Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0458(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0208/2012

Testi mressqa :

A7-0208/2012

Dibattiti :

PV 10/12/2012 - 18
CRE 10/12/2012 - 18

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0466

Testi adottati
PDF 332kWORD 30k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża ***I
P7_TA(2012)0466A7-0208/2012
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża (COM(2011)0925 – C7-0521/2011 – 2011/0458(COD))

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0925),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skonthom il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0521/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0208/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Diċembru 2012 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Deċiżjoni No .../2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża
P7_TC1-COD(2011)0458

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 209 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(1),

Billi:

(1)  Il-kooperazzjoni mal-UE hija bbażata fuq Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) li daħal fis-seħħ fl-1999. L-UE tagħti trattament tas-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) lir-Repubblika Kirgiża.

(2)  L-ekonomija Kirgiża kienet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2009 u mill-vjolenza etnika ta’ Ġunju 2010, li ħarbtu l-attivitajiet ekonomiċi, ħolqu ħtiġijiet ta’ infiq pubbliku sostanzjali għar-rikostruzzjoni u l-għajnuna soċjali, u wasslu għal nuqqasijiet kbar fil-finanzjament estern u fil-baġit.

(3)  Waqt il-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli li saret f’Lulju 2010, il-komunità internazzjonali wegħdet li tagħti USD 1,1 biljun bħala appoġġ ta’ emerġenza sabiex tgħin fl-irkupru tar-Repubblika Kirgiża. Waqt din il-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli, l-UE ħabbret li hija se tipprovdi ammont massimu ta’ EUR 117,9 miljun bħala għajnuna finanzjarja.

(4)  Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar ir-Repubblika Kirgiża, il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE laqa’ l-isforzi tal-gvern il-ġdid Kirgiż sabiex jistabbilixxi qafas istituzzjonali demokratiku u stieden lill-Kummissjoni “tkompli tipprovdi assistenza, inklużi programmi ġodda ta’ assistenza, lill-awtoritajiet Kirgiżi fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma tagħhom u biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiż”.

(5)  L-appoġġ politiku u ekonomiku tal-UE għad-demokrazija parlamentari tar-Repubblika Kirgiża li għadha fil-bidu tagħha se jipprovdi sinjal politiku ta’ appoġġ qawwi min-naħa tal-UE għar-riformi demokratiċi fl-Asja Ċentrali, b’mod konsistenti mal-politika tal-UE għal dan ir-reġjun li ġiet deskritta fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali għall-perjodu mill-2007 sal-2013 u fid-dikjarazzjonijiet li għamlu l-mexxejja tal-UE.

(6)  Il-proċess ta’ riforma u aġġustament ekonomiku tar-Repubblika Kirgiża huwa appoġġat minn għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F’Ġunju tal-2011, l-awtoritajiet Kirgiżi qablu mal-Faċilità ta’ tliet snin ta’ Kreditu Estiż tal-FMI li tammonta għal SDR 66,6 miljun bħala appoġġ għall-pajjiż.

(7)  L-UE beħsiebha tipprovdi appoġġ baġitarju settorjali lir-Repubblika Kirgiża fil-kuntest tal-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jammonta għal għadd totali ta’ EUR 33 miljun matul il-perjodu mill-2011 sal-2013, sabiex jiġu appoġġati r-riformi fil-ħarsien soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

(8)  Fl-2010, ir-Repubblika Kirgiża talbet lill-UE għall-għajnuna makrofinanzjarja minħabba l-qagħda ekonomika u l-prospetti ekonomiċi li kienu dejjem sejrin għall-agħar.

(9)  Minħabba li, wara li jitqies l-appoġġ makroekonomiku mogħti mill-FMI u mill-Bank Dinji, għad hemm nuqqas ta’ finanzjament fil-bilanċ tal-pagamenti, u minħabba l-vulnerabbiltà tal-pożizzjoni esterna għax-xokkijiet esoġeni li teħtieġ li jinżamm livell xieraq ta’ riservi tal-kambju barrani, l-għajnuna makrofinanzjarja qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tar-Repubblika Kirgiża fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali attwali. Il-programm tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE għar-Repubblika Kirgiża (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni”) se jappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-pajjiż u l-aġenda tar-riforma strutturali, billi jissupplimenta r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-FMI skont l-arranġament finanzjarju tiegħu.

(10)  L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni m’għandhiex tissupplimenta biss il-programmi u r-riżorsi mogħtija mill-FMI u mill-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura wkoll il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(11)  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħudin fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u mal-politiki rilevanti l-oħra tal-Unjoni.

(12)  L-għanijiet speċifiċi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika Kirgiża. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment dawn l-għanijiet.

(13)  Il-kundizzjonijiet li fuqhom jiġi bbażat il-forniment tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni għar-Repubblika Kirgiża.

(14)  Sabiex ikun żgurat il-ħarsien effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja, jeħtieġ li r-Repubblika Kirgiża tadotta miżuri xierqa marbutin mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ din l-għajnuna u miżuri xierqa marbutin mal-ġlieda kontrihom. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tipprovdi għall-kontrolli x-xierqa u li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi għall-verifiki x-xierqa.

(15)  Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-UE huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(16)  Il-ġestjoni tal-għajnuna għandha tkun f’idejn il-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(17)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni(2).

(18)  L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni se tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Kirgiżi taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri previst mir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-fatt li l-għajnuna hija ta’ ammont massimu limitat jipprovdi għall-ġustifikazzjoni x-xierqa meħtieġa mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex l-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim issir permezz tal-proċedura konsultattiva.[Em. 1]

(19)  Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw”; skont il-Bank Dinji, ir-Repubblika Kirgiża hija parti mill-grupp ta’ “ekonomiji bi dħul baxx” u tal-“pajjiżi tal-IDA”; skont il-UN-OHRLLS(3), ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw”; skont il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, ir-Repubblika Kirgiża hija fil-lista tal-“pajjiżi l-oħra bi dħul baxx”. Għalhekk, ir-Repubblika Kirgiża għandha titqies bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa fis-sens tal-Artikolu 208 tat-TFUE, li jiġġustifika l-għażla tal-Artikolu 209 tat-TFUE bħala l-bażi legali għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.  L-Unjoni Ewropea għandha tqiegħed għajnuna makrofinanzjarja għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Kirgiża li tammonta għal ammont massimu ta’ EUR 30 miljun, bil-għan li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-pajjiż u tkopri l-ħtiġijiet tiegħu marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikati fil-programm attwali tal-FMI. Minn dan l-ammont, sa EUR 15-il miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 15-il miljun għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja jiddependi fuq l-approvazzjoni tal-Baġit għall-2013 mill-awtorità baġitarja. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem l-Unjoni Ewropea sabiex tiffinanzja l-komponent tas-self tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta’ 15-il sena.

2.  Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun amministrat mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika Kirgiża u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża u fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi fil-ġestjoni tal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

3.  L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1.  Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), għandha tingħata s-setgħa tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża dwar il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji marbutin mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea, li għandhom jitniżżlu f’Memorandum ta’ Ftehim li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq tagħhom (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Memorandum ta’ Ftehim”). Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2). Dawn il-kundizzjonijiet se jimmiraw, b’mod partikulari, li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-għajnuna, inklużi tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika Kirgiża. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-progress li jkun qed isir biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. It-termini finanzjarji ddettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u fil-Ftehim tas-Self li għandhom jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża.

2.  Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tar-Repubblika Kirgiża, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern u estern li huma rilevanti għal din l-għajnuna u ż-żamma tal-perjodu taż-żmien miftiehem.

3.  Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-politiki ekonomiċi tar-Repubblika Kirgiża jkunu skont l-għanijiet tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kundizzjonijiet miftehma tal-politika ekonomika jkunu qegħdin jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.  Suġġetta għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Kirgiża l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea f’żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom ikun jikkonsisti f’element ta’ għotja u element ta’ self. Id-daqs ta’ kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, suġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni pagament parzjali għandu jseħħ mill-inqas tliet xhur wara li jsir l-ewwel pagament parzjali.

3.  Il-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tar-Repubblika Kirgiża. Suġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftehma fil-Memorandum ta’ Ftehim, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji li baqa’, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lit-Teżor tar-Repubblika Kirgiża bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 4

1.  L-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self marbutin mal-komponent ta’ self tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m’għandhomx jinvolvu lill-Unjoni Ewropea fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk ir-Repubblika Kirgiża titlob dan, biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar il-ħlas lura kmieni fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self.

3.  Fuq talba tar-Repubblika Kirgiża u meta ċ-ċirkustanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja mill-ġdid is-self inizjali kollu jew parti minnu jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u m’għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.  L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni Ewropea li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mir-Repubblika Kirgiża.

5.  Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandhom jinżammu infurmati dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikulari, il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftehma mal-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża għandhom jipprovdu għall-miżuri x-xierqa marbutin mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħrajn li jaffettwaw l-għajnuna u mal-ġlieda kontrihom. Sabiex tkun żgurata iktar trasparenza fil-ġestjoni u fil-ħlas tal-fondi, il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprovdu wkoll għal kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Barra minn hekk, dawk id-dokumenti għandhom jipprovdu għal verifiki, inklużi, fejn ikun xieraq, verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

1.  Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika kif stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali li tkun għaddejja tar-Repubblika Kirgiża u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-għajnuna.

2.  Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(3), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Il-President

Għall-Kunsill

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta 'Diċembru 2012
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) L-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, il-pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw u l-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw.
(4) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza