Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2028(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0402/2012

Testi mressqa :

A7-0402/2012

Dibattiti :

PV 15/01/2013 - 16
CRE 15/01/2013 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2013 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0018

Testi adottati
PDF 270kWORD 35k
L-Erbgħa, 16 ta' Jannar 2013 - Strasburgu
Il-fattibilità tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà
P7_TA(2013)0018A7-0402/2012
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-fattibiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà (2012/2028(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-qafas ta’ governanza ekonomika mtejba tal-Unjoni, inkluż is-six-pack, il-proposti miftiehma tal-Parlament għat-two-pack u l-patt fiskali Komunitarizzat skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar Stabbiltà, Koordinazzjoni u Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG);

–  wara li kkunsidra ż-żewġ rapporti tal-President tal-Kunsill Ewropew bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” maħruġa fis-26 ta' Ġunju 2012(1) u fit-12 ta' Ottubru 2012(2) rispettivament;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 li jesploraw modi biex tittejjeb l-arkitettura ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro(3);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 125 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar it-tema “EMU@10: L-ewwel għaxar snin ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni”(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(5),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar il-fattibiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà (COM(2011)0818),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2012 dwar il-fattibiltà li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità(6),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali anness ma' din ir-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0402/2012),

A.  billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti eurobonds, ħaġa li hija parti integrali mill-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-pakkett dwar il-governanza ekonomika (six-pack);

B.  billi l-Green Paper nediet eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kunċett ta' bonds ta' stabbiltà; billi l-Green Paper tevalwa l-fattibiltà tal-ħruġ komuni ta' bonds sovrani mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kundizzjonijiet rekwiżiti;

C.  billi, mingħajr ma tintesa l-perspettiva usa’, iż-żona tal-euro tinsab f’sitwazzjoni unika, fejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkondividu munita komuni mingħajr politika fiskali komuni u suq komuni tal-bonds; billi, għalhekk, hemm raġunijiet biex jintlaqa' l-abbozz ta' proposti fiż-żewġ rapporti bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” ippreżentati mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, li jirrapreżentaw punt ta' tluq tajjeb għal ħidma lejn UEM soda u ġenwina;

D.  billi l-Artikolu 125 tat-TFUE jipprojbixxi li l-Istati Membri jassumu obbligazzjonijiet ta' Stati Membri oħra;

E.  billi l-politika monetarja mħaddma mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mhijiex soluzzjoni għall-problemi fiskali u strutturali tal-Istati Membri u l-miżuri mhux standardizzati tagħha għandhom limiti għall-effikaċja tagħhom;

F.  billi l-ebda stat federali (inklużi l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġermanja) ma joħroġ l-ekwivalenti f'eurobonds bħal mhu previst fl-alternattivi 1 u 2 tal-Green Book, xi ħaġa li tgħolli l-eurobonds għal-livell ta' kunċett totalment ġdid, li ma jistax jitqabbel mal-bonds tat-teżor tal-Istati Uniti u mal-Bundesanleihen Ġermaniżi, it-tnejn strumenti sodi u fdati;

G.  billi l-Istati Membri qegħdin jaffrontaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzjament b'rati raġjonevoli b'riżultat tan-nuqqas ta' fiduċja min-naħa tas-suq lejn id-dejn pubbliku, is-sitwazzjoni tal-banek Ewropej u l-kapaċità tal-mexxeja Ewropej li jieħdu passi definittivi biex jiddefendu u jikkompletaw il-munita unika;

H.  billi l-kriżi wriet mhux biss l-interdipendenza bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro iżda għamlitha ċara wkoll li hemm bżonn ta' unjoni aktar soda b'mekkaniżmi effettivi li jikkoreġu trajjettorji fiskali mhux sostenibbli, żbilanċji makroekonomiċi, livelli tad-dejn u limiti massimi ta' bilanċ tal-baġit tal-Istati Membri;

I.  billi impenji kredibbli għal miżuri ta' konsolidazzjoni favur it-tkabbir huma prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tad-dejn eċessiv u s-sitwazzjoni ta' defiċit tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro;

J.  billi l-mutwalizzazzjoni tad-dejn sovran taż-żona tal-euro ma tistax per se tikkumpensa għat-telf tal-kompetittività taż-żona tal-euro;

K.  billi l-ħruġ komuni tad-dejn, b'obbligazzjonijiet in solidum, u t-tisħiħ tal-integrazzjoni fiskali karatterizzat mid-dixxiplina u l-kontroll baġitarju, jirrappreżentaw żewġ uċuħ tal-istess munita;

1.  Jieħu nota tal-isforzi konsiderevoli għall-mitigazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżi, u jenfasizza l-qafas il-ġdid ta' governanza msaħħa tal-UEM, l-aħħar ftehimiet milħuqa dwar il-fondi ta' salvataġġ u d-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE; jemmen, madankollu, li ftehim dwar soluzzjoni dejjiema għadu meħtieġ sabiex jinbena approċċ ibbilanċjat li jgħaqqad is-solidarjetà u r-responsabbiltà fiż-żona tal-euro; ifakkar li tliet Stati Membri barra miż-żona tal-euro rċevew ukoll l-għajnuna biex jegħlbu l-kriżi tad-dejn sovran tagħhom;

2.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar il-kriżi li għaddejja fiż-żona tal-euro u t-theddida li tirrappreżenta għall-benessri ta' miljuni ta' nies li qed jesperjenzaw il-faqar u l-qgħad madwar l-UE; jinnota li, sabiex tinżamm l-integrità tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, filwaqt li ssir ħidma favur riformi strutturali u l-iżvilupp ta' kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro li jistgħu jgħinu biex jiġu assorbiti x-xokkijiet ekonomiċi speċifiċi għal kull pajjiż jew jiffaċilitaw riformi strutturali bħal dawn, jeħtieġ li jinsabu metodi alternattivi biex jibqa' jkun hemm aċċess għas-swieq, jew biex titnaqqas l-ispiża tas-self għall-Istati Membri, metodi li ma jiddependux biss fuq mekkaniżmi tas-salvataġġ bħalma huma l-MES u EFSF;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Ġunju 2012 li jiġu esplorati mezzi biex tittejjeb l-arkitettura ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro filwaqt li jiġi evitat il-periklu morali u jinkisbu finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli; iqis li viżjoni fit-tul għal Unjoni aktar b'saħħitha għandha tinbena fuq leġittimità demokratika msaħħa, tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju u akkumpanjata minn pjan direzzjonali għal żmien definit;

4.  Jinnota li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) huma l-firewalls l-aktar importanti li tfasslu s'issa mill-UE; huwa konxju li r-rwol tal-MES dwar is-solvibbiltà u kwistjonijiet ta' ċirkoskrizzjoni ma għandhomx jiġu injorati fil-futur; jilqa' l-impenn tal-Kunsill tal-UE meħud fit-18-19 ta' Ottubru 2012 li, meta mekkaniżmu uniku effettiv ta' sorveljanza jiġi stabbilit, li jkun jinvolvi l-BĊE, il-MES jista', wara deċiżjoni regolari, ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek taż-żona tal-euro b'mod dirett;

5.  Jenfasizza li strateġija kredibbli għal konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali fl-Istati Membri kollha huma neċessarji biex tiġi rrestawrata l-kredibbiltà fiskali, kif ukoll huma essenzjali għall-ilħiq ta' bilanċ sostenibbli tal-pagamenti u finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli; filwaqt li l-finanzi statali sodi huma meħtieġa għall-introduzzjoni u t-tħaddim ta' sistema komuni ta' ħruġ tad-dejn;

6.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Green Book, li jissodisfa talba li l-Parlament Ewropew kien ilu jagħmel; iqis li l-introduzzjoni tal-bonds ta' stabbiltà tirrappreżenta operazzjoni importanti daqs l-introduzzjoni tal-munità unika;

7.  Jilqa' l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali u riforma strutturali mwettqa mill-Istati Membri, u jirrikonoxxi l-isforzi diffiċli u impenjattivi li ċ-ċittadini Ewropej qed jintalbu jagħmlu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkonformaw mal-impenji u l-ftehimiet konklużi f'termini ta' konsolidazzjoni fiskali, waqt li jittieħed kont tal-kuntest makroekonomiku, u biex itejbu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi;

8.  Huwa mħasseb ħafna, madankollu, li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri għar-riforma u l-konsolidazzjoni, l-investituri u l-atturi fis-swieq finanzjarji qed jonqsu milli japprezzaw b'mod suffiċjenti l-isforzi li saru s'issa u qed ikomplu jagħmlu pressjoni spekulattiva fuq il-politiki, li qed tiġi riflessa fi spreads dejjem usa' u f'volatilità għolja;

9.  Jemmen li hemm ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni bl-għan li tiġi approvata viżjoni fuq żmien itwal għaż-żona tal-euro li tkun tiżgura finanzi pubbliċi sodi, tkabbir sostenibbli, koeżjoni soċjali u livelli għolja ta' impjiegi, filwaqt li jiġi evitat il-periklu morali u jingħata appoġġ għall-konverġenza permezz ta' tqarrib lejn l-unjoni fiskali; bi pjaċir jinnota li r-rapport ippreżentat mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, mill-Kummissjoni, mill-Grupp tal-Euro u mill-BĊE nieda dibattitu dwar strateġija komprensiva, ambizzjuża u kredibbli;

10.  Jirrikonoxxi s-sinjali ta' tbatija fis-swieq tad-dejn subsovran u kif dawn huma marbuta mal-istress fl-Istati Membri rispettivi;

11.  Jistieden lill-Istati Membri li għandhom ammonti kbar ta' dejn subsovran jistabbilixxu mekkaniżmi għall-ħruġ ta' bonds ta' stabilità komuni li, meta jkunu marbutin mal-kondizzjonalità tad-dixxiplina fiskali, itaffu l-istress tad-dejn subsovran għal livelli ekwivalenti għal dawk tal-Istati Membri tagħhom;

12.  Jilqa' l-fatt li l-euro tela' fit-tieni post fid-dinja bħala l-munita ta' riżerva globali. jindika li huwa fl-interess strateġiku taż-żona tal-euro fuq żmien twil li jittieħdu l-benefiċċji possibbli kollha mill-munita unika, bħall-possibbiltà li jitwaqqaf suq ta’ bonds komuni likwidu u diversifikat u t-tisħiħ tal-euro bħala munita ta' riżerva globali; iqis li dan jeħtieġ qafas Ewropew baġitarju, finanzjarju, u ekonomiku integrat;

13.  Jinnota li qafas baġitarju integrat huwa essenzjali biex tiġi żgurata politika fiskali soda, li tkun tħaddan koordinazzjoni, teħid konġunt tad-deċiżjonijiet, infurzar akbar u passi proporzjonati lejn il-ħruġ ta' dejn komuni, u li, bħalissa, xi wħud mill-iskemi proposti għall-mutwalizzazzjoni tad-dejn pubbliku jistgħu ma jkunux kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt kostituzzjonali f'ċerti Stati Membri;

14.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali qanqlet, fuq perjodu ta' żmien qasir, “ġirja lejn il-kwalità” (tfittxija għall-assi l-aktar sikuri, anke bi prospetti ta' rendiment baxxi ħafna) li wasslet għal diffikultajiet ta' finanzjament għall-banek u għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

15.  Huwa mħasseb dwar il-banek detenturi ta' ammonti kbar ta' bonds tal-gvernijiet rispettivi, li qed joħloq effett ta' feedback pervers meta l-pressjoni fuq id-dejn sovran tissarraf fi pressjoni fuq il-banek; ifakkar li d-diversifikazzjoni tal-assi u l-obligazzjonijiet hija strument li jiżgura l-istabbilità u wieħed mill-vantaġġi ttraskurati li jirriżultaw mis-suq intern;

16.  Jenfasizza li l-istrumenti jew istituzzjonijiet kollha eżistenti u futuri li jkunu sensu stricto jew senu lato parti mill-qafas ta' governanza ekonomika tal-Unjoni jeħtieġ li jiġu leġittimizzati b'mod demokratiku;

17.  Jemmen li l-prospett ta' bonds komuni jista' jkun sinjal qawwi għas-swieq finanzjarji, jista' jgħin jippreserva l-integrità tal-UEM, jappoġġja r-ritorn għall-istabbiltà ekonomika u jnaqqas l-inċertezza, sakemm il-progress isir permezz ta' integrazzjoni u sorveljanza finanzjarja u baġitarja tal-UE; itenni l-pożizzjoni tiegħu li s-sekwenzjar huwa kwistjoni ewlenija li tinvolvi pjan direzzjonali vinkolanti simili għall-kriterji ta’ Maastricht għall-introduzzjoni tal-munita komuni; jitlob kjarifika ulterjuri tal-proposta tal-Kummissjoni biex il-ħruġ ta' dejn komuni isir kondizzjonali, eż fir-rigward tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir;

18.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxi kriterji ta' ħruġ u dawk ta' dħul ibbażati fuq konsolidament fiskali u dixxiplina finanzjarja sodi, filwaqt li titqies ukoll il-kriżi attwali u l-aġġustamenti fiskali li qed ikunu segwiti f'għadd ta' pajjiżi taż-żona tal-euro;

19.  Jinnota l-iżviluppi pożittivi u negattivi fiż-żona tal-euro mill-1999 “l hawn u jenfasizza li l-konverġenza tar-rata tal-imgħax għad-dejn sovran ħolqot inċentivi biex jiġu akkumulati livelli tad-dejn mhux sostenibbli; josserva li, fid-dibattitu pubbliku u politiku, ġew proposti diversi modi possibbli kif wieħed jista' joħroġ parzjalment titoli ta' dejn komuni, bħall-ippuljar ta' ċerti strumenti ta' finanzjament għal żmien qasir fuq bażi limitata u kondizzjonali (eurobills) jew qlib gradwali għal fond Ewropew ta' fidwa;

20.  Jenfasizza li kull pass lejn l-ħruġ komuni ta' bonds għandu jżomm preżenti bis-sħiħ il-perspettiva tas-suq uniku, fejn jiġi żgurat li ma jinħoloq l-ebda ostaklu jew żbilanċ bla bżonn bejn l-Istati Membri parteċipanti u nonparteċipanti;

21.  Ifakkar li anki taħt skema għall-ħruġ ta' bonds komuni, kull Stat Membru huwa obbligat li jħallas lura l-ammont totali tad-dejn tiegħu; ifakkar li l-ħruġ ta' bonds komuni ma jagħti l-ebda garanzija kontra l-inadempjenza ta' Stat Membru fil-ħlas lura tad-dejn tiegħu;

22.  Jemmen li għandhom jitqiesu biss bonds maħruġa komunement u li jassiguraw status strett ta' superjorità għad-detenturi ta' dawn il-bonds sabiex jitħarsu ċ-ċittadini tal-UE li jħallsu t-taxxa;

23.  Jirrikonoxxi li kompetittività inadegwata u n-nuqqas li jitwettqu riformi strutturali huma fattur kruċjali, f'termini ekonomiċi reali, fid-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni ekonomika ta' pajjiż;

24.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-proposti għal eurobonds jinkludu modi biex jitnaqqas l-aċċess għall-bonds għal Stati Membri li l-pożizzjonijiet baġitarji tagħhom huma mingħajr kontroll; jappella, għalhekk, li jinżammu mekkaniżmi li huma kapaċi jgħinu lill-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet fil-forma ta' kriżi tal-likwidità (minflok kriżi ta' solvenza) u li huma esklużi mill-ħruġ komuni ta' bonds; jemmen li l-MES għandu jinżamm għal dak il-għan; jemmen li l-MES għandu jkun soġġett għall-metodu Komunitarju;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni telabora aktar dwar il-kriterji ta' allokazzjoni tas-self lill-Istati Membri, peress li l-Green Book jgħid biss li dan se jsir “skont il-ħtiġijiet tagħhom”; jinsisti li l-kapaċità biex jitħallas l-imgħax tad-dejn għandha tkun waħda mill-kriterji ta' allokazzjoni ċentrali;

26.  Jenfasizza li l-Green Book tal-Kummissjoni jgħid li l-limitu massimu ta' 60 % tal-PDG fir-rigward tal-proposti tal-bonds blu jista' jkun għoli wisq biex jassigura l-istabbiltà tas-sistema, u jitlob għal aktar kjarifika dwar dan il-limitu;

27.  Jemmen li huwa essenzjali li jiġi stabbilit pjan direzzjonali biex jinstab, fi żmien qasir, punt ta' ħruġ mill-kriżi attwali, u biex, fuq medda ta' żmien twil, isir ċaqliq lejn unjoni fiskali billi titlesta, tissaħħaħ, u tiġi approfondita l-unjoni ekonomika u monetarja;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-fattibbiltà tal-għażliet u – jekk ikun il-każ – jagħmlu proposti għal pjan direzzjonali lejn ħruġ komuni ta' strumenti ta' dejn pubbliku, filwaqt li jitqiesu l-aspetti finanzjarji baġitarji u legali; iqis li, f'dan il-kuntest u b'mod parallel mar-rapport interim ta' Van Rompuy tat-12 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-fattibiltà tal-introduzzjoni ta' fond ta' ammortament li jikkombina l-ħruġ komuni temporanju ta' strumenti ta' dejn, u regoli stretti dwar l-aġġustament fiskali fost dawk il-pajjiżi li d-dejn tagħhom jaqbeż is-60 % tal-PDG, fejn il-pajjiżi parteċipanti jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-ħlasijiet tagħhom, sabiex il-pajjiżi parteċipanti kollha jkunu jistgħu jnaqqsu d-dejn eċċessiv tagħhom matul perjodu ta' referenza ta' 25 sena, li huwa perjodu itwal milli previst fil-Patta għall-Istabbiltà u t-Tkabbir, iżda li xorta waħda, fil-prattika, jeħtieġ tkabbir ekonomiku suffiċjenti u dixxiplina finanzjarja stretta ħafna;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħruġ ta' dejn komuni fuq żmien qasir fil-forma ta' eurobills, kif saret referenza għalih fir-rapport ta' Van Rompuy tat-12 ta' Ottubru 2012, biex dawk l-Istati Membri b'politiki fiskali fundamentalment sostenibbli jitħarsu minn perjodi ta' illikwidità kif ukoll miċ-ċirku vizzjuż bejn kriżi sovrana u kriżi bankarja kif ukoll minn esternalitajiet negattivi mqanqla mill-paniku li joħolqu distorsjonijiet tas-suq enormi u jiġġeneraw sussidji impliċiti lill-Istati Membri li jesperjenzaw rati ta' imgħax abnormalment baxxi fuq il-bonds sovrani tagħhom;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistudjaw il-fattibbiltà ta' ċaqliq lejn sistema ta' Bonds Sikuri Ewropej jew għal proposti oħra bbażati fuq il-kunċett ta' basket ta' bonds;

31.  Iqis li l-Eurobills, li jistgħu jkunu ta’ żmien u kwantità limitati, jipprovdu ż-żmien u l-istabbiltà biex miżuri oħra bħall-Pakkett ta' Stabbiltà u Tkabbir u t-“Two Pack” jagħtu prova tal-prestazzjoni tagħhom u jistabilixxu iżjed miżuri aktar fit-tul għall-integrazzjoni futura taż-żona tal-euro;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tikkjarifika r-restrizzjonijiet legali għall-ħruġ komuni ta' bonds, speċjalment l-Artikolu 125 tat-TFUE u l-implikazzjoni tiegħu għal tliet modi possibbli ta' ħruġ: l-obbligazzjoni konġunta, l-obbligazzjoni proporzjonali, u l-obbligazzjoni in solidum; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-użu possibbli tal-Artikolu 352/1 tat-TFUE, jew kwalunkwe bażi ġuridika oħra, għall-implimentazzjoni ta' soluzzjoni parzjali rigward il-ħruġ komuni tad-dejn mingħajr il-bżonn ta' tibdil fit-Trattat, inkluż qafas ta' sorveljanza u rappurtar, abbażi tal-Artikoli 121 u 136 tat-TFUE, maħsub biex jissorvelja, fuq bażi ta' kull tliet xhur, il-progress imwettaq mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u miż-żona tal-euro kollha kemm hi lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja msaħħa u ġenwina, u wkoll biex jikkoordina l-ħruġ ta' strumenti ta' dejn sovran li mhumiex koperti minn xi qafas ta' mutwalizzazzjoni;

33.  Jilqa' l-prinċipji tad-deċiżjoni li ttieħdet mis-Samit tal-Grupp tal-euro tad-29 ta' Ġunju 2012 biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-euro, “b'mod partikolari billi jintużaw l-istrumenti eżistenti EFSF/MES b'mod flessibbli u effikaċi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq għall-Istati Membri li jirrispettaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tagħhom għal kull Pajjiż u l-impenji l-oħra tagħhom, inklużi l-kalendarji rispettivi tagħhom, skont is-Semestru Ewropew, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi”. jirrikonoxxi li l-kondizzjonijiet se jiġu ppreżentati f'memorandum ta' ftehim u li l-BĊE se “jservi bħala aġent f'isem l-EFSF/MES u jwettaq operazzjonijiet fis-suq b'mod effettiv u effiċjenti”;

34.  Jemmen li, b’mod parallel, hemm ħtieġa urġenti li s-settur bankarju Ewropew jiġi rikapitalizzat u li jiġi kkompletat is-suq uniku għal servizzi finanzjarji fl-UE; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku Ewropew għall-istituzzjonijiet bankarji kif ukoll reġim uniku Ewropew għall-irkupru u r-riżoluzzjoni, idealment b'mod parallel mad-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu superviżorju uniku; jitlob ukoll li, fil-futur, l-MES jista' jiffinanzja l-banek li jinsabu f'diffikultà minnufih wara li l-mekkaniżmu ta' kontroll uniku jsir operattiv; jenfasizza li l-mekkaniżmu superviżorju uniku jeħtieġ li jagħti kont lill-Parlament u lill-Kunsill tal-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tas-superviżjoni Ewropea u għandu jirrapporta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament;

35.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu implimentati strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet u jirrikonoxxi li r-regolamentazzjoni mhux adegwata fis-settur finanzjarju hija fattur sinifikanti fis-sitwazzjoni baġitarja diffiċli ta' għadd ta' Stati Membri fiż-żona tal-euro;

36.  Jemmen li l-ħruġ ta’ bonds komuni taħt obbligazzjoni separata, simili għall-bonds tal-EFSF, għandu r-riskju li ma jkunx attraenti biżżejjed għall-investituri jekk xi Stati Membri li qed jipparteċipaw fl-iskema xorta ma jkollhomx finanzi sostenibbli;

37.  Jinnota li jista' jkun il-każ li wieħed ikollu jagħżel bejn tliet xenarji: l-ewwel wieħed, rata ta' imgħax unika għall-Istati Membri kollha parteċipanti, li tirriżulta fi trasferiment ta' ġid bejn il-pajjiżi; it-tieni, rata differenzjata tal-imgħax għal kull pajjiż; u t-tielet, rata unika assoċjata ma' skema ta' kumpens bħal dik isemmija mill-Kummissjoni, fejn l-Istati Membri bi klassifikazzjonijiet aktar baxxi jikkumpensaw finanzjarjament dawk bi klassifikazzjonijiet aħjar;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni telabora aktar l-għażla tagħha li tistabbilixxi sistema ta' differenzjazzjoni tar-rati tal-imgħax bejn l-Istati Membri b'klassifikazzjonijiet differenti, speċjalment biex tiċċara kif u minn min dawn il-klassifikazzjonijiet huma stabbiliti ladarba l-mekkaniżmi tas-suq jiġu nnewtralizzati bl-introduzzjoni ta' bonds komuni;

39.  Jaqbel mal-fehma espressa mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha li l-istabbiltà ta' sistema tal-eurobonds ma tistax tibbaża ruħha biss fuq numru żgħir ta' Stati Membri b'finanzi sostenibbli, u li sistema bħal din titlob għaqda fiskali msaħħa, u dixxiplina u kontroll baġitarju aktar b'saħħithom, għall-prevenzjoni tal-periklu morali;

40.  Jemmen li, jekk sistema ta' mutwalizzazzjoni ta' dejn titqies possibbli u tkun minsuġa tajjeb f'qafas orjentat lejn l-istabbiltà, ikun xieraq li tiġi prevista bidla fit-Trattat lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li tista' twassal għall-ħruġ ta' bonds taħt obbligazzjoni in solidum;

41.  Jemmen li sistema ta' sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali (bħall-bonds blu/ħomor) tista', minn banda, tnaqqas l-ispiża tas-self għal dawk l-Istati Membri li għandhom finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u mill-banda l-oħra tista' toħoloq inċentiv biex dawk b'dejn eċċessiv inaqqsuh, peress li r-riskju assoċjat ma' bonds ħomor ikun ogħla u r-rati tal-imgħax jiżdiedu;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni, jekk ikun il-każ, mal-BĊE u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), u f'konsultazzjoni mal-Kunsill u l-Parlament, tevalwa bir-reqqa t-teknikalitajiet kollha marbuta ma' kwalunkwe skema bħal: il-garanziji, l-istrutturi ta' tranching u ppuljar, il-kollaterali potenzjali, il-bilanċ bejn id-dixxiplina fiskali bbażata fuq ir-regoli u dik ibbażata fuq is-swieq, is-salvagwardji addizzjonali (partikolarment f'termini ta' parteċipazzjoni fi kwalunkwe skema), ir-ristrutturar, il-ħruġ, ir-relazzjonijiet ma' mekkaniżmi eżistenti ta' stabbiltà, il-bażi ta' investituri, ir-rekwiżiti regolatorji (eż. l-adegwatezza tal-kapital), il-kopertura gradwali tad-dejn u l-maturità tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti fuq forom ta' governanza u responsabbiltà leġittimi u xierqa;

43.  Jenfasizza li, wara l-implimentazzjoni ta' miżuri fuq żmien qasir, għall-ħruġ mill-kriżi, u fost l-ewwel passi tal-pjan direzzjonali vinkolanti, kwalunkwe segwitu għandu jsir abbażi tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u billi tinżamm ir-responsabbiltà demokratika sħiħa fil-livell fejn tittieħed id-deċiżjoni; jiġbed l-attenzjoni lill-Kummissjoni li tista', meta tkun qed tħejji l-proposti tagħha, tistabbilixxi korp temporanju magħmul minn Membri tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-BĊE; ifakkar li se jagħmel użu sħiħ mill-prerogattivi u d-drittijiet ta' inizjattiva tiegħu, inkluż id-dritt tiegħu li jagħti bidu għal bidla fit-Trattat; huwa tal-fehma li dan il-korp għandu jħares ukoll lejn il-possibbiltà tal-ħruġ ta’ bonds federali ġenwini b'rabta ma' baġit Ewropew imsaħħaħ;

44.  Jisħaq li l-Kummissjoni għandha tistudja l-fattibiltà ta' kull waħda mill-alternattivi ppreżentati fl-Anness għal din ir-riżoluzzjoni (kemm fl-ewwel fażi 1 kif ukoll fil-fażi 2), billi dawn l-għażliet mhux bilfors jikkostitwixxu alternattiva iżda jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, ikunu kumulattivi;

45.  Huwa konxju li qed jitressqu numru dejjem jiżdied ta' proposti għall-mutwalizzazzjoni tad-dejn, speċjalment fil-qasam akkademiku; jinnota li dawn il-proposti jvarjaw b'mod konsiderevoli;

46.  Jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kontabbiltà marbuta mat-trattament ta’ bonds ta’ stabbiltà taħt il-liġi nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa b’mod komprensiv l-impatt ta’ strutturi ta’ garanziji differenti għal bonds ta’ stabbiltà fuq ir-relazzjoni bejn id-dejn nazzjonali u l-PDG;

47.  Jieħu nota tal-problema ta’ periklu morali msemmija mill-Kummissjoni fil-Green Paper, iżda, madankollu iqis li jeħtieġ li titwettaq analiżi dettaljata tal-problema ta' periklu morali sabiex ikun jistgħu jiġu misluta l-konklużjonijiet it-tajba u, jekk ikun possibbli, jinstabu s-soluzzjonijiet adegwati;

48.  Jemmen li l-problema ta’ riskju morali tista’ tingħeleb b’definizzjoni tajba tal-garanziji u tal-mekkaniżmi ta' inċentivi għad-dixxiplina fiskali;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) http://ec.europa.eu/economy_finance/focuson/crisis/documents/131201_en.pdf
(2) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/132809.pdf
(3) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/131359.pdf
(4) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 8.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0046.


ANNESS

Il-Pjan Direzzjonali

Hawn isfel hemm imniżżla t-triq possibbli magħmula minn sensiela ta' passi li mhux bilfors huma sekwenzjali, kumulattivi jew esklussivi b'mod reċiproku.

Stadju 1 - Miżuri immedjati għall-ħruġ mill-kriżi

1.  It-twaqqif ta’ fond ta’ ammortament Ewropew temporanju għat-tnaqqis tad-dejn għal livelli sostenibbli b’rati tal-interess affordabbli

Il-Kummissjoni tagħmel proposta għat-twaqqif b’mod immedjat ta’ fond ta’ ammortament Ewropew temporanju skont dawn il-prinċipji:

   it-trasferiment ta’ ammonti ta’ dejn li huma akbar mill-valur ta’ referenza ta’ Maastricht ta’ 60 % tal-PDG għal fond komuni suġġett għal obbligazzjoni in solidum permezz ta’ fażi tal-bidu ta’ ħames snin; tali trasferiment għandu jiddaħħal gradwalment u l-bidu għandu jkun bit-trasferiment ta' 10 % biss tad-dejn ogħla mil-livell minimu ta' Maastricht ta' 60 % tal-PDG; it-trasferimenti sussegwenti għandhom ikunu gradwali;
   il-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni għal Stati Membri mingħajr programm ta’ aġġustament; li tiġi prevista introduzzjoni ta’ Stati Membri li jkunu temmew b’suċċess programm ta’ aġġustament; Il-pont għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri skont programm ta' aġġustament għandu jiġi vvalutat b'mod xieraq;
   l-obbligu fuq l-Istati Membri sabiex b’mod awtonomu jifdu d-dejn trasferit fuq perjodu ta' referenza massimu ta’ 25 sena;
   l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet stretti li jistgħu jieħdu l-forma ta' (i) iż-żamma ta' garanzija; (ii) isir impenn għal pjanijiet ta' konsolidazzjonijiet fiskali u riformi strutturali;
   l-implimentazzjoni ta' regoli fiskali numeriċi tal-qafas tal-UEM imsaħħaħ biex d-djun esklussivament tal-Istati Membri parteċipanti jiġi limitat għal massimu ta' 60 % tal-PDG;
   it-tisħiħ tal-koordinazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika flimkien ma’ aġenda UE 2020 msaħħa u aġenda ta' riforma strutturali vinkolanti ssorveljata mill-Kummissjoni;
   id-disponibbiltà ta' proċeduri ta' ħruġ trasparenti u prevedibbli għall-Istati Membri; jiġifieri l-Istati Membri għandhom jitħeġġew jibqgħu u, għaldaqstant, il-ħruġ għandu jkun bi prezz għali; in-nuqqas li jiġu rispettati l-impenji matul il-fażi ta' introduzzjoni għandu minnufih iwaqqaf il-fażi ta' introduzzjoni filwaqt li n-nuqqas li jiġu rispettati l-impenji fi kwalunkwe mument għandu jtellef il-kollaterali depositati mal-Fond.

2.  Introduzzjoni ta’ eurobills għall-protezzjoni tal-Istati Membri minn perjodi ta’ illikwidità

Il-Kummissjoni qed tagħmel proposta għat-twaqqif immedjat ta’ sistema għall-ħruġ ta’ dejn komuni fuq żmien qasir skont il-prinċipji li ġejjin:

   it-twaqqif ta’ entità jew l-użu ta’ waħda li diġà teżisti għall-ħruġ ta’ eurobills bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li m'għandhomx programmi sħaħ ta' aġġustament; li tiġi prevista l-introduzzjoni gradwali ta’ Stati Membri li jkunu temmew b’suċċess il-programmi ta’ aġġustament tagħhom;
   dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistgħu' jħallsu rata ogħla ta' imgħax bħala penali;
   maturità massima ta’ eurobills (li tammonta għal massimu ta' 10 % tal-PDG), li tippermetti monitoraġġ kontinwu u, minħabba maturità fuq żmien qasir, tiġdid frekwenti tal-garanziji;
   il-eurobills jieħdu post id-dejn kollu fuq żmien qasir li għandu jinħareġ mill-Istati Membri li konsegwentement jibqgħu esklussivament responsabbli għall-ħruġ tad-dejn tagħhom stess għal maturitajiet itwal li għandhom ikunu mmonitorjati u limitati skont il-bżonnijiet, is-sitwazzjoni fiskali u l-proporzjon tad-dejn ta' kull pajjiż;
   l-adozzjoni ta' miżuri għall-koordinazzjoni tal-ħruġ ta' strumenti tad-dejn sovran mhux koperti minn xi qafas ta' mutwalizzazzjoni;
   jipprovdu għall-parteċipazzjoni mill-parlamenti nazzjonali kif previst mir-regoli kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat;

Il-Kummissjoni għandha tqis il-konklużjonijiet tar-rapport finali ta' Van Rompuy dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina.

Stadju 2 - Ħruġ komuni parzjali - L-introduzzjoni ta' Bonds Blu: dejn annwali allokat ≤ 60 % tal-PDG li għandu jinħareġ mingħajr bidla fit-Trattat

Il-Kummissjoni għandha tistudja u tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew dwar il-possibbiltà ta' proposti biex titwaqqaf sistema għall-allokazzjoni tad-dejn taħt is-60 % tal-PDG li għandu jinħareġ konġuntement, li tkun salvagwardjata b'mekkaniżmi ta' trażżin tad-dejn nazzjonali jew mekkaniżmi adegwati oħrajn biex jiġi evitat il-periklu morali skont prinċipji bħal:

   il-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni għal Stati Membri li jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-patt fiskali komunitarizzat f'konformità mal-Artikolu 16 tat-TSKG u li mhumiex taħt programm sħiħ ta’ aġġustament;
   il-limitazzjoni stretta tal-ammont tad-dejn li jinħareġ taħt obbligazzjonijiet in solidum għal parti ta’ inqas minn 60 % tal-PDG billi l-Istati Membri jiġu pprojbiti li joħorġu dejn superjuri barra l-ħruġ komuni;
   id-deċiżjoni aħħarija dwar l-allokazzjoni ta' Bonds Blu u garanziji korrispondenti tagħhom se jkollha tittieħed mill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti kollha;
   - L-Istati Membri parteċipanti jkunu obbligati jagħtu garanziji kollaterali;
   id-disinjar ta’ mekkaniżmu ta’ allokazzjoni li jikkunsidra r-rispett tad-dixxplina fiskali, iċ-ċiklu ekonomiku, l-ispreads storiċi u li huwa ekwilibrat bil-ħtiġijiet tas-self;

Stadju 3 - Ħruġ komuni sħiħ ta’ dejn nazzjonali li jinvolvi bidla fit-Trattat

Abbażi tal-ħidma tal-kumitat, u wara li jkunu ġew ippreparati l-bidliet kollha eventwali għall-qafas legali tal-UE u, jekk meħtieġ, bidla fit-Trattat (u fejn ikun meħtieġ bidliet kostituzzjonali tal-Istati Membri), jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni tressaq proposti għat-twaqqif ta’ sistema għall-ħruġ komuni ta’ bonds skont il-prinċipji li ġejjin:

   limitazzjoni tal-parteċipazzjoni għal Stati Membri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-fażi 2;
   it-twaqqif ta’ aġenzija tad-dejn Ewropea għall-ħruġ ta’ bonds;
   it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet xierqa demokratikament leġittimi li fost affarijiet oħra jkunu inkarigati mis-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki fiskali nazzjonali u mill-aġenda dwar il-kompetittività, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona tal-euro f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

Stadju 4 - Ħruġ komuni ta' dejn Ewropew ġenwin flimkien ma' baġit Ewropew msaħħaħ li jinvolvi bidla fit-Trattat

Il-Kummissjoni, wara li tkun ippreparat il-bidliet kollha eventwali fil-qafas ġuridiku tal-UE u, fejn ikun il-każ, fil-qafas legali taż-żona tal-euro, tressaq proposti għall-ħruġ possibbli ta' bonds għall-finanzjament tal-investimenti tal-UE f'beni pubbliċi tal-UE (eż. l-infrastruttura, ir-riċerka u l-iżvilupp, eċċ), biex tiffaċilita aġġustamenti għal xokkijiet speċifiċi għal kull pajjiż billi tipprovdi għal ċertu grad ta' assorbiment fil-livell ċentrali, biex tiffaċilita r-riformi strutturali li jtejbu l-kompetittività u t-tkabbir potenzjali fir-rigward ta' qafas integrat tal-politika ekonomika.

Avviż legali - Politika tal-privatezza