Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2907(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0562/2012

Dibattiti :

PV 13/12/2012 - 15.1
CRE 13/12/2012 - 15.1

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2012 - 16.1

Testi adottati :

P7_TA(2012)0511

Testi adottati
PDF 245kWORD 76k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P7_TA(2012)0511RC-B7-0562/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2012/2907(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll II tagħha, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupru, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, li, b'mod partikolari, tipprojbixxi l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati, li ġie ratifikat mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2076 (2012), 2053 (2012), 1925 (2010) u 1856 (2008) dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jistipulaw il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (Monusco), id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tat-2 ta' Awwissu 2012 u r-rapporti ta' kull xahar tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar dan is-suġġett,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2012), 1820 (2008), 1888 (2009), u 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultat tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 tagħha dwar ir-responsabbiltà li jiġu protetti l-popolazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikata mir-RDK fl-1982,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tad-19 ta' Settembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju u tad-19 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2011 minn Margot Wallström, l-ex Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2012 mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta' Ġunju, tat-12 ta'Ġunju, tal-10 ta' Lulju u tat-23 ta' Novembru 2012 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Asthon,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, maħruġa fl-10 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazjoni tat-22 ta' Frar 2011 minn Andris Piebalgs, Kummissarju ewropew għall-Iżvilupp, bl-isem “RDK: Pass lejn it-Tmiem tal-Impunità”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas- 26 ta' Ġunju 2012 minn Kristalina Georgieva, Kummissarju Ewropew responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-għajnuna umanitarja u r-rispons f'każ ta' kriżi, rigward id-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni umanitarja fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvernijiet tal-istati membri tal-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) rigward is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organisation Internationale de la Francophonie (OIF), adottata fl-14-il Samit tal-Pajjiżi Frankofoni f'Kinxasa fit-13 u fl-14 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Ġunju 2012 mill-President tal-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mwaqqaf bir-riżoluzzjoni 1533 (2004) lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà, fir-rigward tar-RDK, li tippreżenta r-rapport interim tal-grupp ta' esperti dwar ir-RDK u l-annessi tiegħu u li titlob il-pubblikazzjoni tagħhom bħala dokument tal-Kunsill (S/2012/348),

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra l-ftehim dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) bejn l-UE u r-RDK, li daħal fis-seħħ f'Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-RDK, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minn April 2012 'l hawn, elementi tal-Forzi Armati tar-RDK (FARDC) irvellaw fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod aktar preċiż fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u billi dan l-irvell malajr inbidel f'ribelljoni armata taħt l-isem tal-Moviment tat-23 ta' Marzu (M23), li qed jitlob l-applikazzjoni tal-ftehim ta' paċi ffirmat f'Goma fit-23 ta' Marzu 2009 mill-Gvern tar-RDK u l-grupp armat magħruf bħala l-Kungress Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu (CNDP);

B.  billi r-ribelli tal-M23 huma wieħed minn tużżana gruppi armati, bħall-grupp Mai-Mai, il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) u r-ribelli Ħutu Rwandiżi, minn naħa minnhom, u l-FARDC min-naħa l-oħra, li qed jiġġieldu f'dan ir-reġjun għani fir-riżorsi;

C.  billi għal kważi seba' xhur il-grupp ribelli M23 ilu jokkupa parti kbira mill-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, billi stabbilixxa l-amministrazzjoni tiegħu stess u billi din il-parti tal-provinċja hija għalhekk kollha kemm hi barra mill-kontroll tal-istat tar-RDK, ħaġa li tikkawża instabbiltà u nuqqas ta' sigurtà kostanti;

D.  billi, 11-il jum wara l-ħtif tal-belt ewlenija ta' Goma minn idejn it-truppi tal-gvern appoġġati mill-forzi għaż-żamma tal-paċi tan-NU, l-M23 irtira mill-belt skont ftehim li ntlaħaq b'medjazzjoni reġjonali;

E.  billi, fis-6 ta' Diċembru 2012, bdew negozjati u proċess ta' djalogu bejn il-gruppi ribelli u l-Gvern Kongoliż f'Kampala, l-Uganda;

F.  billi l-attakki riċenti mwettqa minn gruppi armati kontra l-kamp Mugunga III jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lis-sigurtà f'siti għal persuni spustati internament, flimkien ma' aċċess umanitarju mtejjeb;

G.  billi l-Grupp ta' Esperti tan-NU ppreżenta evidenza ta' appoġġ mir-Rwanda għar-ribelli tal-M23, permezz tal-għoti ta' appoġġ militari, inklużi armi, munizzjon, taħriġ u suldati;

H.  billi l-Gvernijiet tal-Uganda u tar-Rwanda ċaħdu akkużi minn bord tan-Nazzjonijiet Uniti li appoġġaw ir-ribelli M23 u l-ħtif tal-belt tal-Lvant tal-Kongo, Goma;

I.  billi l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u l-UE kollha ssospendew ftit mill-għajnuna tagħhom lir-Rwanda, bħala reazzjoni għar-rapport tan-NU;

J.  billi l-istati membri tal-ICGLR, il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-UE għamlu sforzi biex isibu soluzzjoni politika kostruttiva għall-kunflitt fil-Lvant tar-RDK;

K.  billi l-istati membri tal-ICGLR stabbilixxew mekkaniżmu konġunt ta' verifika biex jimmonitorjaw il-movimenti tat-truppi fil-Lvant tar-RDK u ddeċidew li jibgħatu forza internazzjonali newtrali;

L.  billi, skont ir-riżoluzzjoni 2053 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-mandat ta' Monusco ġie estiż sat-30 ta' Ġunju 2013;

M.  billi l-Lvant tar-RDK sofra minn atroċitajiet ripetuti, ikkaratterizzati minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra, bħal stupri tal-massa, inkluż l-istuprar ta' nisa u bniet, tortura, il-qtil ta' persuni ċivili u r-reklutaġġ ġenerali ta' suldati tfal;

N.  billi l-użu tal-vjolenza sesswali u l-użu aktar mifrux tal-istupru għandhom konsegwenzi enormi, bħall-qerda fiżika u psikoloġika tal-vittmi, u għandhom jitqiesu delitti tal-gwerra;

O.  billi l-armata Kongoliża (FARDC) ukoll wettqet bosta abbużi fiż-żoni tal-gwerra;

P.  billi n-nuqqas ta' taħrik ta' dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra jippromwovi klima ta' impunità u jinkoraġġixxi t-twettiq ta' delitti ġodda;

Q.  billi iktar minn 2,4 miljun persuna Kongoliża li jgħixu fiż-żoni affettwati mill-ġlied ġew spustati internament u 420 000 ħarbu lejn pajjiżi ġirien, u billi qed jgħixu f'kundizzjonijiet inumani;

R.  billi r-RDK, u b'mod partikolari r-reġjuni tal-Lvant attwalment taħt il-kontroll tal-gruppi paramilitari armati għandhom abbundanza ta' riżorsi naturali bħad-deheb, il-landa u l-coltan, li permezz ta' attivitajiet ta' estrazzjoni illegali jgħinu biex jiffinanzjaw u jipperpetwaw il-kunflitt;

S.  billi l-Park Nazzjonali ta' Virunga ġie klassifikat mill-Unesco fl-1979 bħala Sit ta' Wirt Dinji minħabba l-bijodiversità unika tiegħu;

T.  billi huwa inaċċettabbli li ngħataw konċessjonijiet taż-żejt fil-Park Nazzjonali ta' Virunga bi ksur tal-Konvenzjoni ta' Pariġi tas-16 ta' Novembru 1972 dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji;

U.  billi l-konċessjonijiet taż-żejt mogħtija fil-Park Naturali ta' Virunga jmorru kontra din il-Konvenzjoni li tagħmel konnessjoni bejn ir-RDK u l-Unesco, u kontra l-Kostituzzjoni u l-liġijiet Kongoliżi, u billi dawn il-konċessjonijiet għandhom għalhekk jitħassru;

V.  billi ż-żieda fil-qgħad, il-kriżi soċjali, il-kriżi tal-ikel, l-inadegwatezza tas-servizzi bażiċi, it-tifqir tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali huma wkoll parzjalment responsabbli għall-instabbiltà tar-reġjun; billi dawn il-problemi jirrikjedu pjan u strateġija komprensivi ta' żvilupp;

W.  billi huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kunflitti, b'mod partikolari permezz tad-demilitarizzazzjoni, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-ex ġellieda, ir-ripatrijazzjoni tar-rifuġjati, ir-risistemazzjoni ta' persuni li ġew spustati f'pajjiżhom stess u l-implimentazzjoni ta' programmi vijabbli għall-iżvilupp;

X.  billi l-poplu indiġenu ta’ Batwa tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b’popolazzjoni ta’ 90 000, huwa madankollu vittma ta’ razzimu sistematiku, eklużjoni soċjali u politika u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK u f'pajjiżi oħra fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

Y.  billi r-ripressjoni kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fir-RDK kibret, u billi dawn qed jiġu arrestati u intimidati b’mod arbitrarju; billi ma ttieħdu l-ebda passi sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tad-degradazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fil-Lvant tar-RDK, li għandha konsegwenzi politiki, ekonomiċi, soċjali, umanitarji u ta’ sigurtà serji fir-RDK u fir-reġjun kollu;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki minn M23 u l-forzi negattivi l-oħra kollha fil-Lvant tar-RDK f’dawn l-aħħar xhur; jopponi kull intervent estern fil-kunflitt u jenfasizza l-bżonn li tintemm kull attività ta’ gruppi armati barranin fil-Lvant tar-RDK;

3.  Jappella b’mod speċifiku kemm lill-Gvern tar-Rwanda kif ukoll il-Gvern tal-Uganda jieqfu milli jappoġġaw il-grupp ribell M23 peress li dan qed ikollu impatt distabbilizzanti fuq ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

4.  Jafferma mill-ġdid id-dritt mhux trasferibbli u li ma jitneħħiex tar-RDK għar-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tagħha;

5.  Jappella lill-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjun jikkontribwixxu f’bona fide għal soluzzjoni paċifika; jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni immedjata tal-pjan ta’ ħruġ mill-kriżi adottat f’Kampala fl-24 ta’ Novembru 2012;

6.  Jilqa’ l-isforzi tal-istati membri tal-ICGRL, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-NU fl-isforzi u l-inizjattivi tagħhom biex isibu soluzzjoni dejjiema u paċifika għall-kriżi; jinsisti li soluzzjoni militari mhux se ssolvi l-kriżi; jappella, għalhekk, għal proċess ta’ paċi politiku li jindirizza d-diżarm tal-forzi ribelli u l-elementi fundamentali li joħolqu l-kunflitt;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-funzjonament effikaċi tal-mekkaniżmu konġunt ta’ verifika u l-istabbiliment u l-iskjerament effikaċi tal-forza internazzjonali newtrali prevista;

8.  Jappella għal pożizzjoni tal-UE fil-konfront tal-individwi kollha li ma osservawx l-embargo fuq l-armi tan-NU għall-Kongo;

9.  Jappella lill-gvernijiet tar-RDK u l-pajjiżi tal-viċinat jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jaslu għal soluzzjoni strutturali li twassal għal paċi dejjiema, is-sigurtà, l-istabbilità, l-iżvilupp ekonomiku u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun permezz tal-kooperazzjoni, id-djalogu permanenti, l-istabbiliment tal-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni; jafferma l-impenn tiegħu fir-rigward tal-kooperazzjoni mar-RDK u r-reġjun tal-Lagi l-Kbar għal dan l-għan;

10.  Jikkundanna kull att ta’ vjolenza u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK u fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tar-RDK affettwat mill-gwerra; jappella lill-forzi kollha li qed jipparteċipaw fil-kunflitti fil-Lvant tar-RDK jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, itemmu l-attakki kollha fuq iċ-ċivili, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, u jipprovdu aċċess u protezzjoni lill-aġenziji umanitarji li jipprovdu assistenza lill-popolazzjoni ċivili li qed tbati;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza sesswali mwettqa fuq skala massiva fir-RDK, b’mod partikolari l-istupru ta’ nisa u bniet, u r-reklutaġġ tat-tfal; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK u l-komunità internazzjonali jipprovdu lill-persuni kollha li jinsabu fi bżonn fil-Lvant tar-RDK b’kura medika xierqa, inklużi l-appoġġ psikoloġiku u l-appoġġ ta' wara trawma;

12.  Jikkundanna l-attentat fuq Dr Mukwege u jappella għal inkjesta ġudizzjarja indipendenti sabiex tiġi stabbilita l-verità fuq dan l-attakk, li kkawża l-mewt tal-bodyguard tiegħu;

13.  Iqis essenzjali li jkun hemm investigazzjoni imparzjali u profonda fil-każijiet fil-passat u fil-preżent ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella lill-Istati kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar iwettqu sforzi sabiex it-tmiem l-impunità jitpoġġa fil-qalba tal-proċess tat-titjib tal-istat ta’ dritt;

14.  Jitlob, b’mod partikolari, li l-atturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, vjolenza sesswali kontra n-nisa u lieva ta’ suldati tfal jiġu rapportati, identifikati, imħarrka u puniti skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata irrispettivament minn min kien l-attur;

15.  Jistieden lill-Gvern Kongoliż jassumi r-responsabbiltà sħiħa tiegħu u jtemm l-impunità, inklużi l-abbużi mwettqa mill-armata Kongoliża (FARDC);

16.  Jistieden lir-RDK tintroduċi riforma tas-settur tas-sigurtà nazzjonali effikaċi, b’istituzzjonijiet indipendenti b’saħħithom li huma responsabbli f’għajnejn l-Istat u l-poplu tiegħu u li huma f'pożizzjoni li jiġġieldu u jsegwu d-delitti u l-każijiet ta' korruzzjoni;

17.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b’mod aktar partikolari l-UE, l-UA u n-NU, ikomplu jieħdu kull miżura possibbli sabiex jipprovdu għajnuna aktar ikkoordinata u effikaċi għan-nies fil-Lvant tar-RDK u jikkontribwixxu għall-isforzi sabiex tingħata reazzjoni għad-diżastru umanitarju;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK u l-komunità internazzjonali jipprovdu lill-persuni kollha li jinsabu fi bżonn fil-Lvant tar-RDK b’kura medika xierqa, inklużi l-appoġġ psikoloġiku u l-appoġġ ta' wara trawma;

19.  Jistieden lill-UA u lill-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar ikomplu jieħdu passi sabiex jiġu miġġielda l-isfruttament u l-kummerċ illeċiti ta’ riżorsi naturali – waħda mir-raġunijiet għall-proliferazzjoni u t-traffikar ta’ armi, li huma fost il-fatturi maġġuri li qed irewħu u jaggravaw il-kunflitti fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

20.  Iqis li l-aċċess trasparenti għar-riżorsi naturali tar-RDK u l-kontroll fuqhom huma indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;

21.  Jappella għal miżuri legali aktar b’saħħithom sabiex tiġi żgurata traċċabbiltà aħjar ta’ minerali minn tħaffir illegali bi strument internazzjonali ta’ kontroll tas-suq għar-riżorsi naturali, kif ispirat mid-Dodd-Frank Act, adottat mill-Kungress tal-Istati Uniti;

22.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż jaġixxi fil-waqt u b’mod sod sabiex jevita kull dannu irriversibbli lill-Park Nazzjonali ta’ Virunga, minħabba l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt jew attivitajiet illegali oħra;

23.  Jistieden lill-Gvern Kongoliż ma joħroġ l-ebda awtorizzazzjoni għall-isfruttament taż-żejt, b’mod konformi mat-talba espliċita tal-Unesco;

24.  Jitlob li jsiru sforzi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali sabiex tiżdied l-awtorità tal-Istat u l-Istat tad-dritt fir-RDK, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u s-sigurtà, anki f’kooperazzjoni mill-qrib mal-missjoni għall-assistenza militari tal-Unjoni Ewropea (EUSEC) u l-missjoni ta' assistenza tal-pulizija tal-Unjoni (EUPOL), li għandhom jitkomplu sabiex jiġu kkonsolidati l-paċi u s-sigurtà kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

25.  Jistieden lill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar iwettqu sforzi sabiex l-istrumenti għall-paċi u l-iżvilupp reġjonali eżistenti jiġu verament implimentati u jistieden lill-Istati kollha li huma firmatarji tal-Patt dwar is-Sigurtà, l-Istabbiltà, u l-Iżvilupp fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar jimplimentawh bis-sħiħ sabiex jistabbilixxu u jikkonsolidaw il-bażi neċessarja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jistieden lin-NU, lill-UE u lill-UA u lill-ħbieb tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar jappoġġaw b’mod qawwi u attiv l-isforzi biex dan il-Patt jiġi implimentat.

26.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun u l-korpi internazzjonali kollha jikkooperaw b’mod attiv mal-awtoritajiet tar-RDK sabiex iżarmaw u jiddemobilizzaw il-gruppi armati kollha u jistabbilixxu paċi dejjiema fil-Lvant tar-RDK;

27.  Iħeġġeġ lill-missjoni għall-Istabbilizzazzjoni Monusco fir-RDK tkun aktar effikaċi fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha sabiex tiggarantixxi s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċivili Kongoliżi; jirrakkomanda l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ inizjattivi lokali għall-paċi minn Monusco u l-Gvern tar-RDK, b’mod partikolari fit-territorji li fihom hemm tensjonijiet etniċi qawwija, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni b’mod permanenti;

28.  Jinkoraġġixxi l-mexxejja tar-RDK jieħdu l-inizjattivi neċessarji kollha sabiex jikkonsolidaw id-demokrazija u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-forzi attivi kollha fost il-poplu tal-Kongo fil-governanza tal-pajjiż fuq il-bażi ta’ regoli legali u kostituzzjonali;

29.  Jilqa’ l-ħolqien fis-6 ta’ Diċembru 2012 mill-Parlament tar-RDK tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem kif deskritta fil-kostituzzjoni, bħala l-ewwel pass qabel tingħadda liġi dwar il-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema ta’ għajnuna u tal-ġurnalisti;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0252.

Avviż legali - Politika tal-privatezza