Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0303(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0360/2012

Testi mressqa :

A7-0360/2012

Dibattiti :

PV 10/12/2012 - 15
CRE 10/12/2012 - 15

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.13
PV 11/12/2012 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0478

Testi adottati
PDF 325kWORD 32k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali
P7_TA(2012)0478A7-0360/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (16395/1/2011 – C7-0182/2012 – 2011/0303(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (16395/1/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (16396/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0182/2012),

  wara li kkunsidra l-kapitolu dwar il-kummerċ tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(1), tas-27 ta’ April 2006 dwar sħubija iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(2), u tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latin u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea f’Lima(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: tfassil ta' politiki kummerċjali biex jimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-kummerċ biex jittaffa l-faqar(4), tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-għajnuna għall-kummerċ tal-UE(5), tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina(6), u tat-12 ta’ Ġunju 2012 dwar id-definizzjoni ta’ politika ġdida ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Amerika Latina(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali(8), tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(9), tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabbilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(10), u tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għal relazzjonijiet mal-Amerika Latina(12) u tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar iż-żieda fl-impatt tal-politika ta' żvilupp tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EuroLat), u speċifikament ir-riżoluzzjonijiet adottati fil-Ħames Sessjoni Plenarja Ordinarja tat-18 u d-19 ta’ Mejju 2011 f’Montevideo (Urugwaj) dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina, dwar l-istrateġiji għall-ħarsien u għall-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2007 lill-Kunsill dwar il-mandat għal negozjar ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra(14),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-sitt Samits tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u l-UE li saru f’Río de Janeiro (fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 1999), Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2002), Guadalajara (fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2004), Vjenna (fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2006), Lima (fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008) u Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonal kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0360/2012),

A.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Ċentrali joħloq preċedent importanti, għaliex huwa l-ewwel ftehim ta' assoċjazzjoni bireġjonali ffirmat mill-UE minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona,

B.  billi l-integrazzjoni reġjonali, soċjali, ekonomika u kulturali mirfuda bil-konklużjoni ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali u subreġjonali hi l-objettiv ewlieni tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali bejn l-UE u l-Amerika Latina,

C.   billi biex l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta’ sħubija bejn l-UE u l-Amerika Latina ikun ta’ benefiċċju reċiproku u joffri vantaġġi għaż-żewġ partijiet huwa essenzjali li r-rispett lejn id-demokrazija, l-Istat tad-Dritt u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem għaċ-ċittadini kollha tas-soċjetà jitqiesu bħala elementi sostanzjali tad-djalogu politiku,

D.  billi s-Samit ta' Madrid f’Mejju 2010 wassal għat-tkomplija tan-negozjati kummerċjali kollha mal-Amerika Latina, li kienu staġnaw f’dawn l-aħħar snin, u ġew konklużi n-negozjati ta' dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

E.  billi l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina huwa ta' benefiċċju reċiproku u jista' jġib vantaġġi għall-Istati Membri kollha tal-UE;

F.  billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu dwar il-vjolenza kontra n-nisa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar qtil ta’ nisa (femiċidji) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali, u l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu(15),

G.  billi l-UE hi l-investitur ewlieni u t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-Amerika Ċentrali u d-donatur ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp,

H.  billi r-rispett lejn id-demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi tal-popli taż-żewġ reġjuni huma elementi fundamentali tal-Ftehim,

I.  billi l-Ftehim jinkorpora klawsola tad-drittijiet tal-bniedem li tobbliga lill-partijiet firmatarji jagħmlu monitoraġġ kif jixraq tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw il-garanzija tal-implimentazzjoni prattika tagħha,

J.  billi l-kundizzjonijiet ta’ faqar tremend, l-esklużjoni soċjali u l-vulnerabilità soċjoambjentali jikkaratterizzaw l-Amerika Ċentrali,

K.   billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jimplika assoċjazzjoni politika u ekonomika bejn l-UE u r-reġjun, bil-pajjiżi differenti tiegħu, li tqis l-assimetriji u inugwaljanzi eżistenzi bejn iż-żewġ reġjuni, u bejn id-diversi pajjiżi tal-Amerika Ċentrali,

L.  billi l-objettiv tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun li jippromwovi, inter alia, l-iżvilupp sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni reġjonali,

M.  billi l-UE tista’ tikkontribwixxi permezz ta’ kooperazzjoni għas-sejba ta’ soluzzjonijiet immirati li jiżguraw is-sigurtà fir-reġjun – tema importanti ħafna fl-Amerika Ċentrali,

N.  billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jikkorrispondi mal-objettiv tal-Unjoni li tippromwovi l-integrazzjonali reġjonali permezz tal-kummerċ, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2010)0612) bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Temi Dinjija” u, skont l-istrateġija Ewropa 2020, juża l-kummerċ bħala mutur għall-kompetittività, l-iżvilupp u l-ħolqien tal-impjiegi;

O.  billi fil-parti kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se tikber, f’termini kemm ta’ kwalità kif ukoll ta’ kwantità, il-firxa ta’ prodotti u servizzi li se jibbenefikaw minn żona ta’ kummerċ ħieles, filwaqt li se jiġi stabbilit qafas għas-sigurtà u ċ-ċertezza legali li se jistimula l-fluss ta’ prodotti, servizzi u investimenti,

P.  billi hu mistenni li l-parti kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se tiffaċilita, fuq bażi ta’ settur b’settur, tnaqqis immedjat jew gradwali fit-tariffi fuq bażi asimetrika bl-objettiv li tinħoloq żona ta’ kummerċ bireġjonali suġġetta għal sistema stabbli u prevedibbli li se tħeġġeġ l-investiment produttiv, penetrazzjoni ikbar tar-reġjun tal-Amerika Ċentrali fil-kummerċ dinji, ġestjoni effikaċi tar-riżorsi u żieda fil-kompetittività,

Q.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hu li jikkontribwixxi għal aktar integrazzjoni u stabilità reġjonali fl-Amerika Ċentrali, u dan jista’ l-objettiv jista’ jintlaħaq sakemm il-pajjiżi partijiet tiegħu (inkluża l-Panama) juru rieda politika ċara u jimpenjaw ruħhom li jegħlbu d-diffikultajiet u jiksbu integrazzjoni dinamika ulterjuri permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri effikaċi, ekwivalenti u xierqa biex joħolqu sinerġiji li jkunu ta' benefiċċju reċiproku u jsaħħu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku, politiku u soċjali,

R.  billi l-ħolqien ta’ qafas għat-tisħiħ taċ-ċertezza legali se jġib miegħu effetti pożittivi għaż-żewġ partijiet, filwaqt li jħeġġeġ żieda fil-flussi tal-kummerċ u tal-investiment u d-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika; billi l-aktar effett sinifikanti għall-Unjoni se jkun it-tfaddil li jirriżulta mit-tnaqqis jew eliminazzjoni gradwali tat-tariffi, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, u l-investiment f’qafas ta’ stabilità u fiduċja reċiproka, filwaqt li jiġi enfasizzat l-impenn taż-żewġ reġjuni li jirrispettaq u jaderixxu ma’ standards internazzjonali, b’mod speċjali dawk tad-WTO u tal-ILO; billi għall-Amerika Ċentrali jimplika preżenza internazzjonali akbar, sħubija strateġika ma’ suq stabbilit u opportunità għad-diversifikazzjoni u biex jiġu attirati investimenti produttivi fit-tul;

S.  billi l-parti kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija assimetrika, u dan jidher fl-iggradar u fil-ħolqien ta’ perjodi tranżitorji differenti għaż-żewġ reġjuni, li jagħtu lok li l-istrutturi tal-produzzjoni jadattaw għar-realtajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tiegħu;

T.  billi fost il-prinċipji tiegħu, ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali u l-Istat ta' Dritt se jsaħħu l-politiki domestiċi u internazzjonali taż-żewġ partijiet; billi qed tiġi enfasizzata l-importanza tal-inklużjoni ta’ intestatura speċifika dwar “Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli” b’referenza għall-istandards u l-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tax-xogħol, tal-ambjent u tal-governanza, b’konsistenza mal-objettiv ta’ żvilupp sostemibbli u bbilanċjat li jnaqqas id-differenzi bejn il-partijiet, u b'hekk joħloq preċedent importanti għal negozjati futuri; billi hu mistenni li l-kummerċ se jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, it-tkabbir ekoloġiku u l-koeżjoni soċjali; billi l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi istituzzjonali u ta’ segwitu bħall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Forum ta' Djalogu tas-Soċjetà Ċivili qed tintlaqa’ pożittivament,

U.  billi huwa enfasizzat l-impenn taż-żewġ reġjuni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tal-proprjetà intellettwali skont standards internazzjonali,

V.  billi l-istati kollha tal-Amerika Ċentrali jgawdu mill-iskema ta’ GSP+, li tieqaf tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2013; billi l-iskema ta’ GSP l-ġdida se teskludi, mingħajr ebda eċċezzjoni, il-pajjiżi kollha definiti mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju-għoli, u dan ifisser li l-Kosta Rika u l-Panama se jitilfu d-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn din is-sistema; billi l-GSP hija unilaterali, temporanja, rivedibbli, tkopri firxa iċken ta’ prodotti u teskludi l-parti l-kbira tal-prodotti agrikoli; billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se jtejjeb il-pożizzjoni kummerċjali tal-istati kollha tal-Amerika Ċentrali billi jistabbilixxi qafas legali ġdid, aktar komprensiv, sikur u ta’ benefiċċju reċiproku; billi l-fatt li din l-iskema l-ġdida se tagħti lok għal liberalizzazzjoni progressiva tal-iskambju tal-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment hu milqugħ,

1.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Introduzzjoni

Id-djalogu politiku: element kruċjali fl-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bireġjonali

Kooperazzjoni effikaċi favur il-ġlieda kontra l-faqar u favur il-koeżjoni soċjali

Konklużjonijiet

o
o   o

   (a) jenfasizza li l-ipproċessar, il-konklużjoni u r-ratifikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi faċilitat;
   (b) jindika li fis-Samit bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew li sar fi Vjenna f’Mejju 2006, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern tal-Unjoni Ewropea u ta' ċerti Repubbliki tal-Amerika Ċentrali ddeċidew li jiftħu negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni, negozjati li bdew uffiċjalment f’Ottubru 2007;
   (c) ifakkar li l-Panama, li kienet segwiet in-negozjati bħala osservatur, talbet biex tissieħeb fin-negozjati f'Jannar 2010, u li fl-10 ta’ Marzu 2010, l-inklużjoni tal-Panama ġiet aċċettata uffiċjalment mill-UE;
   (d) jindika li n-negozjati ġew konklużi b'suċċess f'Mejju 2010 u li wara fażi ta' rieżami ġuridiku, it-test tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie inizjalat fit-22 ta' Marzu 2011 u ffirmat f’Tegucigalpa fit-28 ta’ Ġunju 2012;
   (e) ifakkar li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, konkluż f'Mejju 2010, jinkludi tliet pilastri ewlenin: id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ;
   (f) jenfasizza li din hi l-ewwel sħubija komprensiva bejn ir-reġjuni, u r-riżultat tar-rieda politika inekwivoka tal-UE. Din is-sħubija hi pass deċiżiv ’il quddiem fl-integrazzjoni tal-Amerika Ċentrali u tmur lil hinn minn sempliċi kwistjonijiet ta’ kummerċ ħieles;
   (g) jenfasizza l-fatt li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali hu r-riżultat loġiku tal-politika tal-UE ta’ appoġġ għall-paċifikazzjoni, l-istabilità u demokratizzazzjoni tar-reġjun, inizjalata fis-snin tmenin, b’impenn politiku sostanzjali permezz tad-diversi ftehimiet ta’ paċi u l-proċess Contadora;
   (h) jilqa’ l-ispinta ġdida straordinarja li joffri d-djalogu politiku tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni l-ġdid għar-relazzjoni bireġjonali fl-ambitu tad-djalogu bejn il-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili – qabża ’l quddiem fil-kwalità meta jitqabbel mal-proċess ta’ djalogu ta’ San José mibdi fl-1984;
   (i) jenfasizza d-dimensjoni parlamentari tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mal-ħolqien ta' Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni, magħmul minn Membri tal-Parlament Ewropew u deputati parlamentari mill-Amerika Ċentrali, li għandu jinżamm infurmat bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet u jiġbor informazzjoni dwar kif ikun qed jiġi implimentat il-ftehim;
   (j) jenfasizza li għandha tkun żgurata l-aħjar implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-punti enfasizzati mill-Parlament f’din ir-riżoluzzjoni u fid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u jitlob li l-attivitajiet tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni jiġu appoġġjati;
   (k) jenfasizza li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali jinkludi fih għadd ta’ elementi importanti li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imħaddna fl-Artikolu 21 TUE, inkluż b'mod partikolari l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija, ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali u ambjentali;
   (l) jindika li l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirreferi għar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prinċipju tal-istat tad-dritt bħala “elementi essenzjali” tal-ftehim, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom minn kwalunkwe parti jirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri li jistgħu eventwalment iwasslu għas-sospensjoni tiegħu; iqis, madankollu, li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi konkreti biex jiżguraw ir-rispett u l-konformità mal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem inkluża fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
   (m) jipproponi li l-Kummissjoni tħejji rapport annwali għall-Parlament Ewropew, bħala monitoraġġ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kollu kemm hu, inklużi aspetti relatati mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem;
   (n) jenfasizza li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jitqies bħala qafas ideali biex jingħaqdu l-forzi, bħala sħab indaqs, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanza soċjali u l-faqar, biex jitrawwem l-iżvilupp inklużiv u biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, ekonomiċi u politiċi persistenti;
   (o) jilqa’ l-impenn għall-multilateraliżmu għal ħarsien aħjar tal-valuri u tal-objettivi komuni, kif ukoll biex jiġi ffaċċati l-isfidi dinjija b’mod effikaċi;
   (p) jinnota li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġdid joffri possibilitajiet ġodda u interessanti għal djalogu fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, skont l-Istrateġija ta’ Sigurtà Reġjonali approvata mill-presidenti tal-Amerika Ċentrali; jilqa’ d-diversi impenji biex jiġu koordinati l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
   (q) iqis li importanti li tiġi promossa parteċipazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili kemm fl-UE kif ukoll fl-Amerika Ċentrali, billi tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni attiva fil-fora, kumitati u sottokumitati settorjali; jilqa’, għal dan il-għan, il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Amerika Ċentrali;
   (r) jenfasizza l-prijorità mogħtija lill-koeżjoni soċjali bħala objettiv tal-politiki ta' koperazzjoni reġjonali; jisħaq li din il-koeżjoni hi possibbli biss jekk jonqsu l-faqar, inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni xierqa, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li l-inugwaljanzi soċjali ma naqsux biżżejjed fl-aħħar snin, u li n-nuqqas ta’ sikurezza pubblika huwa element ta' tħassib serju fl-Amerika Ċentrali;
   (s) jenfasizza l-opportunitajiet li joffri dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tat-titjib tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, li huma elementi fundamentali fil-konsolidazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, l-istabilità soċjali u l-involviment demokratiku;
   (t) jinnota l-impenji fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-ambitu tal-modernizzazzjoni tal-istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, ta’ titjib fis-sistemi tal-ġbir tat-taxxi u tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, tat-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u tal-involviment tas-soċjetà ċivili;
   (u) jenfasizza l-ftehim milħuq bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-ambjent, li l-objettivi tiegħu jinkludu t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tad-diżastri naturali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, id-diforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;
   (v) jenfasizza l-bżonn li jingħata kontribut għar-revitalizzazzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-integrazzjoni tat-tessut produttiv taż-żewġ reġjuni bl-għan li jinkisbu l-ikbar benefiċċji mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u b’hekk ikun promoss tkabbir bilanċjat u sostenibbli li jwassal għal opportunitajiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ investiment ġodda li jippermettu integrazzjoni akbar tal-Amerika Ċentrali ad intra u ad extra fl-istruttura kummerċjali internazzjonali;
   (w) jenfasizza li għandha tkun żgurata konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’impenn lejn sinerġiji akbar bejn iż-żewġ reġjuni iżda mingħajr ma jkunu ssagrifikati l-interessi ġenerali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll il-prijoritajiet tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali;
   (x) jenfasizza ukoll il-bżonn li tiġi promossa l-kooperazzjoni b’riżorsi tekniċi u finanzjarji adegwati f’setturi strateġiċi għaż-żewġ reġjuni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, u l-kooperazzjoni xjentifika u teknika f’oqsma bħall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali, l-armonizzazzjoni tal-istandards, il-proċeduri doganali u l-istatistika, il-proprjetà intellettwali, il-prestazzjoni tas-servizzi, l-akkwist pubbliku, il-kummerċ elettroniku, l-iżvilupp industrijali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, l-istandards sanitarji u fitosanitarji, l-appoġġ għall-SMEs u d-diversifikazzjoni; jitlob li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġa, u jirrakkomanda li dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jintuża bħala strument biex jinkisbu dawn l-għanijiet;
   (y) jitlob li l-Forum ta’ Djalogu mas-Soċjetà Ċivili bireġjonali jiġi organizzat u faċilitat fuq bażi annwali; jirrakkomanda lis-settur privat u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu mistiedna jinvolvu ruħhom permezz ta’ politika ta’ responsabilità soċjali tal-kumpaniji li tagħti lok għal relazzjoni fluida bejniethom u li twassal għal aktar żvilupp ekonomiku sostenibbli fl-Amerika Ċentrali;
   (z) jirrakkomanda li għandhom ikunu promossi azzjonijiet għall-qawmien ta’ kuxjenza dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fost l-atturi miż-żewġ reġjuni filwaqt li tiġi mħeġġa l-organizzazzjoni ta' fieri kummerċjali fiż-żewġ reġjuni bil-għan li jipprovdu opportunitajiet għall-kuntatti u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta' kooperazzjoni, partikolarment fost l-SMEs;
   (aa) jenfasizza l-bżonn li għandu jkun appoġġat il-ħolqien ta' ċentri tal-produzzjoni kompetittivi b’valur miżjud fl-Amerika Ċentrali; jirrakkomanda ukoll li jiġi propost l-istabbiliment ta' akkademji kummerċjali reġjonali kemm fir-reġjuni tal-Amerika Latina kif ukoll fl-Istati Membri kollha tal-UE, immirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet fost l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju billi jipprovdu sessjonijiet ta' taħriġ dwar il-prekundizzjonijiet għall-kummerċ ta' prodotti agrikoli, merkanzija u servizzi mar-reġjun sieħeb;
   (ab) jenfasizza l-fatt li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jgħin biex jinkisbu l-għanijiet ta’ azzjoni esterna tal-UE kif imħaddna fl-Artikolu 21 TUE; jindika li r-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-Dritt huma elementi essenzjali tal-ftehim;
   (ac) jisħaq li d-dispożizzjonijiet kummerċjali attwali, li huma proviżorji u msejsa fuq sistema unilaterali ta’ preferenzi ġeneralizzati, se jevolvu u gradwalment isiru struttura reċiproka u negozjata għall-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ tal-prodotti, tas-servizzi u tal-akkwist pubbliku, kif ukoll għal azzjoni biex jiġi mħeġġeġ l-investiment. Dan għandu jwassal għall-ħolqien ta' qafas prevedibbli ta' sigurtà u ċertezza legali b’ħila li jispira l-fiduċja reċiproka, li hija indispensabbli għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment;
   (ad) jenfasizza li l-koeżjoni soċjali hi objettiv ta’ prijorità tal-politika ta' koperazzjoni reġjonali, u li l-għan ġenerali hu li jonqsu l-faqar, l-inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali u kull forma ta' diskriminazzjoni;
   (ae) jirrimarka li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-isforzi ta' integrazzjoni reġjonali, soċjali u politika u għall-kisba tal-għan finali tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali bejn l-UE u l-Amerika Latina;
   (af) iħeġġeġ lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jwettaq valutazzjoni ġeneri tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ħames snin wara l-implimentazzjoni tiegħu u li jekk ikun meħtieġ, iwettaq rieżami tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni abbażi tas-sejbiet u tal-impatt innotat fl-evalwazzjoni msemmija hawn fuq;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569
(2) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.
(3) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 64.
(4) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(5) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 291.
(6) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0235.
(8) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 101.
(9) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(10) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0412.
(12) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.
(13) Testi adottati, P7_TA(2011)0320.
(14) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 233.
(15) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 140.

Avviż legali - Politika tal-privatezza