Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta fl-Indja (2012/2909(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tal-1 ta’ Frar 2007 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja(1) u dawk dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, b’mod partikolari dak tat-18 ta’ April 2012(2),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali XXIV tiegħu, kif ratifikati mill-Indja,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-gvern imressqa minn Mukul Vasnik, Ministru tal-Ġustizzja Soċjali u l-Abilitazzjoni, dwar “L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Projbizzjoni li Persuni jiġu Impjegati Jnaddfu bl-Idejn il-Latrini Mingħajr Drenaġġ u r-Rijabilitazzjoni Tagħhom, 2012’, ippreżentata lill-Parliament Indjan fit-3 ta’ Settembru 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta’ Ottubru 2009 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, u l-appell tagħha lill-istati membri tan-NU biex japprovaw l-abbozz ta' Prinċipji u Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni Bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-korpi ta’ trattati tan-NU, kif ukoll dawk li jinsabu fiż-żewġ Rivisti Perjodiċi Universali dwar l-Indja tal-10 ta’ April 2008 u tal-24 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-9 ta’ Lulju 2012 tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar ir-Rivista Perjodika Universali dwar l-Indja,
– wara li kkunsidra t-tħassib serju espress fis-6 ta' Frar 2012 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem rigward is-sitwazzjoni tal-attivisti Daliti fl-Indja,
– wara li kkunsidra l-Maila Mukti Yatra li għadha għaddejja, il-marċ madwar in-nazzjon kollu li qed jagħmlu eluf ta’ nies biex jiġi eradikat it-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ li bejn it-30 ta’ Novembru 2011 u l-31 ta’ Jannar 2012 jkun għadda minn ġo 18-il stat tal-Indja,
– wara li kkunsidra d-djalogu tematiku bejn l-UE u l-Indja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-India għamlet progress ekonomiku kbir, u bħala wieħed mill-pajjiżi BRICS issa twettaq rwol importanti fil-politika tad-dinja; billi, madankollu, id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta tkompli tkun mifruxa ħafna u persistenti;
B. billi l-Kostituzzjoni tal-India tagħti liċ-ċittadini status ugwali, u d-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta u l-prattika li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu (untouchability) huma meqjusa illegali fl-Artikoli 15 u 17 tagħha; billi persuni Daliti servew fl-ogħla funzjonijiet politiċi; billi l-India għandh liġijiet u regolamenti maħsuba biex jipproteġu l-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati, bħalma huma l-Att tal-1976 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet Ċivili u l-Att tal-1989 dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet); billi l-Prim Ministru Indjan Manmohan Singh għamel għadd ta’ dikjarazzjonijiet qawwija dwar li tingħata prijorità lill-kumbattiment tal-vjolenza kontra d-Daliti;
C. billi, minkejja dawn l-isforzi, huwa stmat li hemm 170 miljun Dalit u Adivasi indiġenu fl-Indja li għadhom qed ikomplu jsofru minħabba suriet severi ta’ esklużjoni soċjali; billi l-ILO tistma li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tax-xogħol sfurzat biex jitħallas dejn fil-pajjiż huma ġejjin mill-Kasti Skedati u mit-Tribujiet Skedati;
D. billi t-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ, minkejja li hu pprojbit legalment, għadu mifrux ħafna, b’mijiet ta’ eluf ta’ dawk li huma kważi esklussivament nisa Daliti li jwettqu din is-sura ta’ servitù, fejn is-servizz ferrovjarju Indjan (Indian Railways) huwa l-aktar impjegatur li waħdu jimpjega nies biex inaddfu l-latrini mingħajr drenaġġ bl-idejn;
E. billi n-nisa Daliti u Adivasi huma l-ifqar fost il-fqar fl-Indja, jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla abbażi tal-kasta u tas-sess, spiss huma soġġetti għal vjolazzjonijiet serji tal-integrità fiżika tagħhom, inkluż abbuż sesswali b’impunità minn membri ta’ kasti dominanti, u huma soċjalment esklużi u ekonomikament sfruttati, b’rata ta’ alfabetiżmu ta’ 24% biss;
F. billi skont estimi l-maġġoranza vasta tad-delitti kontra n-nisa Daliti ma tiġix irrappurtata minħabba l-biża’ ta’ ostraċiżmu soċjali jew theddidiet għas-sikurezza u s-sigurtà personali; billi f’każ partikolari f’l-istat ta’ Haryana tfajla Dalita ta' 16-il sena ġiet stuprata minn gang fir-raħal ta' Dabra (distrett ta' Hisar) fid-9 ta' Settembru 2012; billi missierha kkommetta suiċidju wara li sar jaf x’kien ġara u l-pulizija ddeċidiet li tieħu azzjoni tard biss meta ġiet iffaċċjata bi protesti tal-mases;
G. billi fl-20 ta’ Novembru 2012, f’Dharmapuri (stat ta’ Tamil Nadu), tajfa ta’ madwar 1 000 ruħ minn kasti ogħla ssakkeġġaw u taw in-nar lil tal-anqas 268 dar fil-komunitajiet Daliti, mingħajr l-ebda intervent mill-uffiċjali tal-pulizija li kienu preżenti;
H. billi l-Att dwar il-Ħarsien tan-Nisa mill-Vjolenza Domestika tal-2005 huwa nieqes minn implimentazzjoni effettiva, u billi l-preġudizzju pervażiv kontra n-nisa li għandhom il-korp tal-pulizija, is-sistema ġudizzjarja, l-istabbiliment mediku u l-klassi politika jimpedixxi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
I. billi r-rata tal-kundanni ta’ ħtija skont l-Att dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet) baqgħet waħda baxxa ħafna, sitwazzjoni li ma toffri l-ebda deterrent kontra d-delitti;
J. billi, skont id-diversi għejun lokali u internazzjonali, bejn 100 000 u 200 000 tifla – fil-maġġoranza tagħhom Daliti – huma allegatament maqbuda f’xogħol sfurzat biex jitħallas dejn fi stabbilimenti tal-għażil f’Tamil Nadu li jfornu l-ħajt lill-fabbriki li jipproduċu l-ħwejjeġ għal ditti ta’ pajjiżi tal-Lvant;
1. Jagħraf l-isforzi li qed isiru fil-livell federali, statali, reġjonali u lokali fl-Indja biex tiġi eradikata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; ifaħħar, barra minn hekk, il-pożizzjoni ċara kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta li ħadu ħafna politikanti Indjani, midja Indjana, NGOs u entitajiet oħra li jiffurmaw l-opinjoni pubblika f’kull livell tas-soċjetà;
2. Jibqa’, madankollu, allarmat minħabba l-għadd kbir b’mod persistenti ta’ atroċitajiet kemm irrappurtati u kemm mhux irrappurtati u l-prattiki mifruxa ħafna fejn ċerti persuni ma jistgħux jintmessu, b’mod partikolari t-tindif bl-idejn tal-latrini mingħajr drenaġġ;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani fil-livell federali, tal-istat, reġjonali u lokali jonoraw il-pleġġijiet li taw u jimplimentaw jew, jekk ikun meħtieġ, jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari l-Att dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni tal-Atroċitajiet), bil-għan li jkunu jistgħu jħarsu b’mod effikaċi lid-Daliti u gruppi vulnerabbli oħra fis-soċjetà;
4. Jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-vittmi jkunu jistgħu jirreġistraw il-każijiet tagħhom b’mod sikur mal-pulizija u mal-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll li jsir segwitu serju mill-pulizija u l-ġudikatura tal-atroċitajiet irrappurtati u każijiet oħra ta’ diskriminazzjoni;
5. Jistieden lill-Parlament Ewropew jaġixxi skont il-pjanijiet tiegħu biex jgħaddi Abbozz ta’ Liġi ġdid li jipprojbixxi l-impjegar ta’ persuni biex inaddfu b’idejhom latrini mingħajr drenaġġ u jassiguralhom ir-rijabilitazzjoni tagħhom, u jistieden lill-Gvern Indjan jieħu l-miżuri meħtieġa biex il-liġi tiġi infurzata b’effett immedjat;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani jirrevokaw dawk id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar (ir-Regolamenti) tal-Kontribuzzjoni Barranija li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali u li potenzjalment idgħajfu l-ħidma tal-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet Daliti u organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw il-gruppi żvantaġġjati fis-soċjetà Indjana, billi jimpeduhom milli jirċievu fondi minn donaturi internazzjonali;
7. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP), lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u japprovaw l-abbozz ta’ Prinċipji u Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
8. Jilqa' l-approvazzjoni tal-Kabinett tal-Unjoni f'Settembru 2012 tal-Att (ta' Projbizzjoni) tat-Tħaddim ta' Tfal u Żgħażagħ, li jipprojbixxi l-impjieġ ta' tfal li għandhom inqas minn 14-il sena fis-setturi kollha u dawk li għandhom inqas minn 18-il sena fis-setturi perikolużi; jitlob lill-gvern ta' l-Indja jieħu miżuri ta' implimentazzjoni effettivi sabiex inaqqas malajr dak li għadu l-ikbar numru ta' tfal mħaddma fid-dinja u biex jintroduċi leġiżlazzjoni għall-projbizzjoni sħiħa ta' tħaddim ta' tfal skont il-linji gwida tal-Organizzjoni Internazzjoni tax-Xogħol;
9. Jistieden lir-rappreżentazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li hemm fl-Indja jinkludu l-kwestjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fid-djalogi tagħhom mal-awtoritajiet Indjani, u jagħtu prijorità lill-programmi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, inkluż fl-edukazzjoni, u programmi li jiffokaw b’mod partikolari fuq in-nisa u l-bniet; jistenna li l-kooperazzjoni futura tal-UE mal-Indja tiġi vvalutata mil-lat ta’ kif tkun se taffettwa d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Prim Ministru tal-Indja, lill-Ministru tal-Indja għal-Liġi u l-Ġustizzja, lill-Ministru tal-Intern tal-Indja, lill-Ministru tal-Indja għall-Ġustizzja Soċjali u l-Abilitazzjoni, lill-Kunsill, lir-RGħ/VP, lill-Kummissjoni, lir-Rappreentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU kif ukoll lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.