Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (11917/1/2012 – C7-0328/2012 – 2010/0197(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (11917/1/2012 – C7–0328/2012),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0344),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-31 ta' Mejju 2012 fejn jieħu l-impenn li jirrakkomanda lill-plenarja biex tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni fit-tieni qari tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0389/2012),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mal-istqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
Il-fatt li dan ir-Regolament, u partikolarment il-premessi 17, 18 u 19 jipprevedi l-użu tal-proċeduri msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 ma jikkostitwixxix preċedent fir-rigward ta' regolamenti futuri li jippermettu lill-Unjoni tagħti s-setgħa lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(1) TFUE biex jippromulgaw liġijiet u jadottaw atti legalment vinkolanti f'oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'dan ir-Regolament, l-użu tal-proċedura konsultattiva minflok dik ta' eżami m'għandux jitqies li qed jistabbilixxi preċedent għal regolamenti futuri li jistabbilixxu l-qafas għall-politika kummerċjali komuni.