Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali (2012/2095(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ċivili u l-Artikolu 214 dwar l-għajnuna umanitarja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima tat-18 ta' Lulju 2011(1),
– wara li kkunsidra d-Dokument Konġunt ta’ Riflessjoni SEAE-COM dwar id-Diplomazija dwar il-Klima tad-9 ta' Lulju 2011(2),
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-2008 ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli s-Sur Javier Solana u l-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet li segwew ir-rapport(3),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu 'Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: Għajnuna mill-Ewropa' ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili(4), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” tas-26 ta' Ottubru 2010 (COM(2010)0600) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011(5),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-20 ta' Diċembru 2011 (COM(2011)0934),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku (COM(2008)0763) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar il-politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE(7),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-konferenza ta' Berlin ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Minn negozjati dwar il-klima għal diplomazija Klimatika” u tal-Konferenza ta' Londra ta' Marzu 2012 intitolata “Djalogu tas-seklu 21 dwar il-Klima u s-Sigurtà”,
– wara li kkunsiddra l-istqarrija tal-presidenza tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU ta’ Lulju 2011 dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali(8),
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2011 u tal-2012 bl-isem 'Sigurtà għall-għajxien: Tibdil fil-klima, kunflitt u migrazzjoni fis-Sahel’(9),
– wara li kkunsidra d-dokumenti tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Bniedem u dwar ir-Responsabbiltà ta' protezzjoni(10),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu tar-Riżorsi Militari u tal-Protezzjoni Ċivili Barranin f'Salvataġġ f'każ ta' Diżastru“ (il-Linji gwida Oslo)(11) u l-Linji gwida dwar l-Użu tar-Riżorsi Militari u tal-Protezzjoni Ċivili Barranin għas-Sostenn ta' Attivitajiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza Kumplessi” (Linji Gwida MCDA),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (SEC(2007)0781, SEC(2007)0782, COM(2007)0317) u d-Dikjarazzjoni konġunta ''Lejn Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja''(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0349/2012)
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jinnota l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà globali, il-paċi u l-istabilità;
2. Jiddispjaċih li, fl-aħħar erba' snin, il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima bħala l-akbar theddida għas-sigurtà globali ġiet superata fid-dibattitu pubbliku mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, li tikkostitwixxi wkoll theddida globali immedjata;
3. Iqis li ż-żieda f'avvenimenti estremi tat-temp f'dawn l-aħħar snin tirrappreżenta spiża li qiegħda tiskala għall-ekonomija globali, mhux biss għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iżda wkoll għall-ekonomija dinjija, kemm bħala spiża diretta f’termini ta’ bini mill-ġdid u għajnuna kif ukoll bħala spiża indiretta f’termini ta’ żidiet fl-assigurazzjoni u fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi; jenfasizza li dawn l-avvenimenti jirrappreżentaw ukoll aggravar tat-theddid għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà tal-bniedem;
4. Jinnota li d-diżastri naturali, aggravati mit-tibdil fil-klima, huma destabbilizzanti ħafna, partikolarment għal stati vulnerabbli; jinnota, madankollu, li s'issa ebda każ ta' kunflitt ma jista' jiġi attribwit esklussivament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-popolazzjonijiet li l-aċċess tagħhom għall-ilma ħelu u għall-prodotti tal-ikel qed jeħżien minħabba d-diżastri naturali aggravati bit-tibdil fil-klima huma sfurzati li jimmigraw, u b’hekk qed iġebbdu ż-żejjed il-kapaċitajiet ekonomiċi, soċjali u amministrattivi ta’ reġjuni li diġà huma fraġli jew ta’ stati li qegħdin ifallu u konsegwentement joħolqu kunflitt u impatt negattiv fuq is-sigurtà ġenerali; ifakkar li dawn l-avvenimenti joħolqu kompetizzjoni bejn il-komunitajiet u l-pajjiżi minħabba riżorsi skarsi;
5. Jirrikonoxxi li kriżijiet kumplessi jistgħu jiġu mbassra u għandhom jiġu evitati bl-applikazzjoni ta’ approċċ komprensiv li jinkludi oqsma ta’ politika li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti fi ħdan il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), u l-politiki għall-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp; jinnota wkoll li n-NATO kienet fil-qalba tal-ewwel reazzjoni internazzjonali għal sfidi ta' sigurtà ambjentali fl-2004, meta l-Alleanza ssieħbet ma' ħames aġenziji internazzjonali(13) oħra biex jiffurmaw l-Inizjattiva għall-Ambjent u s-Sigurtà (ENVSEC) biex jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali li jheddu s-sigurtà fir-reġjuni vulnerabbli;
6. Jirrikonoxxi l-importanza ta' infrastruttura kritika li tipprovdi appoġġ għall-PSDK;
7. Jirrikonoxxi li, filwaqt li jista' jkun pożittiv li t-Tibdil fil-Klima jiġi indirizzat permezz ta' rabta ta' sigurtà, dan hu biss element wieħed tal-azzjoni tal-UE dwar it-tibdil fil-klima li jipprova juża strumenti politiċi u ekonomiċi li jtaffu u li jadattaw għat-tibdil fil-klima;
8. Jirrimarka li fl-istrateġiji, il-politiki u l-istrumenti ta' azzjoni esterni tagħha, l-UE għandha tqis l-effetti ta' diżastri naturali u tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà internazzjonali; ifakkar, barra minn hekk, li b'rabta kemm mad-diżastri naturali kif ukoll ma' diżastri oħra, huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u t-tfal, li huma partikolarment vulnerabbli fi kriżijiet;
9. Ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-mandat tal-Kummissjoni għal għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili u jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati u msaħħa l-istrumenti eżistenti;
10. Itenni l-importanza ta' Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri f'dan ir-rigward, biex jitnaqqas l-impatt tal-kriżijiet fuq popolazzjonijiet vulnerabbli;
11. Jinnota li huwa essenzjali li l-analiżi tal-impatt ta' diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima, u d-diżastri naturali sussegwenti, tiġi integrata fi strateġiji u pjanijiet operattivi tal-PSDK, qabel, waqt u wara kwalunkwe kriżi naturali jew umanitarja li tista' tinqala', u għandhom jinħolqu pjanijiet ta' riżerva għall-mitigazzjoni mmirati għal dawk ir-reġjuni li jinsabu fl-ikbar riskju, filwaqt li jkunu rispettati l-prinċipji umanitarji stipulati fit-Trattat ta' Lisbona; jitlob ukoll għal kooperazzjoni prattika, bħal eżerċizzji ta' kooperazzjoni;
12. Jenfasizza li l-ħolqien ta' reazzjoni effikaċi għall-implikazzjonijiet ta' sigurtà tat-tibdil fil-klima mhux talli għandha ssaħħaħ il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet iżda għandha ttejjeb ukoll l-analiżi u l-kapaċitajiet ta' twissija bikrija;
13. Ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jeħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa kapaċitajiet ċivili u militari għall-ġestjoni ta’ kriżijiet internazzjonali fuq il-firxa sħiħa ta’ kompiti elenkati fl-Artikolu 43 tiegħu, b’mod partikolari l-kompiti għall-prevenzjoni tal-kunflitti, dawk umanitarji u ta’ salvataġġ, ta’ pariri militari u kompiti ta' assistenza, ta' żamma tal-paċi u ta’ stabbilizzazzjoni wara l-kunflitt; fl-istess ħin, huwa tal-fehma li l-irduppjar ta' strumenti għandu jiġi evitat u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-istrumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-PSDK u dawk li jmorru lil hinn minnu, skont l-Artikoli 196 u 214 tat-TFUE; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' rduppjar ta' strumenti stabbiliti sew għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili li jmorru lil hinn mill-kompetenza tal-PSDK;
14. Jirrikonoxxi li l-istrutturi militari għandhom kapaċitajiet u assi fl-intelliġenza ambjentali, fil-valutazzjoni tar-riskju, fl-għajnuna umanitarja, fis-sostenn u l-evakwazzjoni f'każ ta' diżastru, li lkoll għandhom rwol kruċjali xi jwettqu fit-twissija bikrija, fil-ġestjoni tal-kriżjiet relatati mal-klima u mar-reazzjoni għal diżastru;
15. Jinnota li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa dispożizzjonijiet ġodda (l-Artikoli 21-23, 27, 39, 41(3), 43-46 TUE), b'mod partikolari dawk relatati mal-fond ta’ tnedija fl-Artikolu 41(3), u li dawn għad iridu jiġu implimentati;
16. Jinnota li l-UE għandha tkompli tikkomunika man-NU, mal-Unjoni Afrikana (UA) u mal-OSKE, inkluż fil-kuntest ta' ENVSEC sabiex tikkondividwi l-analiżi u tindirizza b'mod kooperattiv l-isfidi tat-tibdil fil-klima;
17. Jenfasizza l-valur ta' sinerġiji ċivili-militari waqt kriżijiet bħal dawk ta' Ħaiti, il-Pakistan u New Orleans; huwa tal-fehma li dawn is-sinerġiji xehdu kif il-forzi militari jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-kriżijiet u d-diżastri naturali kkawżati mill-klima billi jipprovdu assistenza diretta u f'waqtha lil żoni u popolazzjonijiet li ntlaqtu ħażin;
18. Jilqa’ l-fatt li t-tibdil fil-klima sar aktar u aktar ċentrali fid-dibattitu dwar is-sigurtà globali, b'mod partikolari sa mill-2007 meta l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU iddibatta għall-ewwel darba dwar it-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà internazzjonali; approva l-isforzi tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha biex iqajmu din il-kwistjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f’Lulju 2011 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar id-Diplomazija dwar il-Klima;
Il-bżonn ta’ rieda u azzjoni politika
19. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), bħala dik responsabbli għall-kondotta tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni, sabiex:
a)
kull fejn meħtieġ, tqis it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u l-implikazzjonijiet tagħhom għas-sigurtà u d-difiża fl-analiżi tar-riskji u t-theddid għal kunflitti;
b)
tevalwa liema pajjiżi u/jew reġjuni jinsabu potenzjalment fl-akbar riskju ta' kunflitt u instabilità b’riżultat tat-tibdil fil-klima u ta' diżastri naturali; tagħmel lista ta' tali pajjiżi/reġjuni; tipprovdi, bħala parti mir-rapporti annwali tal-PESK, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politiki u l-istrumenti tal-UE mmirati biex jindirizzaw dawn l-isfidi fil-pajjiżi/reġjuni elenkati;
c)
issaħħaħ il-kapaċità prattika tal-UE biex tiżgura l-prevenzjoni tal-kunflitt, il-ġestjoni tal-kriżi u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi; tikkoordina mill-qrib mal-Kummissjoni l-isforzi u l-politika tal-iżvilupp tal-UE dwar il-ħtieġa li tingħata l-għajnuna lil pajjiżi sħab fejn tidħol reżiljenza kontra t-tibdil fil-klima u dimensjonijiet oħra tal-adattament għat-tibdil fil-klima;
d)
tadatta, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-ippjanar fit-tul tal-UE tal-kapaċitajiet ċivili u militari kif xieraq;
20. Jikkunsidra li l-UE għandha tressaq lista ta' sfidi li tiffaċċja f'żoni bħall-Artiku, l-Afrika, id-Dinja Għarbija u l-Ħimalajas u l-Plateau Tibetana (“it-Tielet Pol”), b'mod partikolari l-potenzjal għal kunflitti dwar il-provvisti tal-ilma,
21. Jenfasizza l-importanza li titkompla u tissaħħaħ l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna tal-iżvilupp tal-UE mmirata lejn l-adattament, il-mitigazzjoni, ir-reazzjoni, ir-reżiljenza, is-sostenn u l-iżvilupp wara xi kriżi fir-rigward ta' diżastri naturali u kriżijiet kkawżati mill-klima; jinnota l-importanza ta' inizjattivi bħat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u t-tgħaqqid tal-għajnuna, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp, u jistieden lill-Kummissjoni tintegra dawn il-programmi u azzjonijiet fl-għajnuna umanitarja tagħha u speċjalment fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha; jilqa' r-rwol akbar propost għall-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, speċjalment 'il barra mill-Unjoni Ewropea;
22. Jilqa' l-Inizjattiva Ambjent u Sigurtà (ENVSEC) mill-UNDP, l-UNEP, l-OSKE, in-NATO, l-UNECE u r-REC(14) li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-bniedem u l-ambjent naturali billi toffri lill-pajjiżi fl-Asja Ċentrali, il-Kawkasu u l-Ewropa tax-Xlokk il-kompetenza u r-riżorsi kollettivi tagħhom miġbura flimkien; jinnota li l-prestazzjoni ġenerali ta' ENVSEC għadha limitata iżda li s'issa din serviet bħala strument importanti għall-koordinament istituzzjonali u bħala punt ta' dħul għall-iffaċilitar ta' proċessi ta' integrazzjoni;
23. Jenfasizza li l-UE għandha taħdem mar-reġjuni ewlenin li jinsabu f'riskju u mal-istati l-aktar vulnerabbli, sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mas-sitwazzjoni; jenfasizza li l-UE tista' tkompli tintegra l-adattament u r-reżistenza għat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji reġjonali tal-UE(pereżempju l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika, il-Proċess ta' Barċellona, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-istrateġija bejn l-UE-u l-Asja Ċentrali u l-pjan ta' azzjoni għal-Lvant Nofsani);
24. Jistieden lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jintegraw l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà fl-istrateġiji l-aktar importanti, fid-dokumenti ta' politika u fl-istrumenti finanzjarji ta' azzjoni esterna u l-PSDK;
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija għandha titjieb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-karburanti fossili bħal dawk li jiġu importati mir-Russja permezz ta' sistemi ta' katusi; ifakkar li dawn is-sistemi ta' katusi huma vulnerabbli għal dannu mis-silġ li jkun qed idub u jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett ewlieni tat-tibdil tal-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-bżonn li dan ir-riskju multiplikatur jiġi indirizzat permezz ta' strateġija tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti l-affidament tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni ta' sigurtà tagħha;
26. Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u lill-forzi armati tal-Istati Membri biex jiżviluppaw teknoloġiji ekoloġiċi u konxji mill-effiċjenza enerġetika, li jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal offrut minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
27. Jilqa’ l-isforzi riċenti għat-tisħiħ tal-koordinament bejn in-NATO u l-UE fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jirrikonoxxi l-bżonn urġenti li jiġu identifikati l-vantaġġi reċiproċi tal-kooperazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati r-responsabbiltajiet speċifiċi taż-żewġ organizzazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jinstabu u jinħolqu sinerġiji fejn jidħlu proġetti ta’ 'akkomunament u kondiviżjoni' u proġetti ta’ “difiża intelliġenti’ (NATO) li jistgħu jiġu implimentati b'rispons f'każ ta' diżastru naturali u ta' kriżijiet kkawżati mill-klima;
28. Jistieden lill-VP/HR, bħala materja tal-ikbar urġenza, tuża l-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona biex tressaq proposti għall-implimentazzjoni tal-fond ta’ tnedija (l-Artikolu 41(3)TUE) fir-rigward tal-possibbilità ta’ proġetti futuri ta’ akkomunament u kondiviżjoni, ta’ kapaċitajiet konġunti u ta' ġabra ta' tagħmir konġunta u permanenti għal operazzjonijiet f'każ ta' kriżi ċivili;
Il-bżonn ta’ spirtu ġdid: sfidi strateġiċi u kunċettwali
29. Jinnota li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali fuq il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità jista' jiġi integrat fid-dokumenti strateġiċi kollha tal-PESK/PSDK li jservu bħala linji gwida għall-ippjanar u t-twettiq ta’ politiki u missjonijiet individwali;
30. Jinnota li kapaċitajiet bikrija ta' evalwazzjoni u ġbir ta' informazzjoni għandhom jiżguraw li l-UE tirreaġixxi għall-kriżijiet bl-użu tal-aktar mezzi xierqa disponibbli, bil-mobilizzazzjoni fil-pront ta' timijiet multidixxiplinarji, li jkunu magħmulin minn esperti ċivili, militari u esperti ċivili-militari;
31. Jenfasizza li l-aċċess tal-UE għal analiżi preċiża u f'waqtha se jkun kruċjali biex ikun hemm reazzjoni għal u biex titbassar l-insigurtà fir-rigward tat-tibdil fil-klima, bil-kapaċitajiet PSDK iservu ta' sors ta' informazzjoni tajba f'dan il-każ; l-UE għandha tieħu passi biex tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet għall-ġbir tad-data u l-analiżi ta' informazzjoni permezz ta' strutturi bħad-Delegazzjonijiet tal-UE, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE;
32. Iqis li t-twissija bikrija u l-azzjoni preventiva bikrija fir-rigward tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali jiddependu fuq riżorsi umani u metodoloġija adegwati fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-data; jinnota li l-unitajiet tas-SEAE rilevanti li jittrattaw is-sigurtà u s-servizzi tal-Kummissjoni relevanti u l-uffiċċji ġeografiċi għandhom jintegraw l-analiżi tal-impatt tad-diżastri naturali fuq is-sigurtà internazzjonali u l-istabbiltà politika fil-ħidma tagħhom; jirrakkomanda t-taħriġ tal-persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-impatt tad-diżastri naturali fuq l-iżvilupp tal-kriżijiet u l-istabilità u s-sigurtà politika; jitlob għall-iżvilupp ta’ kriterji komuni għall-analiżi, il-valutazzjoni tar-riskju u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija konġunta;
33. Jinkoraġġixxi lill-korpi tas-SEAE u tal-Kummissjoni jsaħħu l-kordinament tal-analiżi ta' sitwazzjoni u tal-ippjanar ta' politika, u l-iskambju sistematiku ta' informazzjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; iħeġġeġ lill-korpi rilevanti tas-SEAE jagħmlu użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni u ta' skambju ta’ informazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ECHO, iżda wkoll ma' aġenziji tan-NU u l-programmi, kif ukoll man-NATO; jiġbed l-attenzjoni li l-istrutturi ċivili u militari li għandhom il-kompitu li jirreaġixxu għall-kriżijiet u d-diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, umanitarji u non-governattivi;
34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet ta' kontinġenza għal rispons tal-UE għall-effetti ta' diżastri naturali u l-kriżijiet kkawżati mill-klima li jseħħu 'l barra mill-Unjoni u li jkollhom implikazzjonijiet ta' sigurtà diretti jew indiretti fuq l-Unjoni (eż. il-migrazzjoni kkawżata mill-klima);
35. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-passi meħuda fl-2011 fil-livell tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tul il-Presidenza Pollakka, u fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU tul il-Presidenza Ġermaniża, biex tiġi approfondita l-interazzjoni bejn it-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tagħha;
36. Iqis li d-dokumenti ewlenin tal-politika tal-PSDK jistgħu jiġu adattati u mmodifikati fir-rigward tal-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, inkluż il-Kunċett tal-UE għall-Ippjanar Militari fil-livell Politiku u Strateġiku(15), il-Kunċett tal-UE għall-Kmand u l-Kontroll Militari(16), il-Kunċett tal-UE għall-Ġenerazzjoni tal-Forza(17) u l-Kunċett tal-UE għal Rispons Rapidu Militari(18), kif ukoll dawk id-dokumenti li huma rilevanti għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK bħall-kunċett tal-UE għall-Ippjanar Komprensiv, il-Kunċett tal-UE għall-Ippjanar tal-Pulizija u l-Linji Gwida għall-Istruttura tal-Kmand u l-Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fil-Ġestjoni tal-Kriżijiet(19);
37. Huwa tal-fehma li l-kapaċitajiet ċivili u militari għandhom jiġu żviluppati b'tali mod li jippermettu l-mobilizzazzjoni tagħhom b'reazzjoni għal diżastri naturali u għal kriżijiet ikkawżati mill-klima; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari u b’mod partikolari lill-proċess ta’ akkomunament u kondiviżjoni; jitlob li l-EDA jkollha rwol akbar fil-kwistjoni;
Il-bżonn għal kreattività istituzzjonali: strumenti u kapaċitajiet
38. Itenni li reazzjonijiet effettivi għall-kriżijiet bħal diżastri naturali ta' spiss jeħtieġu li jkunu kapaċi jużaw kemm kapaċitajiet ċivili u dawk militari u li tenħtieġ kooperazzjoni eqreb bejn dawn iż-żewġ assi; ifakkar li huwa essenzjali li jiġu ddefiniti l-kapaċitajiet u l-lakuni speċifiċi għal oqsma partikolari fejn il-kapaċità militari tista' tipprovdi valur miżjud;
39. Jenfasizza l-bżonn li tiġi elaborata l-lista speċifika ta’ kapaċitajiet militari u ċivili tal-PSDK li għandhom rilevanza speċjali biex jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u fil-missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, li meta titfassal din il-lista, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħidma tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Użu ta' Riżorsi ta' Difiża Militari u Ċivili; jinnota li dawn ir-riżorsi jinkludu, inter alia, il-kapaċitajiet tal-inġinerija bħall-kostruzzjoni u l-operazzjoni ad hoc ta' infrastruttura tal-portijiet/ajruporti, il-ġestjoni operattiva u t-trasport bl-ajru u bil-baħar, sptarijiet mobbli li jinkludu l-kura intensiva, infrastruttura ta' komunikazzjoni, il-purifikazzjoni tal-ilma u l-ġestjoni tal-fjuwil; jistieden lill-Kunsill u lill-EDA, bħala parti mir-reviżjoni tal-2013 tal-programm tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jirrikonċiljaw il-katalgi attwali tal-kapaċitajiet ċivili u militari ma’ dawk meħtieġa sabiex jilqgħu għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u jressqu l-proposti meħtieġa biex jirrimedjaw kwalunkwe nuqqasijiet eżistenti f’dawk il-katalgi;
40. Jenfasizza l-bżonn li tiġi esplorata, fuq il-bażi tal-kapaċitajiet eżistenti diġà bħall-Gruppi ta’ Battalja tal-UE u l-Kmand tat-Trasport bl-Ajru Ewropew, il-possibilità li jinħolqu aktar kapaċitajiet konġunti li huma rilevanti għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni għall-impatt tat-tibdil fil-klima jew tad-diżastri naturali;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu esplorati modi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni ambjentali fi ħdan il-forzi armati fil-pajjiż u barra mill-pajjiż, billi jiġi sfruttat fost affarijiet oħra, il-potenzjal offrut minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-forzi armati ta' Stat Membru tal-UE jikkonsma l-enerġija ta' belt Ewropea kbira, u li għaldaqstant l-istrutturi militari għandhom ukoll ikunu innovattivi fit-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tagħhom; jilqa' r-rapport “Greening the Blue Helmets: l-Ambjent, ir-Riżorsi Naturali, u l-Operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-Paċi” rilaxxat f'Mejju 2012 mill-UNEP, id-Dipartiment tal-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDPKO) u d-Dipartiment tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sostenn fuq il-Post (UNDFS); jinnota l-fatt li, għal diversi snin, il-forzi armati tal-Istati Uniti(20) fittxew b'mod attiv li jżidu l-indipendenza enerġetika tagħhom permezz ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli u permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika fl-operazzjonijiet u l-infrastruttura militari kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proġett riċenti tal-EDA, GO GREEN, immirat biex ittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta 'enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa wkoll li jiġu żviluppati linji gwida għall-aħjar prattiki fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-monitoraġġ tal-ġestjoni ambjentali għall-missjonijiet tal-PSDK;
42. Jenfasizza l-bżonn ukoll li l-iżviluppi usa’ fil-qasam tal-Bażi Industrijali tad-Difiża Ewropea jinġiebu f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-kriżijiet u d-diżastri naturali kkaġunati mill-klima; jitlob it-tisħiħ tar-rwol tal-EDA f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Militari tal-UE f’dan il-proċess; jitlob liż-żewġ korpi tal-PSDK jassiguraw li l-programmi ta’ akkwist u l-programmi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet jiddedikaw mezzi finanzjarji adegwati kif ukoll riżorsi oħra għall-bżonnijiet speċifiċi ta' reazzjoni għat-tibdil fil-klima u ta' diżastri naturali;
43. Jistieden lill-militar jerfgħa r-responsabilitajiet tiegħu fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali u lill-esperti tekniċi biex isibu mezzi għal azzjoni favur l-ambjent, mit-tnaqqis ta' emissjonijiet sat-titjib fir-riċiklaġġ;
44. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm u jissaħħaħ aktar approċċ komprensiv fi ħdan il-kuntest tal-perspettiva finanzjarja pluriennali li jmiss għall-2014-2020 sabiex jittaffew u ssir reazzjoni għad-diżastri naturali u għall-kriżijiet kkawżati mill-klima, permezz tal-użu tal-istrumenti kollha relevanti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Strument ta’ Stabbiltà mġedded, li diġà jqis l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fuq is-sigurtà, il-paċi u l-istabbiltà politika;
45. Jitlob li l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' tali proposti jiġu identifikati u jiġu kkunsidrati wkoll fir-rieżami tal-baġit tal-UE;
46. Jistieden lill-HR/VP tibgħat esperti dwar is-sigurtà tal-klima lid-Delegazzjonijiet tal-UE tal-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar affettwati sabiex isaħħu l-kapaċità tal-Unjoni fir-rigward tat-twissijiet bikrija u l-informazzjoni dwar kunflitti possibbli li jistgħu jinqalgħu;
47. Jistieden lis-SEAE biex isaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Unjoni u l-istati ġirien tagħha fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċità għal rispons fil-konfront ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima;
48. Jistieden lis-SEAE jippromwovi l-kunsiderazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-aspetti tal-ħarsien ambjentali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni militari, operazzjonijiet ċivili-militari u operazzjonijiet ċivili madwar id-dinja;
49. Jilqa’ l-idea tal-ħolqien ta' kariga għal mibgħut speċjali tan-NU għas-sigurtà;
50. Jitlob għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-UE kollha u dawk l-Istati Membri li fil-futur jistgħu jaġixxu skont id-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti sabiex jassiguraw il-konsistenza tal-azzjonijiet tagħhom mal-approċċ komprensiv tal-UE f’dan il-qasam;
51. Huwa tal-fehma li l-istudji dwar l-impatt tad-diżastri naturali u tal-kriżijiet ikkawżati mill-klima fuq is-sigurtà internazzjonali u Ewropea għandhom jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-Kulleġġ Ewropew għad-Difiża u s-Sigurtà;
52. Jistieden lill-UE teżamina l-implikazzjonijiet ta' sigurtà tat-tibdil fil-klima fid-djalogu ma' pajjiżi terzi, speċjalment ma' sħab ewlenin bħall-Indja, iċ-Ċina u r-Russja; jenfasizza li reazzjoni tassew effettiva se teħtieġ approċċ multilaterali u investiment konġunt ma' pajjiżi terzi u li l-UE tista' tibni kooperazzjoni mal-militar ta' pajjiżi terzi permezz ta' missjonijiet ta' żvilupp u taħriġ konġunti;
o o o
53. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
Il-paragrafi 138 u 139 tad-Dokument dwar ir-Riżultati tas-Summit Dinji tan-NU tal-2005, ir-riżoluzzjoni ta’ April 2006 S/RES/1674) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rapport mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar “l-Implimentazzjoni tar-Responsabbiltà ta’ Protezzjoni’ tal-15 ta’ Settembru 2009 u r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir- responsabbiltà ta’ protezzjoni (A/RES/63/308) tas-7 ta' Ottubru 2009
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2008/C 25/01)
Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) u ċ-Ċentru għall-Ambjent Reġjonali għall-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant (REC)
Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) u ċ-Ċentru għall-Ambjent Reġjonali għall-Ewropa Ċentrali u Ewropa tal-Lvant (REC)
Powering America’s Defence: Energy and the Risks to National Security, May 2009. http://www.cna.org/sites/default/files/Powering%20Americas%20Defense.pdf