L-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (COM(2011)0599 – C7-0306/2011 – 2011/0263(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0599),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0306/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Ottubru 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0237/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Japprova d-dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-13 ta' Settembru 2012 (Testi adottati, P7_TA(2012)0348).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Diċembru 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 20/2013.)
ANNESSI GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim fl-ewwel qari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament (UE) Nru 20/2013(1).
Kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 20/2013, il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali u se tkun lesta tiddiskuti mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew kwalunkwe kwistjoni li toħroġ mill-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim.
Il-Kummissjoni se tagħti importanza partikolari lill-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali, billi tqis it-tagħrif speċifiku pprovdut mill-entitajiet rilevanti ta' monitoraġġ tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol u l-ftehimiet ambjentali multilaterali elenkati fit-Titolu VIII tal-Parti IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tfittex ukoll il-fehmiet tal-gruppi konsultattivi rilevanti tas-soċjetà ċivili.
Wara l-iskadenza tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana fil-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni se tivvaluta l-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana u l-istat tal-produtturi tal-banana tal-UE. Il-Kummissjoni tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi valutazzjoni preliminari tal-funzjonament tal-“ Programme d'Options Spécifiques à l'Éloignement et l'Insularité” (POSEI) fil-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-banana fl-Unjoni.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim u tar-Regolament (UE) Nru 20/2013(2). Għal dak il-għan, huma jaqblu fuq dan li ġej:
‐ Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament dwar kwalunkwe tħassib speċifiku b'rabta mal-implimentazzjoni mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali tal-impenji tagħha dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.
‐ Jekk il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta' investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 għal ftuħ ex officio. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, se tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-ftuħ ta' tali investigazzjoni.