Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2096(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0335/2012

Testi mressqa :

A7-0335/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 13
CRE 21/11/2012 - 13

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 22/11/2012 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0457

Testi adottati
PDF 346kWORD 36k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Ċibersigurtà u Difiża
P7_TA(2012)0457A7-0335/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża (2012/2096(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea approvata mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, li saret f'Budapest fit-23 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni tas-27 ta' Mejju 2011 u l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar iċ-ċibersigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” tad-19 ta' Mejju 2010 (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità bħala prijorità tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna (COM(2012)0140),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika tal-Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Lulju 2012 intitolata “Il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-internet”(7) li tirrikonoxxi l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' informazzjoni fuq l-internet,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Chicago tal-20 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0335/2012),

A.  billi fid-dinja globalizzata tal-lum, l-UE u l-Istati Membri tagħha saru jiddependu b'mod kruċjali fuq spazju ċibernetiku sigur u fuq użu b'sigurtà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u fuq servizzi ta' informazzjoni u l-infrastrutturi assoċjati li jkunu reżiljenti u affidabbli;

B.  billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jintużaw ukoll bħala strumenti ta' repressjoni; billi l-kuntest fejn jintużaw jiddetermina b'mod estensiv l-impatt li jista' jkollhom dawn it-teknoloġiji bħala forza għall-iżviluppi pożittivi jew għar-repressjoni;

C.  billi l-isfidi, it-theddid u l-attakki ċibernetiċi qed jikbru b'pass drammatiku u jikkostitwixxu theddida kbira għas-sigurtà, id-difiża, l-istabilità u l-kompetittività tal-istati nazzjon kif ukoll tas-settur privat; billi dan it-theddid għaldaqstant ma għandux jiġi kkunsidrat bħala problema futura; billi maġġoranza tal-inċidenti ċibernetiċi li jkunu viżibbli ħafna u jħallu ħafna taqlib, issa huma motivati politikament; billi l-maġġoranza l-kbira tal-inċidenti ċibernetiċi jibqgħu fi stat primittiv, it-theddid għall-assi kritiċi qed isir dejjem iżjed sofistikat u jiġġustifika protezzjoni fil-fond;

D.  billi ċ-ċiberspazju, bl-utenti globalment interkonnessi tiegħu li jlaħħqu kważi żewġ biljuni, sar wieħed mill-aktar mezzi b'saħħithom u effiċjenti għall-promozzjoni ta' ideat demokratiċi u għall-organizzazzjoni tan-nies hekk kif jippruvaw jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom għal-libertà u l-ġlieda kontra d-dittaturi; billi l-użu taċ-ċiberspazju minn reġimi mhux demokratiċi u awtoritarji huwa theddida dejjem akbar għad-drittijiet tal-individwi għal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni; billi huwa kruċjali, għaldaqstant, li jiġi żgurat li ċ-ċiberspazju jibqa' miftuħ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' ideat, informazzjoni u espressjoni;

E.  billi hemm ħafna ostakli ta' natura politika, leġiżlattiva u organizzattiva fl-UE u fl-Istati Membri tagħha għall-iżvilupp ta' approċċ komprensiv u unifikat għaċ-ċiberdifiża u għaċ-ċibersigurtà; billi hemm nuqqas ta' definizzjoni komuni, standards komuni u miżuri komuni fil-qasam sensittiv u vulnerabbi taċ-ċibersigurtà;

F.  billi l-kondiviżjoni u l-koordinament fl-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll mas-sħab esterni, għadhom insuffiċjenti;

G.  billi jeżisti nuqqas ta' definizzjonijiet ċari u armonizzati ta' “ċibersigurtà” u “ċiberdifiża” fil-livelli tal-UE u internazzjonali; billi l-fehma ta' ċibersigurtà u ta' terminoloġija ewlenija oħra tvarja b'mod konsiderevoli fost il-pajjiżi differenti;

H.  billi l-UE għadha ma żviluppatx politiki koerenti tagħha stess dwar l-ħarsien tal-infrastruttura tal-informazzjoni kritika li teħtieġ approċċ multidixxiplinari b'hekk tiżdied is-sigurtà filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali;

I.  billi l-UE pproponiet diversi inizjattivi biex tegħleb iċ-ċiberkriminalità fil-livell ta' ċivili, inkluż it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità ġdid, iżda għad m'għandha l-ebda pjan konkret fil-livell tas-sigurtà u tad-difiża;

J.  billi l-ħolqien ta' relazzjoni ta' fiduċja bejn is-settur privat u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, id-difiża u istituzzjonijiet kompetenti oħra huwa ta' importanza enormi fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

K.  billi l-fiduċja reċiproka fir-relazzjonijiet bejn l-atturi statali u dawk mhux statali hija prerekwiżit għal ċibersigurtà affidabbli;

L.  billi l-maġġoranza tal-inċidenti ċibernetiċi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat tibqa' ma tiġix irrappurtata minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni u l-possibbiltà ta' dannu fl-immaġni tal-kumpaniji involuti;

M.  billi għadd kbir ta' inċidenti ċibernetiċi jseħħ minħabba nuqqas ta' reżiljenza u solidità tal-infrastruttura tan-netwerks privati u pubbliċi, bażijiet tad-data bi protezzjoni jew sigurtà skarsa u lakuni oħra fl-infrastruttura ta' informazzjoni kritika; billi huma biss ftit dawk l-Istati Membri li jikkunsidraw li l-protezzjoni tan-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom u tad-data assoċjata huma parti mid-dmir ta' diliġenza rispettiv tagħhom, fatt li jispjega n-nuqqas ta' investimenti fl-aktar teknoloġija ta' sigurtà moderna, f'taħriġ u fl-iżvilupp ta' linji gwida xierqa, billi għadd imdaqqas ta' Stati Membri jiddependi mit-teknoloġija tas-sigurtà ta' pajjiżi terzi u għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu tali dipendenza;

N.  billi l-maġġoranza tal-awturi ta' attakki ċibernetiċi ta' livell għoli, li jheddu s-sigurtà u d-difiża nazzjonali jew internazzjonali qatt ma jiġu identifikati u mħarrka; billi m'hemm l-ebda forma miftiehma fuq livell internazzjonali ta' rispons għal attakk ċibernetiku bl-appoġġ ta' Stat kontra Stat ieħor, u lanqas fehim jekk dan jistax jitqies bħala casus belli;

O.  billi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) qed tipparteċipa bħala faċilitatur għall-Istati Membri biex tappoġġa l-iskambju ta' prattiki tajbin fil-qasam taċ-ċibersigurtà billi tirrakkomanda kif għandha tiġi żviluppata, implimentata u miżmuma strateġija ta' ċibersigurtà; u għandha rwol ta' appoġġ fl-Istrateġiji Nazzjonali taċ-Ċibersigurtà, il-Pjanijiet ta' Kontinġenza Nazzjonali, billi torganizza eżerċizzji pan-Ewropej u internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika tal-Informazzjoni (CIIP), u l-iżvilupp ta' xenarji għall-eżerċizzji nazzjonali;

P.  billi sa Ġunju 2012, 10 Stati Membri biss kienu għadhom adottaw uffiċjalment Strateġija Nazzjonali taċ-Ċibersigurtà;

Q.  billi ċ-ċiberdifiża hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-EDA, li fl-ambitu tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet stabbiliet tim għal proġett fuq iċ-ċiberkriminalità mal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jaħdem biex jiġbor l-esperjenzi u jipproponi rakkomandazzjonijiet;

R.  billi l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża huma kruċjali għall-avvanz u ż-żamma ta' livell għoli ta' ċibersigurtà u ċiberdifiża; billi l-infiq tad-difiża fuq ir-riċerka u l-iżvilupp naqas minflok laħaq it-2 % miftiehma mit-total tan-nefqa għad-difiża;

S.  billi s-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni taċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà għandhom jikkostitwixxu l-bażi ta' kull strateġija komprensiva ta' ċibersigurtà;

T.  billi għandu jiġi stabbilit bilanċ ċar bejn il-miżuri ta' sigurtà u d-drittijiet taċ-ċittadini skont it-TFUE, bħad-dritt għall-privatezza, għall-protezzjoni tad-data u l-libertà ta' espressjoni; biex tal-ewwel ma jiġux issagrifikati f'isem l-oħrajn u viċi versa;

U.  billi hemm ħtieġa dejjem tikber għar-rispett u l-ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-individwi fejn tidħol il-privatezza, kif stabbilit fil-Karta tal-UE u fl-Artikolu 16 tat-TFUE; billi l-ħtieġa għall-istituzzjonijiet u l-korpi tad-difiża li, fil-livell nazzjonali, jiggarantixxu s-sigurtà u d-difiża taċ-ċiberspazju, waqt li hi importanti, m'għandha qatt tintuża bħala skuża biex, b'xi mod, jitrażżnu d-drittijiet u l-libertajiet fiċ-ċiberspazju u fl-ispazju informattiv;

V.  billi n-natura globali u bla fruntieri tal-internet teħtieġ forom ġodda ta' kooperazzjoni internazzjonali u ta' governanza ma' diversi partijiet interessati;

W.  billi l-gvernijiet qed jiddependu dejjem aktar fuq atturi privati għas-sigurtà tal-infrastruttura kritika tagħhom;

X.  billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għadu ma inkludiex b'mod proattiv aspett ta' ċibersigurtà fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi;

Y.  billi, s'issa l-Istrument għall-Istabbilita huwa l-uniku programm tal-UE li huwa mfassal biex jirrispondi għal kriżijiet urġenti jew għal sfidi ta' sigurtà globali/transreġjonali, inkluż theddid marbut maċ-ċibersigurtà;

Z.  billi l-għoti ta' risposti b'mod konġunt – permezz tal-grupp ta' ħidma tal-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità – għal theddid marbut maċ-ċibersigurtà huwa wieħed mill-kwistjonijiet prijoritarji fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Azzjonijiet u koordinament fl-UE

1.  Jinnota li t-theddid u l-attakki ċibernetiċi kontra korpi governattivi, amministrattivi, militari u internazzjoni huma minaċċa u okkorrenza li qed jikbru malajr kemm fl-UE kif ukoll fuq livell globali, u li hemm raġunijiet sinifikanti għal tħassib dwar il-fatt li atturi statali u mhux statali, speċjalment organizzazzjonijiet terroristiċi u kriminali, ikunu kapaċi jattakkaw l-istrutturi u l-infrastrutturi kritiċi tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-membri tal-UE, bil-potenzjal li jikkawżaw dannu konsiderevoli, inklużi effetti ċinetiċi;

2.  Jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jkun hemm approċċ ikkoordinat u globali għal dawn l-isfidi fil-livell tal-UE permezz tal-iżvilupp ta' strateġija komprensiva taċ-ċibersigurtà tal-UE li għandha toffri definizzjoni komuni ta' ċibersigurtà u ta' ċiberdifiża u ta' dak li jikkostitwixxi attakk ċibernetiku relatat mad-difiża, viżjoni operattiva komuni u li għandha tieħu kont tal-valur miżjud tal-aġenziji u l-korpi eżistenti; kif ukoll tal-prattiki tajba minn dawk l-Istati Membri li diġà huma mgħammra bi strateġiji nazzjonali ta' ċibersigurtà; jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu kkoordinati u maħluqa sinerġiji fil-livell tal-Unjoni biex jgħinu jgħaqqdu d-diversi inizjattivi, programmi u attivitajiet, kemm militari kif ukoll ċivili; jenfasizza li strateġija bħal din għandha tassigura flessibbiltà u tiġi aġġornata fuq bażi regolari biex tadatta għan-natura li tinbidel malajr taċ-ċiberspazju;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jqisu l-possibbiltà ta' attakk ċibernetiku gravi kontra Stat Membri fil-proposta imminenti tagħhom dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Klawsola ta' Solidarjetà (Artikolu 222 tat-TFUE); huwa, barra minn hekk, tal-fehma li minkejja l-attakki ċibernetiċi li jpoġġu s-sigurtà nazzjonali f'periklu xorta jeħtieġu definizzjoni b'terminoloġija komuni, dawn jistgħu jkunu koperti mill-Klawsola ta' Difiża Reċiproka (Artikolu 42.7 tat-TUE), mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' proporzjonalità;

4.  Jenfasizza li l-PSDK trid tiżgura li l-forzi fuq operazzjonijiet militari tal-UE u l-missjonijiet ċivili jitħarsu minn attakki ċibernetiċi; jenfasizza li ċ-ċiberdifiża għandha ssir kapaċità attiva tal-PSDK;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki kollha tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà għandhom ikunu bbażati u ddisinjati b'mod li jiżguraw il-protezzjoni u l-preservazzjoni massimi tal-libertajiet diġitali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fuq l-internet; iqis li l-Internt u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandhom jiddaħħlu fl-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE biex isir progress f'dan l-isforz;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrikonoxxu b'mod mhux ekwivoku l-libertajiet diġitali bħala drittijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispensabbli għat-tgawdija ta' drittijiet tal-bniedem universali; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex qatt ma jipperikolaw id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom meta jkunu qed jiżviluppaw ir-reazzjonijiet tagħhom għat-theddid u l-attakki ċibernetiċi u għandu jkollhom differenzi leġiżlattivi xierqa bejn inċidenti ċibernetiċi ta' livell militari u dawk ta' livell ċivili; jappella għall-applikazzjoni b'kawtela tar-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità taċ-ċittadini li jisfruttaw l-istrumenti tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jfasslu, flimkien mal-Istati Membri, White Paper dwar iċ-Ċiberdifiża, li tistabbilixxi definizzjonijiet u kriterji ċari li jisseparaw il-livelli tal-attakki ċibernetiċi fl-isferi ċivili u militari, skont il-motivazzjoni u l-effetti tagħhom, kif ukoll il-livelli ta' reazzjonijiet, inklużi l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' min ikun wettaqhom;

8.  Josserva bżonn ċar li tiġi aġġornata l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà bil-ħsieb li jiġu identifikati u jinstabu mezzi għat-tfittxija u l-prosekuzzjoni tal-awturi tal-attakki ċibernetiċi kemm fuq bażi individwali, relatati man-netwerk kif ukoll b'appoġġ statali;

Livell tal-UE

9.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni orizzontali u l-koordinament fuq iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u bejniethom;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li t-teknoloġiji l-ġodda jpoġġu f'dubju l-mod kif il-gvernijiet iwettqu d-dmirijiet fundamentali tradizzjonali; itenni li fl-aħħar mill-aħħar il-politiki fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, inkluża sorveljanza demokratika xierqa, huma f'idejn il-gvernijiet; jieħu nota tar-rwol dejjem iktar importanti ta' atturi privati fit-twettiq ta' dmirijiet ta' sigurtà u difiża ta' spiss mingħajr trasparenza, responsabilità jew mekkaniżmi għas-sorveljanza demokratika;

11.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-gvernijiet jikkonformaw mal-prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju u d-dritt internazzjonali pubbliku, bħar-rispett għas-sovranità statali u d-drittijiet tal-bniedem, fl-użu ta' teknoloġiji ġodda fl-ambitu tal-politiki dwar is-sigurtà u d-difiża; jiġbed l-attenzjoni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE, bħall-Estonja, fid-definizzjoni u t-tfassil ta' politiki dwar iċ-ċibersigurtà, kif ukoll taċ-ċiberdifiża;

12.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi evalwat il-livell ġenerali tal-attakki ċibernetiċi kontra s-sistemi u l-infrastruttura ta' informazzjoni tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' valutazzjoni kontinwa tal-grad ta' preparazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jindirizzaw l-attakki ċibernetiċi potenzjali; jinsisti b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-infrastrutturi ta' informazzjoni kritika;

13.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun iktar faċli li tinkiseb informazzjoni dwar vulnerabilitajiet, twissijiet u avviżi dwar theddid ġdid għas-sistemi ta' informazzjoni;

14.  Jinnota li l-attakki ċibernetiċi li saru dan l-aħħar kontra n-netwerks ta' informazzjoni Ewropej u s-sistemi ta' informazzjoni governattivi, ikkawżaw dannu konsiderevoli għall-ekonomija u s-sigurtà, li l-firxa tiegħu ma ġietx ivvalutata b'mod adegwat;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw l-istrateġiji elettroniċi għas-sigurtà u l-pjanijiet ta' kontinġenza tagħhom fir-rigward tas-sistemi tagħhom stess fl-iqsar żmien possibbli;

16.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex fl-analiżi tar-riskji u l-pjanijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet tagħhom jinkludu l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi; jistieden, barra minn hekk, lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jagħtu taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà lill-persunal kollu tagħhom; jissuġġerixxi li darba f'sena għandhom isiru eżerċizzji ċibernetiċi li jkunu simili għal eżerċizzji ta' emerġenza;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp effiċjenti tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE (CERT-UE) u s-CERTs nazzjonali, kif ukoll l-iżvilupp ta' pjanijiet nazzjonali ta' kontinġenza fil-każ li tkun trid tittieħed azzjoni; jilqa' l-fatt li, sa Mejju 2012, l-Istati Membri tal-UE waqqfu CERTs nazzjonali; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri ta' CERTs nazzjonali u ta' CERT tal-UE li jekk ikun meħtieġ, ikunu jistgħu jitħaddmu fi żmien 24 siegħa; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħares lejn il-fattibbiltà ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat f'dan il-qasam;

18.  Jirrikonoxxi li l-“Ewropa Ċibernetika 2010”, l-ewwel eżerċizzju pan-Ewropew dwar il-ħarsien ta' infrastruttura kritika tal-informazzjoni, li sar bl-involviment ta' diversi Stati Membri u li tmexxa mill-ENISA, kien azzjoni utli u eżempju ta' prassi tajba; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li jinħoloq Netwerk ta' Informazzjoni għal Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika fil-livell Ewropew malajr kemm jista' jkun;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' eżerċizzji pan-Ewropej bi tħejjija għal inċidenti ta' sigurtà fuq skala kbira fin-netwerk, u d-definizzjoni ta' sett uniku ta' standards għall-valutazzjoni tat-theddid;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' sit ta' Koordinament Ċibernetiku tal-UE;

21.  Jikkunsidra li, minħabba l-livell għoli ta' kapaċità meħtieġa kemm għad-difiża adegwata tas-sistemi u tal-infrastrutturi ċibernetiċi, kif ukoll għall-attakki kontrihom, il-possibbiltà li tiġi żviluppata strateġija etika “white hat” bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri għandha tkun ikkunsidrata; jinnota li l-potenzjal għal “eżodu ta' mħuħ” f'dawn il-każi hu għoli u li, speċifikament, il-minorenni kkundannati għal attakki ta' dan it-tip għandhom potenzjal għoli kemm biex jiġu riabilitati u kemm biex jiġu integrati fl-aġenziji u l-korpi għad-difiża;

Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)

22.  Jilqa' l-inizjattivi u l-proġetti reċenti relatati maċ-ċiberdifiża, speċjalment fuq il-ġbir u l-immappjar tad-data, l-isfidi u l-ħtiġijiet taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża rilevanti u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar, anke fil-livell militari, mal-EDA fir-rigward taċ-ċiberdifiża;

23.  Jenfasizza l-importanza għall-Istati Membri li jkollhom kooperazzjoni mill-qrib mal-EDA fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tagħhom; jemmen li l-bini ta' sinerġiji, l-akkomunament ta' riżorsi u l-kondiviżjoni fuq livell Ewropew huma kruċjali għal ċiberdifiża effikaċi fil-livell Ewropew u nazzjonali;

24.  Jinkoraġġixxi lill-EDA tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha man-NATO, maċ-ċentri ta' eċċellenza nazzjonali u internazzjonali, maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fl-Europol bħala kontribut għal reazzjonijiet aktar mgħaġġla fil-każ ta' attakki ċibernetiċi, u speċjalment maċ-Ċentru ta' Eċċellenza dwar il-Kooperazzjoni fiċ-Ċiberdifiża (CCDCOE), u biex tikkonċentra fuq il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ kif ukoll fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki;

25.  Josserva bi tħassib li sal-2010, Stat Membru wieħed biss laħaq il-livell ta' 2 % ta' nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għad-difiża, filwaqt li ħames Stati Membri ma nefqu xejn fuq ir-R&Ż fl-2010; iħeġġeġ lill-EDA, flimkien mal-Istati Membri, jiġbru r-riżorsi u jinvestu b'mod effikaċi fir-riċerka u l-iżvilupp kollaborattivi, b'attenzjoni partikolari għaċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

Stati Membri

26.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżviluppaw u jlestu l-istrateġiji nazzjonali ta' ċibersigurtà u ċiberdifiża rispettivi tagħhom mingħajr iżjed dewmien u jiżguraw solidità fl-ambjent tat-tfassil tal-politiki u f'dak regolatorju, proċeduri komprensivi għall-ġestjoni tar-riskji u miżuri u mekkaniżmi preparatorji xierqa; jistieden lill-ENISA tassisti lill-Istati Membri; jesprimi l-appoġġ tiegħu lejn l-ENISA fl-iżvilupp ta' Gwida ta' Prattiki Tajbin dwar prattiki u rakkomandazzjonijiet tajbin dwar kif għandha tiġi żviluppata, implimentata u miżmuma strateġija ta' ċibersigurtà;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu taqsimiet magħżula inkarigati miċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża fl-istruttura militari tagħhom, bil-ħsieb li jikkooperaw ma' korpi simili fl-Istati Membri l-oħra tal-UE;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu ċentri ta' ġurisdizzjoni speċjalizzati fil-livell reġjonali intiżi biex irażżnu b'mod aħjar l-attakki għas-sistemi ta' informazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-adattament tal-liġijiet nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jiġu adattati għall-iżviluppi tat-teknoloġiji u t-tipi ta' użu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq approċċ Ewropew koerenti u effiċjenti biex jiġu evitati inizjattivi żejda, waqt li tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u jtejbu l-iskambju ta' informazzjoni; huwa tal-fehma li għandu jiġi stabbilit livell minimu obbligatorju ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni bejn l-Istati Membri;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta' kontinġenza u biex jinkludu l-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u l-analiżi tar-riskju; jenfasizza ulterjorment l-importanza ta' taħriġ adegwat dwar iċ-ċibersigurtà essenzjali għall-persunal kollu fl-entitajiet pubbliċi u, b'mod partikolari, ta' offerta ta' taħriġ xieraq għall-membri tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta' sigurtà fi ħdan stabbilimenti ta' taħriġ; jistieden lill-ENISA u lil korpi rilevanti oħra jassistu lill-Istati Membri fl-iżgurar tal-akkomunament u l-kondiviżjoni ta' riżorsi kif ukoll biex jevitaw id-duplikazzjoni;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jpoġġu r-riċerka u l-iżvilupp bħala wieħed mill-pilastri ewlenin taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża u jinkoraġġixxu t-taħriġ ta' inġiniera speċjalizzati fil-protezzjoni ta' sistemi informatiċi; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom biex iżidu l-infiq tad-difiża fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-anqas għal 2 %, b'attenzjoni partikolari għaċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu programmi li jippromwovu u jissensibilizzaw lill-utenti privanti u lill-impriżi b'mod ġenerali l-użu ġenerali sigur tal-Internet, tas-sistemi tal-inforamzzjoni u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tniedi f'dan ir-rigward inizjattiva pubblika Ewropea ta' edukazzjoni, jistieden lill-Istati Membri jinkludu lill-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà fil-kurrikula skolastiċi mill-aktar etajiet bikrija possibbli;

Kooperazzjoni pubblika-privata

33.  Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' kooperazzjoni sinifikanti u kumplimentari fuq iċ-ċibersigurtà bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, bil-għan li tinħoloq fiduċja reċiproka; huwa konxju li t-tisħiħ ulterjuri tal-affidabbiltà u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi rilevanti se jikkontribwixxi għall-bini ta' fiduċja u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni kritika;

34.  Jistieden lis-sħab mis-settur privat jikkunsidraw soluzzjonijiet li jintegraw is-sigurtà mill-waqt tad-disinn meta jkunu qed jiddisinjaw prodotti, apparat, servizzi u applikazzjonijiet ġodda, kif ukoll inċentivi għal dawk li jiddisinjaw prodotti, apparat, servizzi u applikazzjonijiet ġodda bil-karatteristika ċentrali tkun dik tas-sigurtà mill-waqt tad-disinn; jappella biex il-kollaborazzjoni mas-settur privat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attakki ċibernetiċi tkun tinkludi standards minimi ta' trasparenza u mekkaniżmi biex jingħata rendikont dwarha;

35.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-infrastruttura ta' informazzjoni kritika hi inkluża fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE fil-kuntest tat-titjib tal-livelli tas-sigurtà għaċ-ċittadini, kif ukoll għall-impriżi fiċ-ċiberspazju;

36.  Jappella għall-ħolqien ta' djalogu permanenti ma' dawn is-sħab dwar l-aħjar użu u r-reżiljenza tas-sistemi tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà meħtieġa għat-tħaddim sigur u xieraq ta' dawn is-sistemi;

37.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri, l-UE u s-settur privat, b'kooperazzjoni mal-ENISA, għandhom jieħdu miżuri biex iżidu s-sigurtà u l-integrità tas-sistemi tal-informazzjoni, biex jipprevjenu l-attakki u jimminimizzaw l-impatt tagħhom; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tissuġġerixxi standards ta' ċibersigurtà minimi u sistema ta' ċertifikazzjonijiet għall-kumpaniji kif ukoll biex toffri l-inċentivi tajbin għat-tqanqil tal-isforzi mis-settur privat biex tittejjeb is-sigurtà;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat u lill-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jinkludu l-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi fil-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-analiżi tar-riskju; jappella, barra dan, biex jiġi introdott taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberiġjene essenzjali għall-membri kollha tal-persunal tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-aġenziji u l-korpi rilevanti, tiżviluppa oqfsa u strumenti għal sistema ta' skambju rapidu ta' informazzjoni li tiżgura l-anonimat meta jiġu rrappurtati inċidenti ċibernetiċi għas-settur privat, li jippermettu li l-atturi pubbliċi jinżammu kontinwament aġġornati u li jagħtu assistenza meta din tkun meħtieġa;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-UE li tiffaċilita l-iżvilupp ta' suq kompetittiv u innovattiv għaċ-ċibersigurtà fl-UE biex tippermetti aktar lill-SMEs joperaw f'dan il-qasam li se jagħti kontribut biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ġodda;

Kooperazzjoni internazzjonali

41.  Jistieden lill-SEAE jadotta approċċ proattiv fir-rigward taċ-ċibersigurtà u jintegra l-aspett taċ-ċibersigurtà fl-azzjonijiet kollha tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-pajjiżi terzi; jitlob li jitħaffu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' ċibersigurtà ma' pajjiżi terzi;

42.  Jenfasizza li t-tlestija ta' strateġija komprensiva ta' ċibersigurtà tal-UE hija prekundizzjoni biex tiġi stabbilita l-forma ta' kooperazzjoni internazzjonali effiċjenti dwar is-sigurtà ċibernetika li hija meħtieġa min-natura transkonfinali tat-theddid elettroniku;

43.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta' Budapest) sabiex jagħmlu dan mingħajr iżjed dewmien; jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-SEAE fl-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu l-Konvenzjoni u l-valuri tagħha fost il-pajjiżi terzi;

44.  Huwa konxju tal-ħtieġa ta' rispons miftiehem u kkoordinat fuq livell internazzjonali għat-theddid elettroniku; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-SEAE u lill-Istati Membri jkunu fuq quddiem nett fil-fora kollha, speċjalment fin-Nazzjonijiet Uniti, bi sforzi biex jinkisbu kooperazzjoni interazzjonali usa' u ftehim finali dwar id-definizzjoni ta' fehim komuni ta' normi ta' mġiba fiċ-ċiberspazju kif ukoll jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bil-għan li jiġu żviluppati ftehimiet għall-kontroll tal-armi ċibernetiċi;

45.  Iħeġġeġ l-iskambji ta' għarfien fil-qasam taċ-ċibersigurtà mal-pajjiżi BRICS u ma' pajjiżi oħra b'ekonomiji emerġenti, bl-għan li jiġu eżaminati r-risponsi komuni possibbli għaċ-ċiberkriminalità u l-attakki ċibernetiċi dejjem jiżdiedu; kemm f'livell ċivili kif ukoll dak militari;

46.  Iħeġġeġ lill-SEAE u lill-Kummissjoni jadottaw approċċ proattiv fil-fora u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari n-NU, l-OSKE, l-OECD u l-Bank Dinji, bil-għan li jkun applikat id-dritt internazzjonali eżistenti u li jinkiseb kunsens dwar in-normi għal imġiba responsabbli tal-Istat fuq iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, u billi jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri bil-għan li jiġu promossi l-valuri ewlenin tal-UE u l-politiki fil-qasam taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

47.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, bħala parti mid-djalogi, mir-relazzjonijiet u mill-ftehimiet ta' kooperazzjoni tagħhom ma' pajjiżi terzi, partikolarment dawk li jipprevedu l-kooperazzjoni jew l-iskambju fil-qasam tat-teknoloġija, jinsistu fuq rekwiżit minimi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ċiberkriminalità u l-attakki ċibernetiċi; kif ukoll fuq standards minimi fis-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tgħin lil pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom biex jekk ikun meħtieġ jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom ta' ċibersigurtà u ċiberdifiża;

Kooperazzjoni man-NATO

49.  Itenni li, abbażi tal-valuri komuni u l-interessi strateġiċi tagħhom, l-UE u n-NATO għandhom ir-responsabbiltà u l-kapaċità speċjali li jindirizzaw l-isfidi marbuta maċ-ċibersigurtà b'mod aktar effiċjenti u f'kooperazzjoni mill-qrib, billi jħarsu lejn punti kumplimentari possibbli, mingħajr ma jkun hemm duplikazzjoni u b'rispett għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li jakkomunaw u jikkonvidu fuq livell prattiku, minħabba n-natura kumplimentari tal-approċċ tal-UE u tan-NATO għaċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koordinament eqreb, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar, it-teknoloġija, it-taħriġ u t-tagħmir fir-rigward taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

51.  Filwaqt li jibnu fuq l-attivitajiet kumplimentari eżistenti fl-iżvilupp tal-kapaċità ta' difiża, iħeġġeġ lill-korpi kollha rilevanti tal-UE li jittrattaw iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża biex japprofondixxu l-kooperazzjoni prattika tagħhom man-NATO bil-għan li jiskambjaw l-esperjenza u jitgħallmu kif jibnu reżistenza għas-sistemi tal-UE;

Kooperazzjoni mal-Istati Uniti

52.  Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom ikabbru l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom biex jiġġieldu kontra ċ-ċibertattaki u ċ-ċiberkriminalità, peress li din saret prijorità tar-relazzjoni transatlantika wara s-Summit ta' Lisbona tal-2010 bejn l-UE u l-Istati Uniti;

53.  Jilqa' l-ħolqien, fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' Novembru 2010, tal-Grupp ta' Ħidma UE-Stati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità, u jappoġġa l-isforzi tiegħu sabiex jinkludi l-kwistjonijiet ta' ċibersigurtà fid-djalogu dwar il-politika transatlantika;

54.  Jilqa' t-twaqqif konġunt mill-Kummissjoni u mill-Gvern tal-Istati Uniti, taħt il-kappa tal-Grupp ta' Ħidma UE-Stati Uniti, ta' programm komuni u ta' pjan dwar iċ-ċibereżerċizzji transkontinentali konġunti/sinkronizzati fl-2012/2013; jieħu nota tal-ewwel Ċibereżerċizzju Atlantiku fl-2011;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li kemm l-Istati Uniti u kemm l-UE, bħala l-ikbar sorsi kemm ta' ċiberspazju kif ukoll ta' utenti, jaħdmu flimkien għall-protezzjoni tad-drittijijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom li jużaw dan l-ispazju; jenfasizza li, waqt is-sigurtà nazzjonali hi objettiv tal-ogħla importanza, għandha mhux biss tiġi garantita s-sigurtà taċ-ċiberspazju iżda għandu wkoll jiġi protett;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP, lill-EDA, lill-ENISA u lin-NATO.

(1) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.
(2) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p.63.
(3) Testi adottati, P7_ TA(2011)0228.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0207.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0406.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0237.
(7) http://www.ohchr.org/ EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session20/Pages/ResDecStat.aspx

Avviż legali - Politika tal-privatezza