Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2069(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0383/2012

Testi mressqa :

A7-0383/2012

Dibattiti :

PV 11/12/2012 - 17
CRE 11/12/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2012 - 7.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0500

Testi adottati
PDF 486kWORD 300k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Id-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010 - 2011)
P7_TA(2012)0500A7-0383/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010 - 2011) (2011/2069(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari t-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3) it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (“il-Karta”), kif ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2010 u l-2011 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2011)0160 u COM(2012)0169) u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal mehmuża magħhom,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’ (COM (2010)0603),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573) u l-Gwida Operattiva dwar il-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni (SEC(2011)0567),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, adottata fil-laqgħa Nru 3092 tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali fi Brussell fit-23 ta’ Mejju 2011, u l-Linji gwida tal-Kunsill dwar passi metodoloġiċi li għandhom jittieħdu biex tiġi kkontrollata l-kompatibilità tad-drittijiet fundamentali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni intitolati “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020” (COM(2011)0173) u “Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE” (COM(2012)0226),

–  wara li kkunsidra l-korp tal-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jagħmlu parti minnhom l-Istati Membri, u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rapporti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem imfassla mill-Assemblea Parlamentari u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll id-deċiżjonijiet, gwida u ġudizzji ta’ korpi speċjalizzati ta’ monitoraġġ u ġudizzjarji,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, li tuża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala referenza għall-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali wkoll,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

–  wara li kkunsidra r-rapporti u l-istudji tal-NGOs dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istudji rilevanti mitluba mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effettiva wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u politiki kontra d-diskriminazzjoni f’Ewropa akbar(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0383/2012),

A.  billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jibbaża l-Unjoni fuq komunità ta’ valuri indiviżibbli u universali ta’ rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, għall-persuni kollha li jgħixu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi, persuni mingħajr stat u dawk li huma temporanjament jew illegalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.   billi r-rispett u l-promozzjoni ta’ dawn il-valuri huma element essenzjali tal-identità tal-Unjoni Ewropea u kundizzjoni biex Stat isir membru tal-UE u jippreserva bis-sħiħ il-prerogattivi tas-sħubija;

C.  billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jiddikjara li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni,

D.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta, skont l-Artikolu 6 tat-TUE, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, u hija legalment vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw il-liġi tal-UE; billi l-Karta bidlet il-valuri u l-prinċipji fi drittijiet tanġibbli u infurzabbli,

E.  billi l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB, kif mitlub mit-TUE, se tippermetti li l-atti tal-UE jkunu soġġetti għal reviżjoni mill-QEDB, u b'hekk toħloq responsabilità akbar għall-UE u ttejjeb l-aċċess tal-individwi għall-ġustizzja;

F.  billi s-salvagwardja effikaċi u l-promozzjoni tad-drittijiet għandhom jikkostitwixxu objettiv ġenerali tal-politiki kollha tal-UE, inkluża d-dimensjoni esterna tagħhom, u billi l-osservazzjoni tad-dmir ta' protezzjoni, promozzjoni u twettiq ma teħtieġx kompetenzi ġodda għall-UE iżda pjuttost impenn istituzzjonali proattiv lejn id-drittijiet tal-bniedem, li jiżviluppa u jsaħħaħ kultura ġenwina tad-drittijiet fundamentali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fl-Istat Membru; billi l-UE jeħtiġilha tħaddan politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE koerenti u mekkaniżmu li jgħaqqad flimkien l-atturi differenti tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-istruttura tal-UE;

G.  billi ċ-ċittadini jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ biss jekk il-valuri u l-prinċipji fundamentali, bħall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-midja u n-nondiskriminazzjoni jiġu rispettati;

H.  billi l-qabża bejn id-drittijiet fundamentali u l-implimentazzjoni tagħhom iddgħajjef il-kredibilità tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri tagħha u r-rispett effikaċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fit-territorju tagħha u madwar id-dinja;

I.  billi l-obbligi li jaqgħu fuq il-pajjiżi kandidati taħt il-kriterji ta’ Kopenħagen ikomplu japplikaw għall-Istati Membri wara li jaderixxu mal-UE bis-saħħa tal-Artiklu 2 tat-TUE, u billi fid-dawl ta' dan l-Istati Membri kollha għandhom jiġu vvalutati fuq bażi kontinwa sabiex tiġi vverifikata l-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri bażiċi tal-UE tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt,

J.  billi l-protezzjoni effikaċi u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali jitolbu li l-Istati Membri jaċċettaw, fi spirtu ta' solidarjetà u kooperazzjoni sinċiera mal-Istati Membri l-oħra, l-iskrutinju tal-UE tar-rispett għall-valuri tal-UE fil-leġiżlazzjoni, politiki u prattiki tagħhom;

K.  billi flimkien mal-Artikolu 2 tat-TUE, l-Artikolu 7 jagħti lill-istituzzjonijiet tal-UE s-setgħa li jivvalutaw jekk hemmx ksur tal-valuri komuni bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, u li jimpenjaw ruħhom b’mod politiku mal-pajjiżi kkonċernati biex jipprevjenu u jirrimedjaw dan il-ksur;

L.  billi l-istudju konġunt li sar f’Mejju 2012 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u mill-Bank Dinji dwar is-sitwazzjoni tar-Roma jikkonferma li d-diskriminazzjonijiet jolqtu lir-Roma fl-Ewropa kollha, u li s-sitwazzjoni tagħhom hija agħar minn dik ta’ dawk kollha li mhumiex Roma u li jinstabu f’sitwazzjoni simili; billi d-diskriminazzjoni u ż-żieda tal-vjolenza kontrihom fl-Istati Membri tal-UE għandhom l-għeruq tagħhom f’attitudnijiet moħbija kontra ż-żingari,

M. billi l-kriżi ekonomika attwali qed tikkontesta l-prinċipju ta’ solidarjetà, li huwa komponent essenzjali tal-istorja u l-identità tal-UE, kif ukoll ir-rabta sottostanti li tgħaqqad flimkien iċ-ċittadini tal-UE bħala membri tal-istess komunità politika(7);
N. billi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi huma elementi essenzjali tal-Karta u, għaldaqstant, għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod prominenti fi kwalunkwe analiżi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni;
Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu r-responsabilitajiet tagħhom bis-sħiħ rigward l-applikazzjoni xierqa u sħiħa tal-mandat u l-kompetenzi tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, kemm fuq il-bażi tal-Karta kif ukoll tal-Artikoli tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet fundamentali u l-kwistjonijiet tad-drittijiet taċ-ċittadini, notevolment l-Artikoli 2, 6, u 7 tat-TUE; jemmen li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li l-UE tattrezza ruħha - kif għamlet f’oqsma oħrajn ta’ interess komuni u importanza, bħal kwistjonijiet ekonomiċi u baġitarji - biex tittratta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-kriżijiet u t-tensjonijiet demokratiċi li qed jaffettwaw lill-UE u l-Istati Membri tagħha; jitlob li l-mekkaniżmi Ewropej jissaħħu b'mod urġenti sabiex jiġi żgurat li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jinnota li, filwaqt li jilqa’ l-passi mill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha jkunu konformi mal-Karta, għad hemm lok għal titjib, peress li qed ikomplu jinħolqu proposti li jonqsu milli jikkunsidraw, jew ma jikkunsidrawx b’mod adegwat, l-impatt tal-miżuri proposti rigward id-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti lejn it-titjib tal-verifika tal-proposti tagħha fir-rigward tal-Karta, inkluż l-iżgurar ta' għarfien adegwat fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatt tad-drittijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri jiffurmaw sistematikament parti mir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll ir-rapport annwali taghħa dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi l-Linji Gwida eżistenti tal-Valutazzjoni tal-Impatt sabiex tagħti prominenza akbar lill-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, biex b’hekk jitwessgħu l-istandards sabiex jinkludu l-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa għad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal tabella ta' valutazzjoni permanenti fuq il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li tkopri l-Istati Membri kollha inklużi fis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċedura u li t-tabella ta' valutazzjoni tkun regolarment ippreżentata lill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u vvalutata u ssorveljata minnu.

5.  Jistieden lill-Kunsill jiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-impenn tiegħu li jikkontrolla mal-Karta kemm l-emendi proposti tiegħu għall-proposti tal-Kummissjoni kif ukoll il-proposti mressqa fuq inizjattiva tiegħu stess; ifakkar li sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali l-Istati Membri wkoll għandhom jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Karta meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni – u lill-Kunsill, meta jagħti bidu għal leġiżlazzjoni – biex jagħmlu użu sistematiku mill-għarfien espert indipendenti estern, notevolment dak tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, waqt it-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tal-impatt;

7.  Iqis b'mod favorevoli l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew u korpi oħra biex itejbu l-għarfien taċ-ċittadini dwar kif jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini u tevalwa r-riżultati tal-għoti ta’ tali informazzjoni;

8.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Parlament Ewropew biex jivverifika u jikkontrolla t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea u għalhekk, jinsisti li l-Parlament għandu wkoll isaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt awtonoma tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ proposti u emendi leġiżlattivi taħt eżami fil-proċess leġiżlattiv u jagħmilha aktar sistematika;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, abbażi, fost l-oħrajn tal-Artikoli 2 u 6 tat-TUE u tal-Karta; jemmen li rapport bħal dan għandu jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri, inkluż fuq il-bażi tat-tħassib ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-NGOs, tal-PE u taċ-ċittadini fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jitlob li r-rapport jindirizza l-implimentazzjoni, il-protezzjoni u l-promozzjoni, u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-UE u l-Istati Membri tagħha, kif imsemmi fil-Karta, il-KEDB u t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali, u li jkun fih rakkomandazzjonijiet speċifiċi; ifakkar li l-Kummissjoni għandha d-dmir li twettaq attività bħal din kemm bħala gwardjan tat-Trattati u tal-Karta u kif ukoll abbażi tal-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Karta jadotta analiżi aktar ibbilanċjata u awtokritika, sabiex jinkludi mhux biss żviluppi pożittivi iżda wkoll analiżi ta’ fejn tista’ ssaħħaħ l-approċċ tagħha fil-futur;

11.  Jiddispjaċih li r-rapporti tal-Kummissjoni 2010 u 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ma jenfasizzawx id-drittijiet soċjali u ekonomiċi, b’mod partikolari fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika, meta tali drittijiet huma rilevanti iktar minn qatt qabel;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta jindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi fl-Unjoni, u b’mod partikolari, kif dawn huma implimentati fl-Istati Membri;

13.  Jirrakkomanda li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill b’mod konġunt u formalment jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ obbligi pożittivi biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem bħala parti mil-liġi tal-UE; jenfasizza wkoll li r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet jinkludi azzjonijiet fuq livelli differenti (internazzjonali, Ewropew, nazzjonali u lokali) u jenfasizza r-rwol li jista’ jkollhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dan il-qasam b’rabta mal-assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jittrattaw id-drittijiet fundamentali, NGOs u s-soċjetà ċivili fil-proċessi preleġiżlattivi u leġiżlattivi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw livell suffiċjenti ta’ finanzjament fil-programmi ta’ finanzjament iddedikati għad-drittijiet fundamentali u kontra d-diskriminazzjoni matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha;

15.  Jistieden lill-Kunsill jinkludi, fir-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri billi jikkunsidra wkoll il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tal-QEDB u tiġi adattata l-leġiżlazzjoni u l-prattika interna kif xieraq;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-acquis leġiżlattiv tal-UE billi tikkunsidra b'mod xieraq id-drittijiet imsemmija fil-Karta tal-UE; iqis li t-tensjonijiet possibbli bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet fundamentali għandhom jiġu indirizzati diġà fuq livell leġiżlattiv u mhux biss mill-ġudikatura tal-UE;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi dak li kien id-dominju tat-tielet pilastru (il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’affarijiet kriminali) fid-dawl tal-Karta; ifakkar ir-rakkomandazzjoni magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Programm ta’ Stokkolma(8) fejn talab reviżjoni konsistenti ta’ din il-leġiżlazzjoni u jfakkar lill-Kummissjoni li fl-1 ta’ Diċembru 2014 dik il-leġiżlazzjoni kollha adottata f’qafas kostituzzjonali totalment differenti se tiġi applikata bħala tali fl-UE u se taffettwa b’mod mhux xieraq id-drittijiet tal-individwali taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE;

18.  Jiddispjaċih

   dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fid-djalogu tal-Kummissjoni mal-Istati Membri meta d-drittijiet fundamentali jew l-interessi taċ-ċittadini Ewropej ikunu f’riskju; iqis li nuqqas ta’ trasparenza bħal dan dwar it-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE jmur kontra r-regoli tal-UE dwar it-trasparenza u l-prinċipju taċ-ċertezza legali, u huwa estremament ta’ ħsara għall-pajjiżi l-oħra tal-UE, għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għall-istituzzjonijiet l-oħra notevolment meta d-drittijiet soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini jkunu kkonċernati; jilqa’ l-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza dwar l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istati Membri b'rabta mal-implimentazzjoni tas-suq intern u jikkunsidra li t-trasparenza mħabbra għall-politika fiskali għandha tittejjeb anke meta d-drittijiet fundamentali jkunu kkonċernati;
   dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fl-aġenziji tal-UE, li jgħamilha diffiċli li jiġi vverifikat jekk l-azzjonijiet tagħhom humiex konformi jew le mal-prinċipji ta’ trasparenza, l-amministrazzjoni tajba, il-protezzjoni tad-data u l-antidiskriminazzjoni kif ukoll mal-prinċipji ta’ neċessità u ta' proporzjonalità; jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ interess persistenti tal-Kummissjoni f’qafas leġiżlattiv li jiggarantixxi amministrazzjoni miftuħa, indipendenti u effiċjenti kif meħtieġ skont l-Artikolu 41 tal-Karta u l-Artikolu 298 tat-TFUE;
   dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u ftuħ, kif ukoll ta’ rispett, protezzjoni u promozzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali u ta’ sorveljanza demokratika u parlamentari fin-negozjati internazzjonali, li wassal lill-Parlament biex jirrifjuta ftehimiet internazzjonali bħal, fost l-oħrajn, l-ACTA, rifjut li se jwassal lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ibiddlu l-prattiki attwali tagħhom u jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini;

19.  Jissuġġerixxi aktar trasparenza fid-djalogu tal-Kummissjoni mal-Istati Membri, kif ukoll fil-ħidma tal-aġenziji tal-UE, meta d-drittijiet fundamentali jew l-interessi taċ-ċittadini Ewropej ikunu kkonċernati;

20.  Jitlob li ssir it-tnedija ta’ “ċiklu ta’ politika Ewropea tad-drittijiet fundamentali”, li jagħti dettalji fuq bażi pluriennali u annwali tal-objettivi li għandhom jinkisbu u l-problemi li għandhom jiġu solvuti; iqis li ċiklu bħal dan għandu jipprevedi qafas għall-istituzzjonijiet u l-FRA, kif ukoll l-Istati Membri, biex jaħdmu flimkien billi jevitaw duplikazzjoni, bini fuq ir-rapporti ta’ xulxin, twettiq ta' miżuri konġunti u organizzazzjoni ta' avvenimenti konġunti bil-parteċipazzjoni ta’ NGOs, ċittadini, parlamenti nazzjonali, eċċ.;

21.  Jipproponi li jittieħdu passi biex jiġu żgurati kanali kontinwi ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fl-UE bejn il-korpi rilevanti u fl-istituzzjonijiet tal-UE, u l-aġenziji tal-UE, u li jsir forum interistituzzjonali annwali sabiex issir diskussjoni għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali tal-UE; iqis li forum bħal dan għandu jkun pass ta’ tħejjija tad-dibattitu annwali tal-Parlament dwar id-drittijiet fundamentali u dwar l-iżvilupp taż-żona Ewropea tal-libertà, sigurtà u l-ġustizzja; iqis li forum interistituzzjonali bħal dan għandu jlaqqa’ rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP), il-Kumitat tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll rappreżentanti tal-Ombudsman Ewropew, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-Eurofound, u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

22.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jsaħħu r-rwol tagħhom fl-iskrutinju tad-drittijiet tal-bniedem tal-attivitajiet tal-UE u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-liġi tal-UE u jistedinhom jorganizzaw laqgħat perjodiċi li jiffukaw fuq l-istrateġiji li għandhom jiġu żviluppati sabiex jiġu implimentati l-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE;

23.  Jiddeplora d-dewmien fl-adeżjoni tal-UE mal-KEDB; jistieden lill-Kunsill jaġixxi skont it-termini tal-Artikolu 265 tat-TFUE sabiex il-proċeduri għad-dħul tal-UE mal-KEDB jiġu konklużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi l-proċedura mal-ewwel opportunità, u lill-Istati Membri biex iniedu proċeduri għar-ratifikazzjoni tal-adeżjoni mal-KEDB malajr kemm jista' jkun, peress li dan se jipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini;

24.  Iqis li, anke qabel il-konklużjoni tan-negozjati fl-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkunsidraw it-traspożizzjoni mill-Istati Membri tal-ġurisprudenza ta’ Strasburgu bħala kwistjoni ta’ interess komuni;

25.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom joħolqu mekkaniżmu sabiex jiżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrispettaw, jimplimentaw u jittrasponu l-ġurisprudenza tal-KEDB, peress li din hija kwistjoni ta’ interess komuni u obbligu fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-UE;

26.  Ifakkar lill-Istati Membri kollha sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fil-qasam tar-rispett tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali; jinnota li l-parteċipazzjoni fi trattati internazzjonali dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tista’ sservi biss biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u jilqa’ l-fatt li l-UE ngħaqdet mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u se tingħaqad mal-KEDB; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu passi biex isiru parti minn trattati internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

27.  Jinsab inkwetat ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-kontrolli u l-bilanċi, il-midja u d-drittijiet fundamentali f’uħud mill-Istati Membri u, b’mod partikolari, dwar il-prattika minn dawk fil-poter li jagħżlu, jaħtru jew ikeċċu persuni li jokkupaw karigi indipendenti bħal pereżempju fil-qrati kostituzzjonali, il-ġudikatura, ix-xandir pubbliku, il-korpi regolatorji tal-midja u l-uffiċċji tal-ombudsmen jew tal-kummissarji, sempliċiment abbażi ta’ affiljazzjoni politika minflok abbażi tal-kompetenza, l-esperjenza u l-indipendenza;

28.  Jiddispjaċih bir-reazzjoni dgħajfa tal-Kummissjoni għal ksur speċifiku tad-drittijiet fundamentali u d-dgħjufija ta’ kontrolli demokratiċi u bilanċi u l-istat tad-dritt fi Stati Membri u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċedimenti ta’ ksur jiżguraw il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, aktar milli jimmiraw għal soluzzjonijiet innegozjati mal-Istati Membri;

29.  Iqis li, sabiex tinżamm il-kredibilità tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni, l-Istati Membri għandhom jiġu wkoll ivvalutati kontinwament għall-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-UE u t-twettiq tal-impenji tagħhom fir-rigward tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċedimenti ta’ ksur jiżguraw il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali u tniedi investigazzjonijiet oġġettivi u tibda proċedimenti ta’ ksur jekk ikun hemm raġunijiet validi, biex b’hekk jiġu evitati standards doppji, kull meta Stat Membru jikser id-drittijiet stabbiliti fil-Karta meta jimplimenta leġiżlazzjoni tal-UE;

30.  Ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti prijorità lill-proċedimenti ta’ ksur li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju jew li għandhom impatt negattiv partikolarment kbir fuq iċ-ċittadini(9);

31.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taġġorna l-komunikazzjoni tagħha tal-2003 (COM(2003)0606) u qabel it-tmiem tal-2012 tfassal proposta dettaljata għal mekkaniżmu ċar ta’ monitoraġġ u sistema ta’ twissija bikrija, kif ukoll proċedura ta’ ffriżar, kif mitlub diġà mill-Parlament, biex tiżgura li l-Istati Membri, fuq talba tal-istituzzjonijiet tal-UE, jissospendu l-adozzjoni tal-liġijiet meta jkun hemm suspett li dawn ma jkunux qed iqisu d-drittijiet fundamentali jew li jkunu qed jiksru l-ordinament ġuridiku tal-UE, li tassoċja, notevolment, il-korpi nazzjonali tad-drittijiet fundamentali maħluqa f’konformità mal-prinċipji ta’ Pariġi u li tibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE u l-Artikolu 258 tat-TFUE;

32.  Jenfasizza l-impenn tiegħu li juża s-setgħat tiegħu biex jaġixxi bħala litigant għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari biex jiżgura li l-atti tal-UE jirrispettaw, jipproteġu, jippromwovu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem;

33.  Jitlob li ssir reviżjoni tar-regoli proċedurali tal-QĠUE u l-Qorti Ġenerali sabiex jiffaċilitaw interventi minn partijiet terzi, b’mod partikolari minn NGOs tad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Jitlob li jsir it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet nazzjonali xierqa għad-drittijiet tal-bniedem (NHRIs) fl-Istati Membri kollha u l-miżuri li jiffaċilitaw in-netwerking ta’ dawn il-korpi fl-UE bl-appoġġ tal-FRA; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċità ta’ korpi ta’ ugwaljanza u korpi tal-protezzjoni tad-data, ta’ NHRIs u tal-FRA bħala litiganti tad-drittijiet tal-bniedem;

35.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u korpi internazzjonali oħra b’mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea tiegħu għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (il-Kummissjoni ta’ Venezja), u jużaw il-kompetenza tiegħu fir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom, inkluż mal-Parlament Ewropew u mal-parlamenti nazzjonali, sabiex ikun hemm applikazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u għal segwitu aħjar fil-qasam tal-ilmenti u għar-rimedju ta’ kull irregolarità;

36.  Jiddispjaċih bis-sitwazzjoni li qed tiggrava tal-libertà tal-midja f’diversi Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw, u lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet xierqa biex tissorvelja u tinforza, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja; jilqa’ l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew biex ifassal rapport dwar l-istabbiliment ta' standards għal-libertà tal-midja fl-UE;

37.  Jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, partikolarment il-libertà u l-pluraliżmu tal-istampa, fl-Unjoni, inkluż bħala riżultat tal-kriżi ekonomika attwali; jikkundanna l-kondizzjonijiet li fihom jaħdmu ċerti ġurnalisti u l-ostakoli li jkollhom speċjalment meta dawn isegwu xi avvenimenti; jinsab partikolarment imħasseb dwar it-tentazzjoni ta’ xi Stati Membri li jdgħajfu l-ħarsien tas-sorsi tal-ġurnalisti u l-abbiltà tal-ġurnalisti li jinvestigaw iċ-ċrieki tal-poter; jiddispjaċih ħafna bl-attitudni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħmel kwalunkwe proposta leġiżlattiva biex tiggarantixxi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, skont l-Artikolu 11 tal-Karta;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tafda lill-FRA bl-inkarigu li toħroġ rapport annwali li jimmonitorja s-sitwazzjoni tal-libertà tal-istampa u tal-pluraliżmu fl-Unjoni Ewropea;

39.  Jilqa l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' riżoluzzjoni li tirrikonoxxi d-drittijiet fil-qasam tal-Internet, b’mod partikolari dwar l-aċċess għan-netwerk u l-libertà ta’ espressjoni; jenfasizza l-ħtieġa tal-ħidma favur “il-promozzjoni, il-ħarsien u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, fuq l-internet u permezz ta’ teknoloġiji oħra”, waqt li jinnota li dawn id-drittijiet għandhom jiġu rispettati irrispettivament mill-fruntieri, jew mill-midja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw din ir-riżoluzzjoni fil-liġi domestika u jiżguraw il-promozzjoni tagħha fil-livell internazzjonali;

40.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal reviżjoni rapida tal-acquis tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ pulizija u kriminali f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta, qabel l-iskadenza tal-1 ta’ Diċembru 2014;

41.  Jitlob li ssir valutazzjoni parlamentari ta’ politiki relatati mal-FSJA permezz tal-ħolqien ta’ konnessjoni permanenti bejn il-Kumitati tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP) u kumitati parlamentari nazzjonali li jittrattaw id-drittijiet fundamentali sabiex jevalwaw il-leġiżlazzjoni relevanti fuq livell tal-UE u nazzjonali;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu kif xieraq l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, li s’issa ma għamlux, biex jinvestigaw ksur serju tad-drittijiet umani fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mal-programm tas-CIA kontra t-terroriżmu, sabiex jintensifikaw il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u kontra l-kriminalità organizzata u jagħtu kumpens sħiħ lill-vittmi;

43.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-FRA tiġi kkunsultata dwar kwalunkwe proposta leġiżlattiva li jkollha impatt fuq id-drittijiet fundamentali, u jirrispettaw l-indipendenza u l-kompetenzi tal-FRA;

44.  Jenfasizza li l-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għandu jissaħħaħ biex jinkludi monitoraġġ regolari tal-konformità tal-Istati Membri mal-Artikolu 2 tat-TUE, il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali dwar ir-riżultati u l-preżentazzjoni ta’ dawn fil-Parlament Ewropew;

45.  Jikkunsidra inaċċettabbli

   li l-Parlament, l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament u koleġiżlatur tal-UE għal ħafna mill-politiki tal-UE, ma kienx permess jiddefinixxi l-oqsma tematiċi għall-qafas pluriennali tal-FRA;
   li l-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, li saret politika għall-UE standard, kif ukoll id-drittijiet soċjali u ekonomiċi, li huma elementi essenzjali għall-Karta, xorta għadhom mhux inklużi espliċitament fil-mandat tal-FRA; jitlob lill-Kunsill jinkludi l-kwistjonijiet ta' hawn fuq fil-qafas pluriennali li jmiss tal-FRA;

46.  Jindika nuqqasijiet fil-mandat attwali tal-FRA, notevolment in-numru limitat ta’ evalwazzjoni komparattiva bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija tal-Istati Membri;

47.  Jirrimarka li l-Prinċipji ta' Pariġi dwar l-NHRIs għandhom jintużaw bħala mudell għar-riforma tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-FRA, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, jirrevedu, bħala kwistjoni ta' urġenza, ir-regolament ta' bażi tal-FRA skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sabiex l-ambitu tal-FRA jitwessa' biex ikopri l-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE u, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-uffiċċju u l-korpi tal-UE, kif ukoll l-attivitajiet tal-Istati Membri; iqis li l-indipendenza tal-FRA għandha tissaħħaħ, kif ukoll is-setgħat u l-kompetenzi tagħha; iqis li l-Kumitat Xjentifiku tal-FRA u n-netwerk FRANET għandhom jissottomettu lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali u jippubblikaw kull sena rapport tematiku u aktar iffukat li jivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, kif sar sal-2006 minn dak li kien in-Netwerk tal-Esperti dwar id-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-FRA tirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 15 tat-TFUE billi tagħmel il-proċedimenti tagħha miftuħa u billi tagħti aċċess għad-dokumenti tagħha permezz ta’ reġistru aċċessibbli għall-pubbliku kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

48.  Huwa mħasseb dwar l-imsejħa “opt-outs” ta’ xi Stati Membri, li se jirriskjaw li jaffettwaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom li se jsofru minn diskriminazzjoni aktar minn ċittadini oħra tal-UE u jfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, l-“opt-outs” mhumiex maħsuba biex jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligu li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Karta jew li jimpedixxu lil qorti ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri milli tiżgura konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet;

49.  Jenfasizza li, minbarra li tinforma lill-individwi dwar id-drittijiet tal-Karta tagħhom, il-Kummissjoni teħtieġ tiżgura li jkunu konxji ta’ kif jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fil-fora rilevanti; iqis li n-netwerks informali, bħal dawk żviluppati b’suċċess għas-suq intern (SOLVIT), għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali u reġjonali biex jassistu u jagħtu pariri lil nies li qegħdin fir-riskju li d-drittijiet tagħhom jiġu miksura (bħall-immigranti, dawk li jfittxu l-asil, persuni vulnerabbli); iqis li dawn l-istrutturi ta’ appoġġ għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet u l-integrazzjoni ekonomika u soċjali għandhom ikunu prijorità għall-fondi reġjonali;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lil dawk iċ-ċittadini li jikkuntattjawha fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali dwar dawn il-possibbiltajiet addizzjonali jew aktar xierqa fid-dettall, iżżomm rekord ta’ dawn l-indikazzjonijiet u tirrapporta dwar dan fid-dettall kollu fir-rapporti annwali tagħha dwar id-drittijiet fundamentali fl-UE u dwar l-implimentazzjoni tal-Karta; jissottolinja li l-korrispondenza taċ-ċittadini hija estremament rilevanti sabiex jinkixef ksur possibbli strutturali, sistemiku u serju tad-drittijiet fundamentali fl-UE u l-Istati Membri tagħha u konsegwentement rilevanti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ġenwina tal-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE mill-Kummissjoni;

Diskriminazzjoni

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data diżaggregata għar-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll biex jiżviluppaw indikaturi tad-drittijiet fundamentali b’kooperazzjoni mal-FRA, sabiex jiżguraw leġiżlazzjoni u politiki infurmati u mmirati sew, b’mod partikolari fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni u fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni tar-Roma;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobia permezz ta’ liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ reati preġudikanti, inkluż fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tas-sess u espressjoni tas-sess;

53.  Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew kif suppost id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi legali kontra l-ksenofobija, ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni kontra ż-żingari, u forom oħra ta’ vjolenza u mibegħda kontra kwalunkwe grupp ta’ minoranza, inkluż diskors ta’ mibegħda; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-reati preġudikati, bħal dawk b’intenzjoni razzista, ksenofobika, antisemitika, islamofobika, omofobika jew transfobika jkunu punibbli fis-sistema tal-liġi kriminali, u li dawn ir-reati jiġu rreġistrati u investigati b’mod effikaċi, jittieħdu passi legali kontrihom u jiġu kkastigati, u li l-vittmi jiġu offruti assistenza, protezzjoni u kumpens xierqa; ifakkar li fl-1 ta' Diċembru 2014 din id-deċiżjoni qafas se ssir infurzabbli bis-sħiħ;

54.  Jenfasizza li l-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem u l-ugwaljanza quddiem il-liġi huma l-pedamenti ta' soċjetà demokratika; jiddeplora l-imblukkar attwali tan-negozjati tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva orizzontali li testendi l-protezzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni; jistieden lill-Kunsill jaġġixxi, fuq il-bażi tal-Artikolu 265 tat-TFUE u jadotta d-direttiva;

55.  Jenfasizza li, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu protetti wkoll minn diskriminazzjoni fuq bażi lingwistika;

56.  Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri ta’ ilment li jiżguraw li vittma ta’ diskriminazzjoni multipla, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nisa huma speċjalment fil-mira ta’ dawn, tista’ tippreżenta ilment wieħed li jindirizza aktar minn bażi waħda ta’ diskriminazzjoni; iqis xieraq l-appoġġ tal-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' azzjonijiet kollettivi minn nies u komunitajiet emarġinati;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-libertà ta’ reliġjon jew twemmin, inkluża l-libertà ta’ dawk mingħajr reliġjon biex ma jbatux diskriminazzjoni bħala riżultat ta’ eżenzjonijiet eċċessivi għar-reliġjonijiet mil-liġijiet dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

58.  Jenfasizza, li fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-ispeċifiċità tad-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' diżabilità għandha titqies bis-sħiħ;

Protezzjoni ta’ individwi li jappartjenu f'Minoranzi

59.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr stat li huma residenti permanenti fl-Istati Membri teħtieġ li tiġi indirizzata, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

60.  Jissottolinja l-importanza tar-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu f'minoranzi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji mingħajr aktar dewmien u, fejn rilevanti, jirtiraw ir-riservi u d-dikjarazzjonijiet restrittivi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni li qed ibatu minnha l-membri tal-minoritajiet lingwistiċi u jiddokumentaw ir-riżultati tal-azzjoni meħuda biex tipproteġi d-dritt tal-membri tal-minoritajiet lingwistiċi biex jużaw il-lingwa tagħhom stess; iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jiddiskriminawx kontra persuni li jappartjenu f'minoranzi nazzjonali jew etniċi, u jiżguraw li tali persuni jgawdu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt internazzjonali u dak tal-UE;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni razzjali u etnika fl-impjieg, id-djar, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi; jinsab imħasseb b’mod partikolari dwar iż-żieda fil-partiti politiċi li huma razzisti, ksenofobiċi, iżlamofobiċi u antisemitiċi b’mod espliċitu, minħabba kriżi ekonomika u soċjali li tippromwovi r-riċerka mgħaġġla għal vittmi sagrifikali u li l-prattiki vjolenti tagħhom għandhom ikunu kkundannati; huwa mħasseb ukoll rigward l-adozzjoni ta' miżuri ripressivi kontra l-persuni mingħajr dar fil-kuntest tal-kriżi attwali;

62.  Jissottolinja li, minħabba differenzi fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u proċeduri amministrattivi kumplessi, ċerti kategoriji ta’ persuni qed jiltaqgħu ma’ ostakli diskriminatorji fl-eżerċitament tad-dritt tagħhom ta’ moviment u residenza ħielsa; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li jiksru d-Direttiva 2004/38/KE;

63.  Jiddispjaċih li ċittadini ta’ oriġini Roma huma soġġetti għal proċeduri ta’ tkeċċija kollettiva mill-Istati Membri u jilmenta dwar ir-reazzjoni dgħajfa tal-Kummissjoni f’ċerti każijiet;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-riżultati konkreti tal-Qafas għal Strateġiji ta’ Intgrazzjoni Nazzjonali Roma tal-UE u l-progress miksub f’kull Stat Membru; jirrikonoxxi l-isforzi li saru minn ċerti Stati Membri, iżda fuq kollox il-ħafna nuqqasijiet fil-maġġoranza tal-istrateġiji ppreżentati lill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir titjib biex jinkisbu b'mod aktar effikaċi l-objettivi stabbiliti fil-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma; jitlob li ssir analiżi tal-fattibilità finanzjarja u s-sostenibilità ta' dawn l-istrateġiji u l-progress miksub f' kull Stat Membru fir-rapporti annwali tiegħu lill-Parlament u lill-Kunsill;

65.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati kif suppost l-istrateġiji ta’ integrazzjoni nazzjonali tar-Roma permezz tal-iżvilupp ta’ politiki integrati li jinvolvu l-awtoritajiet lokali, il-korpi mhux governattivi u l-komunitajiet tar-Roma fid-diskussjonijiet li għaddejjin skont id-dispożizzjonijiet tal-Qafas tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu reazzjoni effikaċi għall-esklużjoni tar-Roma billi jimplimentaw il-miżuri ppreżentati fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma, u jikkooperaw mar-rappreżentanti tal-popolazzjoni tar-Roma fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti li jaffettwaw il-komunitajiet tagħhom, billi jagħmlu użu mir-riżorsi finanzjarji kollha disponibbli tal-UE;

66.  Jemmen li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma għandha tagħmel iktar biex tinvolvi l-komunità tar-Roma, li r-rappreżentanti tagħha huma f’qagħda aħjar li jixhdu fuq in-nuqqas ta’ aċċess għad-drittijiet ta’ impjieg, edukazzjoni, akkomodazzjoni, saħħa, u għal oġġetti u servizzi, u li jsibu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw is-segregazzjoni spazjali, l-iżgumbramenti sfurzati u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li jiffaċċjaw ir-Roma billi jistabbilixxu politiki dwar l-akkomodazzjoni effikaċi u trasparenti u jevitaw il-kriminalizzazzjoni tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-livelli għolja ta’ qagħad fost ir-Roma billi jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess għall-impjieg;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi edukattivi nazzjonali tagħhom sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-minoranzi, inklużi t-tfal tar-Roma, u sabiex ineħħu arranġamenti edukattivi segregati mingħajr ħsara għall-edukazzjoni b’lingwi ta’ minoranzi li teżisti f’ħafna Stati Membri;

70.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa fir-rigward tal-isterilizzazzjoni u jagħtu kumpens finanzjarju lill-vittmi tal-isterilizzazzjonijiet sfurzati mwettqa fuq nisa Roma u fuq nisa b’diżabilitajiet mentali, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB;

71.  Itenni t-talba tiegħu għal approċċ immirat għall-inklużjoni soċjali tan-nisa Roma sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni multipla u s-segregazzjoni etnika;

72.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi baġitarji suffiċjenti biex iwettqu l-objettivi identifikati fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma; jistieden lill-Kunsill jappoġġa u jadotta l-proposti tal-Kummissjoni u tal-Parlament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, b’mod partikolari dawk li jippermettu lill-Fond Soċjali Ewropew u lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jikkontribwixxu aħjar għall-inklużjoni soċjali tar-Roma billi titwessa’ l-firxa ta’ kundizzjonalitajiet ex ante biex jiġu inklużi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u l-immappjar tal-konċentrazzjoni territorjali tal-faqar;

73.  Jirrimarka li t-tkabbir l-aktar reċenti u dak futur wassal u se jwassal għal numru akbar ta’ Stati Membri karatterizzati minn diversità kulturali u lingwistika; jemmen, għalhekk, li l-UE għandha responsabilità partikolari biex tipproteġi d-drittijiet tal-minoranzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex tinvolvi pajjiżi tat-tkabbir fl-isforzi tagħha mmirati lejn l-inklużjoni soċjali tar-Roma, kif ukoll timmobilizza l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u tħeġġeġ lill-pajjiżi tat-tkabbir permezz tal-mekkaniżmu tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għal dan il-għan;

74.  Jinsab allarmat mill-mewġa li dejjem qed tikber ta’ diskors ta’ mibegħda u stigmatizzazzjoni fir-rigward tal-minoranzi u gruppi oħra ta’ nies u mill-influwenza li dejjem qed tikber ta' dawn il-fenomeni fil-midja u f’numru ta’ movimenti u partiti politiċi, riflessi fl-ogħla livell politiku u f'liġijiet restrittivi; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri sabiex jippromwovu, fil-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali, l-ugwaljanza effikaċi bejn il-persuni, b'kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-persuni li jappartjenu f'dawn il-komunitajiet minoritarji; jindika n-nuqqas ta' konsistenza tal-politika fir-rigward tal-minoranzi nazzjonali, u jinnota li, filwaqt li l-protezzjoni tal-minoranzi hija parti mill-kriterji ta’ Kopenħagen, ma jeżisti l-ebda standard għad-drittijiet tal-minoranzi fil-politika komunitarja; jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi huma parti integrali tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem;

75.  Iqis li ma teżistix soluzzjoni unika sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri kollha, iżda li għandhom jiġu żviluppati xi objettivi komuni u minimi għall-awtoritajiet pubbliċi fl-UE, filwaqt li jitqiesu l-istandards legali internazzjonali rilevanti u l-prattiki tajba eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi standard ta’ politika għall-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali;

76.  Iqis li l-komunitajiet ta’ minoranza nazzjonali tradizzjonali jirrappreżentaw kontribuzzjoni speċjali lejn il-kultura Ewropea, u li għalhekk il-politiki pubbliċi għandhom ikunu ffukati aktar fuq il-protezzjoni tagħhom filwaqt li l-Unjoni nnifisha għandha tindirizza dawn il-ħtiġijiet b’mod aktar xieraq;

77.  Jissuġġerixxi li jsiru sforzi għall-promozzjoni tal-bini ta’ fiduċja bejn il-komunitajiet li tradizzjonalment jgħixu qrib ta’ xulxin, kif ukoll il-koeżistenza tagħhom, permezz tat-tagħlim dwar l-identità, l-identitajiet reġjonali ta’ xulxin, il-lingwi ta’ xulxin u l-istorja, il-patrimonju u l-kultura ta’ xulxin għal fehim aħjar u rispett akbar għad-diversità;

78.  Iqis li l-parteċipazzjoni effikaċi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza proprja hija waħda mill-aktar metodi effikaċi ta’ ġestjoni tal-problemi tal-minoranzi nazzjonali, b’osservanza tal-aħjar prattiki li jeżistu fl-Unjoni;

Opportunitajiet indaqs

79.  Jiddispjaċih bl-impatt limitat tal-inizjattivi tal-UE u nazzjonali fil-qasam tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, partikolarment fil-kuntest tal-impjieg; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u strateġiji tal-impjieg speċifiċi fil-qafas tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u tal-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għan-nisa u l-irġiel biex dawn jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol; iqis li, bil-għan li jitneħħew id-differenzi fissi li hemm fil-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, dawn il-miri jeħtieġu jindirizzaw il-konċentrazzjoni persistenti tan-nisa f'xogħlijiet part time, b'paha baxxa u prekarji; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri għal rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tal-familja u x-xogħol għall-ġenerazzjonijiet kollha tan-nisa, inkluż il-provvediment ta' faċilitajiet ta' kura ta' kwalità għat-tfal u dipendenti oħra;

80.  Iqis li n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi huwa żvantaġġ għad-drittijiet fundamentali u għad-demokrazija; jilqa’ l-miżuri pożittivi li ġew introdotti fi Franza, Spanja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Portugall u l-Polonja, bħal pereżempju s-sistemi ta’ parità leġiżlati u l-kwoti tal-irġiel u n-nisa, bħala prattiki tajba essenzjali, u jistieden lill-Istati Membri b’rappreżentanza partikolarment baxxa ta’ nisa fil-ħajja politika biex jikkunsidraw li jintroduċu miżuri leġiżlattivi vinkolanti;

81.  Jirrimarka dwar il-fatt li n-nisa għadhom qed ibatu minħabba d-diskriminazzjoni f’diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, minkejja l-leġiżlazzjoni fis-seħħ rigward il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u b’diżappunt jinnota li, wara leġiżlazzjoni li ilha li ħarġet kważi 40 sena, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ftit li xejn naqset;

82.  Iqis li l-vjolenza kontra n-nisa hija l-aktar ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fil-każ tal-bniet u tan-nisa fid-dinja, inkluż fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-2015 bħala s-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, u twettaq strateġija relatata fl-UE kollha biex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa, kif imħabbar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2010, li tinkludi strumenti legalment vinkolanti, azzjonijiet li jżidu l-għarfien, ġbir ta’ data u finanzjament għal NGOs li jiffokaw fuq in-nisa;

83.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tad-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010(10), tat-8 ta’ Marzu 2011(11) u tat-13 ta' Marzu 2012(12) dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009, 2010 u 2011; f’dan ir-rigward jesprimi tħassib dwar restrizzjonijiet reċenti għall-aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi f’xi Stati Membri, b’mod partikolari l-abort sikur u legali, l-edukazzjoni sesswali u t-tnaqqis fil-finanzjament għall-ippjanar tal-familja;

84.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jesploraw l-implimentazzjoni ta’ Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) fil-qafas legali tal-UE;

85.  Jistieden lill-UE telimina l-politiki li jistabbilixxu dipendenza bejn il-membri tal-familja fil-qafas tar-riunifikazzjoni tal-familja, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu lin-nisa migranti stat ta’ residenza awtonoma, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika;

86.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jiksbu l-objettivi tal-Patt Ewropew ta' Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2011-2020 u jieħdu miżuri biex jitrattaw id-differenza fil-paga bejn is-sessi, segregazzjoni tax-xogħol, u kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa;

87.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri effikaċi biex jipproteġu l-ħaddiema tqal u n-nisa li jkunu fuq liv tal-maternità;

88.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-isfruttament sesswali fil-forom kollha tiegħu, u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

89.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jindirizzaw id-diskriminazzjoni multipla u jipproteġu lin-nisa li huma parti minn minoranzi etniċi u lill-immigranti nisa;

L-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sess

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobia permezz ta’ liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ reati preġudikanti, inkluż fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tas-sess u espressjoni tas-sess;

91.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-qafas leġiżlattiv nazzjonali biex jindirizzaw diskriminazzjonijiet imġarrba minn nies LGBT u koppji tal-istess sess fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew identità tas-sess, u jħeġġiġhom jiggarantixxu implimentazzjoni effikaċi tal-qafas legali tal-UE eżistenti u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

92.  Jistieden lill-Istati Membri jirreġistraw u jinvestigaw reati ta’ mibgħeda kontra nies omosesswali, bisesswali u transesswali (LGBT) u jadottaw leġiżlazzjoni kriminali li tipprojbixxi l-inċitament fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tas-sess;

93.  Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni(13) dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli għall-effetti tal-proprjetà taż-żwiġijiet u tas-sħubijiet irreġistrati; iqis madankollu li l-għażla ta’ żewġ strumenti differenti u ta’ approċċ separat għal sħubijiet irreġistrati u żwiġijiet mhijiex ġustifikata; iqis li l-istess għażla ta’ ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għandhom japplikaw fiż-żewġ każijiet;

94.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni dwar sħubiji bejn persuni tal-istess sess biex jirrikonoxxu d-dispożizzjonijiet adottati minn Stati Membri oħra li għandhom effetti simili; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż għal koppji tal-istess sess u għat-tfal tagħhom; jilqa’ l-fatt li aktar u aktar Stati Membri introduċew u/jew adattaw il-liġijiet tagħhom dwar il-koabitazzjoni, is-sħubija ċivili u ż-żwieġ biex jiġu megħluba d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali li jgħaddu minnhom il-koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom u jistieden lil Stati Membri oħra jintroduċu liġijiet simili;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-effetti tad-dokumenti kollha tal-istat ċivili fl-UE kollha, inkluż rikonoxximent tas-sess legali, żwiġijiet u sħubijiet irreġistrati, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli legali u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintervjenu b’mod aktar qawwi kontra l-omofobija, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, inkluż billi jistiednu lis-sindki u lill-pulizija fl-Istati Membri biex jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u d-dimostrazzjoni waqt parati tal-LGBT; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-istħarriġ li għaddej bħalissa tal-FRA sabiex fl-aħħar issegwi t-talbiet ripetuti mill-Parlament Ewropew u mill-NGOs, u toħroġ b'mod urġenti l-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-ugwaljanza fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sess, li għandu jiġi adottat sal-2014;

97.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni effikaċi tal-parteċipanti f’avvenimenti pubbliċi tal-LGBT, inklużi waqt il-parati, u jiżguraw li dawn l-avvenimenti jkunu jistgħu jiġu organizzati legalment;

98.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni transġeneru għadhom meqjusa bħala li huma mentalment morda f'għadd ta’ Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu jew jeżaminaw mill-ġdid il-proċeduri ta’ rikonoxximent legali tas-sess fuq il-mudell tal-Arġentina, u jeżaminaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet (inkluż l-isterilizzazzjoni sfurzata) li ġew stabbiliti għar-rikonoxximent legali tas-sess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jneħħu l-mard tal-identità tas-sess mil-lista tal-mard mentali u tal-imġiba u jiżguraw riklassifikazzjoni mhux patoloġika fin-negozjati relatati mal-11 il-verżjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11);

99.  Jilqa’ s-sett ġdid ta’ regoli dwar l-ażil li ġew introdotti fid-Direttiva tal-Kwalifiki u li jinkludu l-identità tas-sess bħala raġuni għall-persekuzzjoni; itenni li l-pakkett dwar l-ażil għandu jibqa' koerenti u jinkludi l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sess fid-Direttiva dwar il-Proċedura tal-Ażil;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-impjieg u għall-oġġetti u s-servizzi mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-identità tas-sess, b’konformità mal-liġijiet tal-UE(14);

101.  Jilqa’ t-tnedija ta’ stħarriġ tal-FRA li se jiġbor data komparabbli dwar l-esperjenza tal-persuni LGBT fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja;

102.  Jistieden lill-Istati Membri jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2003/86/KE tal-Kunsill dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali; ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-koppji tal-istess sess jaqgħu taħt l-ambitu tal-ħajja tal-familja(15);

103.  Iqis li huwa aktar probabbli li d-drittijiet fundamentali ta’ persuni LGBT jkunu mħarsa jekk ikun hemm aċċess għal istituzzjonijiet legali bħal koabitazzjoni, sħubija reġistrata jew żwieġ; jilqa' pożittivament il-fatt li 16-il Stat Membru attwalment joffru dawn l-għażliet u jistieden lil Stati Membri oħra jikkunsidraw li jagħmlu dan;

Iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni b'diżabilitajiet

104.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni tal-età fl-impjiegi, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-impjieg u t-tkeċċija ta’ ħaddiema anzjani;

105.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-integrazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ, b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi ekonomika, fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz tal-organizzazzjoni u l-provvediment ta’ taħriġ immirat lejn il-promozzjoni soċjali taż-żgħażagħ;

106.  Jiddispjaċih li ż-żgħażagħ f’uħud mill-Istati Membri għadhom qed jiġu ppersegwitati u mogħtija sentenzi ta’ ħabs peress li d-dritt ta’ oġġezzjoni kuxjenzjuża kontra s-servizz militari għadu mhuwiex rikonoxxut b’mod adegwat, u jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-persekuzzjoni ta' u d-diskriminzzjoni kontra dawk li joġġezzjonw b'mod kuxjenzjuż;

107.  Jilqa’ d-deċiżjoni li s-sena 2012 tiġi ddikjarata s-Sena tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jirrispettaw id-dritt tal-anzjani sabiex jippermettulhom li jgawdu ħajja ta' dinjità u ta' kwalità tajba billi jipprovdulhom servizzi soċjali adegwati, tagħlim tul il-ħajja u programmi oħra għall-inklużjoni soċjali u kulturali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-forom kollha ta' vjolenza kontra l-anzjani u jippromwovu l-indipendenza tagħhom billi jappoġġaw ir-rinovazzjoni u l-aċċessibilità tal-akkomodazzjoni; ifakkar li n-nisa anzjani jgħixu aktar ta’ spiss taħt il-linja tal-faqar minħabba d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, u wara minħabba d-differenza fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; jenfasizza li ċ-ċittadini attivi u voluntiera, irġiel u nisa, li għandhom ’il fuq minn 65 sena, jikkontribwixxu bis-sħiħ u b’ħafna modi għall-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà;

108.  Jitlob li tiġi rrispettata d-dinjità fl-aħħar tal-ħajja, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet espressi f’testmenti ħajjin jiġu rikonoxxuti u rispettati;

109.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, b’mod speċjali fir-rigward tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol;

110.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ ta' persuni b'diżabilitajiet, inklużi persuni b'diżabilitajiet psikosoċjali, bl-użu ta' fondi tal-UE eżistenti;

111.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet (CRPD) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, u jiżguraw li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kollha jkunu konformi mal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 u mmirati li jtejbu l-aċċessibilità, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ inklussivi, kif ukoll l-għajxien indipendenti għal persuni b’diżabilità;

112.  Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, b’koordinazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, iwettqu riċerka u jipprovdu gwida f’livell Ewropew u nazzjonali fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tan-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prattiki ta’ sterilizzazzjoni sfurzata u ta’ abort sfurzat, li jistgħu jitqiesu bħala tortura jew trattament inuman jew degradanti, u li għalhekk għandhom ikunu proċessati u penalizzati;

113.  Jitlob li tinstab soluzzjoni innovattiva dwar l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni rigward l-aċċess taċ-ċittadini torox u dawk bi problemi fis-smigħ għall-istituzzjonijiet u l-konferenzi tal-UE, fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-17 ta’ Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għall-persuni torox(16), tat-18 ta’ Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali(17) u tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilitajiet u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(18), skont l-Artikoli 2, 21, 24 u 30 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet;

114.  Jistieden lill-Istati Membri jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità u għal programmi ta’ deistituzzjonalizzazzjoni;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament tal-UE għal azzjonijiet interni u esterni ma jintużax biex jinħolqu ostakoli jew biex tiġi ġġenerata diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilitajiet u jistabbilixxu miżuri adegwati fl-adozzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament ġodda biex dan jiġi evitat;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jkunux immirati lejn ir-rinnovament jew il-bini ta’ istituzzjonijiet ġodda għal persuni b'diżabilitajiet iżda minflok jintużaw biex jiffaċilitaw il-ħajja fil-komunità, skont l-Artikoli 5 u 19 tas-CRPD u l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

117.  Jenfasizza l-bżonn li l-parteċipazzjoni politika tal-persuni b’diżabilitajiet fl-elezzjonijiet tiżdied billi jiġu akkomodati l-bżonnijiet speċjali tagħhom;

Protezzjoni tad-Data

118.  Jafferma mill-ġdid li d-dritt ta’ awto determinazzjoni fuq id-data personali u d-dritt tal-privatezza huma elementi fundamentali tal-personalità, id-dinjità umana u l-libertà tal-persuna;

119.  Jenfasizza li r-riforma tar-reġim tal-protezzjoni tad-data tal-UE għandha żżid it-trasparenza u l-għarfien tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data, tagħmel rimedji u sanzjonijiet aktar effikaċi u tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bil-kompetenza li jimponu multi fuq min jikser il-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE. iħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu lejn qafas ta’ protezzjoni tad-data komprensiv b’armonizzazzjoni uniformi u ta’ livell għoli ibbażat fuq id-Direttiva 95/46/KE; jenfasizza li d-derogi u l-eċċezzjonijiet għall-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali, inkluż il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop, u t-trasferiment tad-data f’pajjiżi terzi, jeħtieġ li jiġu evitati; jisħaq li huwa ta’ importanza kruċjali li standards tal-protezzjoni tad-data komprensivi previsti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi jkopru wkoll l-ipproċessar domestiku tad-data;

120.  Huwa mħasseb dwar it-tendenzi eżistenti ta’ restrizzjoni tal-indipendenza tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u jilqa’ l-viġilanza tal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet eżistenti u mal-ġurisprudenza rilevanti;

121.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data li ġew enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni, mill-EDPS, minn bosta parlamenti nazzjonali u mill-qrati kostituzzjonali ta’ bosta Stati Membri li ddikjaraw li mhijiex kostituzzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rieżaminata d-Direttiva taż-Żamma tad-Data jew għall-inqas li jiġu esplorati alternattivi għaż-żamma tad-data, bħal pereżempju l-preservazzjoni aċċellerata tad-data u l-ġbir immirat tad-data dwar it-traffikar;

122.  Huwa mħasseb bin-nuqqas ta’ progress fin-negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada għat-trasferiment u l-użu ta' data PNR għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra kriminalità transnazzjonali serja oħra; jirrimarka li l-ftehim li ġie ffirmat fl-2005 m’għadux validu, minħabba l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Adegwatezza f’Settembru 2009, u li t-trasferiment ta' data PNR seħħ minn dik id-data fuq il-bażi tal-ftehimiet unilaterali tal-Kanada mal-Istati Membri;

123.  Jilqa’ l-fatt li, skont il-ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Awstralja, id-data tinġabar biss għal skopijiet ta' prevenzjoni, tisjib, investigazzjoni u pproċessar ta' reati relatati mat-terroriżmu jew mal-kriminalità transnazzjonali serja, u li jiġu żgurati salvagwardji effikaċi ta’ rimedju u ta’ protezzjoni;

124.  Jiddispjaċih li fil-Ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti, l-iskopijiet għall-ġbir tad-data PNR mhumiex espliċiti u li s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data previsti fil-ftehim mhumiex kompletament konformi mal-istandards tal-UE; jenfasizza li l-Kummissjoni ma esploratx b’mod xieraq alternattivi inqas intrużivi għall-analiżi tad-data PNR, bħal dik ipprovduta bl-użu tal-Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri jew billi l-użu ta’ dejta PNR jiġi ristrett għal każijiet fejn ikunu diġà ġew stabbiliti indikazzjoni jew suspett inizjali;

125.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Ftehim TFTP tal-UE mal-Istati Uniti seta’ ma ġiex implimentat skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim; jenfasizza li l-ewwel u t-tieni spezzjoni mwettqa mill-Korp ta’ Sorveljanza Konġunta tal-Europol (JSB) iqajmu tħassib serju dwar il-konformità tal-Ftehim TFTP tal-UE mal-Istati Uniti mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data;

126.  Jirrimarka bi tħassib li l-ewwel ispezzjoni mwettqa mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol (JSB) tqajjem tħassib serju dwar il-konformità tal-Ftehim TFTP tal-UE mal-Istati Uniti mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza t-tħassib espress mill-EDPS, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-FRA u minn bosta parlamenti nazzjonali rigward id-direttiva proposta dwar ir-Reġistru Ewropew tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)(19), billi jiġu limitati l-kamp ta' applikazzjoni tat-titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u t-tul taż-żmien taż-żamma tad-data u l-lista ta’ data maħżuna, u billi tiġi żgurata evalwazzjoni effettiva tas-sistema;

128.  Ma jqisx il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistema Ewropea ta’ rintraċċar tal-finanzi tat-terroristi bħala bażi adegwata għan-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE, fejn tiġi żgurata konformità sħiħa mal-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta;

129.  Jenfasizza li sistema Ewropea ta’ rintraċċar tal-finanzi tat-terroristi(20) għandha tkun sistema ta’ estrazzjoni effiċjenti u mmirata bi drittijiet tal-aċċess ċari li tiżgura t-terminazzjoni tat-trasferimenti attwali ta’ data f’massa lejn l-Istati Uniti malajr kemm jista’ jkun;

130.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħassru jew jirrieżaminaw ir-regoli dwar il-likwidi u l-iskeners tal-ġisem u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri li jiksru r-regolamenti tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini f’dan ir-rigward;

Migranti u refuġjati

131.  Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu proċedura għal regoli aktar koordinati li jiggvernaw lil min ifittex l-ażil, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE u l-KEDB;

132.  Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-refuġjati u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha, li jipprojbixxi li dawn jintbagħtu lura lejn il-fruntieri tagħhom;

133.  Jikkundanna b’mod qawwi l-użu estensiv tad-detenzjoni minn ħafna mill-Istati Membri għall-iffaċilitar tat-tneħħija tal-immigranti, inklużi l-minorenni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu alternattivi għad-detenzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

134.  Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw il-proċeduri tal-ażil tagħhom sabiex dawn jikkonformaw mar-rekwiżit li jiġi żgurat rimedju effikaċi kif stipulat mill-ġurisprudenza tal-KEDB u tal-QĠUE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ limiti ta’ żmien applikabbli biex jitressaq appell kontra deċiżjoni, deċiżjoni negattiva u dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ permanenza fil-pajjiż ospitanti matul il-proċess tal-appell;

135.  Jinnota li teżisti disparità kbira ħafna fir-rikonoxximent ta’ persekuzzjonijiet ibbażati fuq is-sess fi proċeduri tal-ażil fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw linji gwida dwar is-sess għal dawk li inizjalment jieħdu d-deċiżjonijiet u għall-imħallfin, fuq il-bażi tal-linji gwida rilevanti għas-sess tal-UNHCR u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil għall-iżvilupp ta’ għodod sabiex tkun żgurata perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil;

136.  Jitlob lill-Istati Membri jiffukaw fuq politiki migratorji legali effikaċi u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Kollha Immigranti u Membri tal-Familji tagħhom; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-migranti nisa li huma partikolarment vulnerabbli;

137.  Ifakkar l-importanza tad-direttiva għall-ħaddiema staġjonali(21) għat-tnaqqis tal-irregolaritajiet fix-xogħol u r-riskju tal-isfruttament u jħeġġeġ għal konklużjoni rapida tan-negozjati;

138.  Ifakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa dritt fundamentali u jistieden b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jagħmlu mezz li dan id-dritt ikun disponibbli fil-prattika, inkluż lill-immigranti irregolari, speċjalment in-nisa tqal u l-minorenni, waqt li jirrifletti t-tħassib espress mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2011;

139.  Jilqa’ l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 – 2016 u l-ħidma tal-Koordinatur tal-UE ta’ Kontra t-Traffikar; ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ stupri tal-massa, tat-traffikar fi bnedmin jew ta’ forom oħra ta’ abbuż sesswali jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti u d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali huma għodod utli għall-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar u għandhom ikunu implimentati bis-sħiħ;

140.  Jiddeplora l-progress li qed isir bilmod fl-adozzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) u jiddispjaċih li l-approċċ tal-Unjoni ffoka fuq il-kontroll tal-migrazzjoni aktar milli fuq l-aċċess għall-ħarsien internazzjonali tal-bżonnijiet tan-nies li għandhom jibbenefikaw minnu; Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw li s-SEKA tiġi implimentata sal-aħħar tal-2012 kif ippjanat, b’mod konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri dwar l-ażil;

141.  Jilqa’ t-titjib fid-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki(22), l-aktar ir-rikonoxximent akbar tal-forom ta’ persekuzzjoni speċifiċi għas-sess, l-inklużjoni tal-identità tas-sess bħala raġuni għall-persekuzzjoni li għaliha għandha tiġi pprovduta l-protezzjoni u l-impenn biex jitqies l-aqwa interess tat-tfal;

142.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Kwalifiki b’mod li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan biex imorru lil hinn mil-livell minimu ta' benefiċċji u drittijiet żgurati fit-test;

143.  Jenfasizza li l-ambitu mwessa’ tad-Direttiva dwar Residenti għal Żmien Twil(23) għar-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja se tikkontribwixxi għall-integrazzjoni effikaċi tagħhom li tinkludi benefiċċji għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri;

144.  Jilqa’ l-proposta riveduta tal-Kummissjoni li tfassal mill-ġdid id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza(24) u jisħaq li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza bażiċi għandhom jiġu offruti mill-mument li dawk li jfittxu l-ażil jaslu u li dawn għandhom ikunu imħeġġa biex jikkontribwixxu għall-komunità ospitanti, irrispettivament mit-tul tal-permanenza tagħhom;

145.  Jenfasizza li lakuni u ambigwitajiet fil-proposta emendata ta’ Direttiva dwar il-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali(25) għandhom jiġu indirizzati b’mod li jkun jista’ jippermetti lill-Istati Membri li jevitaw ir-riskju ta’ spejjeż miżjuda u użu ħażin possibbli, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess għal deċiżjonijiet dwar l-ażil li huma ġusti u ta’ kwalità għolja għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni;

146.  Jirrakkomanda t-twaqqif ta’ timijiet ta’ esperti dwar l-ażil li jassistu lill-istati li għandhom infrastrutturi tal-ażil insuffiċjenti; hu tal-fehma li l-eżistenza ta’ standards minimi u ta’ mekkaniżmi ta’ valutazzjoni tal-kwalità jistgħu jtejbu l-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil;

147.  Jenfasizza li dawk li jfittxu l-ażil ma jgawdux minn livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni proċedurali u sostantiva fl-Istati Membri kollha minħabba traspożizzjoni inadegwata tal-liġi tal-UE jew minħabba approċċi għall-implimentazzjoni li jkunu differenti;

148.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt attwali tas-sistema ta’ Dublin fuq id-drittijiet legali ta’ dawk li jfittxu l-ażil, inkluż id-dritt tagħhom li jkollhom it-talba tagħhom għall-ażil eżaminata b’mod ġust, u fejn din tkun rikonoxxuta, għal protezzjoni effikaċi, kif ukoll dwar id-distribuzzjoni mhux ugwali tat-talbiet għall-ażil fost l-Istati Membri;

149.  Jenfasizza l-importanza ta’ negozjati fid-dawl tal-emenda tar-Regolament Dublin II u jenfasizza li m’għandhomx jiġu mfittxija proċeduri aktar effiċjenti għad-detriment tad-drittijiet tal-applikanti;

150.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkompletati n-negozjati dwar mekkaniżmu effikaċi għas-sospensjoni ta’ trasferimenti skont ir-Regolament Dublin II għall-Istati Membri fejn ikun hemm riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’konformità mal-każistika reċenti tal-KEDB u tal-QĠUE;

151.  Jitlob li jsiru kontrolli fuq il-fruntieri li jkunu sensittivi għad-drittijiet fundamentali u jenfasizza l-ħtieġa għal sorveljanza demokratika mill-Parlament fuq operazzjonijiet tal-Frontex;

152.  Jisħaq l-impenn tiegħu li jiżgura skrutinju parlamentari sħiħ għall-Aġenziji JHA tal-UE, l-aktar l-Europol, il-Frontex, is-Cepol, l-Eurojust u l-Aġenzija għall-immaniġjar operattiv ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira; jistieden lil dawk l-aġenziji jsaħħu d-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali tal-attivitajiet tagħhom;

153.  Jenfasizza l-bżonn li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni prattika tal-mandat tal-EASO, u jirrimarka li l-aspetti relatati mad-drittijiet fundamentali tal-ħidma tal-Europol għandhom jiġu indirizzati fin-negozjar mill-ġdid tal-mandat tiegħu fl-2013;

154.  Jitlob li ssir implimentazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet futuri ta’ Schengen;

155.  Jenfasizza li l-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità tad-data miġbura u maħżuna għandhom japplikaw għat-teknoloġiji l-ġodda għall-ħżin tad-dejta personali u għas-sorveljanza tal-fruntieri;

156.  Jenfasizza li l-libertà tal-moviment fi ħdan iż-żona Schengen hija waħda mill-aktar drittijiet konkreti taċ-ċittadin; ma jaqbilx bil-qawwi mar-raġunijiet il-ġodda għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri Schengen, minħabba li dan idgħajjef il-moviment ħieles fi ħdan l-UE u l-funzjonament taż-żona Schengen.

157.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għaż-żieda tan-nuqqas ta' konformità mill-Istati Membri mal-acquis ta’ Schengen, li b’hekk jimmina l-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea u għaldaqstant jisħaq l-importanza ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ immexxija mill-UE biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen adottat f’konformità mal-Artikolu 77 TFUE u mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali;

158.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ garanziji proċedurali armonizzati waqt l-ikkuntestar tal-legalità u l-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ allert fis-Sistema ta' Informazzjoni ta’ Schengen jew f’bażijiet tad-data nazzjonali komparabbli;

159.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tal-Ftehimiet Ewropej ta’ Riammissjoni(26) (EURAs) biex ma tibqax tappoġġa l-konklużjoni mgħaġġla ta’ ftehimiet ġodda li jwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kunsill josserva l-prinċipju ta’ “l-ebda ftehim għal kwalunkwe prezz”;

160.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-ħajja pubblika fil-livell lokali, u lil dawk li rratifikawh, biex japplikaw l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, li jipprevedi l-għoti tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet lokali għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi li kienu residenti regolari u abitwali fl-Istat ospitanti matul il-ħames snin ta’ qabel l-elezzjonijiet;

Drittijiet tat-Tfal

161.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jindirizzaw b’mod effikaċi l-isfidi bħat-tneħħija tat-tfal mill-kustodja ta’ ġenitur jew iż-żewġ ġenituri, tfal neqsin, sfruttament sesswali tat-tfal u pornografija tat-tfal, protezzjoni ta’ tfal migranti mhux akkumpanjati u s-sitwazzjoni ta’ tfal b’diżabilità istituzzjonalizzati, kif ukoll il-protezzjoni ta’ tfal li sofrew minn abbuż domestiku u sfruttament fuq il-post tax-xogħol;

162.  Jilqa’ l-Aġenda tal-UE tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji, u l-fatt li d-Direttiva dwar vittmi ta’ kriminatlià tiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni tat-tfal bħala vittmi vulnerabbli;

163.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jelaboraw politiki tajbin għat-tfal f’oqsma bħall-impjieg, l-ambjent, is-sigurtà jew il-migrazzjoni, kif ukoll rigward kwistjonijiet ġudizzjarji, edukazzjoni u protezzjoni tad-data; jenfasizza l-importanza tal-investiment f’azzjonijiet li huma orjentati lejn it-tfal billi l-linji baġitarji eżistenti jiġu orjentati mill-ġdid u permezz ta’ investimenti ġodda; jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu l-impjieg tat-tfal taħt l-età minima ta’ tluq mill-iskola; jissottolinja li ż-żgħażagħ li jaħdmu għandhom ikunu protetti mill-isfruttament ekonomiku, u minn kwalunkwe aspett li jista’ jkun ta’ ħsara għas-sigurtà, is-saħħa, l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali u soċjali tagħhom, kif ukoll minn kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jfixklu l-edukazzjoni tagħhom;

164.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom iqisu d-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri, tal-kustodji legali, jew ta’ individwi oħra li huma legalment responsabbli għat-tfal;

165.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni adegwata tad-Direttiva dwar il-ġlieda tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal(27) u tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin(28);

166.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE li għandhom m’għamlux hekk biex jirrattifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-NU dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u l-Konvenzjoni tal-2007 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tat-tfal kontra l-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali;

167.  Jenfasizza li l-ebda minorenni mhux akkumpanjat m’għandu jinżamm detenut peress li huma persuni vulnerabbli li jeħtieġ li jiġu milqugħa b’mod speċifiku;

168.  Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati (2010-2014); jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti dwar il-minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess ta’ migrazzjoni;

169.  Jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika d-drittijiet tat-tfal fl-attivitajiet kollha tal-UE u tivvaluta x-xogħol li sar s’issa mill-Koordinatur tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

170.  Jinkoraġġixxi l-użu ta’ indikaturi tad-drittijiet tat-tfal li ġew elaborati mill-FRA fir-rieżami tal-azzjonijiet tal-UE; jitlob li ssir elaborazzjoni ta’ linji gwida prattiċi dwar kif dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw bl-aħjar mod;

171.  Jesprimi tħassib dwar l-iskandli riċenti ta’ każijiet li jinvolvu l-pedofilija u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li ma tiġix tollerata l-impunità fl-investigazzjonijiet ta' pedofilija;

Id-Drittijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja tal-Vittmi

172.  Jistieden lil partijiet interessati oħra, inklużi l-aġenziji tal-UE bħall-EUROPOL u l-Istati Membri biex, filwaqt li jagħmlu d-drittijiet tal-bniedem kwistjoni ta’ importanza kbira, jiżguraw kooperazzjoni fil-livell tal-UE f’approċċ olistiku, koordinat u integrat; jistieden lill-Istati Membri jadottaw oqfsa legali xierqa u definizzjoni xierqa u uniformi tat-traffikar tal-bnedmin u jiżguraw koordinazzjoni nazzjonali fost atturi tal-istat responsabbli għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi tat-traffikar ; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu r-riċerka fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin sabiex jaġġustaw kif xieraq il-politiki tal-gvern f'oqsma bħall-migrazzjoni, is-suq tax-xogħol u l-ekonomija;

173.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi evalwat il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Koordinatur tal-UE ta’ Kontra t-Traffikar;

174.  Jiddispjaċih li ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru differenti minn tagħhom mhumiex infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom u jħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom;

175.  Jenfasizza li kemm il-KEDB u l-QĠUE enfasizzawfid-deċiżjonijiet tagħhom ostakli għad-dritt għal smiegħ ġust u għall-aċċess għall-ġustizzja bħat-tul tal-proċeduri u n-nuqqas ta’ rimedji effikaċi;

176.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakli li fadal, bħall-limiti tal-ħin, il-pożizzjoni legali, it-tul tal-proċedimenti, l-ispiża legali u l-formalitajiet proċedurali;

177.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirristrutturaw is-sistemi tal-qrati tagħhom, jirrevedu l-livell tat-tariffi tal-qorti, jirriformaw is-sistema tal-għajnuna legali u jipprovdu mekkaniżmi alternattivi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess ugwali għall-ġustizzja safejn ikun l-aktar possibbli;

178.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jeżaminaw kif il-prinċipji legali komuni dwar ir-rimedju kollettiv jistgħu jiddaħħlu fis-sistema legali tal-UE u fl-ordnijiet legali tal-Istati Membri;

179.  Jesprimi tħassib fir-rigward tar-rispett għal smigħ ġust fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, u b’mod partikolari fir-rigward tal-proposti riċenti dwar “evidenza sigrieta” li tippermetti lill-gvernijiet jużaw evidenza kontra individwi li huma ma jkunux jistgħu jikkontestaw, jew anki jaraw, li jkun f’kontradizzjoni kbira mad-drittijiet u l-istandards fundamentali Ewropej;

180.  Jistieden lill-Kummissjoni tlesti l-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, filwaqt li jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ smigħ ġust ikunu eżerċitati fil-prattika b’mod effikaċi;

181.  Jilqa’ l-Pjan Direzzjonali dwar il-proċeduri kriminali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu standards sodi fl-UE kollha għad-drittijiet proċedurali kemm tal-konvenuti kif ukoll tal-vittmi;

182.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-estradizzjoni lejn il-pajjiżi terzi ma tiksirx id-drittijiet fundamentali u jistedinhom jirrevedu t-trattati internazzjonli li huma parti minnhom f'dan ir-rigward;

183.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-implimentazzjoni effikaċi fl-UE tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tad-dritt ta' kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f'ambjent li huwa adegwat għas-saħħa u l-benessri tiegħu jew tagħha;

184.  Jistieden lill-Istati Membri jittrattaw ir-reati speċifiċi għas-sess u jipproponu miżuri effikaċi biex tiġi indirizzata l-vjolenza domestika, jekk neċessarju billi tiġi adottata leġiżlazzjoni dwar miżuri ta’ protezzjoni;

185.  Jilqa’ l-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi li ġie adottat mill-Kunsill, u l-proposta mill-Kummissjoni għall-pakkett tal-vittmi li jindirizza speċifikament il-bżonnijiet tal-vittmi tfal u tal-vittmi tat-terroriżmu;

186.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi finanzjarji għal servizzi għal vittmi tal-kriminalità, filwaqt li titqies il-valutazzjoni li ġejja mill-FRA tal-għażliet u l-prattiċi promettenti fl-Istati Membri;

187.  Jiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqasijiet li baqa’ fir-rigward tal-garanziji minimi tad-drittijiet tad-difiża, u jirrimarka li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ikkontesta n-nuqqas ta’ rimedji effikaċi kontra l-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-użu tiegħu għal reati żgħar;

188.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-detenuti fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jressqu proposti, flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-priġunieri jiġu rispettati u li tiġi promossa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà; jitlob li ssir l-implimentazzjoni tat-talbiet inklużi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 20111 dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE(29) u b’mod partikolari li ssir inizjattiva leġiżlattiva dwar standards komuni minimi ta’ detenzjoni fl-UE u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ xierqa;

189.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun ibbażata fuq il-konformità sħiħa mal-istandards u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

190.  Jilqa' l-investigazzjonijiet f'attivitajiet illegali tas-CIA li diġà seħħew f'ċerti Stati Membgri, kif mitlub fir-rapporti tal-Parlament tal-2007 u fir-rapport tiegħu ta' segwitu tal-2012; jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet u jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom bis-sħiħ skont il-liġi internazzjonali;

191.  Jitlob li tissaħħaħ is-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tas-servizzi sigrieti fil-livell nazzjonali, li huwa estremament urġenti u neċessarju; jistieden lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha fir-rigward tal-kollaborazzjoni f’livell Ewropew bejn dawn l-aġenziji, inkluż permezz ta’ korpi tal-UE, u bejn dawn u pajjiżi terzi;

192.  Jesprimi tħassib dwar l-istanzi ta’ puliżija fl-UE li jużaw forza sproporzjonata f’dimonstrazzjonijiet u attivitajiet pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-tisħiħ tas-sorveljanza demokratika u ġuridika tal-aġenziji u l-persunal għall-infurzar tal-liġi, li tiġi żgurata r-responsabbiltà u li l-impunità ma jkollha ebda post fl-Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ użu sproporzjonat ta’ forza jew meta jitwettqu atti ta’ tortura jew li jinvolvu trattament inuman jew degradanti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-puliżija jkollu fuqu numru ta’ identifikazzjoni;

Ċittadinanza

193.  Ifakkar li t-Trattat ta’ Maastricht tal-1992 introduċa l-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni’, fejn ta d-dritt lil kull ċittadin tal-Unjoni biex jiċċaqlaq u jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Unjoni, id-dritt tal-vot u biex ikun kandidat f’elezzjonijiet muniċipali u f’elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru li fih hu jew hi jirrisjedu, protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, id-dritt li jsiru petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew u li ssir applikazzjoni lill-Ombudsman Ewropew, kif ukoll sensiela ta’ drittijiet f’diversi oqsma bħall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa pubblika, opportunitajiet ugwali u trattament ugwali, aċċess għall-impjieg u l-protezzjoni soċjali; jinnota li t-Trattati ta’ Amsterdam (1997) u Lisbona (2009) saħħew aktar id-drittijiet assoċjati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

194.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv dwar drittijiet elettorali fuq livell nazzjonali u tal-UE sabiex tidentifika differenzi li għandhom impatt inġust fuq ċerti kategoriji ta’ persuni fl-UE, u biex tiġi akkumpanjata b’rakkomandazzjonijiet xierqa fuq kif tegħleb id-diskriminazzjoni ifakkar fl-importanza tat-trattament preferenzjali u tal-miżuri speċjali fil-promozzjoni tar-rappreżentazzjoni tan-nies minn sfondi differenti u ta’ gruppi żvantaġġjati f'pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

195.  Ifakkar fis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ proċeduri elettorali, ibbażati, inter alia, fuq il-Kodiċi ta’ Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni ta' Venezja, u jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jimplimentawhom;

196.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti s-sitwazzjoni ta’ dawk li mhumiex ċittadini, b’mod partikolari fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza u r-Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali;

197.  Jitlob lill-Istati Membri jniedu kampanji ta’ informazzjoni u ta’ għarfien biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet filwaqt li jqisu l-bżonnijiet ta’ udjenzi u ta’ gruppi vulnerabbli aktar speċifiċi; jitlob li jsiru riformi neċessarji tal-proċeduri elettorali Ewropej biex isiru f’kull Stat Membru sabiex tiġi promossa ċittadinanza attiva tal-UE; iqis li ċ-ċittadinanza attiva u parteċipatorja fl-UE għandha titħeġġeġ ukoll permezz ta’ aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni, it-trasparenza, il-governanza u l-amministrazzjoni tajbin, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni demokratika, b’teħid tad-deċiżjonijiet li jkun l-aktar viċin possibbli taċ-ċittadini tal-Unjoni;

198.  Jilqa' l-fatt li l-2013 ġiet innominata bħala s-Sena Ewropea għaċ-Ċittadini, biex b'hekk tingħata viżibilità liċ-ċittadinanza tal-Unjoni u lill-benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kampanji tal-informazzjoni jitwettqu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet marbuta magħha;

199.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqassmu informazzjoni dwar id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b’mod attiv sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE barra l-Unjoni Ewropea, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi jew diżastri;

200.  Jistieden lill-Istati Membri jħejju kampanji ta’ informazzjoni biex jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta' petizzjoni u li jippreżentaw ilmenti lill-Ombudsman Ewropew dwar att ta’ amministrazzjoni ħażina imwettaq minn istituzzjoni jew korp Ewropew, u permezz ta' inizjattivi taċ-ċittadini;

201.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jżidu l-għarfien pubbliku tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li hija għodda għad-demokrazija diretta li għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni;

202.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa li jitnedew kampanji ta’ informazzjoni effikaċi li jippromwovu d-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE fost iż-żgħażagħ, bħal pereżempju t-twaqqif ta' “programm ta' ċittadinanza attiva” fl-iskejjel u l-universitajiet;

203.  Jissottolinja l-bżonn għal riforma rapida tas-sistema elettorali tal-Parlament Ewropew, fejn tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE fil-funzjonament tal-UE;

o
o   o

204.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
(3) Dokument tal-Kunsill 10140/2011 tat-18 ta' Mejju 2011.
(4) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 49.
(5) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 405.
(6) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.
(7) Ara notevolment l-Artikoli tal-Karta dwar id-drittijiet soċjali kif ukoll l-Artikoli rilevanti speċifiċi tat-Trattati dwar is-solidarjetà: l-Artikoli 80 u 122 tat-TFUE.
(8) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
(9) COM(2010)0573.
(10) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.
(11) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 65.
(12) Testi adottati, P7_TA(2012)0069.
(13) COM(2011)0127 u COM(2011)0126.
(14) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi.
(15) Schalk u Kopf v Austria, Applikazzjoni Nru. 30141/04, QEDB.
(16) ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.
(17) ĠU C 379, 7.12.1998, p. 66.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(19) COM(2011)0032.
(20) COM(2011)0429.
(21) COM(2010)0379.
(22) ĠU L 337, 20.12.2011, p.9.
(23) ĠU L 132, 19.5.2011, p. 1.
(24) COM(2011)0320.
(25) COM(2011)0319.
(26) COM(2011)0076.
(27) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(28) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(29) Testi adottati, P7_TA(2011)0585.

Avviż legali - Politika tal-privatezza