Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2012 - Strasburgu
Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ***I
 Imħallfin ad interim tat-tribunal għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea ***I
 Għajnuna finanzjarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija ***I
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012: il-bilanċ favorevoli mis-sena finanzjarja 2011
 Il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant
 Il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika
 Il-libertà tal-espressjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każ ta' Andrzej Poczobut
 L-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina
  L-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u ċ-ċittadinanza globali attiva
 It-twaqqif tal-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali

Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ***I
PDF 291kWORD 37k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu (02074/2011 – C7-0090/2011 – 2011/0901A(COD))
P7_TA(2012)0294A7-0185/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill (02074/2011),

–  wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont it-termini tagħhom ġie ppreżentat l-abbozz tal-att lill-Parlament (C7-0090/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(4) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0596),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Mejju 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0185/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinstab hawn hekk;

2.  Jinnota li, fid-dawl tat-tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Ottubru 2012 u l-bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa neċessarju li l-emendi proposti għall-Istatut dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, dik tal-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu adottati mingħajr aktar dewmien, kif irrimarka l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-ittra tiegħu tat-8 ta' Mejju 2012;

3.  Jirriżerva d-dritt tiegħu li jeżamina l-parti tat-talba dwar il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju ulterjuri;

4.  Jirriżolva li jinżamm dibattitu fil-Parlament fil-futur qarib dwar il-merti tal-introduzzjoni tal-possibbiltà li jinħarġu opinjonijiet kuntrarji fil-Qorti tal-Ġustizzja;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu

P7_TC1-COD(2011)0901A


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012.)


Imħallfin ad interim tat-tribunal għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea ***I
PDF 287kWORD 37k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imħallfin ad interim tat-tribunal għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea (01923/2011 – C7-0091/2011 – 2011/0902(COD))
P7_TA(2012)0295A7-0184/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja preżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (01923/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 257 u 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-abbozz ta' att ġie preżentat lill-Parlament (C7-0091/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0596),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Mejju 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0184/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

P7_TC1-COD(2011)0902


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012.)


Għajnuna finanzjarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija ***I
PDF 291kWORD 38k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (COM(2011)0659 – C7-0372/2011 – 2011/0301(COD))
P7_TA(2012)0296A7-0150/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0659),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 172 u 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0372/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Frar 2012(1),

–  wara li kkonsulta lilll-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Mejju 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0150/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija

P7_TC1-COD(2011)0301


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 670/2012.)

(1) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134.


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012: il-bilanċ favorevoli mis-sena finanzjarja 2011
PDF 212kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni (11113/2012 – C7-0147/2012 – 2012/2071(BUD))
P7_TA(2012)0297A7-0206/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 310 u 314 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea għall-Enerġija Atomika u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15, 37 u 38 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-talba għal trasferiment DEC 9/2012, adottata fis-7 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2012 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-16 ta' April 2012 (COM(2012)0181),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012, li gie stabbilit mill-Kunsill fil-11 ta' Ġunju 2012 (11113/2012 – C7-0147/2012),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (COM(2010)0815),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0206/2012),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit tal-2012 il-bilanċ favorevoli mis-sena finanzjarja 2011, li jammonta għal EUR 1 496 968 014,

B.  billi l-elementi prinċipali ta' dak il-bilanċ favorevoli huma sottoeżekuzzjoni ta' EUR 0,73 biljun fl-infiq, eżitu pożittiv fuq l-introjtu ta' aktar minn EUR 0,67 biljun, u differenza pożittiva fir-rata tal-kambju li tammonta għal EUR 0,1 biljun,

C.  billi l-parti l-kbira tan-naħa tal-introjtu (EUR 0,45 biljun minn EUR 0,67 biljun) ġejja minn multi u imgħax fuq l-arretrati,

D.  billi s-sottoeżekuzzjoni fl-infiq, li tikkonċerna l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2011 għal EUR 0,56 biljun u r-riporti mill-2010 għal EUR 0,17 biljun, ma tirriżultax minn diffikultajiet ta' assorbiment jew ġestjoni ħażina iżda mir-regoli fis-seħħ għall-aġġustament tat-tqassim tal-pagamenti skont il-bżonnijiet, b'mod partikolari matul l-aħħar ġimgħat tas-sena finanzjarja,

E.  billi, għall-kuntrarju, din is-sena l-indikaturi disponibbli kollha juru nuqqas fil-pagamenti f'ħafna oqsma ta' intervent tal-UE, b'mod partikolari peress li fl-2011, għat-tieni sena konsekuttiva, l-Awtorità Baġitarja naqqset il-livell tal-2012 tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-Unjoni b'aktar minn EUR 3 biljun, inkluż għar-riċerka u l-politika ta' koeżjoni, meta mqabbel mal-estimi inizjali tal-Kummissjoni,

F.  billi, fil-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba għal trasferiment DEC 9/2012, il-Kunsill naqqas b'mod drastiku l-approprjazzjonijiet ta' pagament trasferiti fil-qasam tar-riċerka, fejn bżonnijiet urġenti fil-pagamenti huma riportati sabiex jissodisfaw impenji preċedenti, iżda finalment qed jerġà jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest tat-talba għal trasferiment DEC 19/2012,

G.  billi l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li kull diskrepanza mal-estimi għandha tkun irreġistrata fil-baġit tal-Unjoni permezz ta' baġit emendatorju li jkun jitratta biss dik id-diskrepanza,

1.  Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012 li jikkonċerna biss l-ibbaġitjar tal-bilanċ favorevoli tal-2011, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju; jisħaq li dan tal-aħħar jippermetti ċertu marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tad-destinazzjoni tal-bilanċ favorevoli;

2.  Jieħu nota tal-fatt li l-elementi prinċipali ta' dak il-bilanċ favorevoli huma sottoeżekuzzjoni ta' EUR 0,73 biljun fl-infiq, eżitu pożittiv fuq l-introjtu ta' aktar minn EUR 0,67 biljun, u differenza pożittiva fir-rata tal-kambju li tammonta għal EUR 0,1 biljun;

3.  Jenfasizza li s-sottoeżekuzzjoni fl-infiq (EUR 0,73 biljun) ma tirriżultax minn diffikultajiet ta' assorbiment jew ġestjoni ħażina iżda mir-regoli attwalment fis-seħħ għall-aġġustament tat-tqassim tal-pagamenti skont il-bżonnijiet; iqis b'hekk li dan l-element għandu jiġi trattat b'mod differenti mill-parti tal-bilanċ favorevoli li jirriżulta minn varjazzjonijiet fid-dħul; jenfasizza, barra minn hekk, li parti kbira minn din is-sottoeżekuzzjoni ġejja mid-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jadottax l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet previsti fir-Regolament tal-Persunal;

4.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 310(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tajba u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament miftiehma mit-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura baġitarja tal-2012, il-Kunsill inizjalment iddeċieda jnaqqas b'żewġ terzi l-livell tat-talba għal trasferiment DEC 9/2012 ta' EUR 485 miljun mill-proġetti tal-enerġija b'appoġġ għall-irkupru ekonomiku li minnhom irriżultat sottoeżekuzzjoni sabiex jiġu rinforzati t-tliet linji baġitarji taħt il-FP7 - Kooperazzjoni;

5.  Jisħaq li dan kien iżid b'mod artifiċjali s-sottoeżekuzzjoni għall-pagamenti tal-2012 u għalhekk iżid il-bilanċ favorevoli tal-2012, meta din is-sena l-indikaturi disponibbli kollha qed juru nuqqas fil-pagamenti fil-qasam tar-riċerka u oqsma ta' intervent oħra tal-UE; jilqa' għalhekk il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu bl-adozzjoni tat-talba ta' trasferiment DEC 19/2012;

6.  Japprova, bla ma jemenda, l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2012;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2012 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 56, 29.2.2012.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant
PDF 246kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2694(RSP))
P7_TA(2012)0298RC-B7-0373/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tad-29 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina(1), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji(2), u tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011 u tat-8 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar l-iżviluppi reċenti fil-Lvant Nofsani u fis-Sirja fis-sessjoni plenarja tal-Parlament tat-12 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, u dwar “Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan” ta' Lulju 2011, u r-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' April 2011 u n-nota mehmuża tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 181 (1947) u 194 (1948), u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003) u 1850 (2008),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-11 ta' April 2012 u tat-23 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana (AP) tat-12 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bl-isem “Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat” tad-9 ta' Lulju 2004,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' bini ta' stat f' sentejn tal-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad ta' Awwissu 2009 bl-isem “Tmiem tal-okkupazzjoni, stabbiliment ta' stat”,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo (“Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Governanza Awtonoma”) tat-13 ta' Settembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE kkonfermat b'mod ripetut l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Istat tal-Iżrael bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u ddikjarat li m'għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta' qabel l-1967, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, ħlief il-bdil li diġà sar qbil dwaru bejn il-partijiet; billi d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri;

B.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 enfasizzaw li “l-bidliet kontinwi fid-dinja Għarbija jagħmlu aktar urġenti l-ħtieġa għal progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani” u s-smigħ tal-aspirazzjonijiet tal-poplu fir-reġjun, inklużi dawk tal-Palestinjani għas-sovranità u dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà huma element kruċjali għal paċi dejjiema, stabbiltà u prosperità fir-reġjun“;

C.  billi waqfu t-taħditiet tal-paċi diretti bejn il-partijiet u fallew l-isforzi reċenti kollha biex jerġgħu jibdew in-negozjati; billi l-UE stiednet lill-partijiet biex ifittxu azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta' fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati sinifikanti, jastjenu minn azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibilità tal-proċess u jipprevjenu t-tixwix;

D.  billi l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana ħarġu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja fit-12 ta' Mejju 2012: “l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana ħadu l-impenn li jiksbu l-paċi, u l-partijiet jittamaw li l-iskambju ta' ittri bejn il-President Abbas u l-Prim Ministru Netanyahu jwassal għal progress lejn dan l-għan”;

E.  billi d-Dritt Internazzjonali tal-Jeddijiet tal-Bniedem u Umanitarju, inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, japplikaw fis-sħiħ għax-Xatt tal-Punent, inklużi Ġerusalemm tal-Lvant u l-Istrixxa ta' Gaża; billi Iżrael hija obbligata li fost l-oħrajn tiżgura b'bona fidi li l-ħtiġiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata jiġu sodisfatti, li tamministra l-okkupazzjoni tagħha b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, li tipproteġi u tippreżerva l-oġġetti ċivili, u li tevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tagħha fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tagħha;

F.  billi r-rapporti reċenti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar “Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan”, dwar Ġerusalemm tal-Lvant, u dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi, ikkonfermaw għal darba oħra żviluppi allarmanti u potenzjalment irreversibbli fuq il-post fiż-żoni kkonċernati; billi l-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin jirrifjuta d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-karti tal-UE u kkritika l-karti billi qal li ma jgħinux biex isir progress fil-proċess ta' paċi;

G.  billi, sa mill-Ftehimiet ta' Oslo tal-1995, ix-Xatt tal-Punent ġie diviż f'termini amministrattivi fi tliet żoni; billi ż-Żona C tinkludi parti ikbar mit-territorju tax-Xatt tal-Punent; billi l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi fiż-Żona C huma ta' importanza kritika għall-vijabilità tal-Istat Palestinjan futur;

H.  billi l-preżenza Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, f'kunsiderazzjoni speċjali għaż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, ġiet ipperikolata mill-politiki tal-Gvern Iżraeljan, u partikolarment mill-bini u l-espansjoni tal-insedjamenti; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi tal-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-Gvern Iżraeljan b'inċentivi kbar fl-oqsma tat-tassazzjoni, djar, infrastruttura, toroq, aċċess għall-ilma, edukazzjoni, kura tas-saħħa, eċċ.;

I.  billi Iżrael, fil-pubblikazzjoni tagħha “Il-Liġi Bażika: Ġerusalemm: il-Kapital ta' Iżrael” tal-1980, iddikjarat li Ġerusalemm hija l-kapitali sħiħa u magħquda ta' Iżrael, li jmur kontra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 478 (1980); billi l-konklużjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 tennew li trid tinstab triq permezz tan-negozjati għar-riżoluzzjoni tal-istatus ta' Ġerusalemm bħala kapitali futura ta' żewġ stati; billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant jagħmlu fil-prattika l-prospettiva ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura taż-żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli; billi dejjem qed tiżdied is-separazzjoni bejn Ġerusalem tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent, bħalma qed tiżdied ukoll is-separazzjoni bejn il-Baċin Storiku f'Ġerusalem u l-bqija ta' Ġerusalem tal-Lvant;

J.  billi, filwaqt li l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm u jirrappreżentaw 36% tad-dħul fiskali tal-muniċipalità, 10% biss tal-baġit muniċipali jintnefaq f'Ġerusalemm tal-Lvant u l-għoti ta' servizzi huwa għalkollox inadegwat; billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Palestinjani, inkluża l-Orient House, ingħalqu mill-awtoritajiet Iżraeljani f'Ġerusalemm tal-Lvant, u dan ħoloq vojt istituzzjonali u ta' tmexxija fil-popolazzjoni Palestinjana lokali, li għadu preokkupazzjoni ewlenija;

K.  billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li jista' jiġi trasferit lit-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet biss u mhuwiex trasferit awtomatikament permezz ta' żwieġ, u dan ma jippermettix lill-miżżewġin u lit-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant li jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi min-naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħixu fi u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

L.  billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u tad-drittijiet tagħha fix-Xatt tal-Punent, fir-rigward b'mod partikolari taż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti illegali u l-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, id-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet u l-ispostamenti, il-konfiska ta' art, l-aċċess diffiċli għal riżorsi naturali, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika qed ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani; billi s-sitwazzjoni ekonomika f'dawn iz-zoni, aggravata mir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-moviment u l-ippjanar, għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni; billi skont ir-rapport annwali tal-ILO 53,5% ta' nisa żgħażagħ u 32,3% ta' rġiel żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 15-il sena u 24 sena fix-Xatt tal-Punent huma qegħda;

M.  billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiz-Zona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant qed taffaċċja nuqqasijiet kbar ta' ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b'mod gravi bin-nuqqas ta' ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta' Stat Palestinjan futur;

N.  billi l-ħajt tal-firda mibni minn Iżrael, li ma jimxix mal-Linja l-Ħadra, jaqta' “l barra partijiet kbar tat-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kemm f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bl-isem ”Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat' tal-2004 ddikjarat li “l-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael (...) u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali”;

O.  billi l-Parlament esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-iforzi tal-bini ta' stat tal-President Mahmoud Abbas u l-Prim Ministru Salam Fayyad u rrikonoxxa u laqa' s-suċċess tal-pjan ta' bini ta' stat ta' sentejn tal-Prim Ministru Fayyad; billi z-Zona C u Ġerusalemm tal-Lvant għandhom jibqgħu prijoritajiet fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani, partikolarment bħala respons għas-sens ta' telqa li jħossu l-Palestinjani li jgħixu f'dawn l-inħawi;

P.  billi aktar minn 4500 ħabsi Palestinjan, inkluż 24 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, madwar 240 tifel u tifla u aktar minn 300 detenut amministrattiv Palestinjan huma attwalment miżmuma f'ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani;

Q.  billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-komunitajiet Għarab Bedwini, mheddin mill-politiki Iżraeljani li jimminawlhom l-għajxien tagħhom u jinkludu t-trasferiment forzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan okkupat kemm fin-Negev;

R.  billi skont ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar iċ-Ċaqliq li ġie ppubblikat fl-14 ta' Mejju 2012 u l-Monitoraġġ Umanitarju ta' kull xahar tal-OCHA, aktar minn 60 struttura, inklużi panils solari, tankijiet tal-ilma u bini agrikolu, iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u numru ta' Stati Membri tagħha ġġarrfu mill-forzi Iżraeljani sa minn Jannar 2011; billi “l fuq minn 100 proġett simili għadhom mhedda b'tiġrif;

S.  billi f'ħafna okkażjonijiet, inkluż fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012, l-UE u l-Istati Membri fakkru l-impenn fundamentali tagħhom għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bis-saħħa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu għall-prevenzjoni effettiva tal-armi li jiddaħħlu bħala kuntrabandu f'Gaża;

T.  billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, li jiddikjara li r-relazzjonijiet bejn il-partijiet se tkun imsejsa fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi li jiggwidaw il-politiki interni u internazzjonali tagħhom, huwa element essenzjali ta' dan il-Ftehim;

U.  billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja li hemm issoktaw sa mill-2007 minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ, immedjat, sostnut u inkundizzjonat tal-punti ta' qsim jew għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu spalla ma' spalla fil-paċi u fis-sigurtà;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012 - li jinkludu konklużjonijiet dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant - u jtenni li l-UE mhux se tirrikonoxxi bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet, u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-11 ta' April 2012;

3.  Jenfasizza li t-tmiem tal-konflitt huwa interess fundamentali tal-UE kif ukoll tal-partijiet infushom u r-reġjun b'mod ġenerali, u jista' jinkiseb permezz ta' ftehim ta' paċi komprensiv, ibbażat fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Prinċipji ta' Madrid inkluż dak ta' skambju tal-art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet milħuqa qabel mill-partijiet u l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi. jinsisti fuq il-fatt li kwalunke soluzzjoni li tirriżulta m'għandhiex taffettwa d-dinjità ta' xi waħda mill-partijiet; jinnota li l-UE, bħala l-ikbar donatur lill-Awtorità Palestinjana u wieħed mill-ikbar sħab kummerċjali ta' Iżrael, għandha strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tħeġġeġ iktar attivament liż-żewġ partijiet biex jaħdmu għas-sejba ta' soluzzjoni; jitlob liż-żewġ partijiet biex jaħdmu flimkien mal-UE, li għandha tkompli bl-isforzi kollha tagħha biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt; ifakkar l-applikabbiltà tad-dritt umanitarju internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluż l-applikabbiltà tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Nies Ċivili fi Żminijiet ta' Gwerra;

4.  Jenfasizza li għandhom jitkomplew bla dewmien in-negozjati diretti li jwasslu għal soluzzjoni ta' żewġ stati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u skont l-iskadenzi mitluba mill-Kwartett, biex jingħeleb l-istatus quo inaċċettabbli; jilqa' l-iskambju ta' ittri bejn il-partijiet li beda fis-17 ta' April 2012 u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-AP tat-12 ta' Mejju 2012;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżviluppi fuq il-post taż-Żona C fix-Xatt tal-Punent u f'Ġersualemm tal-Lvant, kif deskritti fir-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar “Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan” ta' Lulju 2011 u dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li huwa essenzjali biex il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

7.  Itenni li l-insedjamenti kollha jibqgħu illegali taħt id-dritt internazzjonali u jitlob lill-Gvern ta' Iżrael biex iwaqqaf kwalunkwe kostruzzjoni u estensjoni ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, u biex jiżżarmaw l-istakkamenti kollha li nbnew minn Marzu 2011;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju minn naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani u jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jibdew proċedimenti kontra min wettaq dawn l-atti u jqisuhom responsabbli;

9.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael kif ukoll li jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE - “l-arranġamenti tekniċi” - ma jippermettix li prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;

10.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari billi:

   jiżguraw minnufih it-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet, ul-ispostament sfurzat tal-Palestinjani,
   jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' ppjanar u bini tal-Palestinjani kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp Palestinjani,
   jiffaċilitaw l-aċċess u l-moviment,
   jiffaċilitaw l-aċċess tal-Palestinjani għall-imkejjen tal-biedja u l-mergħat;
   jiżguraw distribuzzjoni ġust tal-ilma b'mod li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-popolazzjoni Palestinjani,
   itejbu l-aċċess tal-popolazzjoni Palestinjani għal servizzi u assistenza soċjali adegwati, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa pubblika, u
   jiffaċilitaw l-operazzjonijiet umanitarji fiż-Żona C u f'Ġerusalem tal-Lvant;

11.  Jitlob li jintemm l-użu tad-detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża jew proċess formali kontra l-Palestinjani min-naħa tal-awtoritajiet Iżraeljani, li jkun hemm aċċess għal proċess ġudizzjarju ġust mid-detenuti Palestinjani kollha, u li jkun hemm ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi Palestinjani, b'rigward speċjali għall-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan inkluż Marwan Barghouti, u d-detenuti amminstrattivi; jitlob ukoll li jkun hemm ir-rilaxx immedjat ta' Nabil Al-Raee, id-direttur artistiku ta' The Freedom Theatre in Jenin Refugee Camp, li ġie arrestat fis-6 ta' Ġunju 2012 u ilu detenut minn dak iż-żmien; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fl-14 ta' Mejju 2012 li ppermetta t-tmiem tal-istrajk tal-ġuħ tal-ħabsin Palestinjani u jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tiegħu;

12.  Jitlob li jiġu protetti l-komunitajiet Bedwini tax-Xatt tal-Punent u fin-Negev, u biex jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom mill-awtoritajiet Iżraeljani, u jikkundanna kwalunkwe ksur (eż. twaqqigħ tad-djar, l-ispostament sfurzat, limitazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi); jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Gvern Iżraeljan jirtira l-Pjan Prawer;

13.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet Palestinjani jagħtu aktar attenzjoni liz-Zona C u lil Ġerusalemm tal-Lvant fil-pjani u proġġetti ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani bl-iskop li jtejbu s-sitwazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni Palestinjani f'dawn l-inħawi;

14.  Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; ikompli jappoġġa, f'dan il-kuntest, il-politika ta' reżistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jkompli jinkuraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini ta' Stat Palestinjan bl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari jkunu elementi importanti ta' dan il-proċess;

15.  Itenni l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza minn kull naħa li jattakka b'mod deliberat liċ-ċivili, u huwa ddiżgustat bl-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża;

16.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet Palestinjani u lil proġetti ta' żvilupp fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jenfasizza li Iżrael għandu jtemm il-prassi li jżomm id-dħul doganali u fiskali li jappartjeni lill-Awtorità Palestinjana;

17.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jivverifikaw fuq il-post l-allegazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-qerda u l-ħsarat għal strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-territorji okkupati, u li jressqu r-riżultati lill-Parlament;

18.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livelli kollha fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana; jisħaq li l-impenn ta' Iżrael f'dak li għandu x'jaqsam mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem u umanitarju versu l-popolazzjoni Palestinjana okkupata jitqies fis-sħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż;

19.  Iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri jkollhom rwol politiku aktar attiv, inkluż fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-Kwartett u jissokta fl-appoġġ tiegħu għar-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex toħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

20.  Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża f'termini ta' persuni, il-flussi tal-għajnuna umanitarja u tal-oġġetti kummerċjali, u biex jittieħdu miżuri li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iz-Zona; jitlob ukoll, billi jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-sigurtà leġittima tal-Iżrael, għal mekkaniżmu ta' kontroll effettiv li jevita l-kuntrabandu tal-armi fil-Gaża; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri Ewropea ta' Rafah sat-30 ta' Ġunju 2013 u jippretendi li tissodisfa l-ħidmiet tagħha u jkollha rwol deċiżiv u effettiv fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kuljum tar-relazzjonijiet transkonfinali u l-bini tal-kunfidenza bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana; jitlob lil Hamas jirrikonoxxi l-Istat ta' Iżrael u jagħti l-appoġġ tiegħu lis-soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden ukoll lil Hamas itemm il-vjolenza mwettqa kemm internament kif ukoll esternament kontra l-Istat ta' Iżrael;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0429.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0060.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 81.


Il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika
PDF 308kWORD 70k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika (2012/2701(RSP))
P7_TA(2012)0299RC-B7-0389/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem(UDHR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li tenfasizza li n-nisa kollha għandhom id-dritt li jikkontrollaw u jieħdu deċiżjonijiet b'mod ħieles u responsabbli dwar kwistjonijiet relatati mas-sesswalità tagħhom mingħajr ma' jġarrbu sfurzar, stigmatizzazzjoni u vjolenza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u r-Rapport tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Novembru 2011 dwar liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom u l-identità tal-ġeneru tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-diskussjoni f'panel tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, li saret fis-7 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-bniedem tan-NU Navanethem Pillay, magħmula fid-diskussjoni f'panel dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru waqt id-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-7 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2012 tal-organizzazzjoni Amnesty International dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, li jgħid li kibret l-intolleranza kontra persuni Leżbjani, Gej, Bisesswali u Transesswali (LGBT) fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari l-Artikoli 8(4) u 9,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-individwi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-bqija tad-dinja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta' Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u tal-President tal-Parlament Ewropew fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija fl-2010, 2011, u 2012,

–  wara li kkunsidra s-Sett ta' Strumenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gej, Bisesswali u Transesswali (LGBT toolkit),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjarjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2011)0840), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla' (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali(1), u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-Uganda:“l hekk imsejjaħ ”abbozz ta' liġi Bahati' u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT(2), tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Uganda: il-qtil ta' David Kato(3), u tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-NU(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kull bniedem jitwieled ħieles u b'dinjità u drittijiet indaqs; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jevitaw il-vjolenza u t-tixwix ta' mibegħda msejsa fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, u r-rispett tal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi d-drittijiet ta' nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali huma l-istess drittijiet tal-bniedem bħal dawk tan-nisa u l-irġiel kollha, li jridu jiġu mħarsa indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom;

C.  billi xi pajjiżi Afrikani kienu fuq quddiem fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, filwaqt li l-kostituzzjoni post-apartheid tal-Afrika ta' Isfel kienet l-ewwel waħda fid-dinja li abolixxiet id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u billi dan l-istess pajjiż ta bidu għar-riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

D.  billi jeżistu movimenti u mexxejja politiċi li se jkunu jistgħu iwittu t-triq għall-bidla u għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa, u d-drittijiet ta' persuni leżbjani, gej, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fl-Afrika;

E.  billi qed jikbru l-istigmatizzazzjoni u l-vjolenza kontra nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kif ukoll nisa meqjusa bħala tali, min-naħa tal-forzi tal-istat u tal-pulizija, tal-familji u tal-komunitajiet tagħhom fl-Afrika, u dan hu tħassib komuni, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki Moon, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Navanethem Pillay, u r-Riżoluzzjoni A/HRC/17/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

F.  billi fid-diskussjoni annwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, li saret fil-25 u s-26 ta' Ġunju 2012, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, Margret Sekaggya, indikat li l-ksur li jsofru d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem isir f'sura speċifika għall-ġeneru, fosthom abbuż verbali abbażi tas-sess, abbuż sesswali u stupru; li dawn in-nisa tqiesu li qed jisfidaw in-normi soċjali aċċettati, il-kultura jew it-tradizzjonijiet, u li xi drabi tqiesu li qed jisfidaw preskrizzjonijiet reliġjużi u sussegwentement ġew stigmatizzati; u li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġu attenzjoni speċifika, għax it-tbatija li jġarrbu fix-xogħol tagħhom xi drabi hija akbar minn dik li jġarrbu l-kontropartijiet maskili tagħhom;

G.  billi n-nisa li jiksru n-normi soċjali u kulturali jistgħu jiġu ttimbrati leżbjani u jissograw li jġarrbu mġiba maskili vjolenti u/jew trattament degradanti, u billi dan il-fatt jirriżulta fit-trażżin tal-espressjoni tas-sesswalità u l-libertà tal-għażla tan-nisa kollha, anke dak tan-nisa eterosesswali; billi d-drittijiet sesswali huma relatati mal-awtonomija tal-ġisem u l-libertà tal-għażla tan-nisa kollha;

H.  billi fl-Afrika, l-omosesswalità femminili hi legali f'27 pajjiż u illegali f'27, filwaqt li l-omosesswalità maskili hi legali f'16-il pajjiż u illegali fi 38 pajjiż, u billi l-piena għall-omosesswalità hija l-mewt fil-Mawritanja, fis-Sudan, f'partijiet mis-Somalja u min-Niġerja, u billi abbozz ta' liġi mressaq minn deputat quddiem il-parlament tal-Uganda jipprevedi l-piena kapitali għall-omosesswalità;

I.  billi l-liġijiet li jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet u s-sesswalità bejn persuni tal-istess sess u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' klima li tinkoraġġixxi l-vjolenza kontra nisa leżbjani, jew nisa li jitqiesu li huma leżbjani,

J.  billi l-qtil, it-tortura, il-priġunerija, il-vjolenza, l-istigmatizzazzjoni u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, xi drabi leġittimizzat bil-liġi, huma rappurtati fir-reġjuni kollha tad-dinja; u billi kien hemm atti ta' vjolenza u aggressjoni ripetuti kontra nisa leżbjani f'diversi pajjiżi Afrikani;

K.  billi l-ġlieda għall-ugwaljanza u l-ġustizzja u għall-viżibilità u d-drittijiet tal-leżbjani hi konnessa mill-qrib mal-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa b'mod ġenerali; billi l-leżbjani wkoll, bħal ħafna nisa oħra, huma suġġetti għall-vjolenza, kemm abbażi tal-fatt li huma nisa kif ukoll abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

L.  billi fil-Kamerun, fi Frar 2012, għaxar nisa ġew arrestati u tlieta minnhom akkużati għall-ewwel darba, li pprattikaw l-omosesswalità; billi qed ikomplu jsiru arresti u swat min-naħa tal-pulizija, fejn l-aħħar każ magħruf seħħ fl-24 ta' Ġunju 2012; billi l-avukat Alice Nkom ġiet mhedda bil-mewt u bi vjolenza f'diversi okkażjonijiet talli ddefendiet persuni akkużati b'omosesswalità; billi laqgħa tal-komunità LGBTI f'Yaoundé ġiet imwaqqfa b'mod vjolenti minn klikka vjolenti fid-19 ta' Mejju 2012;

M.  billi s-Senat tal-Liberja bħalissa qed jiddibatti proposta biex ikompli jestendi l-projbizzjoni ta' relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess lil hinn minn dak li tipprevedi l-liġi attwalment; billi l-midja u l-opinjoni pubblika qegħdin kulma jmur ifittxu li jintimidaw lil persuni LGBTI, u billi żewġ nisa leżbjani ġew attakkati riċentement minn irġiel armati;

N.  billi fil-Malawi, l-omosesswalità femminili ġiet projbita f'Jannar 2011; billi l-President il-ġdid Joyce Banda qalet li se titlob lill-parlament jirrevoka l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-omosesswalità,

O.  billi n-Niġerja qed tfittex li tikriminalizza r-reġistrazzjoni, l-operat jew l-eżistenza ta' ċerta organizzazzjonijiet, u l-laqgħat jew purċissjonijiet tagħhom, u tipprojbixxi attivitajiet li jagħmlu parti strettament mill-ambitu tal-ħajja privata;

P.  billi fl-Afrika t'Isfel, “l hekk imsejħa ”stupri korrettivi' ta' nisa leżbjani u transġeneru għadhom għaddejjin bla rażan; billi d-dibattiti kontinwi dwar il-protezzjoni kostituzzjonali ta' persuni vittmizzati minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom qed ikebbsu l-vjolenza kontra persuni LGBTI; billi l-attivist gej Thapelo Makutle riċentement ġie ttorturat u maqtul, filwaqt li Phumeza Nkolonzi, leżbjana ta' 22 snin, sparawlha f'rasha minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha, u Neil Daniels qala' daqqiet ta' sikkina, u ġie mutilat u maħruq ħaj minħabba li kien gej;

Q.  billi fi Sważiland qed isiru sforzi pożittivi biex tiġi evitata jew ikkurata l-HIV/AIDS fost popolazzjonijiet f'riskju, inklużi n-nisa, u l-irġiel li jkollhom x'jaqsmu mal-irġiel, minkejja l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-pajjiż;

R.  billi fl-Uganda, laqgħat privati ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem twaqqfu fi Frar u f'Ġunju 2012 mill-forzi tal-pulizija u l-Ministru għall-Etika u l-Integrità, mingħajr mandati u b'nuqqas ta' rispett għal-libertà tal-għaqda taċ-ċittadini; billi l-Ministru qed jippjana li jabolixxi 38 organizzazzjoni li hu mifhum li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; billi l-Abbozz kontra l-Omosesswalità li ġie propost għall-ewwel darba fl-2009 għadu qed jiġi diskuss, u jista' jinkludi dispożizzjonjiet dwar il-piena kapitali; billi l-kawżi pendenti u l-indaġnijiet fl-Uganda u fl-Istati Uniti juru r-rwol, fost l-oħrajn, ta' Scott Lively u l-Abiding Truth Ministries, grupp evanġeliku fundamentalista ibbażat fl-Istati Uniti, fit-tixrid tal-mibegħda u l-intolleranza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u fl-introduzzjoni tal-liġi;

Diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa leżbjani fl-Afrika

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjonikontra l-leżbjani f'pajjiżi Afrikani fejn qed iseħħu, inklużi forom estremi ta' vjolenza, bħal stupri “korrettivi”, u forom oħra ta' vjolenza sesswali;

2.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal kampanji u inizjattivi li jimmiraw li jabolixxu l-liġijiet diskriminatorji kontra n-nisa u persuni LGBTI; jitlob lil dawk il-pajjiżi Afrikani li għad għandhom liġijiet diskriminatorji fis-seħħ biex jabolixxuhom immedjatament, inklużi liġijiet li jipprojbixxu l-omosesswalitàu liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa f'termini ta' stat ċivili, proprjetà u drittijiet tal-wirt;

3.  Jikkonferma li l-ġlieda favur id-drittijiet fundamentali u umani tal-leżbjani fl-Afrika hi marbuta mill-qrib mal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttivi tan-nisa kollha; jitlob, għaldaqstant, lill-UE tieħu impenn sod f'termini ta' riżorsi u politika ta' appoġġ għas-saħħa sesswali u riproduttivi fix-xogħol tagħha ma' pajjiżi sħab fl-Afrika;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet relevanti fl-Afrika biex jipproteġu b'mod effettiv lin-nisa kollha mill-qtil, mill-istupru hekk imsejjaħ “korrettiv” u minn vjolenza sesswali oħra, u biex l-atturi ta' dawn id-delitti jiġu proċessati;

5.  Jinnota li l-istigmatizzazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali sikwit ikunu marbuta mad-diskriminazzjoni;

6.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu mal-atturi kollha li jaħdmu favur aġenda aktar b'saħħitha tad-drittijiet tan-nisa;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet LGBTI fl-Afrika fil-ġlieda tagħhom għall-ugwaljanza, l-awtonomija tal-ġisem u d-dritt tal-libertà fis-sesswalità għan-nisa u għall-persuni LGBTI kollha; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lil-leżbjani fi ħdan il-moviment LGBTI u fi ħdan il-moviment tan-nisa, kif ukoll f'movimenti soċjali oħra, sabiex tiġi denunzjata d-diskriminazzjoni doppja jew xi drabi multipla li jħabbtu wiċċhom magħha l-leżbjani f'pajjiżi Afrikani;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, is-SEAE u l-Istati Membri jħaffu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-għanijiet stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta' Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp, u jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet ta' nisa leżbjani, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kemm fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi kif ukoll meta jagħtu appoġġ lil organizzazzjonijiet mhux governattivi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

Drittijiet LGBTI fl-Afrika

9.  Jisteiden lis-76 pajjiż fid-dinja fejn l-omosesswalità hi illegali, fosthom 38 pajjiż fl-Afrika, biex jiddikriminalizzaw l-omosesswalità;

10.  Jiddenunzja t-tixwix għall-mibegħda u l-vjolenza għal raġunijiet tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru; jitlob lill-pajjiżi msemmija aktar “il fuq biex jirrispettaw b'mod effettiv id-dritt tal-ħajja u d-dinjità ta' persuni LGBTI, u jikkundanna kull att ta' vjolenza, diskriminazzjoni, stigmatizzazzjnoi u umiljazzjoni kontrihom;

11.  Jistieden lill-mexxejja politiċi u reliġjużi jikkundannaw il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u jieħdu pożizzjoni soda kontra l-omofobija, u jingħaqdu mas-sejħa tal-Arċisqof Desmond Tutu kontra l-inġustizzja u l-prġudizzju u favur is-solidarjetà u l-ġustizzja;

12.  Jistieden lill-SEAE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jfakkru lill-pajjiżi Afrikani, fid-djalogi politiċi magħhom, bl-obbligu tagħhom li jwettqu l-impenji li ħadu fl-ambitu ta' strumenti u konvenzjonijiet internazzjonali u legalment vinkolanti tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari li jirrispettaw u jippromwovu d-dritt li ma jklunx hemm diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

13.  Jilqa' l-fatt li xi pajjiżi Afrikani, fosthom il-Kap Verde, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Gabon, il-Ginea Bissaw, il-Malawi, il-Mawrizju, ir-Rwanda, São Tomé u Principe, l-Afrika t'Isfel u s-Sważiland urew l-oppożizzjoni tagħhom għall-kriminalizzazzjoni, żguraw aċċess għall-kura tas-saħħa għal persuni LGBTI, jew wegħdu li jiddekriminalizzaw l-omosesswalità;

14.  Jistieden lill-Grupp ta' Stati tal-ACP biex jipparteċipaw f'diskussjoni aperta, kostruttiva u b'rispett reċiproku;

15.  Jitlob lill-pajjiżi Afrikani jżidu s-sigurtà għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI, u jitlob lill-UE biex tassisti s-soċjetà ċivili lokali bi programmi ta' bini tal-kapaċità fl-Afrika;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, l-SEAE u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mit-Toolkit LGBT, u jħeġġu lil pajjiżi terzi jiddekriminalizzaw l-omosesswalità, filwaqt li jgħinu biex tonqos il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u jipproteġu d-drittijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u b'mod partikolari lil Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex tieħu azzjoni konkreta billi timmobilizza l-istrumenti xierqa kollha biex tagħmel pressjoni sabiex tipproteġi l-persuni mid-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u sabiex tqajjem dawn il-kwistjonijiet fir-relazzjonijiet u d-djalogi tagħha ma' pajjiżi terzi;

o
o   o

18.  Jagħti Struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Istati tal-ACP, lill-Ambaxxaturi tal-Istati tal-ACP għall-Unjoni Ewropea, lill-Parlament tal-Afrika ta' Isfel, lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.

(1) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.
(2) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 134.
(3) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 62.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0427.
(5) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.


Il-libertà tal-espressjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każ ta' Andrzej Poczobut
PDF 236kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każ ta' Andrzej Poczobut (2012/2702(RSP))
P7_TA(2012)0300RC-B7-0393/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tad-29 ta' Marzu 2012(1), tal-16 ta' Frar 2012(2), tal-15 ta' Settembru 2011(3), tat-12 ta' Mejju 2011(4), tal-10 ta' Marzu 2011(5), tal-20 ta' Jannar 2011(6), tal-10 ta' Marzu 2010(7) u tas-17 ta' Diċembru 2009(8),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tal-28 ta' Ġunju 2012 dwar is-sentenzi fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-22 ta' Ġunju 2012 mir-rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-midja, Dunja Mijatovic, dwar l-arrest tal-ġurnalist Pollakk-Bjelarussu Andrzej Poczobut;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 523 tas-26 ta' Ġunju 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tablet għall-ħelsien tal-ġurnalist Pollakk Bjelorussu Andrzej Poczobut mill-ħabs fil-Bjelorussja;

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 li jesprimu t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK tat-28 ta' Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja(9),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' djalogu Ewropew ta' modernizzazzjoni mas-soċjetà tal-Bjelorussja (it-3157 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2012),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 354/2012 tat-23 ta' April 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja(10);

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Frar 2012 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar id-deċiżjoni tagħha u dik tal-Gvern Pollakk li jsejħu lura lill-kap tad-delegazzjoni għall-UE f'Minsk u lill-ambaxxatur Pollakk għall-Bjelorussja rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/36/PESK tat-23 ta' Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja(11),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1857(2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' membri tal-oppożizzjoni u l-fastidju fil-konfront ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, midja indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' April 2012 u r-Riżoluzzjoni Nru 17/24 tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Grupp Visegrad, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fi Praga fil-5 ta' Marzu 2012;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Pjattaforma Nazzjonali Bjelorussa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant f'Minsk, fit-2 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja adotatti fit-3101 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' April 2011 mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar ir-repressjoni tal-midja indipendenti fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 1988,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-21 ta' Ġunju 2012 Andrzej Poczobut, il-korrispondent tal-gazzetta ta' kuljum Pollakka “Gazeta Wyborcza” u anki attivist prominenti tal-minoranza Pollakka-Bjelorussa kif ukoll president tal-Kunsill tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, ġie arrestat fil-belt ta Grodno, Bjelorussja;

B.  billi l-appartament tas-Sur Poczobut fi Grodno safa mfittex mill-uffiċċju tal-prosekutur u l-affarijiet tiegħu ġew konfiskati; billi persunal tal-infurzar sussegwentement wettqu tfittxija fl-uffiċċju ta' Grodno tal-Unjoni tal-Pollakki, li tiegħu s-Sur Poczobut huwa detentur tal-kera uffiċjali, u kkonfiskaw tagħmir tal-kompjuter;

C.  billi s-Sur Poczobut ġie akkużat fuq il-bażi tal-hekk imsejjaħ libell kontra l-President Alyaksandr Lukashenka, skont l-Artikolu 367 tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Bjelorussja, minħabba tnax-il artiklu ppublikati fil-websajts “Charter 97” u “Belarusian Partisan”, fost suġġetti oħrajn, dwar il-kawża tal-ibbumbardjar taħt l-art;

D.  billi s-Sur Poczobut diġà qatta' tliet xhur fil-ħabs fil-passat u għandu sentenza sospiża ta' ħabs ta' tliet snin imposta fuqu għall-istess akkuża talli allegatament insulta l-President f'artiklu ppubblikat fil-“Gazeta Wyborcza” u fuq websajt Bjelorussa; billi qed jaffaċċja r-restrizzjoni jew il-privazzjoni tal-libertà tiegħu għal massimu ta' seba' snin u disa' xhur, inkluża s-sentenza sospiża;

E.  billi fit-30 ta' Ġunju 2012 is-Sur Poczobut ġie rilaxxat b'libertà kondizzjonata, wara li ffirma li ma kienx se joħroġ mir-residenza tiegħu;

F.  billi fil-5 ta' Lulju 2011, il-qorti ta' Leninski fi Grodna tat sentenza ta' innoċenza għall-kawża tas-Sur Poczobut, skont il-Parti 1, Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali, marbuta mal-akkuża ta' insultar fil-konfront tal-President iżda sabitu ħati, skont Parti 1, Artikolu 367 tal-istess Kodiċi, li wettaq diffammazzjoni fir-rigward tal-President;

G.  billi l-aħħar arrest tas-Sur Poczobut fil-21 ta' Ġunju 2012 ħabat ma' protesta paċifika, organizzata mill-Unjoni tal-Pollakki taħt it-tmexxija tiegħu, kontra l-introduzzjoni sfurzata ta' Russi fi skola Pollakka fi Grodno mir-reġim ta' Lukashenka, f'liema prostesta ġew arrestati madwar 20 persuna;

H.  billi l-Liġi tal-Midja tal-Bjelorussja, li daħlet fis-seħħ fl-2008, hi fin-natura tagħha restrittiva, peress li l-attivitajiet ġurnalistiċi huma kkontrollati minn miżuri varji, bħaċ-ċensura tat-televiżjoni u tar-radju, is-sorveljanza ta' attivitajiet ta' ġurnalisti indipendenti, u l-kontroll fuq l-istamperiji;

I.   billi skont l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt li jkollu l-opinjonijiet tiegħu mingħajr indħil kif ukoll id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, filwaqt li l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni tal-Bjelorussja jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni; billi l-osservaturi u l-ġurnalisti indipendenti u internazzjonali b'mod konsistenti ddenunzjaw ir-restrizzjonjiet tal-gvern dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja;

J.  billi, wara l-arrest tas-Sur Poczobut f'April 2011, Amnesty International irrikonoxxietu bħala priġunier tal-kuxjenza;

K.  billi l-każ tas-Sur Poczobut huwa parti minn tfassila aktar wiesgħa ta' fastidju, li għadu għaddej u li jmur lura ż-żmien, lis-soċjetà ċivili, lill-minoranza Pollakka u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, wara l-elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2010, li wassal għal deterjorament drammatiku fid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili u politiċi fil-Bjelorussja,

L.  billi hemm rapporti kostanti ta' fastidju sistematiku tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja; billi kien hemm aktar każijiet riċenti ta' arrest, inkluż ta' personalitajiet, bħall-attivisti tal-oppożizzjoni demokratika, Alyaksandr Artsybashaw Paval Vinahradaw u Siarhei Kavalenka, kif ukoll id-detenzjoni tal-ġurnalisti Aliaksandr Barazenka, Siarhei Balai, Alina Radachynskaya u Ina Studzinskay u attivisti tal-organizzazzjoni “Tell the Truth” Hanna Kurlovich, Mikhail Pashkevich, Aliaksandr Ulitsionak u Siarhei Vazniak;

M.  billi Ales Bialiatski, President ta' Viasna u Viċi-President tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH), impriġunat fil-kolonja penali tal-belt ta' Bobruiks, reċentement ġie soġġett għal miżuri ġodda restrittivi u illegali kif ukoll pressjoni mill-amministrazzjoni penali bl-intenzjoni ċara li jġiegħluh jirrikonoxxi l-hekk imsejħa ħtija tiegħu;

N.  billi fl-24 ta' Mejju 2012 Aleh Volchek, l-ex kap ta' “Legal Aid to the Population”, organizzazzjoni li pprovdiet assistenza legali sakemm sfat likwidata fl-2003, ġie arrestat minn uffiċjali tal-pulizija pajżana li akkużawh li kien qed “jitkellem ħażin fil-pubbliku”; billi fl-istess ġurnata ġie sentenzjat għal disat ijiem ta' detenzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 17.1 tal-Kodiċi ta' Reati Amministrattivi (“tkellem ħażin lill-pulizija”); billi s-Sur Volchek f'Jannar 2012 kien safa kkundannat, għal erbat ijiem detenzjoni amministrattiva talli allegatament użu lingwaġġ vulgari fit-triq; billi ismu tqiegħed fuq il-lista ta' dawk li ma jistgħux jitilqu mill-Bjelorussja;

O.  billi sa mill-bidu ta' Marzu 2012 ħmistax-il politiku tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew imċaħħda d-dritt tagħhom li jħallu l-pajjiż bl-użu ta' skużi differenti, fil-waqt li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja kienu allegatament qed jikkunsidraw ifasslu lista ta' 108 attivist tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni bil-għan li jwaqfuhom milli jħallu l-pajjiż;

P.  billi fl-14 ta' Ġunju 2012, il-Parlament tal-Bjelorussja adotta għadd ta' emendi li jikkonċernaw il-liġi tal-korpi tas-sigurtà statali, bl-għoti ta' setgħat wesgħin lill-KGB tal-Bjelorussja, inkluż l-użu liberu ta' miżuri ta' koerċizzjoni; billi skont il-liġi l-ġdida, il-KGB awtorizzat jidħol liberament fi proprjetà privata u jarresta, mingħajr restrizzjonijiet, ċittadini tal-Bjelorussja u diplomatiċi u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet internazzjonali;

Q.  billi matul l-2011 tal-anqas 95 ġurnalist ġew arrestati matul azzjonijiet ta' “protesta siekta”, u 22 ġurnalist tressqu l-qorti u 13 sfaw ikkundannati għal sentenzi varji ta' arrest amministrattiv; billi lejn tmiem l-2011 l-awtoritajiet issikkaw aktar il-kontroll fuq l-internet permezz, inter alia ta' miżuri addizzjonali li jirregolaw l-internet;

R.   billi hemm il-biża' li t-tentattivi tal-awtoritajiet tal-Bjelorussja li jressqu kawżi kriminali kontra attivisti tal-oppożizzjoni saru skuża biex iwaqqfuhom milli joħorġu barra mill-pajjiż u jkollhom interazzjoni man-Nazzjonijiet uniti u mekkaniżmi oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwi l-arrest reċenti u l-allegazzjonijiet kontra, Andrzej Poczobut, ġurnalist għall-gazzetta Pollakka “Gazeta Wyborcza”;

2.  Jilqa' r-rilaxx mill-arrest tas-Sur Poczobut, u jirrikjedi li l-investigazzjoni u l-akkużi kollha mressqa kontrih jaqgħu;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jikkundanna kull theddida kontra ġurnalisti u individwi li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom tal-libertà ta' espressjoni;

4.  Jitlob lir-Raba' laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-Sħubija tal-Lvant li saret fit-23-24 ta' Lulju 2012 fi Brussell teżamina u tiddiskuti s-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja u l-każ tas-Sur Poczobut;

5.  Jitlob li jintemm il-fastidju legali tal-ġurnalisti, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex imorru lura mill-politiki repressivi attwali tagħhom;

6.  Jemmen, f'dan il-kuntest u minħabba t-trażżin li qatt ma kien hemm bħalu fuq is-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Diċembru 2010 u li ġara wara, (tal-anqas 21 korrispondent sfaw imsawta u 27 ġurnalist ġew arrestati, 13 minnhom ikkundannati għal bejn 10 u 15-il ġurnata ta' arrest), li l-kawża kontra s-Sur Poczobut hija motivata politikament u maħsuba biex tifxkel ix-xogħol leġittimu tiegħu bħala ġurnalist u mexxej ta' minoranza nazzjonali;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenza sospiża ta' tliet snin ħabs mogħtija lis-Sur Poczobut għal “reati” simili allegati; huwa mħasseb li s-sospensjoni tista' titneħħa, peress li s-sentenza sospiża tfisser li huwa jista' jintbagħat lura l-ħabs fi kwalunkwe mument bid-diskrezzjoni sħiħa tar-reġim ta' Lukashenka jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li reġa' “kiser il-liġi” waqt il-qadi tax-xogħol gurnalistiku tieghu; jemmen li din effettivament tikkostitwixxi forma ta' intimidazzjoni u tentattiv biex ikun mġiegħel jiċċensura lilu nnifsu;

8.  Jikkundanna l-fatt li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja qed jagħmluha impossibbli għall-ġurnalisti li joperaw, billi jintroduċu liġijiet repressivi bl-għan li jwaqqfu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u jużaw it-theddida ta' sanzjonijiet kriminali biex jintimidaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti ta' minoranzi;

9.  Jikkunsidra li l-liġi tal-Bjelorussja u l-mekkaniżmi internazzjonali intużaw ħażin intenzjonalment u strumentalizzati mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Bjelorussja; jenfasizza li l-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni huma fost is-sisien bażiċi tad-demokrazija li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja impenjaw ruħhom li jirrispettaw;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirriformaw il-liġi u jagħmlu mezz li l-leġiżlazzjoni tal-Bjelorussja, b'mod partikolari dik dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u espressjoni, tkun konformi mal-istandards internazzjonali, u jeliminaw il-prattika ta' ċensura u awtoċensura, u jżommu lura minn użu ħażin ulterjuri tal-liġi bħall-arrest ta' avversarji politiċi, it-trażżin tal-ġurnalisti, il-fastidju ta' avukati difensuri indipendenti u t-twettiq ta' miżuri ta' kontroll tal-internet;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirrevokaw l-emendi għal għadd ta' atti leġiżlattivi, adottati mill-Parlament f'Ottubru 2011, li jirrestrinġu ulterjorment il-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea, ta' opinjoni u ta' espressjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwaqqfu l-arresti arbitrarji qosra u ż-żamma arbitrarja tal-ivjaġġar li jidhru immirati biex jintimidaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-midja, l-attivisti tal-oppożizzjoni politika u tas-soċjetà ċivili u jwaqqfuhom mill-jagħmlu xogħolhom;

14.  Iqis it-trasferiment ta' Mykola Statkevych għall-arrest f'iżolament bħala att ta' repressjoni u tentattiv biex iġiegħluh jiffirma rikjesta ta' klemenza; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jintervjenu fil-kawża tiegħu;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwaqqfu minnufih kull forma ta' pressjoni fuq il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja u jirtiraw l-akkużi kollha kontra ġurnalisti li tħarrku minħabba l-attivitajiet professjonali tagħhom, u jieħdu miżuri biex jirrijabilitawhom; jistedinhom ukoll jiżguraw il-libertà ta' espressjoni u joħolqu ambjent legali u prattiki li jwasslu għal-libertà effettiva tal-midja, u jeliminaw il-prattika ta' ċensura u awtoċensura, kif ukoll jiżguraw li l-miżuri ta' kontroll tal-internet ikunu minimi u li r-regolamenti ma jwasslux għal ċensura tal-midja elettronika u tal-libertà tal-espressjoni;

16.  Jenfasizza li kull impenn potenzjali tal-UE mal-Bjelorussja se jkun soġġett għal kundizzjonalità stretta u kontinġenti fuq impenn tal-Bjelorussja li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif tistqarr id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta' Praga tas-7 ta' Mejju 2009, iffirmata wkoll mill-Gvern tal-Bjelorussja;

17.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-involviment tagħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja u jippromwovu kuntatt interpersonali akbar;

18.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE li bħalissa huma membri tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet Bniedem biex jagħmlu kull sforz f'dik l-entità biex jistabbilixxu, għal tal-anqas sentejn, mandat speċifiku għall-pajjiż, bħal rapporteur speċjali, għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil Bjelorussja; jenfasizza li mekkaniżmu bħal dan għandu jkollu wkoll rwol importanti fid-dokumentar indipendenti tal-abbużi u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-mekkaniżmi varji tan-NU, b'mod partikolari dawk ifformulati mill-Kummissarju Għoli fir-rapport l-aktar riċenti;

19.  Itenni l-ħtieġa li jissaħħew ir-relazzjoni u d-djalogu politiku bejn l-UE u l-ġirien tal-Lvant tagħha fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża d-dimensjoni parlamentari tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-Euronest, bl-għan komuni li tkun żgurata riforma demokratika fil-Bjelorussja;

20.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja, bil-ħsieb tal-elezzjonijiet parlamentari 2012, isegwu l-proċess ta' riforma tal-liġi elettorali u t-twettiq tagħha, billi jikkunsidraw il-grupp sħiħ ta' rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi, filwaqt li jaġixxu skont in-normi u l-istandards demokratiċi internazzjonali;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-effiċjenza tal-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-Bjelorussja u jikkunsidraw it-twessigħ tas-sanzjonijiet eżistenti billi jkabbru l-lista ta' Bjelorussi soġġetti għall-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0112.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0063.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0392.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0244.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0099.
(6) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 57.
(7) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 37.
(8) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 16.
(9) ĠU L 55, 29.2.2012, p. 19.
(10) ĠU L 113, 25.4.2012, p. 1.
(11) ĠU L 19, 24.1.2012, p. 31.


L-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina
PDF 205kWORD 39k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina (2012/2712(RSP))
P7_TA(2012)0301RC-B7-0388/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mressqa fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994,

–  wara li kkunsidra l-politika ta' wild wieħed fiċ-Ċina u l-liġijiet dwar l-abort fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-2 ta' Ġunju 2012 mara ta' seba' xhur tqala, Feng Jianmei, inħatfet u ġiet sfurzata tagħmel abort fil-kontea ta' Zhenpng (provinċja ta' Shanxi), liema inċident qajjam mewġa ta' indinjazzjoni u kundanna fiċ-Ċina u madwar id-dinja;

B.  billi l-aborti li jaqbżu s-sitt xhur huma illegali skont il-liġi Ċiniża; billi l-gvern muniċipali ta' Ankang wettaq investigazzjoni li kkonkludiet li uffiċjali fil-kontea ta' Zhenping użaw “mezzi krudili” u “ipperswadew” lis-Sa Feng biex tabortixxi l-fetu; billi r-rapport stqarr li din id-deċiżjoni kisret id-drittijiet tagħha; billi l-gvern muniċipali ta' Ankang ħabbar pieni għall-uffiċjali tal-ippjanar lokali involuti fil-każ, inkluża t-tkeċċija mill-post tax-xogħol;

C.  billi, skont l-investigazzjoni, l-uffiċjali lokali kienu saqsew lill-familja tas-Sa Feng għal depożitu ta' RMB 40 000 bħala garanzija, li skont ir-raġel tagħha kienet multa talli kien se jkollhom it-tieni wild; billi l-awtoritajiet lokali ma kellhom ebda bażi legali biex jiġbru dan id-depożitu; billi s-Sa Feng ġiet sfurzata tiffirma formula ta' kunsens biex ittemm it-tqala tagħha għaliex ma riditx tħallas il-multa, u nżammet l-isptar mill-gwardji;

D.  billi, minħabba l-politika ta' wild wieħed li tadotta ċ-Ċina, aborti illegali selettivi abbażi tas-sess huma mifruxa, li joħolqu żbilanċ bejn l-għadd ta' irġiel u nisa;

E.   billi l-UE pprovdiet, u għadha tipprovdi, fondi għall-organizzazzjonijiet involuti fil-politiki tal-ippjanar tal-familja fiċ-Ċina;

1.  Jenfasizza bil-qawwi li, skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, l-għan tal-programmi dwar l-ippjanar tal-familja għandu jkun li jippermetti li l-kopji u l-individwi jieħdu deċiżjonijiet ħielsa, responsabbli u infurmati dwar li jkollhom it-tfal u li jkunu disponibbli medda wiesgħa ta' metodi sikuri, effettivi u aċċettabbli għall-għażla tagħhom marbuta mal-ippjanar tal-familja , u ma hemm lok għal ebda forma ta' koerċizzjoni;

2.  Itenni d-dritt fundamentali tan-nisa kollha li jkollhom aċċess għal sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika, b'mod partikolari għal kura tas-saħħa primarja, ġinekoloġika u ostettrika kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

3.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittmi, filwaqt li jikkundanna bil-qawwi l-fastidju li qed jiġu soġġetti għalih u jitlob protezzjoni pubblika għalihom;

4.  Jikkundanna bil-qawwi d-deċiżjoni li s-Sa Feng kienet imġiegħla tagħmel abort u jikkundanna l-prattika ta' aborti sfurzati u sterilizzazzjonijiet, speċjalment fil-kuntest tal-politika ta' wild wieħed;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-gvern muniċipali ta' Ankang li joffri kumpens lill-familja tas-Sa Feng u li l-uffiċjali lokali involuti fil-każ jingħataw pieni ħorox;

6.  Jieħu nota tal-fatt li l-każ tas-Sa Feng sar magħruf sew grazzi għall-internet u jenfasizza l-importanza tal-libertà ta' espressjoni, inkluża dik onlajn; jilqa' b'sodisfazzjon l-itfaċċar ta' sfera pubblika għad-dibattitu, parzjalment grazzi għall-mikroblogging;

7.  Iqis importanti li jitkompla d-dibattitu fost l-intellettwali u l-akkademiċi dwar jekk għandhiex titkompla jew le il-politika ta' wild wieħed fiċ-Ċina;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament tagħha għal proġetti ma jmurx kontra l-kummenti li jinsabu fit-Taqsima III, Titolu 21 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jinkludu l-abort sfurzat fuq l-aġenda għad-djalogu bilaterali li jmiss tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem maċ-Ċina;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.


L-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u ċ-ċittadinanza globali attiva
PDF 71kWORD 33k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u ċ-ċittadinanza globali attiva
P7_TA(2012)0302P7_DCL(2012)0007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, li jenfasizza li “l-UE se tagħti attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u lit-tqajjim ta' kuxjenza”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-Djalogu Strutturat dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp, li jistieden “lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea [sabiex] jsaħħu l-istrateġiji tagħhom għall-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp u għat-Tqajjim ta' Kuxjenza”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u t-tqajjim ta' kuxjenza huma ċentrali għall-politiki tal-iżvilupp Ewropej, kif inhu enfasizzat fil-Kunsens Ewropew dwar l-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp (“Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp: Il-Kontribut tal-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp u t-Tqajjim ta' Kuxjenza”);

B.  billi, minkejja li hija waħda mill-ikbar finanzjaturi tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp fl-Ewropa, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex strateġija ddedikata f'dan il-qasam;

C.  billi, matul il-perjodi mmarkati b'awsterità, kriżijiet u l-qawmien ta' movimenti nazzjonalisti u populisti, huwa partikolarment importanti li tiġi appoġġjata ċ-ċittadinanza globali attiva;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżviluppaw strateġija Ewropea trans-settorjali għal perjodu twil għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp, it-tqajjim ta' kuxjenza u ċ-ċittadinanza globali attiva;

2.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw u jsaħħu l-istrateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tal-5 ta' Lulju 2012 (P7_PV(2012)07-05(ANN1)).


It-twaqqif tal-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali
PDF 70kWORD 32k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012 dwar it-twaqqif tal-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali
P7_TA(2012)0303P7_DCL(2012)0010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE qed tkun immirata aktar lejn l-iżgurar tal-kwalità tal-ikel u, fost il-prodotti friski tal-ħalib kollha, il-ġelat artiġjanali huwa prodott eċċellenti fir-rigward tal-kwalità u tas-sikurezza tal-ikel, li jtejjeb il-profil tal-prodotti agroalimentari ta' kull Stat Membru individwali,

B.  billi l-konsumaturi qed jagħżlu aktar ikel tajjeb għas-saħħa, aktar nutrittiv u ta' togħma aħjar li huma miskuba permezz ta' metodi tradizzjonali li m'għandhomx impatt fuq l-ambjent,

C.  billi s-settur jimpjega b'mod dirett madwar 300 000 impjegat, il-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, f'madwar 50 000 ġelaterija fl-Ewropa kollha u l-konsum tal-ġelat gradwalment qed isir inqas staġjonali, li jirriżulta f'fatturat matul is-sena kollha ta' mijiet ta' miljuni ta' euro,

1.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-prodott ta' kwalità li jirrappreżenta l-ġelat artiġjanali bħala settur li fih l-ekonomija tal-UE tista' tikkompeti u bħala opportunità li għandha tkun sfruttata, minħabba l-kriżi attwali li qed taffettwa wkoll is-settur tal-ħalib, fost oħrajn;

2.  Iwaqqaf il-Jum Ewropew tal-Ġelat Artiġjanali, li għandu jiġi ċċelebrat fl-24 ta' Marzu, biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' dan il-prodott u għall-iżvilupp tat-tradizzjoni gastronomika ta' dan is-settur;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 2 għall-Minuti tal-5 ta' Lulju 2012 (P7_PV(2012)07-05(ANN2)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza