L-implimentazzjoni tal-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-ftehim kummerċjali UE-Kolombja/Perù ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta' slavagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Peru (COM(2011)0600 – C7-0307/2011 – 2011/0262(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0600),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0307/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Fuzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Ottubru 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0249/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Japprova d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-13 ta' Settembru 2012 (Testi adottati, P7_TA(2012)0347).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Diċembru 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 19/2013.)
ANNESSI GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni tilqa’ l-qbil fl-ewwel qari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament (UE) Nru 19/2013(1).
Kif ippjanat fir-Regolament (UE) Nru 19/2013, il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù u se tkun lesta tiddiskuti mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew kwalunkwe kwistjoni li toħroġ mill-implimentazzjoni tal-Ftehim.
Il-Kummissjoni se tagħti importanza partikolari lill-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù, billi tqis it-tagħrif speċifiku provdut mill-entitajiet rilevanti ta' monitoraġġ tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol u l-ftehimiet ambjentali multilaterali elenkati fit-Titolu IX tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tfittex ukoll il-fehmiet tal-gruppi konsultattivi rilevanti tas-soċjetà ċivili.
Wara l-iskadenza tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana fil-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni se tivvaluta l-qagħda tas-suq tal-banana tal-UE u l-istat tal-produtturi tal-banana tal-UE. Il-Kummissjoni se tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi valutazzjoni preliminari tal-funzjonament tal-POSEI fil-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-banana fl-UE.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jaqblu dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u r-Regolament (UE) Nru 19/2013(2). Għal dan il-għan huma jaqblu fuq dan li ġej:
‐ Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament dwar kwalunkwe tħassib speċifiku b'rabta mal-implimentazzjoni mill-Kolombja u l-Perù tal-impenji tagħhom dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli.
‐ Fil-każ li l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 għal ftuħ ex officio. Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi se tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni bħal din.