Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 - Dħul minn riżorsi proprji u riżorsi oħra - Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-intestaturi 1a, 1b, 2, 3a u 4 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali - Tnaqqis fil-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenji mdaħħla fil-baġit
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni (17295/2012 – C7-0401/2012 – 2012/2281(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea għall-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2011(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew EUCO 76/12 tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 dwar l-Impatt tat-tkabbir u l-Impjiegi, miftiehma mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Abbozz tal-baġit emendatorju Nru 6/2012, preżentat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 2012 (COM(2012)0632),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Diċembru 2012 (17295/2012 – C7-0401/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0409/2012),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 għall-baġit ġenerali 2012 ikopri, inter alia, aġġornament tal-previżjoni tad-dħul wara l-aħħar reviżjoni tal-previżjonijiet tar-riżorsi proprji u ta' dħul ieħor u żieda ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ta' kważi EUR 9 biljun għall-intestaturi 1a, 1b, 2, 3a u 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali, bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet sa tmiem is-sena,
B. billi b'mod parallel ħtiġijiet oħra diġà ġew ittrattati parzjalment permezz tat-trasferiment globali fl-approprjazzjonijiet għall-pagamenti (DEC 30/2012) għal ammont totali ta' EUR 419,7 miljun,
C. billi l-Kummissjoni oriġinarjament kienet identifikat sorsi ta' riallokazzjoni għal total ta' EUR 47,4 miljun, li ġew inklużi fl-ABE 6/2012, kif propost inizjalment mill-Kummissjoni,
D. billi varjazzjonijiet fir-riżorsi proprji, flimkien ma' żieda sinifikanti fid-dħul ta' EUR 3 525,0 miljun minn multi u pagamenti ta' interessi, iwasslu għal żieda netta ta' dħul ta' EUR 3 080,8 miljun, li jtaffu l-effett tal-ABE 6/2012 fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id-DNG,
E. billi d-delegazzjonijiet tal-Parlament kif ukoll tal-Kunsill qablu, matul it-trilogu baġitarju tad-29 ta' Novembru 2012, dwar ammont rivedut għal dawk il-ħtiġijiet li jridu jiġu ffinanzjati fl-2012, li jitnaqqas għal EUR 6,1 biljun, inkluż riallokazzjoni ta' EUR 0,1 biljun mhux proposta originarjament mill-Kummissjoni ,
1. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012 kif propost mill-Kummissjoni;
2. Jieħu nota li l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012, kif emendat mill-Kunsill, jirrifletti l-ftehim milħuq matul it-trilogu baġitarju tad-29 ta' Novembru 2012;
3. Jenfasizza li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ħtiġijiet ta' pagamenti għall-2012 fejn l-awtorità tal-baġit tirrikonoxxi li kellhom ikunu awtorizzati EUR 2,9 biljun f'pagamenti addizzjonali fl-2012 biex jintlaħqu talbiet għall-pagamenti li rċeviet il-Kummissjoni hija parti integrali mill-ftehim milħuq matul it-trilogu;
4. Ifakkar bil-qawwa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ħtiġijiet ta' pagamenti għall-2012 għandhom jiġu mifhuma bħala ftehim politiku sabiex ikun jista' jintlaħaq ftehim fi stadju bikri fl-2013 dwar il-baġit emendatorju dedikat biss sabiex ikopri dawn il-EUR 2,9 biljun u jipprovdi approprjazzjonijiet addizzjonali kif imqabbla mal-approprjazzjoni għall-pagamenti adottati fil-baġit inizjali għall-2013, mingħajr ħsara għall-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-2013;
5. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2012;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 6/2012 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.