Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0355/2012

Testi mressqa :

A7-0355/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 15
CRE 21/11/2012 - 15

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.14
CRE 22/11/2012 - 13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0459

Testi adottati
PDF 339kWORD 37k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan
P7_TA(2012)0459A7-0355/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan (2012/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Kazakistan, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999(1),

–  wara li kkunsidra n-negozjati awtorizzati mill-Kunsill fl-24 ta' Mejju 2011 u li fetħu fi Brussell f'Ġunju 2011 dwar il-Ftehim imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Kazakistan, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2012(2) u dik tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis(3) u dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena kapitali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(5),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali: “L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali”, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007, u r-rapporti ta' progress tal-24 ta' Ġunju 2008 u t-28 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-Kazakistan fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tat-3 ta' Novembru u tat-22 ta' Diċembru 2011, u tad-19 ta' Jannar, is-26 ta' Jannar u d-9 ta' Frar 2012, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-UE Catherine Ashton tas-17 ta' Diċembru 2011 dwar dak li seħħ fid-distrett ta' Zhanaozen u tal-15 ta' Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kazakistan (magħmula fis-17 ta' Jannar 2012),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012, immexxija mill-OSKE/ODIHR,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-midja fil-Kazakistan,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 21 TUE, u l-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali stipulata fl-Artikolu 218 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-impenji meħuda mir-Rappreżentant Għoli fl-ittri tagħha tal-24 ta' Novembru 2011 u tal-11 ta' Mejju 2012 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FSK bejn l-UE u t-Turkmenistan u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 23 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(6),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat mill-ministri barranin tal-UE u l-konklużjonijiet adottati tul it-3179 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012.

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar il-Kazakistan f'isem ir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, imwassla mill-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Villy Søvndal, fl-14 ta' Marzu 2012 (A 122/12),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0355/2012),

A.  billi l-UE u l-Kazakistan jaspiraw għal relazzjonijiet aktar profondi u usa' ma' xulxin; billi n-nies fl-UE u fil-Kazakistan għandhom jibbenefikaw b'mod reċiproku minn kooperazzjoni aktar mill-qrib; billi l-konklużjoni tan-negozjati tal-FSK il-ġdid, għandha tipprovdi qafas komprensiv għal kooperazzjoni msaħħa abbażi tad-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi, kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp soċjoekonomiku b'mod partikolariu għar-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa; billi l-iżvilupp soċjali u dak ekonomiku huma interkonnessi mill-qrib;

B.  billi minkejja li s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' kull FSK intużat biss rarament u parzjalment mill-Kunsill, din tibqa' għażla vijabbli f'każ ta' ksur serju u dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-Kazakistan qeda rwol pożittiv fl-Asja Ċentrali u ħadem biex jiżviluppa relazzjonijiet ta' ġirien tajba mal-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tiegħu, ikompli l-kooperazzjoni reġjonali u jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali kollha b'mod paċifiku;

D.  billi l-Parlament Ewropew, sabiex ikun jista' jaqdi l-funzjoni tiegħu ta' skrutinju politiku, għandu bżonn li jkollu l-informazzjoni kollha biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Kazakistan u l-implimentazzjoni tal-FSK, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tiegħu;

E.  billi l-Kazakistan ġie ammess fil-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa; billi waqt in-negozjati għal FSK imsaħħaħ l-UE u l-Każakistan għandhom isibu lingwaġġ komuni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

F.  billi l-Kazakistan kellu l-presidenza tal-OSKE fl-2010; billi l-impenji meħuda biex il-liġi dwar il-midja tinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali, biex jiġu liberalizzati r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi sa tmiem l-2008, u biex jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, fil-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet, għadhom ma twettqux;

G.  billi, minkejja l-ambizzjoni ddikjarata tal-gvern Kazaki li jsaħħaħ il-proċess demokratiku tal-Kazakistan u li jorganizza elezzjonijiet konformi mal-istandards internazzjonali, l-OSKE kkunsidrat l-elezzjonijiet ġenerali li nżammu fil-15 ta' Jannar 2012 bħala mhux kompletament konformi mal-istandards internazzjonali, b'kunsiderazzjoni tal-irregolaritajiet mifruxa fil-proċess ta' votazzjoni u l-falliment li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' elezzjonijiet realment pluralistiċi;

H.  billi wara l-avvenimenti traġiċi ta' Diċembru 2011 f'Zhanaozen, kien hemm partiti fl-oppożizzjoni, midja u trejdunjins indipendenti, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sfaw il-mira ta' repressjoni, inklużi detenzjonijiet mingħajr ksur bi provi tal-liġi li jistgħu jitqiesu motivati politikament;

I.  billi bħalissa għaddej dibattitu miftuħ u kostruttiv bejn il-MPE, ir-rappreżentanti uffiċjali tal-Kazakistan, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-NGOs dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku;

J.  billi dan l-aħħar l-awtoritajiet Kazaki għamlu sforzi importanti f'termini ta' kooperazzjoni mal-NGOs fil-Kazakistan tal-Punent biex itejbu s-sitwazzjoni tar-residenti fir-reġjun, u b'mod partikolari tal-ħaddiema fuq strajk;

K.  billi 37 persuna tressqu l-qorti fuq akkużi ta' organizzazzjoni jew parteċipazzjoni ta' rvelli tal-massa, u 34 instabu ħatja u, minn dawn, 13 ser jgħaddu żmien il-ħabs, fosthom mexxejja u attivisti prominenti mill-istrajk tal-ħaddiema taż-żejt, inklużi Talgat Saktaganov, Roza Tuletaeva u Maksat Dosmagambetov; billi f'Lulju 2012, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wara ż-żjara ta' jumejn li għamlet fil-Kazakistan, stiednet lill-awtoritajiet jawtorizzaw investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti ta' Zhanaozen infushom u dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom;

L.  billi l-Missjoni ta' Monitoraġġ Internazzjonali tas-Solidarjetà Ċivika, fir-rapport preliminari tagħha, ikkonkludiet li l-proċessi ta' Zhanaozen ma jistgħux jitqiesu bħala konformi mal-istandards għal proċess ġust u l-investigazzjoni tal-avvenimenti ta' Diċembru 2011 la kienet kompluta u lanqas indipendenti; billi l-akkużati u xi xhieda sfaw vittmi ta' ksur serju ta' drittijiethom matul il-fażi ta' qabel il-proċess, inklużi l-allegat użu tat-tortura, iċ-ċaħda ta' aċċess għal avukat, intimidazzjoni u ħolqien ta' provi foloz; billi x-xhieda tal-akkużati waqt il-proċessi rigward trattament ħażin u tortura waqt id-detenzjoni qabel il-proċessi ma ġietx investigata bis-sħiħ, b'mod imparzjali u bir-reqqa, b'mod li jippermetti li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli; billi fis-7 ta’ Ottubru 2012, Aleksandr Bozhenko, xhud tal-ġrajjiet traġiċi f’Zhanaozen, inqatel; ;

M.  billi Vladimir Kozlov, il-mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni ALGA, instab ħati ta' “inċitament ta' diskordanza soċjali”, “li sejjaħ għat-twaqqigħ bil-forza tal-ordni kostituzzjonali” u “li ħoloq u mexxa' grupp organizzat bil-għan li jwettqu reati kriminali”, u li kien ikkundannat għal seba' snin u nofs ħabs; billi Akzhanat Aminov, ħaddiem taż-żejt minn Zhanaozen, u Serik Sapargali, attivist tas-soċjetà ċivili, ġew ikkundannati għal reati simili u ngħataw sentenzi sospiżi ta' ħames snin u erba' snin rispettivament;

N.  billi fis-17 ta' Frar 2012, il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet immirati lejn it-titjib tal-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura; billi minkejja dawn l-isforzi d-dritt tal-individwi li jassoċjaw ruħhom, li jorganizzaw u li jirreġistraw trejdunjins indipendenti, id-dritt ta' negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk għadhom mhumiex rispettati bis-sħiħ u ma teżisti l-ebda ġudikatura indipendenti; billi l-emendi għall-Kodiċi tax-Xogħol, b'mod partikolari l-Artikoli emendati 55, 74, 266, 287, 289, 303, u 305, jikkostitwixxu rigressjoni serja fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u ksur tal-kundizzjonijiet meħtieġa tal-ILO u konvenzjonijiet internazzjonali oħra;

O.  billi l-UE hija sieħba kummerċjali ewlenija għall-Kazakistan u l-akbar investitur fil-pajjiż; billi l-Kazakistan esprima x-xewqa tiegħu biċ-ċar li jersaq viċin l-istandards tal-UE u l-mudelli soċjali u ekonomiċi tagħha, u dan jimplika riforma konsistenti tal-Istat u l-amministrazzjoni pubblika Kazaki;

P.  billi l-Kazakistan għandu rwol importanti fl-iżgurar tal-istabbilizzazzjoni tar-reġjun u jista' jsir pont bejn l-UE u r-reġjun kollu tal-Asja Ċentrali;

Q.  billi l-Kazakistan kiseb riżultati importanti fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar, is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni;

R.  billi l-UE tiddependi b’mod qawwi fuq l-importazzjoni ta’ fosfat naturali estratt sabiex isostni l-agrikolatura u l-produzzjoni teknika tagħha; billi l-Kazakistan iforni bosta stati b'fosforu abjad u li l-Kummissjoni nediet proċedura antidumping f'Diċembru 2011 kontra l-importazzjoni ta' fosforu abjad mill-Kazakistan;

1.  Jilqa' r-rieda politika tal-Kazakistan u l-parteċipazzjoni prattika għat-tisħiħ aktar profond tas-sħubija mal-UE u l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kazakistan;

2.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li jmiss lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi Pesidenti, u jitlobhom:

o
o   o

  

Dwar il-proċess tan-negozjati

   (a) jiżguraw li l-FSK il-ġdid ikun qafas komprensiv għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet, bl-indirizzar tal-oqsma kollha ta' prijorità, inkluż: id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni; iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni; l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment; l-enerġija u t-trasport; is-sostenibbiltà ambjentali u l-ilma; u l-ġlieda kontra theddidiet u sfidi komuni;
  

Id-djalogu u l-kooperazzjoni politika

   (b) jiżguraw li l-impenn tal-UE ikun konformi mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni u li jkun applikat il-prinċipju ta' “aktar għal aktar” b'enfasi partikolari fuq l-appoġġ għal riformi politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi u soċjali;
   (c) jaħdmu mill-qrib mill-qrib mal-Kazakistan għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u għat-titjib tar-relazzjonijiet ta' viċinat fir-reġjun tal-Asja Ċentrali, u jiżguraw li l-FSK jinkludi dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni reġjonali fi ħdan ir-reġjun tal-Asja Ċentrali, ukoll inkluż premezz tal-appoġġ għal miżuri ta' bini tal-fiduċja fejn xieraq, b'mod partikolari f'oqsma bħall-ġestjoni tal-ilma u tar-riżorsi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-estremiżmu u kontra t-terroriżmu; jirrakkomanda li din il-kooperazzjoni għandha trawwem skambji ta' esperjenzi utaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
   (d) ifittxu l-appoġġ tal-Kazakistan bil-għan li jiżgura progress rapidu fil-ħolqien ta' Djalogu regolari ta' Sigurtà ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali b'format reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u t-theddid komuni;
   (e) jikkooperaw mal-Kazakistan, ma' stati oħrajn tal-Asja Ċentrali kif ukoll ma' atturi lokali, reġjonali u internazzjonali għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Afganistan;
   (f) isaħħu l-azzjoni tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-istat tad-dritt, l-ambjent u l-ilma, inter alia permezz tal-istabbiliment ta' pjattaformi ta' appoġġ ġodda u ta' għajnuna mmirata, kif ukoll bl-inklużjoni tal-NGOs lokali u tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) fid-djalogu tal-UE mal-gvern Kazaki f'dawk l-oqsma fejn dan hu xieraq u possibbli; jitlob, minkejja d-diffikultajiet attwali biex jiġu rreġistrati l-NGOs u s-CSOs, dan id-djalogu ma jkunx limitat għal dawk li diġà huma reġistrati uffiċjalment;
   (g) jixprunaw lill-Kazakistan biex jaħdem flimkien mal-ġirien tiegħu sabiex isibu soluzzjoni komuni dwar l-istatut tal-Baħar Kaspju;
   (h) jappoġġaw ir-riformi ta' politika u l-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali permezz ta' assistenza teknika mmirata (skambju ta' esperti);
  

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

   (i) jiżgura li l-FSK jinkorpora klawżoli u punti ta' riferiment relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kazakistan, biex jinsilet kemm jista' jkun mill-istandards stipulati mill-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta' Venezja), l-OSKE u NU li l-Kazakistan impenja ruħu għalihom;
   (j) iħeġġu lill-awtoritajiet Kazaki jagħmlu kull sforz biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżhom;
   (k) jenfasizzaw li l-progress fin-negozjati għall-FSK il-ġdid għandu jkun marbut mal-progress tar-riforma politika; iħeġġu lill-Kazakistan iżomm l-impenn mistqarr tiegħu favur riformi ulterjuri, sabiex tinbena soċjetà miftuħa u demokratika li tkun tinkludi oppożizzjoni u soċjetà ċivili indipendenti, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt; joffru assistenza xierqa min-naħa tal-UE favur l-implimentazzjoni tar-riformi;
   (l) jesprimu tħassib serju dwar id-detenzjonijiet mingħajr ksur ippruvat tad-dritt li jista' jitqies ta' motivazzjoni politika, li juru nuqqas ta' kunsiderazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2012 li titlob ir-rilaxx ta’ dawk kollha miżmuma l-ħabs abbażi ta' akkużi motivati politikament;
   (m) jitlob lill-awtoritajiet Kazaki, f'dan ir-rigward, sabiex jinvestigaw minnufih u b'mod imparzjali, l-allegazzjonijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin b'rabta mal-vjolenza f'Zhanaozen u biex min iwettaq dawn ir-reati jinżammu responsabbli, biex jirtiraw l-akkuża kriminali vaga ta' “inċitament ta' diskordanza soċjali”, biex jeħilsu mid-detenzjoni qabel il-proċess lil dawk l-attivisti tal-oppożizzjoni li kienu miżmum abbażi ta' din l-akkuża, u biex jeżaminaw mill-ġdid il-leġislazzjoni dwar il-libertà ta' għaqda sabiex din tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Kazakistan dwar il-libertà ta' għaqda;
   (n) jesprimi tħassib kbir fir-rigward tal-kawża introdotta fl-20 ta' Novembru 2012 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Kazakhstan li teżiġi li l-partit mhux irreġistrat tal-oppożizzjoni ALG a, l-assoċjazzjoni Khalyk Maidany u numru ta' positijiet tal-media tal-oppożizzjoni jiġu pprojbiti bħala estremisti; jenfasizza bil-qawwa li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu m'għandux jintuża bħala skuża biex tiġi ipprojbita attività tal-oppożizzjoni u tiġi mfixla l-libertà tal-espressjoni;
   (o) jesprimu tħassib serju dwar is-sentenzjar ta' Vladimir Kozlov, Akzhanat Aminov u Serik Sapargali, wara proċess b'bosta nuqqasijiet proċedurali, b'effett ta' limitazzjoni ulterjuri tal-libertà politika għall-oppożizzjoni fil-Kazakistan; jitolbu lill-awtoritajiet Kazaki biex jagħtu proċess ta' appell ġust u trasparenti lil Kozlov, Aminov u Sapargaly;
   (p) jinsistu li l-Kazakistan ikompli jittrasponi il-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu fil-leġiżlazzjoni u jkompli jimplimentah bis-sħiħ, billi jislet mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u bl-użu tal-assistenza teknika tal-UE skont l-inizjattiva dwar l-Istat tad-Dritt;
   (q) jistiednu lill-Kazakistan, sabiex bħala membru tal-Kummissjoni ta' Venezja inkluż billi jissottometti abbozzi ta' liġijiet speċifiċi u liġijiet adottati reċentement għal kummenti lill-Kummissjoni ta' Venezja u billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;
   (r) jinsistu li l-awtoritajiet Kazaki jieħdu impenji vinkolanti sabiex jikkonformaw is-sistema ġuridika mal-istandards internazzjonali u jiżguraw li l-implimentazzjoni tiffaċilita tassew il-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Kazakistan;
   (s) jinsistu dwar aċċess imtejjeb għall-ġustizzja, dwar l-indipendenza ġudizzjarja u dwar ir-ritorn tal-kontroll u tal-ġestjoni tal-ħabsijiet lill-Ministeru tal-Ġustizzja;
   (t) iħeġġu lill-Kazakistan jeħles mingħajr aktar dewmien il-priġunieri politiċi kkundannati abbażi ta' motivazzjonijiet politiċi u jtemm l-arresti u l-kundanni b'motivazzjoni politika mwettqa abbażi ta' akkużi kriminali vagi ta' “inċitament ta' diskordanza soċjali”;
   (u) iħeġġu lill-awtoritajiet Kazaki biex jemendaw l-Artikolu 164 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kazakistan dwar “inċitament ta' diskordanza soċjali”, sabiex dan ikun konformi mal-Leġiżlazzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiiet tal-Bniedem;
   (v) jinsistu li l-Kazakistan għandu jikkunsidra mill-ġdid l-emendi restrittivi għall-kodiċi amministrattiv u l-liġi reċenti tiegħu dwar ir-reliġjon u jtemm it-tfittxijiet għall-għarrieda, l-interrogatorji, it-theddid u l-multi arbitrarji fuq il-gruppi reliġjużi minoritarji;
   (w) iniedu negozjati dwar l-iffaċilitar tal-viża bejn l-UE u l-Kazakistan, peress li din tipprovdi benefiċċji reali għall-iskambji ekonomiċi, kulturali u xjentifiċi, u għall-promozzjoni ulterjuri tal-kuntatti bejn il-persuni;
   (x) jinsistu li l-Kazakistan jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura u mar-rakkomandazzjonijiet tal-2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; jistiednu lill-Kazakistan jiżgura l-parteċipazzjoni ta' NGOs indipendenti fil-konsultazzjonijiet dwar ir-riformi li jmiss tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali;
   (y) jistiednu lill-Kazakistan biex jiffirma u jirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
   (z) jinsistu dwar l-istabbiliment ta' pjattaformi indipendenti tas-soċjetà ċivili biex jikkontribwixxu għal skambji inklużivi f'numru ta' setturi, sabiex ikun żgurat li l-aspirazzjonijiet u vuċijiet tas-soċjetà ċivili jiġu mismugħa u jfittxu mezzi biex tingħata għajnuna finanzjarja għal dan il-għan;
   (aa) jippromovu u jsaħħu d-djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jinkiseb titjib reali, inter alia, billi jitfasslu punti ta' riferiment reali għall-kejl tal-progress, u jirraporta lura lill-PE;
   (ab) jintensifikaw u jwessgħu l-ambitu tal-programmi ta' skambju fl-edukazzjoni u l-kultura; iħeġġu u jappoġġaw it-taħriġ legali tal-uffiċjali lokali u reġjonali u membri ta' entitajiet għall-infurzar tal-liġi, biex jintlaħqu l-istandards tal-UE; iħeġġu u jappoġġaw lill-Kazakistan biex jassumi rwol ta' tmexxija fit-tfassil ta' programm edukattiv speċjali, kemm akkademiku kif ukoll ta' taħriġ vokazzjonali, bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali;
  

Il-kooperazzjoni ekonomika

   (ac) jenfasizzaw li l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-FSK il-ġdid ser ikollha impatt pożittiv fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk tal-Kazakistan, inklużi l-SMEs;
   (ad) iħeġġu leġislazzjoni li tikkonforma mar-regoli tad-WTO, inkluż dwar ir-rekwiżiti rigward il-kontenut lokali skont il-Ftehim dwar Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs), li twitti t-triq għal riformi strutturali u l-ħolqien ta' ekonomija tas-suq li taħdem; u jipprovdu l-Kazakistann b'assistenza teknika kwalifikata sabiex iwittu t-triq għal riformi strutturali sussegwenti, kompetittività mkabbra u l-ħolqien ta' ekonomija tas-suq soċjali;
   (ae) jitolbu għat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u nontariffarji sabiex jiġi estiż il-kummerċ, b'mod partikolari l-kummerċ tas-servizzi u l-investimenti barranin; jappoġġaw l-ambizzjonijiet ta' armonizzazzjoni tal-istandards fil-kummerċ tal-oġġetti lil hinn mill-kundizzjonijiet stabbiliti mid-WTO, billi dan kieku jwassal ukoll għat-twessigħ tal-opportunitajiet kummerċjali;
   (af) jisħqu fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari f'termini ta' sforzi biex tiġi żviluppata rotta enerġetika trans-Kaspja; jiżguraw li l-UE tkompli tagħti attenzjoni lill-appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà enerġetika, l-iżvilupp ta' enerġija sostenibbli, u l-ġbid ta' investiment għal proġetti ta' interess komuni u reġjonali fil-qasam tal-enerġija;
   (ag) jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-Kazakistan fl-Unjoni Doganali mmexxija mir-Russja u fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika ma toħloqx ostakolu għall-kummerċ jew għall-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja mal-UE, jew biex jitwettqu l-obbligi tas-sħubija fid-WTO, u li ma tkunx ta' ostakolu għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kazakistan; jinnota li tinħoloq kompetizzjoni jekk il-konklużjoni tal-ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u ta' kooperazzjoni tittardja; ikunu lesti li jassistu l-isforzi tal-Kazakistan għall-promozzjoni ta' istituzzjonijiet ekonomiċi moderni, jekk jitwettqu dawn l-isforzi;
   (ah) iħeġġu lill-gvern Kazaki juri tiġdid fl-impenn tiegħu għall-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) billi jneħħi l-ostakli kollha legali jew regolatorji għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva u billi jħalli lill-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili jieħdu sehem sħiħ fl-inizjattiva;
   (ai) jinkludu kapitolu dwar il-konverġenza tal-istandards u s-sistemi regolatorji tal-Kazakistan ma' dawk tal-UE, b'mod partikolari fis-setturi u fl-oqsma ewlenin fejn il-kummerċ bejn l-UE u l-Kazakistan għandu potenzjal kbir;
   (aj) jenfasizzaw li l-kwistjonijiet tal-ilma fir-reġjun għadhom wieħed mis-sorsi ewlenin ta' tensjoni u ta' kunflitt potenzjali u jisħqu fuq l-importanza ta' approċċ reġjonali għall-protezzjoni u l-ġestjoni xierqa ta' riżorsi kondiviżi tal-ilma; itennu, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-pajjiżi tar-reġjun jiffirmaw u jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjonijiet ta' Espoo u ta' Århus u li jrawmu l-parteċipazzjoni tal-atturi lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet;
   (ak) iżidu l-assistenza teknika tagħhom lill-Kazakistan fil-qasam tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma b'mod ġenerali fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ilma għall-Asja Ċentrali bil-għan ukoll li jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi upstream u dawk downstream fir-reġjun u li jintlaħqu ftehimiet sostenibbli dwar il-qsim tal-ilma;
   (al) jappoġġaw u jgħinu lill-Kazakistan fl-isforzi tiegħu biex isalva l-Baħar Aral fil-qafas tal-programm ta' azzjoni tal-Fond Internazzjonali għas-salvataġġ tal-Baħar Aral;
   (am) jgħinu lill-Kazakistan jadotta miżuri effikaċi ta' mitigazzjoni u programmi ta' tindif ta' skart radjuattiv u tniġġis radjuattiv fir-reġjun Semey/Semipalatinsk:
   (an) jilqgħu b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kazakistan għal dinja ħielsa minn armi nukleari u r-rwol ta' tmexxija tiegħu fil-proċess globali ta' diżarm nukleari u għal projbizzjoni komprensiva tat-testijiet nukleari;
   (ao) jiġbdu l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni kritika fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, speċjalment id-drittijiet tal-ħaddiema, li tagħti lok ukoll għal vantaġġi kompetittivi inġusti; jenfasizzaw, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, il-ħtieġa li fit-titolu dwar il-kummerċ tal-ftehim il-ġdid, jiddaħħal kapitolu li jorbot dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;
   (ap) jinsistu dwar l-introduzzjoni ta' reġim effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex ikun żgurat li l-ftehim milħuq jiġi rispettat;
   (aq) jenfasizzaw li kapitolu solidu dwar is-servizzi u l-istabbiliment u l-konverġenza tal-Kazakistan lejn l-istandards u s-sistemi regolatorji tal-UE (inklużi SPS, TBT u IPR) iwasslu għal żieda fil-flussi kummerċjali u fl-investimenti, li jiffavorixxu l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Kazakistan; jenfasizzaw l-importanza li jittejbu l-proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji fil-Kazakistan sabiex jiġu ffaċilitati s-servizzi u l-investiment;
   (ar) iħeġġu l-isforzi tal-Kazakistan għat-tneħħija tal-ostakoli non-tariffarji, li sa issa ostakolaw l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment fil-pajjiż;
   (as) jiffokaw l-għajnuna ekonomika u relatata mal-kummerċ għal Kazakistan fuq l-iżvilupp tal-SMEs u l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju;
   (at) jappellaw, fid-dawl tal-allegazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni kontra korporazzjonijiet bbażati fl-UE li joperaw ġewwa l-Kazakistan, għal dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom u vinkolanti fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;
   (au) iqisuha tal-akbar importanza li l-korporazzjonijiet ibbażati fl-Ewropa jirrispettaw l-istandards tal-ILO dwar il-jeddijiet tat-trejdunjins kif ukoll l-istandards dwar l-ambjent u s-saħħa u s-sikurezza huma u joperaw fil-Kazakistan, u b'mod partikolari fis-settur estrattiv tal-ekonomija;
   (av) jiżguraw fin-negozjati, li l-użu ta' prattiki ta' dumping b'rabta mal-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' fosforu jiġi eliminat b'mod kategoriku, billi l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping allegatament qed ikunu ta' ħsara għall-interessi tal-produtturi Ewropej, u l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-fosforu minn flussi sekondarji ta' fosforu huma xi ħaġa impossibbli;
   (aw) jiżguraw preżenza adegwata tal-ispeċjalisti ekonomiċi u kummerċjali fid-Delegazzjoni tal-UE ġewwa l-Kazakistan.
  

Dispożizzjonijiet oħrajn

   (ax) jikkonsultaw lill-PE rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni parlamentari; isaħħu r-rwol tal-Parlament, tal-Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni u tal-laqgħat interparlamentari bħala mezz ta' monitoraġġ tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija; iħeġġu l-ħidma tal-Parlament u jippromwovu djalogu u kooperazzjoni parlamentari bilaterali u multilaterali regolari;
   (ay) jiżguraw li l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni il-ġdid jkun jirreferi għar-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u l-prinċipju tal-istat tad-dritt bħala “elementi essenzjali’ tal-ftehim, ħalli jekk xi waħda mill-partijiet tiġi li tonqos milli tosservahom ir-riżultat ikun l-adozzjoni ta’ miżuri li jkunu jistgħu eventwalment iwasslu għas-sospensjoni tal-ftehim;
   (az) Jinkludu, flimkien mal-awtoritajiet Kazaki, punti ta' riferiment ċari u skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-FSK il-ġdid u jipprovdi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż permezz ta' rapporti regolari lill-PE, inkluż qabel il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni;
  (ba) jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ komprensiv bejn il-Parlament u s-SEAE, wara li jiġi konkluż il-Ftehim, sabiex issir possibbli informazzjoni komprensiva u regolari dwar l-implimentazzjoni tal-FSK, u b'mod partikolari l-objettivi tagħha; dan il-mekkaniżmu għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:
   (i) għoti ta' informazzjoni lill-PE dwar l-objettivi segwiti bl-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE u dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-Kazakistan;
  (ii) għoti lill-PE ta' informazzjoni li tagħmel parametri ta' referenza tar-riżultati tal-azzjonijiet meħuda mill-UE u mill-Kazakistan, li jenfasizzaw l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż, b'mod partikolari billi:
   jingħata aċċess, fil-qafas tal-proċeduri xierqa ta' kunfidenzjalità, għad-dokumenti interni rilevanti tas-SEAE;
   jingħata status ta' osservatur lill-Parlament fil-laqgħat ta' informazzjoni qabel il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u jingħata aċċess għad-dokumenti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;
   il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta' din l-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni;
   (bb) iħeġġu lit-tim ta' negozjaturi tal-UE biex ikomplu bil-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom mal-PE, billi jipprovdu informazzjoni kontinwa, bl-appoġġ ta' dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;
   (bc) jagħtu biżżejjed fondi tal-UE għal kooperazzjoni komprensiva u sostenibbli mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, inkluż għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-FSK il-ġdid mal-Kazakistan;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President u lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika tal-Kazakistan.

(1) ĠU L 196, 28.7.1999, p. 1, ĠU L 248, 21.9.1999, p. 35.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0089.
(3) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.
(4) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0588.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0058.

Avviż legali - Politika tal-privatezza