Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja (2012/2879(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 Rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,
– wara li kkunsidra r-ratifikazzjoni mil-Libja tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Rifuġjati fl-Afrika tal-25 ta' April 1981,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u fid-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, partikolarment dik tal-15 ta' Settembru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja tal-15 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjoni tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sahel(2),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Lulju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Libja mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-19 ta' Lulju 2012 u tat-3 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il- Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti adottat fit-30 ta' Awwissu 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libja żammet l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi u ħielsa f'Lulju 2012 b'mod notevolment paċifiku u ordnat; billi fid-9 ta' Awwissu 2012 l-pajjiż ra l-ewwel trasferiment paċifiku ta' poter fl-istorja tiegħu mill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali għall-Kungress Nazzjonal Ġeneralii, li hu inkarigat li jadotta Kostituzzjoni u riformi leġiżlattivi ewlenin oħrajn;
B. billi l-ewwel gvern Libjan f'aktar minn ħamsin sena li kien elett f'elezzjonijiet demokratiċi għadu kemm ħa l-ħatra fl-14 ta' Novembru 2012;
C. billi l-Libja qed tiffaċċja perjodu postrivoluzzjonarju, li hu mimli sfidi li jvarjaw mis-sigurtà (id-diżarm, id-demobilizzar u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR) tal-milizzji rivoluzzjonarji u r-riforma tal-armata, tal-pulizija nazzjonali u ta' forzi ta' sigurtà tal-fruntiera u forzi ta' sigurtà statali oħrajn), ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, il-ġustizzja transizzjonali u l-infurzar tal-istat tad-dritt u l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u t-tfassil ta' bosta riformi kruċjali oħrajn għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet demokartiċi u ta' Stat demokratiku;
D. billi, storikament, il-Libja fdat fuq l-użu ta' ħaddiema migranti f'setturi li jinkludu s-saħħa, l-edukazzjoni, l-agrikoltura u s-servizzi ta' tindif; u billi l-Libja għadha titqies bħala ċentru ewlieni għal dawk li qegħdin ifittxu l-ażil u r-rifuġjati li qegħdin jaħarbu l-kunflitti fl-Afrika, fl-Asja u fil-Lvant Nofsani;
E. billi l-ħila tal-awtoritajiet li jikkontrollaw id-dħul ta' persuni tul l-4 378 km ta' fruntiera tal-art tal-Libja hi estremament limitata;
F. billi bejn 1,5 u 2,5 miljun barrani ħadmu fil-Libja tul it-tmexxija tal-Kurunell Gaddafi; billi sa mill-bidu tal-liberazzjoni fis-17 ta' Frar 2011, bosta migranti kienu sfurzati jingħaqdu fi gruppi ta' merċenarju taħt it-tmexxija ta' Gaddafi u billi bosta minnhom bħalissa jinsabu f'detenzjoni mingħajr proċess jew inkella ħarbu mill-pajjiż; billi skont l-IOM, sa tmiem Novembru 2011 aktar minn 80 000 migrant kien ħarab mill-pajjiż lejn il-pajjiżi ġirien, għalkemm sadanittant ħafna minnhom irritornaw jew waslu;
G. billi l-abbużi u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, ta' dawk li jfittxu l-ażil u tar-rifuġjati għadhom iseħħu b'mod regolari fil-Libja u billi bosta barranin mingħajr dokumentazzjoni, inklużi dawk li jinsabu f'detenzjoni, għadhom jinsabu fil-perikolu ta' sfruttament, razziżmu, detenzjoni arbitrarja, swat u tortura;
H. billi l-barranin fil-Libja għadhom partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, minħabba l-vojt li hemm bħalissa fis-sigurtà, il-proliferazzjoni tal-armi, in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ażil u dwar il-ħaddiema migranti, sistema ġudizzjarju mhix adegwata u governanza dgħajfa; billi ċittadini barranin huma miżmuma f'għadd kbir ta' faċilitajiet ta' detenzjoni maħsuba speċifikament għal migranti irregolari jew inkella direttament mill-milizzji, inklużi nisa tqal u nisa bi tfal żgħar, kif ukoll tfal mhux akkumpanjati miżmuma flimkien ma' adulti;
I. billi rapporti reċenti maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, Migreurop, Amnesty International, u Justice without borders for migrants (JWBM), imsejsa fuq għadd ta' investigazzjonijiet fil-Libja f'Ġunju 2012, jenfasizzaw maltrattamenti ripetuti ta' migranti miżmuma fi tmien ċentri ta' detenzjoni f'Kufra, Tripli, Bengażi u fir-reġjun tal-Muntanji Nafusa;
J. billi l-Libja għadha ma rratifikatx l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 rigward l-Istatus tar-Rifuġjati;
K. billi għalkemm il-UNHCR tinsab fil-Libja, din għad ma għandhiex status ġuridiku;
L. billi ċerti Stati Membri tal-UE ssuktaw taħdidiet mal-Libja dwar il-kontroll tal-migrazzjoni;
M. billi gvern li jiffunzjona bis-sħiħ u demokratika fil-Libja hu prerekwiżit għal negozjati bejn l-UE, in-NU u s-sħab internazzjonali oħrajn dwar kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni mal-Libja;
1. Jilqa' l-inawgurazzjni tal-ewwel Gvern Libjan li kiseb il-leġittimità tiegħu f'elezzjonijiet demokratiċi u jħeġġeġ lill-membri tiegħu biex jaġixxu b'mod deċiżiv biex jibnu l-pedamenti ta' struttura statali demokratika, responsabbli u li tiffunzjona fil-Libja; jistieden lill-atturi internazzjonali kollha, u b'mod partikolari lill-UE, biex ikunu lesti jappoġġjaw lill-Gvern Libjan u lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali (NC) f'dan il-kompitu diffiċli;
2. Jistieden lil-Libja tadotta u timplimenta leġiżlazzjoni li tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, b'mod partikolari billi tiżgura r-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem; jirrikonoxxi madankollu li dawn l-isforzi jeħtieġu ż-żmien, peress li l-gvern elett il-ġdid għadu kif ħa l-ħatra; jirrikonoxxi li hemm bżonn ta' azzjoni determinata u ta' taħriġ adegwat biex jingħeleb il-wirt diżastruż tat-tmexxija oppressiva ta' Gaddafi, u sakemm jiddaħħlu fis-seħħ sistemi legali, ġuridiċi u ta' sigurtà bbażati fuq id-drittijiet li jkunu kompletament responsabbli;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu bis-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli ta' sigurtà u ta' drittijiet tal-bniedem tal-barranin li jinsabu attwalment fil-Libja, speċjalment dawk li ġejjin mill-Afrika Sub-Saħarjana u mill-Afrika tal-Lvant biex ifittxu x-xogħol jew l-ażil politiku, jew ta' dawk li għadhom il-ħabs; jinsab partikolarment imħasseb bil-kondizzjonijiet ta' għajxien u ta' trattament tad-detenuti migranti li jinsabu f'ċentri ta' detenzjoni, b'mod partikolari f'Kufra, Tripli, Bengażi u fil-Muntanji Nafusa;
4. Jesprimi tħassib serju dwar il-kondizzjonijiet ta' detenzjoni estrema li huma soġġetti għalihom il-persuni barranin, inklużi n-nisa u t-tfal, li bosta minnhom huma vittmi ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, u dwar in-nuqqas ta' rikors tagħhom għal qafas ġuridiku u protezzjoni adegwata, li jwasslu għal detenzjoni indefinita u mingħajr l-ebda possibilità ta' appell kontra d-deportazzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani jipproteġu ċ-ċittadini barranin kollha mill-vjolenza, l-isfruttament, it-theddid, l-intimidazzjoni u mill-abbuż, irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Libja u lill-Kungress Ġenerali Nazzjonali biex igħaddu leġiżlazzjoni adegwata u istruzzjonijiet lil kwalunkwe struttura nazzjonali jew lokali biex lil kwalunkwe rifuġjat, lil dawk li jfittxu l-ażil u lill-migranti jiżgurawlhom trattament ġust, nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni meħtieġa, b'attenzjoni speċjali għas-sigurtà u d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal;
7. Jistenna li l-awtoritajiet Libjani ġodda jirratifikaw mingħajr dewmien l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 relatata mal-Istatus tar-Rifuġjati u l-protokoll tal-1967 tiegħu, u li jadotta leġiżlazzjoni dwar l-ażil li tikkonforma mad-dritt u mal-istandards internazzjonali;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Libjani l-ġodda sabiex minnufih jagħtu status legali lill-UNHCR u biex jiffaċilitaw il-ħidma tiegħu; iħeġġeġ kooperazzjoni eqreb bejn l-UE, il-UNHCR u l-aġenziji l-oħrajn tan-NU li huma involuti fis-sitwazzjoni ta’ wara l-kunflitt;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Libjani l-ġodda biex jiffaċilitaw il-ħidma ta' kwalunkwe organizzazzjoni li tista' tgħin fil-protezzjoni u fl-appoġġ għal dawk li jfittxu l-ażil, ir-rifuġjati u l-migranti;
10. Jistieden lil-Libja timplimenta leġiżlazzjoni li tirregola d-dħul u r-residenza ta' ċittadini barranin fil-pajjiż, inkluża sistema tal-ażil li tiffunzjona; jistieden lill-UE sabiex tagħti assistenza teknika u politika lill-Libja rigward dan l-isforz inkluż it-titjib tal-faċilitajiet ta' detenzjoni attwali;
11. Jistieden lil-Libja timplimenta status legali għall-ħaddiema migranti fil-Libja, billi tagħtihom protezzjoni sħiħa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluża dik tad-drittijiet tax-xogħol bi qbil mar-regolament rilevanti tal-ILO;
12. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaġixxu b'kunsiderazzjoni meta jinnegozjaw ftehimiet ta' kooperazzjoni futuri u ftehimiet ta' kontroll tal-migrazzjoni flimkien mal-awtoritajiet Libjani l-ġodda, u biex tiżgura li dawn il-ftehimiet jinkludu mekkaniżmi ta' monitoraġġ effikaċi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu l-ażil;
13. Jitlob lill-kumpaniji barranin li jaħdmu fil-Libja, b'mod partikolari kumpaniji Ewropej, biex jiżguraw il-konformità sħiħ mar-responsabilitajiet soċjali korporattivi (CSR) tagħhom bħala l-politika ta' prinċipju tul l-attivitajiet kollha tagħhom, u biex jiżguraw l-implimentazzjoni tas-CSR b'mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema migranti;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan, lill-GNC, lill-UNSG, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.