' ġġorr kemm l-għajnuna umanitarja f'każ ta' katastrofijiet kif ukoll it-tagħmir u l-persunal f'każ ta' missjonijiet u operazzjonijiet li jsiru fl-ambitu tal-PSDK;
86. Jinsisti biex it-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej jissarraf ukoll f'konsolidament tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza ta' preferenza Ewropea u r-rilevanza ta' att Ewropew għax-xiri;
87. Josserva li l-kriżi finanzjarja u baġitarja li għaddejjin minnha l-UE u l-Istati Membri tagħha se twassal għal telf ta' kompetenzi tekniċi jekk ma jkun varat l-ebda programm ewlieni f'livell Ewropew fuq bażi bilaterali jew multilaterali u din tista' tirriżulta wkoll fl-għajbien tan-nisġa industrijali ferm speċjalizzata; jiġbed l-attenzjoni wkoll fuq l-impriżi medji tad-difiża Ewropej, li ntlaqtu wkoll mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, kapaċi jiġġeneraw attivitajiet ekonomiċi u responsabbli mill-ħolqien ta' impjiegi f'ċerti Stati Membri;
88. Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni dwar Orizzont 2020 għar-riċerka ċivili-militari futura finanzjata mill-UE u l-akkwist bħala sostenn għall-missjonijiet tal-PSDK; Jikkonstata b'inkwiet it-tnaqqis ta' approprjazzjonijiet iddestinati għar-riċerka u għat-teknoloġija, li jolqot fit-tul il-kapaċità tal-Ewropej li jżommu strument ta' difiża kredibbli bbażat fuq firxa sħiħa ta' armamenti u tagħmir militari; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jżidu l-allokazzjoni għar-riċerka u t-teknoloġija relatati mad-difiża sa almenu 2 % tal-baġit tad-difiża u jfakkar li l-investimenti fir-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża kisbu riżultati importanti b'applikazzjonijiet ċivili;
89. Jilqa' favorevolment l-inizjattivi u l-proġetti reċenti relatati maċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar mill-qrib mal-AED fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom taċ-ċiberdifiża, partikolarment ta' natura ċibernetika, speċjalment minħabba l-bini tal-fiduċja u l-akkomunament u l-kondiviżjoni; jilqa' favorevolment il-fatt li ċ-ċiberdifiża se tkun waħda mill-prijoritajiet tal-AED fl-ambitu tar-riċerka u t-teknoloġija fis-settur tad-difiża;
90. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-AED biex tippreserva bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) kif ukoll l-inizjattiva Barnier/Tajani biex tinħoloq task force fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea responsabbli biex tippreserva u tiżviluppa dan l-istrument strateġiku bil-funzjoni li jiggarantixxi l-awtonomija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tad-difiża; jitlob lill-Kummissjoni jżomm lill-Parlament informat bil-ħidma kontinwa tat-task force u jistidinha tinvolvi lill-Parlament fil-ġejjieni;
91. Jiltob lill-Istati Membri japplikaw totalment id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-qasam tad-difiża (2009/81/KE(6)) b'tali mod biex jiżguraw interoperabilità aħjar tat-tagħmir u jiġġieldu kontra l-frammentazzjoni tas-suq li, spiss ħafna, huwa ta' vantaġġ għall-pajjiżi terzi;
92. Jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni dwar il-politika industrijali mill-Kummissjoni, tal-10 ta' Ottubru 2012, bit-titolu “Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku”, li tirrikonoxxi li s-settur tad-difiża għadu jsofri minn dimensjoni nazzjonali qawwija u tħabbar l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva għas-sostenn tal-kompetittività tal-industrija tad-difiża;
93. Ifakkar fir-rilevanza tal-pjan ta' żvilupp tal-kapaċitajiet żviluppat mill-AED; jistieden lill-Istati Membri jintegrawh aħjar fl-ippjanar nazzjonali tagħhom u jkunu aktar disposti jipparteċipaw fi proġetti tal-AED;
94. Iqis li l-Kunsill u l-Istati Membri għandhom isostnu aktar il-kapaċitajiet tal-Unjoni li jistgħu jippermettu li jsir iffrankar bis-saħħa ta' akkomunament, partikolarment l-AED, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE u l-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża;
95. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħtu lill-AED baġit u persunal adegwati bil-għan li din tkun kapaċi taqdi dmirijietha li jkunulha fdati mit-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li dan l-aspett irid jittieħed f'kunsiderazzjoni fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;
Politika spazjali b'appoġġ għall-PSDK
96. Jissottolinja l-bżonn, għall-finijiet tal-awtonomija tad-deċiżjonijiet u operattiva tal-UE, li jkunu disponibbli mezzi satellitari adegwati fl-oqsma tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali, tal-ġbir tat-tagħrif, tal-komunikazzjonijiet u tas-sorveljanza tal-ispazju; iqis li dawn l-oqsma jistgħu jkunu suġġetti għal aktar kondiviżjoni u akkomunament meta mqabbla mal-ftehimiet eżistenti fuq livell bilaterali jew flimkien maċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi Helios, Cosmo-SkyMed u SAR-Lupe; jawspika li l-programm MUSIS, li se jieħu post il-ġenerazzjoni attwali ta' satelliti ta' osservazzjoni, isir eżempju ta' kooperazzjoni kemm bejn pajjiżi Ewropej kif ukoll mas-SEAE u l-korpi politiċi-militari tal-Unjoni;
97. jistieden, f'din il-prospettiva, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistudjaw il-possibilità ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-UE fil-programmi satellitari futuri tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali b'mod li jippermetti lill-korpi politiċi-militari tal-Unjoni u lis-SEAE jistazzjonaw is-satelliti u biex ikollhom, fuq talba tagħhom u skont l-esiġenzi tagħhom, l-immaġnijiet satellitari tar-reġjuni fi kriżi jew ta' dawk li fihom hemm skjerata missjoni tal-PSDK;
98. Ifakkar fil-bżonn ta' finanzjament tal-Unjoni tal-proġett GMES li jrid isir, bħall-programm GALILEO, infrastruttura kritika tal-UE;
Tisħiħ tal-kapaċità ta' reazzjoni rapida
99. Josserva li, minkejja r-rettifiki li saru lill-mekkaniżmu ATHENA, ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament u d-duttrina ta' ingaġġ tal-gruppi tattiċi tal-Unjoni Ewropea, kif mitlub pereżempju. fl-ittra ta' Weimar, l-ebda wieħed sal-lum ma ntuża filwaqt li dawn jistgħu jikkostitwixxu forza tal-ewwel intervent, fl-istennija ta' forzi oħrajn aktar adatti għal impenn fit-tul;
100. iqis li din is-sitwazzjoni tippreġudika l-kredibilità tal-istrument tal-gruppi tattiċi u tal-PSDK b'mod ġenerali, filwaqt li setgħu ntużaw fl-imgħoddi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jibqgħu mobilizzati u jonoraw l-impenji tagħhom favur dan l-istrument, filwaqt li jżommu f'moħħhom li, minħabba l-investimenti finanzjarji u fir-riżorsi umani tal-gruppi tattiċi, saru issa responsabbli min-nuqqas ta' użu fil-konfront ta' diversi opportunitajiet;
101. Itenni li l-mekkaniżmu ATHENA għandu jiġi aġġustat ulterjorment biex iżid il-proporzjon ta' kostijiet komuni u b'hekk jiżgura qsim aktar ġust tal-piżijiet fl-operazzjonijiet militari u mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-Istati Membri jassumu rwol ta' tmexxija fil-missjonijiet tal-PSDK;
102. Isostni l-proċess ta' reviżjoni tal-proċeduri ta' ġestjoni ta' kriżi li għandu jitlesta qabel tmiem is-sena u għandu jiffaċilita l-iskjerament aktar rapidu ta' operazzjonijiet tal-PSDK ċivili u militari; iqis li l-proċeduri ta' ġestjoni ta' kriżijiet iridu jibqgħu għall-operazzjonijiet tal-PSDK u ma jinkludux strumenti oħrajn bir-riskju li jtaqqlu l-proċeduri; isostni wkoll ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' finanzjament bil-għan li jkun hemm aktar flessibilità u rapidità fil-mobilizzazzjoni tal-fondi;
Strutturi u ppjanar
103. Iqis li l-assenjazzjoni tar-rwol ta' koordinament tal-missjoni fil-Qarn tal-Afrika liċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' kapaċità Ewropea għall-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet b'persunal u mezzi ta' komunikazzjoni u ta' kontroll suffiċjenti; jiddeplora l-fatt, madankollu, li ċ-Ċentru la huwa permanenti u lanqas mhu l-punt ċentrali għall-ippjanar u t-tmexxija ta' missjonijiet ċivili u ta' operazzjonijiet militari;
104. Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni (OHQ) tal-UE għall-ippjanar operattiv u t-tmexxija tal-missjonijiet ċivili u tal-operazzjonijiet militari fi ħdan is-SEAE, jekk neċessarju permezz ta' kooperazzjoni strutturata permanenti;
105.Josserva r-rieda espressa mill-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2011, li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ppjanar strateġiku minn qabel; isostni l-estensjoni tas-setgħat tal-EUMS f'dan is-sens; iqis li ċ-Ċentru tal-operazzjonijiet jista' wkoll jappoġġa lill-EUMS f'dan il-kompitu;
106. Josserva b'interess il-qsim taċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet f'żewġ entitajiet, is-“Situation Room” (sala ta' sitwazzjoni) min-naħa u ċ-Ċentru ta' Intelligence (“Intelligence Centre” jew INTCEN) mill-oħra, u jilqa' favorevolment il-fatt li dan tal-aħħar huwa ddestinat li jikber jekk l-Istati Membri juru r-rieda li jiżviluppaw il-PESK u l-PSDK;
107. Isostni l-ħolqien ta' postijiet ta' esperti tas-sigurtà temporanji jew permanenti fi ħdan l-aktar delegazzjonijiet sinifikanti tal-UE għall-PSDK bil-għan li jieħdu ħsieb aħjar il-kwistjonijiet tas-sigurtà; jitlob li jiġi kkunsidrat ir-rwol potenzjali ta' tali postijiet fil-prevenzjoni ta' sigurtà u ta' twissija bikrija.
Sħubijiet Unjoni Ewropea/NATO
108. Jikkonstata li l-UE u n-NATO, magħqudin fi sħubija strateġika mtennija waqt is-samit ta' Chicago, huma impenjati f'bosta xenarji komuni bħall-Kosovo, l-Afganistan u l-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta' Aden u fl-Oċean Indjan; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' kooperazzjoni tajba bejn l-UE u n-NATO;
109. Iqis li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u militari tal-UE se jġib vantaġġi wkoll għan-NATO u jgħin biex jinħolqu sinerġiji bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;
110. Jenfasizza li l-istall marbut mat-tilwima bejn it-Turkija u Ċipru ma jimpedixxix liż-żewġ organizzazzjonijiet milli jmexxu, skont modi xierqa, djalogu politiku, jaħdmu flimkien bis-saħħa tal-kuntatti bejn il-membri tal-persunal rispettivi tagħhom u jikkoordinaw bejniethom; jappella madankollu għal soluzzjoni għal din it-tilwima biex titjieb il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;
111. Jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-kapaċitajiet militari, partikolarment biex tiġi evitata kull duplikazzjoni bejn l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni tal-kapaċitajiet tal-UE u l-iSmart Defense tan-NATO;
112. Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni prattika fil-qasam taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża, abbażi ta' kumplementarjetà eżistenti fl-iżvilupp tal-kapaċità ta' difiża u jenfasizza l-bżonn ta' koordinament aktar mill-qrib, speċjalment dwar l-ippjanar, it-teknoloġija, it-taħriġ u t-tagħmir f'dan ir-rigward;
113. Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar l-iżvilupp ta' strutturi ta' ġestjoni tal-kriżijiet ċivili fi ħdan in-NATO, b'hekk ikkonstata d-duplikazzjoni inutli ta' kapaċitajiet diġà preżenti u żviluppati sewwa fi ħdan l-UE;
Unjoni Ewropea/Unjoni Afrikana
114. Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UA biex tinżamm il-paċi u l-istabilità fil-kontinent Afrikan; josserva li l-UE tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' arkitettura ta' paċi u sigurtà Afrikana u, għal dan il-għan, isostni l-isforzi ta' paċi tal-UA u tal-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani bħall-ECOWAS intiżi biex jikkumbattu l-instabilità, l-insigurtà u t-theddida terroristika, mill-Qarn tal-Afrika sas-Saħel;
115. Ifakkar li l-UE għadha l-ewwel kontributur għall-baġit tal-AMISOM u jenfasizza l-bżonn ta' viżjoni strateġika għall-ġejjieni ta' din l-operazzjoni;
Unjoni Ewropea/Nazzjonijiet Uniti
116. Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni tajba li nħolqot bejn is-SEAE u d-dipartiment tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti; josserva li l-UE, bil-gruppi tattiċi tagħha, tista' tforni forza tal-ewwel intervent għall-operazzjonijiet urġenti taż-żamma tal-paċi, sal-mument meta tiġi sostitwita minn forza tan-Nazzjonijiet Uniti;
Unjoni Ewropea/OSKE
117. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-OSKE fir-reġjuni ta' interess komuni u fuq kwistjonijiet, bħall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet, ir-riabilitazzjoni wara l-kunflitti, kif ukoll il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-Istat tad-dritt; jesprimi sodisfazzjon għall-datt li twessa' u ġie approfondit il-kamp ta' applikazzjoni matul dawn l-aħħar snin, iżda jitlob koordinament aktar u sinerġija mill-qrib biex jiġu ttrattati l-kriżijiet u l-kunflitti, biex b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu żviluppati approċċi ekonomikament vantaġġużi;
Unjoni Ewropea/pajjiżi terzi
118. Jissottolinja r-rilevanza kontinwa ta' rabta transatlantika b'saħħitha u jifraħ bil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet, fosthom EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta, EULEX Kosovo u EUPOL Afghanistan;
119. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet qafas iffirmati sal-lum mill-UE ma' madwar 12-il pajjiż terz bil-għan li titħalla l-parteċipazzjoni tagħhom fl-operazzjonijiet ċivili u militari mmexxija fl-ambitu tal-PSDK;
o o o
120. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Presidenti fil-kariga tal-OSKE kif ukoll lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.