Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-eżekuzzjonijiet tal-massa u l-mewt riċenti tal-blogger Sattar Behesthi (2012/2877(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tat-23 ta’ Ottubru 2012 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar għaxar eżekuzzjonijiet riċenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-11 ta’ Novembru 2012 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-mewt tal-blogger Iranjan Sattar Behesthi li seħħet waqt li kien fi stat ta' arrest,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-13 ta' Settembru 2012 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-ħelsien mill-ħabs ta' Pastor Youcef Nadarkhani f'Settembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 u 63/168 tat-18 ta' Diċembru 2008 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD), u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), li l-Iran huwa firmatarju tagħhom ilkoll,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran hi kkaratterizzata minn xejra kontinwa ta' ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (b'mod partikolari, attivisti għad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi), ġurnalisti, bloggers, artisti, mexxejja studenti, avukati, trejdunjonisti u ambjentalisti għadhom qegħdin jgħixu taħt pressjoni qawwija u taħt theddida kontinwa ta' arrest;
B. billi l-blogger Sattar Beheshti, li kkritika r-reġim Iranjan fuq l-internet ġie arrestat fit-30 ta' Ottubru 2012 mill-unità tal-pulizija speċjalizzata fiċ-ċiberkriminalità – magħrufa bħala FATA – għal allegati atti ta' ċiberkriminalità, u miet waqt li kien fi stat ta' arrest; billi ċ-ċirkustanzi preċiżi ta' mewtu għadhom ma ġewx stabbiliti u billi diversi rapporti jindikaw li miet b'riżultat ta' tortura f'faċilità ta' detenzjoni Iranjana;
C. billi membri tal-familja ta' Sattar Beheshti li jgħixu fl-Iran ġew mhedda li jiġu arrestati jekk jitkellmu mal-midja dwar mewtu jew jekk jiftħu kawża kontra l-persuni allegatament responsabbli għat-tortura;
D. billi l-mewt ta' Sattar Beheshti hija eżempju traġiku ieħor tal-prattika kontinwa tat-tortura, it-trattament ħażin u ċ-ċaħda tad-drittijiet bażiċi li l-priġunieri tal-kuxjenza huma regolarment soġġetti għalihom fl-Iran filwaqt li l-aġenti tas-sigurtà u tas-servizzi sigrieti joperaw f'atmosfera ta' impunità totali;
E. billi, wara diversi jiem ta' silenzju dwar mewt Sattar Beheshti, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ġudikatura Iranjana ddikjara l-impenn tiegħu li jirrivedi l-aspetti kollha tal-każ u li jħarrek b'mod rigoruż lil dawk kollha involuti fil-każ;
F. billi fil-11 ta' Novembru 2012 d-Deputat President Parlamentari Iranjan Mohammad Hasan Abutorabifard iddikjara li l-Kumitat tal-Parlament Iranjan għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija se jinvestiga l-każ;
G. billi r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, dwar l-eżekuzzjonijiet sommarji, dwar it-tortura u dwar il-libertà tal-espressjoni laqgħu d-deċiżjonijiet tal-Parlament u tal-ġudikatura Iranjana li jinvestigaw il-mewt tas-Sur Beheshti, filwaqt li nnotaw ukoll li ġew irrappurtati għadd ta' każijiet fl-Iran fejn id-detenuti allegatament mietu fi stat ta' arrest minħabba trattament ħażin jew tortura, nuqqas ta' kura medika jew negliġenza;
H. billi fit-22 ta' Ottubru 2012 Saeed Sedighi u disa' rġiel oħra ġew iġġustizzjati fuq akkużi ta' reati marbutin mad-droga; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn l-irġiel ma rċevewx proċess gust u kienu soġġetti għal tortura waqt id-detenzjoni tagħhom;
I. billi wara l-eżekuzzjoni tas-Sur Sedeghi, l-awtoritajiet wissew lill-membri tal-familja tiegħu biex ma jitkellmux mal-midja u ma ħallewhomx jorganizzaw ċerimonja tal-funeral pubblika wara d-difna tiegħu;
J. billi dawn l-aħħar snin fl-Iran ġiet irreġistrata żieda drammatika fl-eżekuzzjonijiet, inkluż ta' minorenni, u ġew irreġistrati aktar minn 300 eżekuzzjoni mill-bidu tal-2012 'l hawn; billi l-piena tal-mewt tiġi imposta regolarment f'każijiet fejn l-akkużati jkunu miċħuda d-drittijiet tagħhom għal proċess ġust u għal delitti li ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-“aktar delitti gravi” skont l-istandards internazzjonali;
K. billi l-awtoritajiet Iranjani qed ikomplu l-isforzi tagħhom biex jibnu “internet ħalal”, u b'hekk effettivament jiċħdu lill-Iranjani l-aċċess għall-World Wide Web, u biex jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jattakkaw il-libertajiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda; billi l-Iran jirrestrinġi l-libertà tal-internet billi jimponi limitazzjonijiet fuq il-medda ta' frekwenzi disponibbli permezz tal-iżvilupp ta' servers immexxijja mill-istat u protokolli tal-internet (IPs), il-fornituri tas-servizz tal-internet (ISPs) u magni tat-tiftix speċifiċi, u billi jimblokka s-siti internazzjonali u nazzjonali ta' netwerking soċjali;
L. billi l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2012 ingħata lil żewġ attivisti Iranjani, l-avukata Nasrin Sotoudeh u d-direttur tal-films Jafar Panahi; billi Nasrin Sotoudeh qed tiskonta sentenza ta' ħabs għax-xogħol li wettqet biex tenfasizza l-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u bdiet strajk tal-ġuħ wara li ċaħduha miż-żjajjar familjari; billi Jafar Panahi qed tappella sentenza ta' ħabs ta' sitt snin, projbizzjoni ta' 20 sena fuq il-produzzjoni ta' films u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar imposti fuqu.
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, in-numru dejjem jikber ta' priġunieri politiċi u priġunieri tal-kuxjenza, in-numru kostantement għoli ta' eżekuzzjonijiet, inkluż ta’ minorenni, il-prattika mifruxa tat-tortura, il-proċessi inġusti, is-somom ta' flus eżorbitanti mitluba għal pleġġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà tal-informazzjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda, tar-reliġjon, tal-edukazzjoni u tal-moviment;
2. Huwa mħasseb serjament dwar il-mewt ta' Sattar Beheshti li ġrat il-ħabs; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jwettqu inkjesta rigoruża dwar il-każ, sabiex jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi preċiżi ta' mewtu;
3. Huwa mħasseb serjament dwar ir-rapporti li jindikaw li Sattar Beheshti safa vittma tat-tortura waqt li kien il-ħabs; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li ssir inkjesta f'kull każ fejn jiġu allegati tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti fil-faċilitajiet ta' detenzjoni, u li l-awturi ta' dawn l-atti jinżammu responsabbli għal għemilhom; ifakkar li l-użu ta' kastigi korporali – li huma ekwivalenti għat-tortura – mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-ICCPR;
4. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-piena kapitali fl-Iran u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet sakemm tiġi abolita l-piena kapitali; iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jipprojbixxi l-eżekuzzjoni tal-minorenni u jikkunsidra li jibdel is-sentenzi kapitali għal dawk il-minorenni li qed jiffaċċjaw sentenza tal-mewt; iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jippubblika statistika dwar il-piena tal-mewt u l-fatti dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f'każijiet ta' piena tal-mewt;
5. Jiddeplora bis-sħiħ in-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza tal-proċess ġudizzjarju u ċ-ċaħda tad-drittijiet għal proċess ġust fl-Iran; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu rispett rigoruż ta' proċess ġust u ekwu lid-detenuti kollha, kif stabbilit fl-ICCPR;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha mill-ħabs, inklużi Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov u Jafar Panahi, u jħalluhom jiġu l-Parlament Ewropew f'Diċembru 2012 biex jiġbru l-premjijiet tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-kundizzjoni tas-saħħa ta' Nasrin Sotoudeh; jistieden lill-ġudikatura u lill-awtoritajiet tal-ħabs tal-Iran biex ma jkomplux jittrattaw ħażin lil Nasrin Sotoudeh; jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà sħiħa tiegħu fir-rigward tat-talbiet imressqa minn Nasrin Sotoudeh; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jħallu lill-priġunieri kollha aċċess għall-avukati tal-għażla tagħhom, għall-kura medika meħtieġa u għaż-żjajjar familjari, li huma intitolati għalihom bis-saħħa tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jittrattawhom b'dinjità u rispett;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jaċċettaw il-protesti paċifiċi u jindirizzaw l-ammont kbir ta' problemi li qed jiffaċċja l-poplu Iranjan;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani juru li huma impenjati bis-sħiħ biex jikkooperaw mal-komunità internazzjonali sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u jitlob lill-Gvern Iranjan iwettaq l-obbligi kollha tiegħu, kemm skont il-liġi internazzjonali kif ukoll skont il-konvenzjonijiet internazzjonali li hu firmatarju tagħhom;
10. Jemmen li żjara minn Rapporteur Speċjali tan-NU tista' tgħin biex tiġi stabbilita stampa ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jinnota bi tħassib li l-Iran ilu mill-2005 ma jaċċetta żjajjar mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU jew mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jistieden lill-Iran jonora l-intenzjoni ddikjarata tiegħu li matul l-2012 jippermetti żjara mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran, id-Dott. Ahmed Shaheed;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, tagħmel użu effettiv tal-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu appoġġati d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, fosthom il-libertà tal-espressjoni onlajn;
12. Jistieden lir-Rappreżentanti tal-UE u lill-VP/RGħ jħeġġu lill-awtoritajiet Iranjani biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom fi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; isostni mill-ġdid ir-rieda tiegħu li jimpenja ruħu fi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran fil-livelli kollha abbażi tal-valuri universali kif minquxa fil-Karta tan-NU u fil-konvenzjonijiet internazzjonali;
13. Jappoġġa l-approċċ binarju fir-rigward tal-Iran (taħlita ta' sanzjonijiet u diplomazija) iżda fl-istess ħin jinsab imħasseb dwar l-effetti negattivi tas-sanzjonijiet estensivi kontra l-Iran fuq il-poplu Iranjan, fosthom żieda fl-inflazzjoni u skarsezza ta' oġġetti neċessarji, b'mod partikolari l-mediċini;
14. Jistieden lill-Kunsill isaħħaħ il-miżuri mmirati kontra individwi u entitajiet Iranjani, fosthom istituzzjonijiet tal-istat, li huma responsabbli jew involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari permezz tal-użu ħażin tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-internet u ċ-ċensura tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-assi kollha fl-UE, inkluża l-proprjetà immobbli, li jappartjenu għal persuni Iranjani milquta mill-miżuri restrittivi jiġu ssekwestrati u ffriżati;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummisjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u biex din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bil-Farsi.