Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2292(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0291/2012

Testi mressqa :

A7-0291/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 17
CRE 21/11/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0460

Testi adottati
PDF 351kWORD 38k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Is-sajd fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali u r-riforma tal-PKS
P7_TA(2012)0460A7-0291/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (2011/2292(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS);

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2009)0163),

–  billi l-FEMS futur għandu jiggarantixxi d-dritt tal-popolazzjonijiet lokali għas-sajd, għall-konsum tal-familja, skont użanzi speċifiċi u għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd(1),

–  wara li kkunsidra r-regolamentazzjoni applikabbli għall-Fond Ewropew għas-Sajd, ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill(2), li jiddefinixxi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati dwar l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd,

–  wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar in-netwerks tan-nisa: sajd, biedja u diversifikazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar sajd qrib il-kosta u l-problemi li jiffaċċjaw il-komunitajiet tas-sajd qrib il-kosta(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta' Amministrazzjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-kontribut tal-politika komuni tas-sajd għall-produzzjoni ta’ prodotti pubbliċi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(7),

–  wara li kkunsidra l-oroposta għal regolament ġdid tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0425),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata (COM(2011)0804),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (COM(2011)0416),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2011)0417),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0424),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-obbligi tar-rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0418),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0291/2012),

A.  billi s-sajd fuq skala żgħira – inklużi s-sajd artiġjanali u ċerti tipi ta' sajd kostali/qrib il-kosta, is-sajd tal-frott tal-baħar u attivitajiet oħra ta’ akkwakultura estensiva tradizzjonali kif ukoll it-tkabbir naturali tal-molluski fl-ilmijiet qrib il-kosta – għandu impatt territorjali, soċjali u kulturali differenti ħafna, fil-kontinent, fil-gżejjer u fit-territorji l-aktar imbiegħda u jippreżenta karatteristiċi u problemi speċifiċi li jiddistingwuh mis-sajd fuq skala kbira u mill-akkwakultura intensiva jew industrijali;

B.  billi, għall-finijiet tar-Regolament il-ġdid dwar il-Politika tas-Sajd, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit x’għandu jfisser sajd artiġjanali, b’kunsiderazzjoni fl-istess ħin tar-riperkussjonijiet li jkollu dan it-tip ta’ sajd fuq il-finanzjament li jsir mill-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd il-ġdid;

C.  billi l-flotta artiġjanali jew kostali hija essenzjali għaż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjuni kostali u billi din tgħin biex tiżgura l-indipendenza alimentari tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp taż-żoni kostali u l-provvista ta’ prodotti tas-sajd għas-suq Ewropew;

D.  billi madwar 80 % tas-sajd Komunitarju jsir permezz ta’ bastimenti ta’ anqas minn 15-il metru, fattur li jagħmel din il-parti tal-flotta l-attur ewlieni tal-PKS; billi l-PKS trid tagħti risposta adegwata, suffiċjenti u neċessarja għall-problemi li, minkejja l-miżuri suċċessivi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, qed tkompli tikkonfronta parti kbira tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira;

E.  billi s-settur tas-sajd kostali u artiġjanali għandu bastimenti li qed jiqdiemu u li għandhom isiru aktar siguri u moderni, u anke jiġu sostitwiti b’bastimenti ġodda, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u konformi mal-istandards ta’ sigurtà;

F.  billi hemm skarsezza ta’ data statistika u indikaturi fil-livell Ewropew, f’termini tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u jeħtieġ li jiġu promossi indikaturi li jipprovdu data soċjoekonomika, xjentifika u ambjentali li tirrifletti l-varjetà ġeografika, ambjentali u soċjoekonomika ta’ dan it-tip ta’ sajd;

G.  billi n-nuqqas ta’ data xjentifika affidabbli tibqa’ problema serja f'termini tal-isforzi biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-biċċa l-kbira mill-istokkijiet tal-ħut;

H.  billi fid-definizzjoni ta’ politika tas-sajd, barra minn objettivi ambjentali essenzjali relatati mal-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll objettivi soċjali u ekonomiċi, billi ġew ittraskurati, b’mod partikolari fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira;

I.  billi l-ġestjoni ċentralizzata attwali tal-PKS ta’ spiss tipproduċi linji gwida li huma maqtugħin mir-realtà, mhux tant mifhuma mis-settur (li mhuwiex involut fid-diskussjonijiet jew l-iżvilupp tagħhom) u diffiċli biex jiġu implimentati, u billi dan jipproduċi riżultati li huma ta’ spiss l-oppost ta’ dawk maħsuba;

J.  billi l-mudelli ta’ ġestjoni bbażati fuq drittijiet tas-sajd trasferibbli ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri sabiex jiġu indirizzati s-sajd żejjed u l-kapaċità żejda;

K.  billi tnaqqis obbligatorju fil-flotta miksub esklużivament permezz ta’ strumenti tas-suq, bħalma huma l-konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli (TFCs), jista’ jwassal għall-prevalenza ta’ operaturi li huma aktar kompetittivi minn perspettiva purament ekonomika, għad-detriment tal-operaturi u s-setturi tal-flotta li għandhom impatt ambjentali aktar baxx u li joħolqu aktar impjiegi (b’mod dirett u indirett);

L.  billi l-kriżi ekonomika u soċjali taffettwa b'mod speċjali lis-settur tas-sajd u billi f’dan il-kuntest is-sajd fuq skala żgħira jista’ jkun aktar vulnerabbli minħabba l-kapitalizzazzjoni baxxa tiegħu; billi huwa importanti li tiġi żgurata l-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tas-sajd fuq skala żgħira;

M.  billi s-sajd fuq skala żgħira jew is-sajd artiġjanali, minħabba d-dgħufijiet strutturali li għandu, huwa aktar espost għal ċerti tipi ta' xokkijiet ekonomiċi (bħal żieda mgħaġġla fil-prezzijiet tal-fjuwil jew nuqqas ta' aċċess għall-kreditu) u għal ċerti bidliet fid-disponibbiltà tar-riżorsi;

N.  billi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira jikkostitwixxu aspett li bilfors għandu jitqies fil-PKS futur, imma fl-istess ħin ma jridux ikunu l-uniku punt li tiffoka fuqu d-dimensjoni soċjali tar-riforma, meta wieħed iqis il-kriżi qawwija li bħalissa qed tolqot lis-settur kollu;

O.  billi l-prezzijiet tal-ħut tal-ewwel bejgħ mhumiex qed ilaħħqu maż-żieda sinifikanti attwali fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod partikolari għall-fjuwil, u f’ħafna każijiet huma jew staġnati jew qed jonqsu, fattur li qiegħed iżid mal-kriżi li qed jaffaċċja s-settur;

P.  billi s-suq mhuwiex iħallas għalkollox l-esternalitajiet soċjali u ambjentali pożittivi relatati mas-sajd fuq skala żgħira; billi s-soċjetà kollha kemm hi ma tirrikonoxxix jew ma tħallasx l-attivitajiet assoċjati mas-sajd li jikkostitwixxu l-aspett multifunzjonali tas-settur u jipproduċu prodotti pubbliċi billi, fost l-oħrajn, jistimulaw il-kosta, il-gastronomija, il-mużeoloġija u s-sajd rikreattiv, għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi;

Q.  billi l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) futur għandu jikkunsidra kompletament il-problemi u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sajd artiġjanali u fuq skala żgħira, kemm fiż-żoni kostali u kemm fiż-żoni interni, kif ukoll il-konsegwenzi kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li ġġib magħha l-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fir-riforma futura;

R.  billi l-mard speċifiku li jaffettwa lin-nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd artiġjanali mhumiex rikonoxxuti bħala mard okkupazzjonali

S.  billi l-ħolqien ta' żoni ta' esklużjoni jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ prattiki responsabbli, għas-sostenibbiltà kemm tal-ekosistemi marittimi kostali u kemm tal-attivitajiet tas-sajd tradizzjonali, kif ukoll għas-sopravivenza tal-komunitajiet tas-sajjieda;

T.  billi s-sajd kostali fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali għandhom karatteristiċi differenti ħafna li jvarjaw minn pajjiż għal pajjiż u minn kosta għal kosta;

U.  billi l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira għall-protezzjoni tal-lingwi tal-minoranzi f’żoni kostali iżolati ma tistax tiġi injorata;

V.  billi l-livell ta’ assoċjazzjoni u organizzazzjoni tal-professjonisti tas-sajd fuq skala żgħira huwa insuffiċjenti u differenti fid-diversi Stati Membri;

W.  billi l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirriferi għall-ħtieġa li jiġu promossi politiki speċifiċi għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, b’mod partikolari fil-qasam tas-sajd;

1.  Iqis li s-sajd fuq skala żgħira jinkludi s-sajd artiġjanali u ċerti tipi ta' sajd kostali/qrib il-kosta, is-sajd tal-frott tal-baħar u attivitajiet oħra ta’ akkwakultura estensiva tradizzjonali kif ukoll it-tkabbir naturali tal-molluski fl-ilmijiet qrib il-kosta;

2.  Jenfasizza li s-sajd fuq skala żgħira, minħabba l-karatteristiċi tiegħu u l-piż tiegħu fis-settur, għandu rwol ċentrali fil-kisba ta’ dawk li għandhom ikunu l-objettivi fundamentali ta’ kwalunkwe politika tas-sajd: il-garanzija ta’ provvista tal-ħut lill-pubbliku u l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali, u l-promozzjoni tal-impjiegi u standards ta’ għajxien imtejbin għall-professjonisti tas-sajd, fil-kuntest ta' żgurar ta' riżorsi sostenibbli u kkonservati tajjeb;

3.  Iqis li l-karatteristiċi tal-parti tas-sajd fuq skala żgħira fl-ebda każ m’għandhom jintużaw bħala skuża biex din il-parti titħalla barra mill-qafas ġenerali tal-PKS, għalkemm din il-politika għandu jkollha biżżejjed flessibbiltà sabiex is-sistemi ta’ ġestjoni jkunu jistgħu jiġu adattati għall-karatteristiċi u l-problemi speċifiċi tas-sajd artiġjanali;

4.  Jindika li l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u li l-għażla tal-iżgħar denominatur komuni rari kienet approċċ kostruttiv għat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropej;

5.  Jemmen li wieħed għandu jibda minn definizzjoni ġenerika tas-sajd artiġjanali li ma tħallix li ċ-ċirkostanzi li jvarjaw b'mod wiesa' fis-settur tas-sajd, skont iż-żoni differenti, it-tip ta’ riżorsi sfruttati jew kwalunkwe partikolarità oħra ta’ natura purament lokali, iwasslu għal nuqqas ta’ kisba tal-objettivi ta’ simplifikazzjoni, ċarezza leġiżlattiva u nondiskriminazzjoni; jemmen ukoll li l-PKS għandha tinkorpora miżuri li jippermettu ċerta flessibbiltà f’dawk il-każijiet, dimostrabbli xjentifikament, fejn l-attività tas-sajd ma tkunx possibbli mingħajr ċerti aġġustamenti tar-regoli ġenerali;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitqiesu b'mod xieraq l-istudji xjentifiċi eżistenti dwar is-sajd fuq skala żgħira; jinnota li xi wħud minn dawk l-istudji jippreżentaw proposti għad-definizzjoni ta’ “sajd fuq skala żgħira’, bħal fil-każ tal-proġett PRESPO għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd artiġjanali fiż-żona tal-Atlantiku, li jipproponi approċċ ibbażat fuq deskritturi numeriċi għad-definizzjoni u s-segmentazzjoni tal-flotot tas-sajd artiġjanali Ewropej;

7.  iqis li d-definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira għandha tqis firxa ta' karatteristiċi u differenzi nazzjonali u reġjonali rigward governanza, fosthom ir-rispett għat-tradizzjoni artiġjanali ibbażata fl-ambjent lokali u bil-parteċipazzjoni tal-familja kemm fis-sjieda kif ukoll fl-attivitajiet ta' impriżi tas-sajd; jenfasizza li huwa importanti li jiġu fformulati kriterji ta’ definizzjoni li jkunu flessibbli u/jew li jkunu jistgħu jiġu kkombinati u adattati b’mod ibbilanċjat għad-diversità tas-sajd fuq skala żgħira fl-UE;

Ġestjoni lokali

8.  Iqis li l-mudell ċentralizzat iżżejjed tal-ġestjoni tas-sajd li kkaratterizza l-PKS matul l-aħħar 30 sena falla u li r-riforma attwali għandha toħloq deċentralizzazzjoni sinifikanti; jemmen li r-riforma tal-PKS trid toħloq kundizzjonijiet li jippermettu speċifiċitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza li l-ġestjoni lokali, bl-appoġġa tat-tagħrif xjentifiku u tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-settur fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, il-koġestjoni u l-evalwazzjoni tal-politika, tikkostitwixxi t-tip ta' ġestjoni li jissodisfa l-aħjar il-bżonnijiet tas-sajd u li jipprovdi l-akbar inċentivi għal imġiba preventiva fost is-sajjieda;

9.  Jikkunsidra li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs), fil-kuntest il-ġdid ta' PKS deċentralizzata u reġjonalizzata, għandhom jaqdu rwol akbar fil-Politika Komuni tas-Sajd futura;

10.  Iqis li huwa fundamentali li jissaħħaħ ir-rwol tal-kumitati konsultattivi u li tiġi kkontemplata kollaborazzjoni fil-ġestjoni konġunta tar-riżorsi b’tali mod li tiġi ppreżervata n-natura ta’ dawn il-kumitati u li l-valur tagħhom jissaħħaħ sabiex jinbidlu f’forum ta’ ġestjoni mingħajr setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet iżda li fih ikunu jistgħu jipparteċipaw il-protagonisti tas-settur u tal-NGOs, u b’hekk ikunu permessi jindirizzaw kwistjonijiet orizzontali marbuta mal-problemi speċifiċi tas-sajd artiġjanali;

11.  Iqis li l-impożizzjoni ta’ mudell ta’ ġestjoni uniku għall-Istati Membri kollha, bħall-konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd (TFCs), mhijiex soluzzjoni adegwata, fid-dawl tad-diversità kbira li tikkaratterizza s-sajd fl-UE;

12.  Iqis li huwa vantaġġjuż li jkun hemm mudelli differenti ta’ ġestjoni tas-sajd disponibbli għall-Istati Membri u/jew ir-reġjuni f’sistema volontarja, fejn huma liberi li jagħżlu għalihom infushom f’qafas ta’ PKS reġjonalizzata;

13.  Jopponi bil-qawwa n-natura obbligatorja tal-implimentazzjoni tat-TFCs għal kwalunkwe tip ta’ flotta; jemmen li d-deċiżjoni għall-adozzjoni jew le tat-TFCs u ta’ liema setturi tal-flotta għandhom jiġu inklużi f’din l-iskema għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri bi ftehim mar-reġjuni kompetenti u b’kunsiderazzjoni tad-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-partijiet interessati; jemmen li huwa diġà possibbli li l-Istati Membri jwaqqfu sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistema tat-TFCs ma tistax titqies bħala miżura infallibbli għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ sajd żejjed u kapaċità eċċessiva; jenfasizza li approċċ regolatorju, li jkun kapaċi jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-kapaċità tas-sajd, huwa dejjem alternattiva possibbli għal approċċ tas-suq;

15.  Iqis li, ladarba jiġu stabbiliti l-objettivi ġenerali tal-ġestjoni, għandha tiġi konċessa flessibilità lill-Istati Membri u lir-reġjuni kompetenti biex jiddeċiedu fuq ir-regoli ta’ ġestjoni l-aktar adatti biex jintlaħqu dawn l-objettivi fil-qafas tar-reġjonalizzazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-dritt tal-aċċess għar-riżorsi tas-sajd, wara li jkunu ġew ikkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tal-flotot, is-sajd u r-riżorsi tagħhom;

16.  Jinnota l-importanza li jiġi żgurat li l-partijiet interessati rilevanti kollha jiġu involuti fl-iżvilupp tal-politiki dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi kkunsidrata mhux biss il-kwantità tal-flotta, iżda wkoll l-impatt kumulattiv tagħha fuq ir-riżorsi u s-selettività u s-sostenibbiltà tal-metodi tas-sajd tagħha; iqis li l-PKS futura għandha tħeġġeġ żieda fis-sostenibbiltà tal-flotta fil-livell ambjentali, ekonomiku u soċjali (l-istat tat-tiswija u s-sigurtà, l-abitabbiltà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-ħżin tal-ħut, eċċ.), billi tippromwovi l-prevalenza gradwali tas-setturi u tal-operaturi li jużaw tekniki tas-sajd selettivi u rkaptu tas-sajd b'inqas impatt fuq ir-riżorsi u l-ambjent marittimu, u b'benefiċċji aktar importanti għall-komunitajiet li jappartjenu għalihom, f’termini ta’ ħolqien ta' impjiegi u tal-kwalità ta’ dawn l-impjiegi; jiddefendi bilanċ sostenibbli bejn il-protezzjoni tar-riżorsi eżistenti tas-sajd fiż-żoni marittimi u l-protezzjoni tan-nisġa soċjoekonomika lokali li tiddependi mis-sajd u mis-sajd tal-frott tal-baħar;

Karatteristiċi tal-flotta

18.  Jirrifjuta tnaqqis ġenerali u nondiskriminatorju fil-kapaċità tal-flotta u jenfasizza li l-aġġustament tagħha meta jkun meħtieġ ma jistax jiġi ddeterminat biss u b’mod obbligatorju mill-kriterji tas-suq; iqis li tali aġġustamenti jridu jkunu bbażati fuq approċċ ekosistemiku, li fih id-deċiżjonijiet speċifiċi rigward il-ġestjoni tal-flotta fuq skala żgħira jittieħdu fil-livell reġjonali, waqt li jkun rispettat il-prinċipju tas-sussidjarità, ikun żgurat reġim ta’ sajd adattat li jagħti prijorità ta’ aċċess għar-riżorsi u jipproteġi l-flotot fuq skala żgħira u jkun żgurat li jiġu involuti l-komunitajiet lokali; jappella sabiex jitwettaq b'urġenza studju dwar l-istat tal-kapaċità tal-flotta fl-UE;

19.  Jirrifjuta kwalunkwe tnaqqis ġenerali fil-kapaċità ta' flotta partikolari, iddeterminata biss u b’mod obbligatorju mill-kriterji tas-suq u imposta minn infurzar potenzjali u mhux mixtieq ta’ konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd;

20.  Jenfasizza l-importanza ta’ aktar riċerka fil-qasam tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jinnota l-ħtieġa ta’ statistika u indikaturi fil-livell Ewropew li jipprovdu data ambjentali, xjentifika u soċjoekonomika affidabli u rilevanti biżżejjed, inkluża valutazzjoni wiesgħa tal-istokkijiet u l-qabdiet tal-ħut, kemm fis-sajd professjonali kif ukoll rikreattiv, u jappella għall-provvista ta’ riżorsi suffiċjenti biex dan jinkiseb; jemmen li tali data għandha wkoll tirrefletti l-firxa sħiħa tad-differenzi ġeografiċi, kulturali u reġjonali;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-kapaċità tal-flotta tal-UE sabiex tippermetti li jiġu adottati l-aktar deċiżjonijiet xierqa;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja u taġġusta l-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta għall-Istati Membri sabiex ikunu f’konformità ma’ data affidabbli u jiġu kkunsidrati avvanzi tekniċi;

23.  Jindika li n-numru kbir ta’ bastimenti involuti u l-varjetà kbira ta’ metodi u sajd qed jagħmlu l-ġestjoni tas-sajd fuq skala żgħira aktar impenjattiva u ta’ sfida; jenfasizza li d-disponibbiltà tal-informazzjoni hija kruċjali għal ġestjoni effikaċi u li hija meħtieġa aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar is-sajd fuq skala żgħira;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, l-RACs u l-partijiet interessati, tkompli ttejjeb il-karatterizzazzjoni tas-sajd fuq skala żgħira fl-UE għall-finijiet tal-ġestjoni tas-sajd; jħeġġeġ b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, twettaq studju eżawrjenti u rigoruż dwar id-daqs, il-karatteristiċi u d-distribuzzjoni tas-setturi differenti tas-sajd fuq skala żgħira, u tanalizza bl-aktar mod rigoruż fejn, meta u kif jistadu, sabiex jiġu identifikati s-setturi tal-flotta fejn hemm kapaċità żejda u l-kawżi ta' dan;

25.  Jindika li bħalissa l-Komunità tikkofinanzja mhux aktar minn 50 % tal-baġit għall-ġbir, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ data bijoloġika, li hija użata biex tappoġġja ġestjoni bbażata fuq l-għarfien; jitlob, għaldaqstant, żieda fl-isforzi tal-Komunità f’dan il-qasam billi jiżdied il-livell massimu permissibbli għall-kofinanzjament;

26.  Iwissi dwar il-ħtieġa li jkun approfondit il-fehim dwar il-pożizzjoni attwali tas-sajd rikreattiv u l-iżvilupp tiegħu, inkluż l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tiegħu; jiġbed l-attenzjoni għal sitwazzjonijiet li fihom is-sajd rikreattiv imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u jikkompeti b’mod illeġittimu mas-sajd professjonali fil-qbid u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, u b'hekk jikkawża tnaqqis fil-kwota tas-suq fil-livell lokali u reġjonali u jnaqqas il-prezzijiet tal-ewwel bejgħ;

Miżuri ta’ appoġġ

27.  Jirrikonoxxi li l-FEMS il-ġdid tfassal b’mod li jippermetti l-kisba ta’ fondi partikolarment għall-partijiet tal-flotta kostali u artiġjanali; jirrikonoxxi li, abbażi tal-qafas ġenerali ffaċilitat mill-FEMS, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet ta’ finanzjament tagħhom b'tali mod li jsolvu l-problemi speċifiċi ta' dan is-settur u jappoġġjaw ġestjoni lokali u sostenibbli tas-sajd ikkonċernat;

28.  Jiddefendi l-ħtieġa taż-żamma ta’ fond li jkollu l-prinċipju ta’ appoġġ akbar għall-attivitajiet kofinanzjati fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif ukoll il-preservazzjoni tal-istrumenti ta’ kumpens speċifiċi għall-ispejjeż żejda assoċjati mal-attività u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tas-sajd, meta jitqiesu l-limitazzjonijiet strutturali li jolqtu lis-settur tas-sajd f’dawn ir-reġjuni;

29.  Jenfasizza l-fatt li, minħabba s-sitwazzjoni prekarja u d-deklin ta’ numru ta' komunitajiet kostali li jiddependu mis-sajd, kif ukoll in-nuqqas ta’ alternattivi għad-diversifikazzjoni ekonomika, l-istrumenti, il-fondi u l-mekkaniżmi eżistenti għandhom jissaħħu sabiex tiġi żgurata koeżjoni f’termini ta’ impjiegi u sostenibbiltà ekoloġika; jemmen li għandu jkun hemm rikonoxximent speċifiku ta’ dan fil-PKS il-ġdida u fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ konċentrazzjoni fuq ġestjoni konġunta akbar u l-involviment tas-settur tas-sajd artiġjanali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, billi ssir promozzjoni ta’ strateġiji lokali u reġjonali u kooperazzjoni transkonfinali f’dan il-qasam, li tkopri proġetti ta’ żvilupp, riċerka u taħriġ, bil-fondi xierqa mill-FEMS, mill-FSE u mill-FEŻR;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-importanza tar-rwoli ekonomiċi, soċjali u kulturali tan-nisa fl-industrija tas-sajd, sabiex in-nisa jkun jista' jkollhom aċċess għall-benefiċċji soċjali; jenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-attivitajiet relatati mas-sajd tikkontribwixxi, l-ewwel nett, għaż-żamma ta' tradizzjonijiet u prattiki kulturali speċifiċi u, it-tieni nett, għas-sopravivenza tal-komunitajiet tagħhom, u b’hekk tiġi wkoll issalvagwardata d-diversità kulturali tar-reġjuni kkonċernati;

31.  Iqis li r-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-FEMS il-ġdid għandhom jippermettu li jiġu ffinanzjati azzjonijiet, fost l-oħrajn, fl-oqsma li ġejjin:

   titjib fis-sigurtà, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord, titjib fil-preservazzjoni tal-qbid, bastimenti aktar sostenibbli fil-livell ekonomiku u ambjentali (għażla tat-tekniki, effiċjenza fl-użutal-enerġija, eċċ.) mingħajr żieda fil-kapaċità tas-sajd tagħhom;
   investiment f’irkaptu tas-sajd aktar sostenibbli;
   il-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tas-settur u ż-żamma tal-involviment tagħhom permezz ta' skema speċjali ta' inċentivi b'reazzjoni għall-isfidi li s-settur qed jiffaċċja b'relazzjoni mal-impjiegi u s-sostenibbiltà, kif ukoll permezz ta' pakketti ta' għajnuna tal-bidiu maħsuba biex jiżguraw id-dħul ta' ġenerazzjoni ġdida ta' sajjieda fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira;
   il-bini ta’ portijiet tas-sajd speċjalizzati u faċilitajiet speċifiċi għall-inżul, il-ħżin u l-bejgħ ta’ prodotti tas-sajd;
   l-appoġġ għall-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-professjonisti tas-settur;
   il-promozzjoni ta' politiki ta’ kwalità;
   il-promozzjoni tal-koeżjoni tan-nisġa ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali li jiddependu l-iktar mis-sajd fuq skala żgħira, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni kostali;
   appoġġ għal prattiki sostenibbli ta' sajd tal-frott tal-baħar, fost l-oħrajn billi tingħata għajnuna lil dawk involuti f'din l-attività, ħafna minnhom nisa, li jbatu minn mard relatat max-xogħol;
   appoġġ għall-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd artiġjanali u l-akkwakultura estensiva, premezz tal-ħolqien ta' tikketta Ewropea li tiddistingwi u tidentifika l-prodotti tas-sajd artiġjanali u tal-frott tal-baħar Ewropej, dejjem sakemm dawn jirrispettaw prattiki tajbin ta’ sostenibbiltà u l-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd;
   appoġġ għal kampanji ta’ edukazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni sabiex il-konsumaturi u ż-żgħażagħ isiru konxji mill-valur li jiġi kkunsmat ħut li ġej mis-sajd fuq skala żgħira, inklużi l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-ekonomija lokali u l-ambjent;
   l-allokazzjoni ta' finanzjament fil-qafas tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd b'tali mod li taġevola aktar lin-nisa fis-settur tas-sajd billi s-settur jitfassal mill-ġdid u billi jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa (bħal pereżempju changing rooms fuq il-vapuri jew fil-portijiet);
   appoġġ għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa bħalma huma dawk li jagħmlu x-xbieki, dawk li jaħdmu fil-portijiet u dawk li jieħdu ħsieb l-imballaġġ;
   it-taħriġ vokazzjonali, inkluż taħriġ għan-nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd, sabiex jingħataw aċċess aħjar għall-impjiegi maniġerjali u tekniċi relatati mas-sajd;
   it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-sajd, b’mod partikolari billi jingħata appoġġ għall-attivitajiet li jitwettqu fuq l-art, għall-professjonisti relatati u għall-attivitajiet assoċjati mas-sajd, kemm upstream kif ukoll downstream;

32.  Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi mill-FEMS futur għandu jiffavorixxi proġetti li joffru soluzzjonijiet integrati li minnhom jibbenefikaw il-komunitajiet kostali inġenerali, aktar milli dawk li minnhom jibbenefikaw biss numru żgħir ta’ operaturi; iqis li l-aċċess għall-fondi tal-FEMS għandu jkun garantit għas-sajjieda u l-familji tagħhom u mhux biss għas-sidien tal-bastimenti;

33.  Jenfasizza li l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura għandha tikkontribbwixxi biex tippermetti produzzjoni aħjar tas-sajd fuq skala żgħira, l-istabbiltà tas-swieq, titjib fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u żieda fil-valur miżjud tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li jitneħħew l-istrumenti pubbliċi li għadhom jeżistu fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-swieq, korpi regolatorji pubbliċi u appoġġi għall-ħżin fuq l-art, u jappella għal riforma ambizzjuża, li ssaħħaħ l-istrumenti tal-OKS biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

34.  Jipproponi l-ħolqien ta’ tikketta Ewropea li tippremja l-prodotti tas-sajd fuq skala żgħira miksuba skont il-prinċipji tal-PKS, sabiex tinkoraġġixxi l-aħjar prattika;

35.  Jiddefendi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi li jiżguraw rikonoxximent tal-hekk imsejħa esternalitajiet iġġenerati minn sajd fuq skala żgħira li mhumiex imħallsa mis-suq, f’termini kemm tal-ambjent kif ukoll tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali;

36.  Iqis li hija importanti l-promozzjoni ta' tqassim ġust u adegwat tal-valur miżjud tul il-katina ta' valur tas-settur kollha kemm hi;

37.  Jitlob monitoraġġ strett u ċertifikazzjoni tal-prodotti tas-sajd importati minn pajjiżi terzi biex jiġi żgurat li joriġinaw minn sajd sostenibbli u li jikkonformaw mal-istess rekwiżiti li l-produtturi Komunitarji jridu jikkonformaw magħhom (pereżempju fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabbiltà, ir-regolamenti fitosanitarji u d-daqsijiet minimi);

38.  Jiddefendi l-ħolqien (fil-qafas tal-FEMS jew ta' strumenti oħrajn) ta' mekkaniżmi speċifiċi u temporanji ta’ appoġġ, li għandhom jiġu implimentati f'sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħal diżastri naturali (tixrid taż-żejt, tniġġis tal-ilma, eċċ.), il-waqfien mill-attività minħabba pjanijiet ta' riġenerazzjoni tal-istokkijiet, jew żidiet f’daqqa fuq perjodu qasir fil-prezzijiet tal-fjuwil;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiggarantixxu li n-nisa jkunu jistgħu jgawdu paga ugwali u drittijiet soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji li huma esposti għalihom minħabba x-xogħol fis-settur tas-sajd u r-rikonoxximent ta’ patoloġiji speċifiċi bħal mard okkupazzjonali;

40.  Jirrikonoxxi li projbizzjonijiet temporanji fuq is-sajd, magħrufin ukoll bħala perjodi ta’ mistrieħ bijoloġiku, huma mhux biss mezz importanti u ppruvat għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, iżda wkoll strument essenzjali għall-ġestjoni sostenibbli ta’ sajd speċifiku; jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ projbizzjonijiet fuq is-sajd waqt fażijiet kritiċi speċifiċi fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ speċi jippermetti li l-istokkijiet jiżviluppaw b’mod li huwa kompatibbli mas-sajd barra l-perjodu ta’ mistrieħ; jemmen li dan huwa ġust u neċessarju taħt dawn iċ-ċirkustanzi biex jikkumpensa finanzjarjament lis-sajjieda waqt il-perjodu ta’ inattività, jiġifieri permezz tal-FEMS;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkontemplaw modi ta’ diskriminazzjoni pożittiva li jiffavorixxu s-sajd fuq skala żgħira kontra s-sajd fuq skala kbira u flotot ta’ natura aktar industrijalizzata, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġestjoni tas-sajd inġenerali tkun effikaċi u sostenibbli; iqis li s-segregazzjoni spazjali ta’ tekniki differenti tas-sajd, u għaldaqstant id-definizzjoni ta' żoni riservati esklużivament għas-sajd fuq skala żgħira, huma waħda mill-għażliet li jridu jiġu kkunsidrati;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jippromwovu u jiksbu rikonoxximent akbar, kemm fuq livell legali kif ukoll soċjali, għax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-sajd, u biex jiżguraw li n-nisa li jaħdmu full-time jew part-time għal impriżi familjari jew li jgħinu lill-konjuġi tagħhom u li jikkontribwixxu b’dal-mod għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom stess u tal-familja, jingħataw l-istess rikonoxximent legali jew benefiċċji soċjali li jgawdu minnhom persuni li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari billi tiġi applikata d-Direttiva 2010/41/UE, u biex jiġu żgurati d-drittijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom, inkluża l-ugwaljanza fis-salarji, il-benefiċċji tal-qgħad fil-każ li jitilfu l-impjiegi tagħhom (b'mod temporanju jew definittiv), id-dritt għal pensjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għal-liv tal-maternità, l-aċċess għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas, u l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u drittijiet soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża assigurazzjoni li tkopri r-riskji fuq il-baħar;

43.  Jirrakkomanda li r-reġim ta' aċċess speċjali għas-sajd fuq skala żgħira jinżamm fi ħdan iż-żona ta' tnax-il mil;

44.  Iqis li huwa neċessarju li matul l-iskambji dwar l-ippjanar tal-ispazju taż-żona ta' tnax-il mil jiġi involut b’mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira, fejn il-prattiki huma ġeneralment aktar numerużi u fejn it-turbini tar-riħ offshore kif ukoll l-estrazzjoni tal-granulati u ż-żoni marittimi protetti ħafna drabi jkollhom jikkoeżistu mal-attivitajiet tas-sajd fl-istess żona;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ involviment u parteċipazzjoni akbar ta’ professjonisti tas-sajd fuq skala żgħira fil-ġestjoni, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tas-sajd; jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ akbar għall-gruppi tas-sajjieda u l-organizzazzjonijiet professjonali li huma lesti li jaqsmu r-responsabbiltà tal-applikazzjoni tal-PKS, bl-għan li tiġi ddeċentralizzata aktar il-PKS; iħeġġeġ lill-operaturi tas-sajd fuq skala żgħira biex jew jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti jew jiffurmaw organizzazzjonijiet tal-produtturi ġodda;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
(2) ĠU L 223,15.8.2006, p.1.
(3) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 519.
(4) ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 504.
(5) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 1.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0052.
(7) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 15.

Avviż legali - Politika tal-privatezza