Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (2012/2829(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tal-Att rigward l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 1976, kif emendata(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament mill-Membri tal-Parlament Ewropew;
B. billi l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni;
C. billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi elett mill-Parlament fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, li għandu jqis ir-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament u jkun wettaq il-konsultazzjonijiet xierqa qabel ma jagħmel in-nomina tiegħu;
D. billi l-Kummissjoni, bħala korp, għandha tkun obbligata tagħti rendikont ta' għemilha lill-Parlament Ewropew.
E. billi l-Parlament il-ġdid jeħtieġ biżżejjed żmien biex jorganizza ruħu qabel l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni;
F. billi biex il-Kummissjoni l-ġdida tkun lesta li tibda fil-kariga tagħha fl-1 ta' Novembru 2014, l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni għandha ssir f'Lulju 2014 matul is-sessjoni parzjali kostitwenti tal-Parlament;
G. billi l-Parlament jivvota l-approvazzjoni tiegħu tal-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji wara li jkun sema' lill-kandidati proposti mill-Kunsill bi qbil komuni mal-President elett, abbażi tas-suġġerimenti magħmula mill-Istati Membri;
1. Iħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni u jistenna li dawk il-kandidati jkollhom rwol ewlieni fil-kampanja elettorali tal-Parlament; , b'mod partikulari billi personalment jippreżentaw il-programm tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-leġittimità politika kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni billi tinħoloq rabta bejn l-elezzjonijiet rispettivi tagħhom u l-għażla tal-votanti;
2. Jitlob sabiex kemm hu possibbli jittieħdu membri għall-Kummissjoni li jmiss mill-Membri tal-Parlament Ewropew, biex ikun rifless il-bilanċ bejn iż-żewġ kmamar tal-leġiżlatura;
3. Jistieden lill-President futur tal-Kummissjoni jiżgura li jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi fil-Kulleġġ fil-Kummissjoni Ewropea; jirrakkomanda li kull Stat Membru jipproponi kemm kandidat femminili u kemm maskili għall-Kulleġġ tal-Kummissarji li jmiss;
4. Iqis, fid-dawl tal-arranġamenti l-ġodda għall-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea introdotti bit-Trattat ta' Lisbona u r-relazzjoni li qed tinbidel bejn il-Parlament u l-Kummissjoni li se tinħoloq minnhom kif ukoll mill-elezzjonijiet tal-2014, li maġġoranzi affidabbli fil-Parlament se jkunu ta' importanza kbira għall-istabilità tal-proċeduri leġiżlattivi u l-funzjonament tajjeb tal-eżekuttiv tiegħu, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu fil-liġi elettorali tagħhom, bi qbil mal-Artikolu 3 tal-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Assemblea b'vot dirett universali, limiti minimi proporzjonati u xierqa għall-allokazzjoni ta' siġġijiet sabiex jirriflettu b'mod xieraq l-għażliet taċ-ċittadini kif espressi fl-elezzjonijiet filwaqt li wkoll ikunu effettivi biex jissalvagwardaw il-funzjonalità tal-Parlament;
5. Jitlob lill-Kunsill jikkonsulta mal-Parlament dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet jew bejn il-15 u t-18 ta' Mejju jew inkella bejn it-22 u l-25 ta' Mejju 2014;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/ECSC, KEE, EURATOM (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81 (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, EURATOM (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.).