Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2889(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0544/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2012 - 11.7
CRE 13/12/2012 - 11.7

Testi adottati :

P7_TA(2012)0507

Testi adottati
PDF 254kWORD 86k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
P7_TA(2012)0507RC-B7-0544/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2012/2889(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u rapporti preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tal-1 ta' Diċembru 2011 li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina(1) u tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-każ ta’ Yulia Tymoshenko(2),

–  wara li kkunsidra r-rapporti interim u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR fl-Ukraina, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni dwar il-Kostatazzjonijiet u l-Konklużjonijiet Preliminari, maħruġa fid-29 ta’ Ottubru 2012 flimkien mal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tan-NATO,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle tat-12 ta' Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tal-10 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ex President tal-Polonja Aleksander Kwasniewski u l-ex President tal-Parlament Ewropew Pat Cox tat-3 ta’ Ottubru 2012 li stqarret li l-elezzjonijiet se jkunu “deċiżivi’ għall-futur tal-Ukraina u li ”l-momentum fir-relazzjonijiet UE-Ukraina waqaf ħesrem’,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni ta’ osservazzjoni elettorali ad hoc tal-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina, ippreżentat fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tas-6 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża adottat fit-22 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-PEV dwar l-Ukraina ppubblikat fil-15 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Samit UE-Ukraina 2011 fi Kyiv irrikonoxxa l-Ukraina bħala pajjiż Ewropew b'identità Ewropea, li jaqsam storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-osservaturi tal-OSKE/ODIHR u l-osservaturi internazzjonali tal-elezzjoni sabu evidenza li l-elezzjonjiet fl-Ukraina kienu kkaratterizzati minn ambjent medjatiku żbilanċjat, ġestjoni ħażina fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet elettorali, nuqqas ta’ trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, abbuż ta’ riżorsi amministrattivi u kundizzjonijiet mhux indaqs, riflessi wkoll fl-assenza ta’ kandidati tal-oppożizzjoni ewlenin li ntefgħu l-ħabs għal raġunijiet politiċi, fatti li jikkostitwixxu pass lura meta mqabbel ma’ elezzjonijiet ġenerali preċedenti;

C.  billi, filwaqt li l-OSKE ħarġet valutazzjoni ġeneralment pożittiva tal-proċess ta' votazzjoni f’jum l-elezzjoni, osservaturi internazzjonali indikaw nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif sar il-kalkolu tar-riżultati finali, u vvalutaw b’mod negattiv kemm il-proċess tat-tabulazzjoni tal-voti f’77 mill-161 kummissjoni elettorali distrettwali li ġew osservati u l-fatt li d-dewmien fit-tabulazzjoni tal-voti kompla fl-10 ta’ Novembru fi 12-il distrett b’mandat uniku;

D.  billi, skont ir-rapporti tal-OSKE/ODIHR, it-tmexxija tal-proċess postelettorali kien mgħarraq minn irregolaritajiet, dewmien fl-għadd tal-voti u nuqqas ta’ trasparenza fil-kummissjonijiet elettorali;

E.  billi, f’dikjarazzjoni konġunta, il-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle esprimew tħassib dwar it-twettiq tal-proċess postelettorali, li kien mgħarraq b’irregolaritajiet;

F.  billi l-elezzjonijiet ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2012 tqiesu bħala test kruċjali għall-Ukraina, bħala sinjal tal-irriversibilità tal-impenn tal-pajjiż favur l-iżvilupp ta’ sistema demokratika kompluta, il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-kontinwazzjoni tar-riformi politiċi;

G.  billi, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ta’ Venezja u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) ħarġu rakkomandazzjonijiet li jistqarru ċar ħafna li l-Ukraina għandu jkollha sistema proporzjonali b’listi miftuħin;

H.  billi l-mibgħut speċjali tal-Parlament Ewropew, Aleksander Kwasniewski, wissa kontra kull tentattiv ta’ iżolazzjoni tal-Ukraina, li jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għal reġimi mhux demokratiċi;

I.  billi s-samit UE-Ukraina ta’ Diċembru 2011, li kellu jwassal għall-iffirmar tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, naqas milli jilħaq l-objettiv tiegħu minħabba l-inċertezza tal-UE dwar is-sitwazzjoni politika fl-Ukraina, b’mod partikolar l-arrest u l-proċess tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Yulia Tymoshenko u Yuriy Lutsenko;

J.  billi l-Verkhovna Rada qed teżamina l-Abbozz ta’ Liġi 8711, biċċa leġilazzjoni libertiċida li se tillimita l-libertà tal-espressjoni u ta’ għaqda għal dawk li jappoġġjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni lesbjani, gay, bisesswali u transġeneru; billi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dan l-aħħar ħareġ deċijoni li dan jikser l-Artikoli 19 u 26 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

1.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, skont l-OSKE, il-PACE, l-Assemblea Parlamentari tan-NATO u l-osservaturi tal-Parlament Ewropew, il-kampanja elettorali, il-proċess elettorali u l-proċess postelettorali naqsu milli jissodisfaw standards internazzjonali ewlenin u jikkkostitwixxu pass lura meta mqabbel mal-elezzjonijiet nazzjonali tal-2010;

2.  Jinnota, b’mod partikolari, li ċerti aspetti tal-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni (l-arrest tal-kapijiet politiċi tal-oppożizzjoni, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs, ikkawżati primarjament mill-abbuż ta’ riżorsi amministrattivi, każijiet ta’ fastidju u intimidazzjoni ta’ kandidati u persunal elettorali, nuqqas ta’ trasparenza fil-kampanja u fil-finanzjament tal-partiti, u nuqqas ta’ kopertura medjatika bilanċjata) u l-irregolaritajiet u d-dewmien fl-għadd tal-voti u l-proċess ta’ tabulazzjoni irrappreżentaw pass lura meta mqabbel ma’ elezzjonijiet nazzjonali reċenti;

3.  Jenfasizza l-fatt li ż-żewġ mexxeja tal-oppożizzjoni, Yulia Tymoshenko u Yuri Lutsenko, flimkien ma’ oħrajn, inżammu l-ħabs kellu effett ħażin fuq il-proċess elettorali;

4.  Jissottolinja li kooperazzjoni effikaċi bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea tista’ ssir biss abbażi ta’ rieda ċara min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ukraina li jwettqu u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa, partikolarment dik tas-sistema legali u ġudizzjarja, bl-għan li jaderixxu bis-sħiħ mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu dan il-proċess ta’ riforma jagħtuh appoġġ attiv u effikaċi;

5.  Huwa mħasseb dwar l-abbuż tar-riżorsi amministrattivi u s-sistema ta' finanzjament tal-kampanja, li ma laħqux il-livell tal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lill-gvern il-ġdid biex ikompli jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza ta’ finanzjament u nfiq, il-kxif totali tas-sorsi u l-ammonti tal-infiq tal-kampanji u s-sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' finanzjament tal-kampanji, b'mod partikolari;

6.  Jitlob lill-Gvern tal-Ukraina biex jindirizza l-irregolaritajiet elettorali, inklużi r-riżultati li ma pprovdewx konklużjoni f’xi distretti elettorali, fi djalogu mal-partiti politiċi kollha; jistenna, barra minn hekk, li l-parlament Ukrain fiż-żmien xieraq jindirizza n-nuqqasijiet tal-liġi elettorali; jistenna li l-Verkhovna Rada tkun kapaċi tibni fuq il-proposti eżistenti li kienu tħejjew mill-parlament li għadu kif temm il-mandat tiegħu, bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni ta’ Venezja;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi marbuta mal-għadd u t-tabulazzjoni tal-voti f’għadd ta’ kostitwenzi ta’ mandat uniku; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali li ma tiddikjarax riżultat għal dawn il-kostitwenzi, u l-fatt li l-awtoritajiet Ukraini bdew jieħdu miżuri biex jorganizzaw elezzjonijiet ġodda f’dawn il-kostitwenzi mill-iktar fis possibbli;

8.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fis-sentiment nazzjonalista fl-Ukraina, espressa bħala appoġġ għall-Partit Svoboda li, konsegwenza ta' dan, huwa wieħed miż-żewġ partiti l-ġodda li ġie elett għall-ewwel darba fil-Verkhovna Rada; ifakkar li opinjonijiet razzisti, anti-Semitiċi u ksenofobiċi jmorru kontra l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE u għalhekk jappella lill-partiti prodemokratiċi fil-Verkhovna Rada biex ma jassoċjawx ruħhom ma' dan il-partit, jagħtuh l-approvazzjoni tagħhom jew jiffurmaw koalizzjonijiet miegħu;

9.  Jesprimi l-appoġġ kontinwat tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu Ukrain; jiddispjaċih li l-elezzjonijiet parlamentari reċenti ma kkostitwewx xi progress serju fl-avvanz tal-kredenzjali tal-Ukraina f’dan ir-rigward; jenfasizza li l-UE tibqa’ impenjata li taħdem mal-Ukraina, inkluż mas-soċjetà ċivili (NGOs, organizzazzjonijiet reliġjużi, eċċ.), għal titjib tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tisħiħ tal-istat tad-dritt, żgurar tal-libertà medjatika u l-avvanz ta’ riformi ekonomiċi essenzjali;

10.  Jikkonferma li l-impenn tal-UE biex tkompli ġġib “il quddiem ir-relazzjonijiet mal-Ukraina permezz tal-iffirmar tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni hekk kif l-awtoritajiet Ukrainijuru azzjoni determinata u progress tanġibbli, kif mitlub hawn fuq, possibbilment sa żmien is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnjus f’Novembru 2013; jinnota li l-progress fl-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika jiddependi mill-impenn tanġibbli tal-Ukraina favur il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà medjatika;

11.  Jinnota l-adozzjoni u l-iffirmar tal-liġi dwar ir-referenda fl-Ukraina; jistenna li l-awtoritajiet Ukraini jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, meta jsiru disponibbli, bil-għan li jipprevjenu kwalunkwe abbuż possibbli minn din il-leġiżlazzjoni;

12.  Jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet Ukraini biex, flimkien mal-mibgħuta tal-Parlament Ewropew Aleksander Kwasniewski u Pat Cox, isibu soluzzjoni raġonevoli u ġusta għall-każ ta’ Tymoshenko; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina biex jirrispetta u jimplimenta d-deċiżjonijiet finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kawża li għaddejja bħalissa ta’ Yulia Tymoshenko u Yuri Lutsenko;

13.  Jitlob lill-Ukraina biex ma tissoktax bl-applikazzjoni selettiva tal-ġustizzja fl-Ukraina fil-livelli kollha tal-gvern u biex tagħmilha possibbli li l-partiti tal-oppożizzjoni jipparteċipaw fil-ħajja politika fuq bażi ta’ kundizzjonijiet indaqs; jitlob lill-awtoritajiet, f’dan il-kuntest, biex jeħilsu u joffru rijabilitazzjoni lill-membri tal-oppożizzjoni persegwitati politikament, inklużi Yulia Tymoshenko, Yuri Lutsenko u oħrajn;

14.  Jilqa’l-iffirmar tal-ftehim emendat dwar il-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li jdaħħal titjibiet ċari fil-għoti ta’ viżi għaċ-ċittadini Ukraini, meta mqabbel mal-ftehim li hemm fis-seħħ bħalissa; jistieden lill-Kunsill biex iġib “il quddiem id-djalogu bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, qabel is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ġewwa Vilnjus f’Novembru 2013;

15.  Jappella bil-qawwa lill-VP/RGħ Catherine Ashton u lill-Kummissarju Štefan Füle biex jintensifikaw il-ħidma tal-UE mal-Ukraina u biex jibqgħu kommessi li jaħdmu favur l-użu tal-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Ukraina u l-UE, inter alia billi jiżguraw progress stabbli fid-djalogu dwar il-liberaliazzjoni tal-viża;

16.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta’ Diċembru 2012;

17.  Jistieden lill-Verkhovna Rada biex tirrifjuta l-Abbozz ta’ Liġi 8711, li jillimita l-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u li ġie adottat fl-ewwel qari f’Ottubru; jirrimarka li din il-liġi tikser biċ-ċar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, it-tnejn li huma rratifikati mill-Parlament tal-Ukraina;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina kif ukoll lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Europa u tal-OSKE.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0545.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0221.

Avviż legali - Politika tal-privatezza