Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (2012/2062(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 8, 21, 33 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011 bit-titlu “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv’ (COM(2011)0886),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2001 dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-proċess ta’ demokratizzazzjoni f’pajjiżi terzi (COM(2001)0252),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' April 2010 bit-titolu “Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma'' (COM(2010)0171),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Ottubru 2011 bl-isem ta’ 'Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva' (COM(2011)0681),
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(3),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE(4),
– war li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” dwar id-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija(6), adottati fl-1 ta' Diċembru 2011 fit-3130 laqgħa tiegħu u d-Dikjarazzjoni dwar it-twaqqif ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija(7), li dwarha ntlaħaq qbil fil-Coreper fil-15 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED)(8),
– wara li kkunsidra l-istabbiliment riċenti ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0378/2012),
A. billi l-UE hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għandha obbligu legali, kif deskritt fit-Trattati, li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE u l-Istati Membri mingħajr eċċezzjoni, kif ukoll fil-qalba tal-ftehimiet internazzjonali kollha; billi djalogi bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi għandhom jiġu segwiti minn miżuri konkreti maħsuba sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu fil-qalba ta’ dawn il-politiki;
B. billi l-UE żviluppat ġabra estensiva ta' strumenti bħala qafas ta' politika sabiex tappoġġa dan l-obbligu, inklużi linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem, strument finanzjarju globali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)), rekwiżit għall-istrumenti finanzjarji esterni kollha – bħall-Istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), l-Istrument għall-Istabilità (IfS), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument ta' Sħubija (PI) – għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ħdan il-kompetenza tagħhom, l-istabbiliment ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED) u l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, dikjarazzjonijiet u konklużjonijiet tal-Kunsill, dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli, inizjattivi tal-UE, sanzjonijiet tal-UE fil-każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u, aktar reċenti, strateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
C. billi, skont in-natura varjabbli tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, l-UE stabbilixxiet varjetà wiesgħa ta' strumenti bħall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-Ftehim ta’ Cotonou u djalogi u konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u għat-titjib tal-kooperazzjoni fi ħdan korpi internazzjonali f’diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni; billi l-PEV jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' impenji miftiehma, u l-Ftehim ta’ Cotonou jipprovdi għal konsultazzjonijiet fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen ukoll li r-rwol tal-UE għall-appoġġ tal-proċessi elettorali u l-osservazzjoni elettorali, għandu wkoll impatt sostanzjali fuq it-trawwim tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;
D. billi l-effett kumulattiv ta' dawn il-politiki rriżulta f'approċċ biċċa biċċa li permezz tiegħu l-prinċipju tal-koerenza u l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-UE u bejnhom u bejn politiki oħra ma ġiex rispettat kif xieraq; billi dawn l-istrumenti differenti għaldaqstant saru elementi indipendenti u ma jservu la l-obbligu legali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u lanqas il-mira politika assoċjata, għalhekk hemm ħtieġa għal armonizzazzjoni u l-ħolqien ta' sinerġiji bejn dawn l-istrumenti;
E. billi diversi elementi jipprevjenu l-implimentazzjoni ta’ politika effettiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u billi l-komunikazzjoni konġunta ta' Diċembru 2011 ma indirizzatx b’mod effettiv elementi bħan-nuqqas ta' approċċ integrat ibbażat fuq ir-rabta bejn l-istrumenti esterni kollha tal-UE u l-inkorporazzjoni adegwata ta' objettivi ta' prijorità nazzjonali, in-nuqqas ta' politika ta' valutazzjoni komparattiva għall-istrumenti kollha (inklużi politiki u strateġiji ġeografiċi) li għandhom ikunu jistgħu jkejlu u jimmonitorjaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi abbażi ta' indikaturi speċifiċi, trasparenti, li jistgħu jitkejlu, jintlaħqu u marbuta biż-żmien, u d-dgħufijiet ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, li għandhom ikunu stabbiliti fid-djalogu politiku usa' fl-ogħla livell;
F. billi l-avvenimenti tar-'Rebbiegħa Għarbija' u l-esperjenza miksuba mal-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant kemm matul il-perjodu tranżitorju rispettiv tagħhom kif ukoll qabel urew il-ħtieġa li l-Politika tal-Viċinat tissawwar mill-ġdid sabiex tingħata prijorità ogħla lid-djalogu fost l-oħrajn ma' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, trejdjunjins, il-midja, l-universitajiet, il-partiti politiċi demokratiċi u elementi oħra tas-soċjetà ċivili, u lid-difiża tal-libertajiet fundamentali, li huwa indispensabbli għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni u tranżizzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment ta' EED bħala rispons konkret mill-UE għall-isfidi tad-demokratizzazzjoni, inizjalment għalkemm mhux esklussivament f'pajjiżi tal-viċinat tal-UE;
G. billi din il-politika mġedda għandu jkollha l-għan li tinvolvi ulterjorment lill-pajjiżi sħab f'riformi demokratiċi aktar profondi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari ta’ drittijiet fundamentali ewlenin bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà tal-għaqda u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, abbażi tal-approċċ 'aktar għal aktar' u tar-responsabilità reċiproka bejn il-pajjiżi sħab, l-UE u l-Istati Membri tagħha;
H. billi, bħala parti mill-proċess ta' rieżami, il-Kunsill irrazzjonalizza u fformula mill-ġdid il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-kuntest tal-azzjoni esterna tiegħu; billi din id-definizzjoni mill-ġdid hija inkorporata fil-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li ġie adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012 u kkomplimentat minn Pjan ta' Azzjoni li jistabbilixxi biċ-ċar l-objettivi speċifiċi, skeda ta' żmien, stadji sinifikanti għall-azzjoni u l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet; billi l-Kunsill innomina Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tisħiħ tal-viżibilità, l-effikaċja u l-koerenza tal-politika tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu billi jiġu vvalutati l-istrumenti attwali tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġu kkonsultati msieħba u istituzzjonijiet differenti fil-qasam u billi jsir enfasi fuq kwistjonijiet sostantivi li jeħtieġu attenzjoni immedjata;
I. billi l-kriżi ekonomika attwali, l-effetti nnutati tagħha fuq is-saħħa tal-proġett Ewropew u t-tibdil fil-bilanċ globali tas-setgħa wrew l-insuffiċjenza ta' proklamazzjonijiet grandjużi dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jekk ma jkunux akkumpanjati minn politika dwar id-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq il-prinċipji implimentata permezz ta' miżuri rapidi u konkreti u msejsa fuq obbligu tar-rispett għall-koerenza u l-konsistenza tad-dimensjonijiet interni u esterni tal-politiki kollha tal-UE;
J. billi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija hija responsabilità konġunta maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri; billi l-progress f'dan il-qasam jista' biss isir permezz ta' azzjoni kkoordinata u koerenti miż-żewġ naħat; billi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali jiffurmaw parti integrali tad-drittijiet tal-bniedem mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948;
K. jikkunsidra għalhekk li huwa essenzjali għall-UE li tgħin sabiex jiġu implimentati dawn id-drittijiet fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li magħhom tiffirma ftehim internazzjonali, inkluż fl-iffirmar ta’ ftehimiet kummerċjali;
L. billi l-evoluzzjoni tat-teknoloġija u l-għodod ġodda tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, il-livelli dejjem jiżdiedu tal-edukazzjoni f'ħafna reġjuni tad-dinja, il-wasla ta' ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala setgħat reġjonali, il-ħolqien ta' forums multilaterali ġodda bħall-G-20 u t-tfaċċar ta' soċjetà ċivili globali infurmata u interkonnessa kollha juru l-ħtieġa li tissaħħaħ il-konsistenza u l-koerenza tal-istrumenti attwali fl-ambitu tal-liġi internazzjonali u tingħata spinta lill-kooperazzjoni fil-kuntest tal-governanza globali sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tiġi fi tmiem l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jittejbu l-prospetti għad-demokrazija madwar id-dinja;
M. billi l-aċċess ħieles għall-internet u t-telekomunikazzjonijiet iħeġġeġ dibattitu liberu u demokratiku u jista’ jservi bħala mezz ta’ twissija bikrija ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk għandu jsir prijorità tal-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-appoġġ għad-demokrazija u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;
N. Jenfasizza li l-linji bażiċi u l-elementi essenzjali tal-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jeħtieġu livell għoli ta’ konsistenza u rieda politika sabiex isiru kisbiet tanġibbli;
Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija
1. Iqis li l-inizjattiva ta' rieżami strateġika timpenja ruħha li tirrispondi għall-isfidi ewlenin identifikati mill-Parlament u partijiet interessati oħra; jilqa' l-approċċ komprensiv u inklużiv adottat mill-Kunsill f'dan ir-rigward u, b'mod partikolari, il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija bħala espressjoni konkreta tal-impenn u r-responsabilità tal-UE, flimkien mal-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, li hija ħaġa li l-Parlament Ewropew kien talab li ssir f'rapporti preċedenti;
2. Jerġa' jafferma li kull bniedem irid igawdi mid-drittijiet tal-bniedem u mil-libertajiet universali, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, indipendentement miċ-ċirkostanzi jew mis-sitwazzjonijiet, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mis-sess, mill-oriġini razzjali jew etnika, mill-età, mid-diżabilità, mill-orjentament sesswali jew mill-identità tal-ġeneru;
3. Jistieden lill-UE timxi minn kliem għal azzjoni u timplimenta l-wegħdiet li saru b’manjiera mgħaġġla u trasparenti;
4. Jenfasizza li l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni jirrappreżentaw bażi, mhux limitazzjoni, għall-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jadottaw approċċ sod u koerenti għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'manjiera trasparenti u responsabbli;
5. Jilqa' l-fatt li l-Viċi-President/Rappreżentant Għoli pproponiet il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u l-ġustizzja (b'fokus fuq id-dritt għal proċedimenti ġusti) bħala t-tliet suġġetti interkonnessi għall-kampanji, u jittama li r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem se jkollu rwol pożittiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni f'dan ir-rigward;
6. Jemmen bis-saħħa li l-ħolqien tal-pożizzjoni ta' Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jsaħħaħ il-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġiji politiċi esterni kollha tal-UE;
7. Ifittex li jiżgura komunikazzjoni u kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Parlament Ewropew u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jesprimi x-xewqa tal-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta b'mod dirett, li jkun assoċjat mill-qrib ma' dan il-qafas ta' politika modifikat u d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jiżvolġi r-rwol ewlieni tiegħu li jtejjeb il-leġittimità demokratika tat-tfassil tal-politiki tal-UE, filwaqt li jirrispetta r-rwol ta' kull istituzzjoni skont it-Trattat;
9. Itenni r-rieda tiegħu li jintensifika l-kooperazzjoni interistituzzjonali, inkluż bħala parti minn grupp ta' kuntatt dwar id-drittijiet tal-bniedem - li jgħaqqad is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), is-servizzi rilevanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem - fdati bis-segwitu għar-rieżami u l-Pjan ta' Azzjoni;
10. Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet kollha jikkombinaw l-isforzi tagħhom f'dan il-proċess u jitlob għaldaqstant, dikjarazzjoni konġunta li timpenjahom lejn prinċipji u objettivi fundamentali komuni;
11. Ifaħħar l-ambizzjoni tal-Qafas Strateġiku; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni u li jiġu ċċarati l-proċeduri u t-tqassim tal-kompiti bejn l-UE u l-Istati Membri, sabiex tinkiseb iktar effiċjenza u effettività fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni;
Koerenza u kooperazzjoni f'oqsma ta' politika u bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha
12. Jenfasizza l-ħtieġa għall-koerenza u l-konsistenza fost l-oqsma kollha ta' politika, li hija kundizzjoni essenzjali għal strateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem effikaċi u kredibbli u jqis li huwa ta' dispjaċir li ma hemm l-ebda referenza speċifika għal dawn il-prinċipji fil-Qafas Strateġiku; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenji ripetuti tagħha, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tagħha tal-2001 u f'dik tal-2010 dwar Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (COM(2010)0171), sabiex tieħu passi prattiċi għall-iżgurar ta' koerenza u konsistenza akbar bejn il-politiki esterni u interni tagħha; ifakkar li fl-2001 ġew miftiehma l-involviment sħiħ tal-Parlament u koordinazzjoni akbar f'dan il-qasam; ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li r-rispett għad-drittijiet fundamentali jibda internament u ma għandux jitqies bħala xi ħaġa garantita, iżda għandu jkun evalwat u mtejjeb kontinwament sabiex l-UE tkun tista' tinstema' bħala vuċi kredibbli dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja;
13. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tiegħu biex itejbu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiksbu koerenza u komplementarjetà akbar tal-politiki u l-programmi dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-iżvilupp;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrispettaw l-impenn li jadottaw 'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem' fl-ambitu tal-proċess ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kollu kemm hu;
15. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea żżomm u tonora ir-rwol li tiżvolġi għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, permezz tal-użu effikaċi, konsistenti u meqjus tal-istrumenti disponibbli kollha għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-effikaċja tal-politika tagħna ta' għajnuna għall-iżvilupp;
16. Jenfasizza l-importanza tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp bil-għan li jiġi garantit li l-politiki tal-UE f'kull qasam jippermettu r-rispett dejjem akbar tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda dritt tal-bniedem jinkiser minn ebda politika tal-UE;
17. Jenfasizza li r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem il-ġdid irid jikkunsidra l-aġenda tal-iżvilupp fl-azzjonijiet kollha mmiriti għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. jistenna, f'dan ir-rigward, li jkun hemm kollaborazzjoni stretta mal-Parlament u mal-kumitati rilevanti tiegħu dwar din il-kwistjoni;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE, fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tal-bżonn li jiġi żgurat il-ħarsien assolut tad-drittijiet u li tiġi evitata l-erożjoni tad-drittijiet stabbiliti fiha, jingħata appoġġ partikolari għall-prijoritizzazzjoni tal-bżonnijiet tat-tfal taż-żewġ sessi f'termini ta' salvagwardji u assistenza speċjali, abbażi tal-Konvenzjoni u tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Tfal;
19. Jikkundanna bil-qawwa l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala ksur tal-integrità tal-ġisem tan-nisa u tal-bniet u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn il-prattiki tradizzjonali krudili fl-istrateġija tagħhom kontra l-vjolenza fuq in-nisa;
20. Iqis li l-UE se jkollha biss kredibilità fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jekk il-politiki esterni tagħha jkunu koerenti mal-azzjoni tagħha ġewwa l-fruntieri tagħha stess;
21. Jiddikjara li l-Qafas Strateġiku għandha tkun mgħammra bil-viżibilità xierqa, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, il-kredibilità u l-obbligi tar-rendikont tal-Istrateġija lejn iċ-ċittadini;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni għad-drittijiet tal-bniedem għall-promozzjoni tal-valuri tal-UE fid-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni, kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma fl-2010 u skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;
23. Jinsisti li d-direttorati ġenerali kollha tal-Kummissjoni u tas-SEAE jwettqu valutazzjonijiet dettaljati tal-implikazzjonijiet legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għall-politiki esterni tal-UE minħabba li l-Karta hija applikabbli għall-azzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE; jikkommetti ruħu għall-istess eżerċizzju; iħeġġeġ lill-kumitati parlamentari tiegħu jagħmlu użu mid-dispożizzjoni rilevanti skont l-Artikolu 36 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li tippermettilhom jivverifikaw il-konformità ta' proposta għal att leġiżlattiv mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inklużi proposti relatati mal-istrumenti finanzjarji esterni;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-livell ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni bejn il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali (FREMP) u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) tal-Kunsill; iħeġġeġ li l-kooperazzjoni u konsultazzjoni msemmija tiġi estiża għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden liż-żewġ korpi jagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert u l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-proċeduri speċjali tan-NU, inkluż fit-tħejjija ta' inizjattivi ġodda bil-ħsieb li jiġu definiti u promossi valuri komuni u standards internazzjonali;
25. Jilqa' ż-żieda fil-koerenza politika mal-konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali u l-mekkaniżmi bħal dawk tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa; jitlob inklużjoni sistematika ta' dawn l-istandards fl-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li għandhom ikunu d-dokument ta' referenza għall-politiki ġeografiċi u tematiċi, pjanijiet ta' azzjoni, strateġiji u strumenti; jissuġġerixxi li l-kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ippjanati li jikkonċidu ma' samits internazzjonali, għandha tiġi estiża għas-sħab reġjonali u l-organizzazzjonijiet kollha u segwita minn dikjarazzjonijiet speċifiċi wara laqgħat ma' dawn is-sħab kif ukoll wara laqgħat ma' pajjiżi terżi, b'mod partikolari l-BRICs u ekonomiji emerġenti oħra;
26. Iqis li l-inklużjoni ta' pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani fil-Politika tal-Viċinat tal-Kunsill tal-Ewropa se tipprovdi għodda komplimentarji għal approssimazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u l-aħjar prattiki tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-programm konġunt UE-Kunsill tal-Ewropa miftiehem reċentement għat-tisħiħ tar-riformi demokratiċi fil-viċinat tan-Nofsinhar huwa eżempju tal-għarfien espert komplimentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar riformi kostituzzjonali, legali u isitituzzjonali;
27. Jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jaħdmu lejn it-titjib tar-rispett tal-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin u l-protezzjoni tagħha meta jittrattaw standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
28. Jistieden lill-kumitati rilevanti tiegħu, bħas-sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-korpi u l-istrumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u jistabbilixxu djalogi strutturati sabiex jiżviluppaw sinerġija effikaċi u pragmatika bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u jagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert eżistenti f'dan il-qasam;
Lejn approċċ inklużiv u effikaċi
29. Jirrikonoxxi l-mira tar-rieżami li d-drittijiet tal-bniedem jitpoġġew fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha; iqis li hu essenzjali li l-UE tadotta approċċ effikaċi fir-rigward tas-sħab tagħha billi tiżviluppa ċerti prijoritajiet ewlenin relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li tiffoka l-isforzi tagħa fuq dan l-approċċ sabiex tidderieġihom f'riżultati li jistgħu jiġu prodotti u jinkisbu; jinnota li fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dawn il-prijoritajiet ewlenin bħan-non-diskriminazzjoni u dawk għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon jew twemmin, il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-assoċjazzjoni;;
30. Jissuġġerixxi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jadottaw bħala prijoritajiet ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u sforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, aspetti li fihom l-UE kisbet riżultati tajbin u l-esperjenza tagħha hija relevanti biżżejjed biex tkun tista’ taqsamha u tikseb riżultati konkreti;
31. Ifakkar li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu bħala prerekwiżiti essenzjali l-iżvilupp, id-demokrazija u l-Istat tad-dritt, u li bejniethom teżisti relazzjoni sinerġika ta' tisħiħ reċiproku; jistieden lill-UE tagħti sostenn lill-ħolqien ta' ideali ta' demokrazija u rispett tad-drittijiet tal-bniedem fis-soċjetà kollha, partikolarment bil-għan li jiġu promossi l-parità tal-ġeneru u d-drittijiet tat-tfal;
32. Jilqa' r-rwol ċentrali tal-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, suġġetti ta' rikjesta li ilha li saret mill-Parlament, u l-fatt li dawn ġew żviluppati bħala proċess inklużiv li jinkludi delegazzjonijiet tal-UE, kapijiet ta' missjonijiet u l-COHOM; iqis li huwa essenzjali li tiġi organizzata konsultazzjoni wiesgħa, speċjalment mal-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u partijiet interessati oħrajn, u jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom;
33. Iqis li għal azzjoni tal-UE aktar effikaċi u kisbiet li jistgħu jitkejlu, hija essenzjali l-identifikazzjoni speċifika skont il-pajjiż ta' prijoritajiet, objettivi realistiċi u forom ta' ingranaġġ politiku; huwa tal-fehma li l-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu integrati fil-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE u fil-politiki kummerċjali u tal-iżvilupp (kemm fi programmi ġeografiċi kif ukoll tematiċi) sabiex jiġu żgurati effiċjenza, effikaċja u koerenza aħjar;
34. Jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-istrateġiji nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmazzjoni u fl-għoti ta' kull tip ta' assistenza lill-pajjiżi terzi, kif ukoll fid-dokumenti ta' strateġija u fil-programmi indikattivi pluriennali;
35. Jirrakkomanda li l-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem isiru pubbliċi, mingħajr ma jitqegħdu f'riskju s-sigurtà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza li dawn il-prijoritajiet pubbliċi se juru l-impenn tal-UE lejn id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi u jipprovdu appoġġ lil dawk li qed jiġġieldu biex jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jemmen li l-Parlament għandu jkollu aċċess għall-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għall-informazzjoni kollha li tikkonċernahom;
36. Jenfasizza r-rwol tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011, li tirreferi fost oħrajn għall-Prinċipji Gwida tal-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta’ CSR mal-istrateġiji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li kumpaniji Ewropej u Multinazzjonali għandhom ukoll responsabbiltajiet u obbligi u jilqa’ l-affermazzjoni mill-ġdid tas-CSR mill-UE; iħeġġeġ lill-impriżi kollha jassumu r-responsabbiltà korporattiva tagħhom li jirrispettaw lid-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU; jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tiżviluppa gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju; jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom stess għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jinsistu fuq il-ħtieġa li anke pajjiżi sħab iżommu ma’ standards tas-CSR rikonoxxuti internazzjonalment bħall-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u d-dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-prinċipji rigward l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali;
37. Jemmen li l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjah, li għandhom perjodu ta' żmien ta' tliet snin, se jirrazzjonalizzaw objettivi ta' prijorità nazzjonali, fost oħrajn billi jkopru linji gwida tematiċi tal-UE u strateġiji lokali relatati sabiex jipprovdu qafas koerenti għall-azzjoni kollha tal-UE; jitlob il-finalizzazzjoni fil-pront tal-istrateġiji nazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-implimentazzjoni rapida tagħhom u valutazzjoni tal-aħjar prattiki; jinsab konvint li dawn l-istrateġiji se jippermettu valutazzjonijiet annwali preċiżi tal-implimentazzjoni tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fi ftehimiet qafas;
38. Jirrakkomanda li, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-UE tiftiehem dwar lista ta' 'kwistjonijiet minimi' li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiddiskutu mal-kontropartijiet relevanti tagħhom f'pajjiżi terzi matul laqgħat u żjarat, inkluż fl-ogħla livell politiku u matul samits;
39. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jinkoraġġixxu aktar lill-pajjiżi terzi biex jagħmlu dispożizzjoni espressa dwar id-drittijiet tan-nisa fil-leġiżlazzjoni tagħhom u biex jiggarantixxu li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati;
40. Jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jinvolvu ruħhom u jipprovdu assistenza lill-atturi reliġjużi u organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin f’appoġġ tal-libertà reliġjuża u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;
41. Jilqa’ l-impenn li sar fil-Qafas Strateġiku li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, inkluż imsieħba strateġiċi; jistieden għalhekk lill-UE tadotta konklużjonijiet annwali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-imsieħba strateġiċi tal-UE, biex tiġi stabbilita bażi komuni għall-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE f’termini ta’ tħassib tad-drittijiet tal-bniedem li, bħala minimu, iridu jiddiskutu mal-kontropartijiet rilevanti tagħhom;
42. Jappella għal aktar sforzi għall-protezzjoni u għas-sostenn tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, u speċjalment dawk li jgħixu taħt theddid jew biża' minħabba l-impenn tagħhom; jistenna b'ħerqa l-miżuri aktar flessibbli u mmirati li jkunu jistgħu jittieħdu għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas tal-EED;
Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija Klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni li teħtieġ li l-kumpaniji tal-UE jiżguraw li l-akkwisti tagħhom ma jappoġġjawx lil dawk li jwettqu kunflitti u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri billi jwettqu kontrolli u verifiki fuq il-katini tal-provvista tal-minerali tagħhom u jippubblikaw ir-riżultati;jitlob lill-Kummissjoni biex tipproduċi u tagħmel pubblika lista ta' kumpanniji tal-UE li kienu kompliċi direttament fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rapporti tagħhom ma' reġimi awtoritarji; huwa tal-fehma li diliġenza dovuta obbligatorja mill-kumpaniji tal-UE, f'konformità mal-linji gwida ppubblikati mill-OECD, se tipproteġi r-reputazzjoni ta’ negozji Ewropej u toħloq aktar koerenza tad-drittijiet tal-bniedem u politiki tal-iżvilupp tal-UE, speċjalment f'żoni li jbatu minn kunflitti;
44. Jirrakkomanda li r-Rappreżentant Għoli tibbaża dan il-mekkaniżmu fuq ir-rikonoxximent tar-riskju potenzjali ta' pajjiż sħab li jikser standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, billi jinkludi partikolaritajiet speċifiċi ta' sistema ġenwina ta' 'twissija bikrija' fil-klawżola, u fuq l-istabbiliment ta' qafas progressiv ibbażat fuq il-konsultazzjoni, il-passi u l-konsegwenzi, simili għal dak previst fil-Ftehim ta' Cotonou u jsegwi l-eżempju tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ imdaħħal fis-seħħ taħt il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkmenistan; jinnota li tali sistema, ibbażata fuq id-djalogu, tgħin tidentifika u tindirizza ambjent li qed jispiċċa u ksur ripetut u/jew sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem bi ksur tal-liġi internazzjonali, u tagħmilha possibbli li jiġu diskussi miżuri ta’ korrezzjoni fi ħdan qafas vinkolanti; jitlob għaldaqstant rieżami sabiex jiġi vvalutat ukoll ir-rwol, il-mandat u l-objettivi tad-djalogi u l-konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jiġu mtejba;
45. Jitlob għal protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-migranti fil-pajjiżi ospitanti sabiex ikunu evalwati regolarment u jingħataw attenzjoni speċjali;
46. Jilqa’ t-twaqqif min-naħa tal-Parlament tal-mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ sitwazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, stabbilit bħala parti mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mat-Turkmenistan; jirrakkomanda li mekkaniżmi ta' monitoraġġ simili jiġu ppjanati b'mod sistematiku għal ftehimiet oħra wkoll;
47. Jenfasizza d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-2009 li jestendi l-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għall-ftehimiet kollha u li jipprevedi rabta bejn dawn il-ftehimiet u ftehimiet ta' kummerċ ħieles billi jinkludi klawżola 'passerelle' fejn neċessarju; jinnota ir-referenza fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-iżvilupp ta' kriterji għall-applikazzjoni ta’ dan l-element; jinnota li din l-estensjoni li tkun koperta l-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem teħtieġ neċessarjament mekkaniżmu ċar għall-implimentazzjoni tagħha fil-livelli istituzzjonali u politiċi, għalhekk teħtiġilha tkun komplimentata minn mekkaniżmu ta' infurzar operattiv; jinsisti li klawsoli vinkolanti u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu inklużi fil-ftehimiet kollha konklużi mill-UE kemm ma' pajjiżi industrijalizzati kif ukoll ma' dawk li qed jiżviluppaw, inklużi ftehimiet settorjali u ftehimiet kummerċjali u dwar l-investiment; iqis li huwa essenzjali li l-pajjiżi sħab kollha, b'mod partikolari pajjiżi bl-istess opinjoni u sħab strateġiku li l-UE qiegħda tinnegozja ftehimiet magħhom, jissottoskrivu ma' dan l-impenn vinkolanti;
48. Jinnota li l-Parlament mhuwiex involut fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tat-tnedija ta' konsultazzjoni jew għas-sospensjoni ta' ftehim; jikkunsidra li f’każ li l-Parlament jadotta rakkomandazzjoni fejn jitlob l-applikazzjoni tal-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem u d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-Kummissjoni għandha teżamina b’attenzjoni jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet taħt dan il-kapitolu. jinnota li f'każ li l-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux ġew issodisfati, għandha tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament;
49. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli jamplifika r-rapport annwali dwar l-azzjoni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja, filwaqt li jżid rapport dwar il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem li jkopri wkoll l-applikazzjoni tal-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet fis-seħħ, bl-inklużjoni ta' analiżi każ b'każ ta' kull proċess ta' konsultazzjoni u miżuri xierqa oħra mnedija mill-Kunsill, is-SEAE u l-Kummissjoni, flimkien ma' analiżi tal-effikaċja u l-koerenza tal-azzjoni meħuda;
Valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem
50. Jemmen li l-UE tista biss tindirizza bis-sħiħ l-obbligi tagħha fl-ambitu tat-Trattat ta' Lisbona u l-Karta billi tħejji valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem qabel in-negozjati dwar il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali kollha ma' pajjiżi terzi;
51. Jinnota li din il-prattika sistematika hija l-unika mod kif tista' tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-liġi primarja, l-azzjoni esterna tal-UE u l-obbligi tal-parti terza stess skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u standards tax-xogħol u ambjentali rikonoxxuti internazzjonalment;
52. Jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt imsemmija jkunu jinkludu l-firxa sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż onlajn, li għandha tinftiehem bħala ħaġa waħda inseparabbli;
53. Jinnota li dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu b'mod indipendenti, trasparenti u parteċipattiv, bl-involviment ta' komunitajiet potenzjalment affetwati;
54. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw metodoloġija b'saħħitha li tiġbor fiha l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq ċerti popolazzjonijiet u li tipprovdi miżuri preventivi jew ta' rimedju miftiehma b'mod reċiproku f'każ ta' kwalunkwe impatt negattiv, qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati;
55. Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-bżonn li jitwettqu valutazzjonijiet dwar l-impatt ta' dawk il-proġetti li l-implimentazzjoni tagħhom iġġib magħha riskju serju ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, bħal proġetti relatati mal-ġudikatura, l-aġenziji ta' kontroll mal-fruntieri u l-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà f'pajjiżi mmexxija minn reġimi repressivi;
Politika ta' valutazzjoni komparattiva
56. Jenfasizza li l-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija jeħtieġu neċessarjament kriterji pubbliċi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, bil-għan li jivvalutaw il-livell ta' rispett għal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jikkunsidra f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti u l-għarfien espert tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa inkluża l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-bniedem bħala element vijabbli ta’ katalogu ta’ referenza ta’ tali Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija għall-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa, u għandha tiddistingwi biċ-ċar il-konklużjonijiet politiċi tagħha minn evalwazzjoni legali u teknika;
57. Jirrakkomanda li s-SEAE jiżviluppa sett ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u punti ta' riferiment pubbliċi u speċifiċi skont il-pajjiż li jistgħu jservu bħala bażi koerenti u konsistenti għall-valutazzjoni annwali tal-politiki tal-UE fil-qafas tal-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi; jirrakkomanda li dawn il-punti ta' riferiment ikunu jinkludu l-elementi bażiċi tad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tar-refuġjati u l-persuni spustati;
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat imġedda
58. Ifakkar fit-tagħlimiet relatati mal-politika li nsiltu mir-Rebbiegħa Għarbija u mill-esperjenza miksuba mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kemm matul il-perjodi tranżitorji tagħhom kif ukoll qabel, inkluż il-ħtieġa li jinbidlu politiki preċedenti iffukati partikolarment fuq ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet u li tiġi stabbilita sħubija effikaċi bejn l-UE u l-gvernijiet u s-soċjetajiet ċivili ta' pajjiżi sħab; jenfasizza b'rabta ma' dan ir-rwol importanti tal-EED li għadu kemm ġie stabbilit, inizjalment għalkemm mhux esklużivament fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE;
59. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu programmi u li jiġu appoġġati proġetti li jagħtu lok għall-kuntatt bejn is-soċjetà ċivili fl-UE u f’pajjiżi terzi u jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jibnu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili li tipparteċipa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, li għandu jsir pilastru ċentrali tal-istrumenti finanzjarji esterni li qed jiġu attwalment rivedut;
60. Jilqa’ l-fatt li djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem tas-Sħubija tal-Lvant jiġu kkumplimentati minn seminars konġunti tas-soċjetà ċivili u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant;
61. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw il-mudell ta' mekkaniżmu istituzzjonalizzat ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili stabbilit fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea ta' Isfel, bħala l-punt ta' tluq għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi saħansitra aktar inklużivi għall-ftehimiet kollha;
62. Jifhem il-punt ċentrali tal-approċċ il-ġdid tal-UE li s-soċjetajiet jissaħħu permezz ta' responsabilità nazzjonali attiva għall-appoġġ tal-kapaċità tagħhom li jieħdu sehem f'proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet pubbliċi u ta' governanza demokratika;
63. Jilqa’ inizjattivi ġodda bħall-EED u l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili (CSF) li jagħmlu l-għajnuna tal-UE aktar aċċessibbli, speċjalment għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li jistgħu jikkatalizzaw approċċ tal-UE aktar strateġiku u politiku għad-demokratizzazzjoni permezz tal-provvista ta’ għajnuna speċifika għall-kuntest, flessibbli u f'waqtha mmirata lejn l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni demokratika f'pajjiżi sħab;
64. Jinnota li għalkemm l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija kienu mistennija li jġibu trasformazzjoni prodemokratika, f’ħafna każijiet irriżultaw fid-deterjorazzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet ta’ minoranzi reliġjużi; għalhekk jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-Kristjani, il-Lhud, il-Musulmani u kontra komunitajiet reliġjużi oħra, kif ukoll kull tip ta' diskriminazzjoni u intolleranza kontra persuni reliġjużi, apostati u persuni bla twemmin bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin; jenfasizza għal darb’oħra, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet aktar bikrija tiegħu, li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjoni huwa dritt fondamentali tal-bniedem;
65. Jenfasizza li l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija wrew għadd ta' nuqqasijiet fil-politiki tal-UE lejn dan ir-reġjun, inkluż is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, li jiffaċċjaw qgħad tal-massa u nuqqas ta' prospetti f'pajjiżhom; jilqa' madankollu r-rieda' li jittieħed approċċ ġdid, u jinsisti dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-proġetti u l-programmi ta’ skambju li għaddejjin bħalissa, inklużi dawk mibdija fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran;
66. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu programmi ta' skambju jew jinfetħu programmi Ewropej għaż-żgħażagħ tar-Rebbiegħa Għarbija, u biex ikun hemm riflessjoni fil-livell tas-soċjetà ċivili dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' għarfien tal-problemi, partikolarment dawk ta' natura ekonomika u soċjali, ta’ dawn is-soċjetajiet;
67. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' programmi ta' skambju jew il-ftuħ ta' programmi Ewropej għaż-żgħażagħ ta' pajjiżi terzi;
68. Jenfasizza li rabtiet qawwija mas-soċjetà ċivili kemm fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija kif ukoll f'dawk tas-Sħubija tal-Lvant, imrawma fost l-oħrajn mill-programmi ta’ skambju, apprendistati fl-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri u boroż ta’ studju fl-Universitajiet Ewropej huma indispensabbli għall-iżvilupp fil-futur u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija f’dawk il-pajjiżi;
69. Jindika li r-riflessjoni bbażata fuq is-soċjetà ċivili msemmija hawn fuq tista' tissaħħaħ permezz tal-istabbiliment ta' Konvenzjoni Ewro-Għarbija għaż-Żgħażagħ jew Konvenzjoni taż-Żgħażagħ Ewro-MENA / Ewro-Mediterranja dwar id-drittijiet tal-bniedem;
70. Jenfasizza li s-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija hija ta’ spiss kritika fil-valutazzjoni tal-progress fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u li garanzija tad-drittijiet tan-nisa għandha tkun parti essenzjali tal-azzjoni tal-UE b'rabta ma' dawn il-pajjiżi; jsejjaħ għall-istabbiliment ta' Konvenzjoni Interparlamentari Ewro-Għarbija tan-Nisa;ifakkar ukoll li d-demokrazija tinvolvi l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-ħajja pubblika, kif iddikjarat fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali bħall-Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika;
71. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-kooperazzjoni tagħhom, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE; jilqa’ inizjattivi bil-għan li jittrasferixxu l-prattiki tajba, billi jikkoordinaw u jistimolaw il-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri u f'pajjiżi tal-Viċinat tal-UE, bħall-programm għall-kooperazzjoni bejn l-Ombudsmen mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant 2009-2013 għall-kooperazzjoni bejn l-ombudsm mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li ġie stabbilit b'mod konġunt mill-ombudsmen Pollakk u Franċiż bl-għan li tittejjeb il-kapaċità tal-uffiċċji tal-ombudsmen, il-korpi governattivi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għall-ħarsien tad-drittijiet tal-individwi u l-bini ta’ stati demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa li azzjoni bħal din tiġi kkoordinata fl-UE u li l-istituzzjonijiet tal-UE jserrħu fuq l-esperjenza miksuba permezz ta’ dan; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġeġ it-twaqqif ta' istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi tal-viċinat tal-UE li s-sistema legali tagħhom ma tinkludix korpi bħal dawn;
72. Jinsisti li r-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jimplimentaw b'konvinzjoni l-Politika Ewropea tal-Viċinat imġedda billi japplikaw bl-istess attenzjoni l-prinċipji “aktar għal aktar’ u ”inqas għal inqas’;
73. Jemmen li pajjiżi vvalutati biċ-ċar bħala li mhumiex qed jagħmlu progress fid-demokrazija profonda u fil-bidla profonda istituzzjonali u soċjali, inkluż l-istat tad-dritt, għandu jitnaqqsilhom l-appoġġ mill-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-appoġġ għas-soċjetà ċivili f'dawk il-pajjiżi, skont il-miri ta' din il-politika, b’mod partikolari jekk jinkisru ċerti prinċipji ewlenin, inklużal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, in-non-diskriminazzjoni, il-bilanċ bejn il-ġeneri, il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-assoċjazzjoni;
74. Jinsab imħasseb dwar il-kontinwazzjoni tal-attitudnijiet preċedenti li permezz tagħhom jingħata kumpens politiku eċċessiv għal passi meħuda minn gvernijiet sħab li ma jikkontribwixxux għall-kisba diretta tal-objettivi;
75. Jilqa’ l-inizjattiva li jiġi introdott approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-politika dwar l-iżvilupp, jinnota li tali approċċ għandu jkun ibbażat fuq l-inseparabbilità tad-drittijiet tal-bniedem, u jemmen bis-sħiħ li fil-qalba tal-objettivi ta’ kooperazzjoni għandu jkun hemm il-bnedmin u l-benesseri tal-popli aktar milli l-gvernijiet; jenfasizza li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp f'dan il-kuntest għandha tkun intiża li tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni sħiħa tal-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex politiki differenti tal-UE ma jostakolawx lil xulxin f'dan ir-rigward;
76. Jilqa’ l-inizjattiva ġdida Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, li mill-2014 sal-2020 se toħloq opportunità għal madwar 10,000 Ewropej li jipparteċipaw f’operazzjonijiet umanitarji madwar id-dinja, f'postijiet fejn hemm l-aktar bżonn għajnuna, u biex juru solidarjetà Ewropea billi jgħinu b'mod prattiku lil komunitajiet milquta minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem;
Responsabilità interistituzzjonali konġunta
77. Huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni korrispondenti huma partikolarment sinifikanti, billi dawn jirrappreżentaw impenn komuni ffirmat mir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol ewlieni li kellu l-Parlament fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; Jistenna li l-Parlament ikun involut kif xieraq fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, fost l-oħrajn permezz ta' skambji fil-Grupp ta' Kuntatt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jgħaqqad lis-SEAE, lis-servizzi rilevanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Sottokumitat tal-PE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin;
78. Jirrakkomanda li l-Parlament jiżviluppa relazzjonijiet aktar dinamiċi mad-delegazzjonijiet tal-UE, ibbażati fuq kuntatti regolari u skambji ta' informazzjoni permezz ta' rapporti ta' progress li jirriflettu 'aġenda għall-bidla' fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-objettivi u l-istadji sinifikanti definiti fil-Pjan ta' Azzjoni;
79. Jikkommetti ruħu li jiżgura segwitu aktar sistematiku għar-riżoluzzjonijiet tiegħu relatati mad-drittijiet tal-bniedem u ta' każijiet individwali ta' drittijiet tal-bniedem, permezz tal-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ segwitu bl-appoġġ tal-Unità ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilita reċentement, u jirrakkomanda aktar kooperazzjoni bejn is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u kumitati rilevanti oħra tal-PE, u mal-Qorti tal-Awdituri, sabiex ikun żgurat li l-objettivi tar-rieżami strateġiku jkunu abbinati ma' appoġġ finanzjarju adegwat mill-Unjoni;
80. Jirrakkomanda li l-Parlament itejjeb il-proċeduri tiegħu fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u jintensifika l-isforzi sabiex jintegra d-drittijiet tal-bniedem b’mod effettiv fl-istrutturi u l-proċessi tiegħu stess sabiex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma fil-qalba tal-azzjonijiet u l-politiki parlamentari kollha, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-Linji Gwida tiegħu għad-Delegazzjonijiet Interparlamentari tal-PE dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
81. Huwa tal-fehma li kull delegazzjoni permanenti tal-Parlament u kull kumitat rilevanti għandu jkollhom membru, preferibilment magħżul fost il-President u l-Viċi Presidenti tagħhom, speċifikament bil-kompitu li jimmonitorjaw il-portafoll tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tar-reġjun, il-pajjiż jew il-qasam tematiku kkonċernat, u li l-persuni maħtura għandhom jirrappurtaw b'mod regolari lis-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
82. Jirrakkomanda li d-delegazzjonijiet tal-PE li jmorru fuq missjoni f’pajjiż fejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija preokkupanti għandu jkollha membri speċifikament bil-kompitu li jqajmu l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tar-reġjun jew il-pajjiż ikkonċernat, u li dawn il-membri għandhom jirrappurtaw lis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem;
83. Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Membri;
84. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-mudell għad-dibattiti fil-plenarja dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt sabiex ikun hemm lok għal dibattiti aktar frekwenti b'parteċipazzjoni usa' mill-Membri, konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili matul il-proċess ta’ abbozzar, grad ogħla ta' rispons għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sitwazzjonijiet oħra mhux previsti fil-qasam, u jenfasizza l-ħtieġa ta' segwitu aħjar għal dibattiti u riżoluzzjonijiet preċedenti;
85. Jenfasizza l-ħtieġa għal utilizzazzjoni aħjar tal-potenzjali tan-Netwerk tal-Premju Sakharov mill-PE u istituzzjonijiet oħra tal-UE;
86. Jirrakkomanda li l-Parlament, f’kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, jorganizza avveniment annwali dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn madwar id-dinja, li jipprovdi lill-Parlament b’opportunità annwali biex juri l-appoġġ tiegħu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u jgħinhom fil-progress tad-drittijiet tagħhom li jitkellmu u jsegwu d-drittijiet tagħhom fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;
87. Jitlob applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 36 TUE sabiex ikun żgurat li l-fehmiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati kif xieraq fir-rigward tal-għoti ta' segwitu għar-riżoluzzjonijiet u jirrakkomanda djalogu aktar b'saħħtu f'dan ir-rigward;
o o o
88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.