Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Burma/il-Mjanmar, partikolarment il-vjolenza kontinwa fl-Istat ta' Rakhine (2012/2878(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-20 ta’ April 2012(1) u tat-13 ta’ Settembru 2012(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-24 ta’ Awwissu 2012 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Burma/il-Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/225/PESK tas-26 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Thein Sein lill-Parlament ta’ Burma tas-17 ta’ Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine f’Burma/il-Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza fl-Istat ta’ Rakhine f’Burma/il-Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata fit-3 ta’ Novembru 2012 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u l-Ministru tal-Uffiċċju tal-President ta’ Myanmar, is-Sur U Aung Min fiċ-Ċentru għall-Paċi ta’ Burma/Myanmar, f’Yangon,
– wara li kkunsidra l-appell tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, tad-9 ta’ Novembru 2012 lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar, fejn talbitu jieħu l-passi meħtieġa biex ir-Rohingya jingħataw drittijiet ta’ ċittadini u trattament indaqs,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-President Thein Sein tas-16 ta’ Novembru 2012 mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, li fiha l-President ta’ Burma/il-Mjanmar wiegħed li jikkunsidra li jagħti ċ-ċittadinanza lill-Musulmani Rohingya apolidi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet minn diversi rappreżentanti tal-Gvern u l-oppożizzjoni ta’ Burma, inkluża Aun San Suu Kyi, li jiċħdu d-drittijiet ta’ ċittadini lill-minoranza etnika Rohingya u jimminimizzaw ir-responsabilità tal-awtoritajiet tal-istat fil-konfronti vjolenti riċenti,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Awwissu 2012 tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Burma/il-Mjanmar, li tgħid li l-persekuzzjoni tar-Rohingya u l-avvenimenti li seħħew fl-Istat ta’ Rakhine ma jagħmlux parti mir-responsabilitajiet tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minkejja li sa minn kmieni fis-sena 2011 il-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar ħa passi sinifikanti biex jrodd lura l-libertajiet ċivili, l-atroċitajiet riċenti fl-Istat ta' Rakhine jenfasizzaw id-diffikultajiet enormi li għad iridu jingħelbu;
B. billi t-tensjoni fl-Istat ta’ Rakhine għadha qed tinħass: sa minn Ġunju 2012 mill-inqas 110 000 ruħ ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom, filwaqt li minn meta reġgħet bdiet il-vjolenza f’Ottubru, inqatlu 89 ruħ u nqerdu aktar minn 5 300 binja, bejn djar u binjiet reliġjużi;
C. billi l-parti l-kbira tal-persuni spostati huma Rohingya, li qed jgħixu fil-kampijiet f'kundizzjonijiet inaċċettabbli ta’ ffullar qawwi, livelli allarmanti ta’ malnutriment tat-tfal, provvista tal-ilma u sanitarja totalment inadegwata, nuqqas kważi totali ta’ skejjel disponibbli u nuqqas ta’ aċċess umanitarju adegwat;
D. billi fl-Istat ta’ Rakhine ġie stabbilit stat ta’ emerġenza – li jippermetti l-introduzzjoni tal-liġi marzjali – minn Ġunju 2012, meta bdew il-konfronti bejn il-membri ta’ komunitajiet differenti, filwaqt li fl-aħħar ta’ Ottubru l-Gvern iddikjara kerfjufiż-żoni konċernati u ġew skjerati forzi tas-sigurtà addizzjonali, miżuri li s’issa ma rnexxilhomx iwaqqfu l-vjolenza;
E. billi d-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya għadha għaddejja; billi l-awtoritajiet lokali allegatament kienu kompliċi fl-attakki kontra r-Rohingya u qed isegwu politika attiva għat-tkeċċija tagħhom mill-pajjiż; billi l-komunità internazzjonali ħeġġet lill-Gvern ta' Burma jagħmel rieżami tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya ma jibqgħux apolidi u li jiġu trattati l-għeruq tad-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li ilha għaddejja żmien twil;
F. billi Rakhine huwa t-tieni l-ifqar stat f’Burma/il-Mjanmar, li hu wieħed mill-pajjiżi l-inqas żviluppati fid-dinja fejn il-faqar u r-ripressjoni kellhom rwol fit-tkebbis tal-vjolenza bejn il-membri ta’ komunitajiet differenti, rwol li kellhom ukoll il-memorji storiċi qarsin taż-żewġ komunitajiet;
G. billi fil-31 ta’ Ottubru 2012 tliet esperti tan-NU esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar il-vjolenza bejn il-membri ta’ komunitajiet differenti li għadha għaddejja fl-Istat ta’ Rakhine, filwaqt li stiednu lill-Gvern jindirizza b’urġenza l-kawżi sottostanti tat-tensjoni u l-kunflitt bejn il-komunitajiet Buddisti u Musulmani fir-reġjun;
H. billi l-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar ħoloq kummissjoni ta’ investigazzjoni f’Awwissu 2012, mingħajr ma inkluda rappreżentant mill-komunità Rohingya, biex tanalizza r-raġunijiet għalfejn faqqgħet il-vjolenza settarja u tagħmel proposti biex din tintemm, iżda s’issa l-ħidma tagħha ma ħallietx frott;
I. billi, ikkonfrontati minn vjolenza persistenti, hu stmat li miljun Rohingya ħarbu lejn pajjiżi ġirien tul is-snin, fosthom 300 000 lejn il-Bangladexx u 92 000 lejn it-Tajlandja, u huwa stmat li madwar 54 000 persuna ifittxu asil mhux reġistrati f’disa’ kampijiet mal-fruntiera bejn it-Tajlandja u Burma/l-Mjanmar;
J. billi mill-inqas 4 000 ruħ ħarbu bid-dgħajjes lejn Sittwe, il-kapitali tal-Istat ta’ Rakhine, fejn il-Musulmani, inklużi r-Rohingya, ġew separati mill-bqija tal-popolazzjoni u mpoġġija f’kampijiet mill-gvern; u billi hu mifhum li mill-inqas 3 000 persuna Rohingya ħarbu bil-baħar lejn il-fruntiera bejn Burma/il-Mjanmar u l-Bangladexx, fejn minn Ġunju l-forzi tas-sigurtà tal-Bangladexx ġew ordnati jimbuttaw lura lil kull minn jersaq lejn il-fruntiera;
K. billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso offra lil Burma/il-Mjanmar EUR 78 miljun f’għajnuna għall-iżvilupp tal-UE waqt iż-żjara tiegħu fil-kapitali ta’ Burma/il-Mjanmar, Nay Pyi Taw, u enfasizza li l-UE tinsab lesta biex timmobilizza EUR 4 miljun għal għajnuna umanitarja immedjata, kemm-il darba jkun garantit aċċess għaż-żoni milquta;
1. Jinsab allarmat li l-vjolenza etnika f’Rakhine reġgħet qamet – vjolenza li kkawżat ħafna mwiet, korrimenti, qerda ta’ proprjetà u spostament tal-popolazzjonijiet lokali, u jesprimi t-tħassib tiegħu li l-konfronti bejn membri ta’ komunitajiet differenti jistgħu jheddu t-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija u jaf ikollhom riperkussjonijiet usa’ fir-reġjun kollu;
2. Jirrikonoxxi r-riformi tad-drittijiet politiċi u ċivili li għadhom għaddejjin f'Burma/il-Mjanmar, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom, fosthom billi jeħilsu l-priġunieri politiċi li għad baqa’, u jindirizzaw il-vjolenza bejn membri ta’ komunitajiet differenti u l-konsegwenzi tagħha bħala kwistjoni urġenti;
3. Jemmen li ż-żieda attwali fil-vjolenza bejn membri ta’ komunitajiet differenti fl-Istat ta’ Rakhine hi konsegwenza tal-politiki diskriminatorji kontra r-Rohingya, li ilhom għaddejja żmien twil; jenfasizza li ftit ittieħdu passi biex jiġu evitati jew indirizzati l-kawżi sottostanti tat-tensjoni bejn il-membri ta’ komunitajiet differenti u tad-diskriminazzjoni etnika;
4. Jinnota l-istqarrijiet tal-Gvern li se jwettaq investigazzjoni sħiħa u indipendenti tal-avvenimenti li seħħew u li se tittieħed azzjoni kontra min instiga l-vjolenza; jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jieħu miżuri immedjati biex itemm il-vjolenza u d-diskriminazzjoni etnika u biex jittieħdu passi legali kontra l-atturi tal-konfronti vjolenti u abbużi oħra relatati fl-Istat ta’ Rakhine;
5. Jistieden lill-partijiet kollha jsibu mezzi sostenibbli biex isolvu l-kwistjonijiet bejn il-komunitajiet, u jtenni l-istedina tiegħi lill-forzi politiċi biex jieħdu pożizzjoni ċara favur soċjetà pluralisitika bi djalogu inklużiv mal-komunitajiet lokali;
6. Jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar itemm il-prattiki diskriminatorji kontra r-Rohingya; itenni t-talbiet tiegħu għal emenda jew revoka tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya jkollhom aċċess indaqs għaċ-ċittadinanza ta’ Burma/il-Mjanmar;
7. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ Burma/il-Mjanmar jieħdu azzjoni aktar vigoruża dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet taċ-ċittadini, partikolarment l-aċċess għall-edukazzjoni, il-permessi tax-xogħol u l-moviment ħieles għall-minoranza Rohingya;
8. Jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jipprovdi lill-aġenziji tan-NU u l-NGOs umanitarji, kif ukoll lill-ġurnalisti u lis-servizzi diplomatiċi, aċċess bla xkiel għaż-żoni kollha tal-pajjiż, inkluż l-Istat ta’ Rakhine, u jagħti aċċess mhux ristrett għall-għajnuna umanitarja għall-popolazzzjonijiet kollha milquta; barra minn hekk jistieden lill-awtoritajiet ta’ Burma jtejbu l-kundizzjonijiet tal-kampijiet ta’ spostament tar-Rohingya bħala kwistjoni ta’ urġenza;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu assistenza umanitarja u jappoġġaw lill-Gvern ta’ Burma fl-isforzi tiegħu biex jistabbilizza s-sitwazzjoni u jimplimenta l-programmi ta’ riforma b’aktar ħeffa u b’modi li jinkorporaw l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-binedem u l-libertà politika;
10. Jilqa’ l-proposti magħmula mill-Kumitat tal-Istat tad-Dritt tal-Parlament ta’ Burma/il-Mjanmar u jħeġġeġ lill-Gvern jimplimenta riformi leġiżlattivi, istituzzjonali u politiċi b’ħeffa biex itemm il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f’żoni milquta minn kunflitti etniċi u kunflitti oħra armati u biex jittratta l-impunità kontinwa għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari meta dawn jitwettqu mill-forzi tal-istat;
11. Jilqa’ l-ħelsien, fis-17 ta’ Settembru 2012, ta’ 514-il priġunier, inkluż 90 priġunier politiku, u l-ħelsien fid-19 ta’ Novembru 2012 ta’ 66 priġunier, inkluż mill-inqas 44 priġunier politiku, f’amnestija li kkoinċidiet maż-żjara tal-President Obama tal-Istati Uniti f’Burma/il-Mjanmar; jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jeħles lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha, jgħid kemm minnhom għadhom qed jinżammu l-ħabs u jieħu passi biex jiżgura l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-priġunieri meħlusa;
12. Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2012 dwar Burma/il-Mjanmar, li jinkludu s-sospensjoni tal-miżuri restrittivi imposti fuq il-Gvern, bl-eċċezzjoni tal-embargo fuq l-armi, u x-xewqa tal-UE li tkompli l-appoġġ tagħha għat-tranżizzjoni tal-pajjiż; billi l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem huma element ċentrali tat-tħassib tal-UE: l-għajnuna għall-proċess ta’ riforma, kontribut għall-iżvilupp ekonomiku, politiku u soċjali, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jilqa’ f’dan ir-rigward iż-żjara riċenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u ż-żieda immedjata fil-finanzjament umanitarju tal-Kummissjoni għall-2012 biex jgħin lill-poplu tal-Istat ta’ Rakhine;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament ta’ Burma/il-Mjanmar, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Burma/il-Mjanmar, lill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU u lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.