Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2920(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0024/2013

Testi mressqa :

B7-0024/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0026

Testi adottati
PDF 211kWORD 24k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2013 - Strasburgu
Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat
P7_TA(2013)0026B7-0024/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (2012/2920(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (COM(2012)0725),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (COM(2012)0730),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE” (COM(2012)0209),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni adottata fid-98 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fid-29 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 15/2011 bit-titolu “Il-proċeduri tal-Kummissjoni jassiguraw il-ġestjoni effettiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat?”,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1) (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim Qafas”), b'mod partikolari l-paragrafu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (O-000213/2012 – B7-0102/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni ppreżentat proposti għal żewġ regolamenti li jimplimentaw il-programm għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, bl-Artikolu 109 tat-TFUE bħala l-bażi legali tagħhom; billi din il-bażi legali tipprevedi biss konsultazzjoni tal-Parlament, u mhux kodeċiżjoni;

B.  billi l-objettiv tal-proposti huwa li r-riżorsi jiġu ffukati fuq il-valutazzjoni ta' każijiet aktar serji ta' għajnuna pjuttost milli jittrattaw każijiet anqas serji u ilmenti minuri li ma jkollhom l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

C.  billi l-proposti, u b'mod partikolari l-emenda għar-Regolament proċedurali (KE) Nru 659/1999, jikkonċernaw il-modalitajiet għall-kontroll mill-Kummissjoni tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali eletti u, għalhekk, hemm każ qawwi favur li s-superviżjoni demokratika ta' dawn it-testi tiġi eżerċitata mill-Parlament;

D.  billi l-Parlament għandu jkun assoċjat fit-tħejjija ta' tali proposti, kif previst fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-proposti ġodda tal-Kummissjoni għal regolamenti; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istimolar tat-tkabbir ekonomiku, bħala wieħed mill-għanijiet ġenerali ta' din ir-riforma, mhuwiex se jwassal għal żieda fid-dejn pubbliku;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal għajnuna mill-Istat li tkun iċken iżda mmirata aħjar u li toħloq anqas domanda għall-infiq pubbliku u li ma tikkaġunax distorsjoni tal-kompetizzjoni, filwaqt li tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-għarfien;

3.  Jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat trid tkun imfassla b'mod li jixpruna l-iżvilupp tas-servizzi, l-għarfien u l-infrastruttura per se, pjuttost milli tappoġġa lil kumpaniji speċifiċi;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li r-rwol ewlieni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li jiżgura parità ta' kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern; jilqa' l-pakkett għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat bħala pedament tal-proċess li għaddej bħalissa ta' modernizzazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni; jappella sabiex dan il-pakkett ta' riformi jiġi implimentat fil-ħin;

5.  Jagħraf ir-rwol li taqdi l-għajnuna mill-Istat fl-indirizzar tal-kriżi, permezz ta' reġim speċjali għall-kriżijiet; jagħraf ukoll li l-użu u l-kontroll xieraq tal-għajnuna mill-Istat se jkollhom sehem importanti fl-ilħiq tal-għanijiet tal-istrateġija għat-tkabbir UE 2020;

6.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni trid tippermetti appoġġ xieraq mill-Istat għall-bidla ekoloġika tal-ekonomija, b'mod partikolari fir-rigward tas-sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u li dawn il-linji gwida ġodda għandhom ikunu msejsa fuq din il-premessa;

7.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-proċeduri relatati mal-għajnuna mill-Istat għandhom bżonn jitħaffu biex tkun tista' ssir enfasi akbar fuq każijiet ikkumplikati li jista' jkollhom effetti serji fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell ta' diskrezzjoni tagħha hija u tiddeċiedi kif tindirizza l-ilmenti; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ kriterji dettaljati biex il-każijiet importanti jkunu jistgħu jingħażlu minn oħrajn anqas importanti f'dan il-kuntest; jindika li modi xierqa kif jistgħu jsiru tali distinzjonijiet ikunu billi jogħlew il-livelli limitu għar-Regolament De Minimis u li jitwessgħu l-kategoriji orizzontali fir-Regolament ta' Awtorizzazzjoni u r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa;

8.  Jinnota li dawn l-objettivi diġà ġew stabbiliti f'diversi okkażjonijiet fl-imgħoddi u ffurmaw il-bażi għal reviżjonijiet passati tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda jidher li ma ntlaħqux għalkollox, peress li issa hemm bżonn ta' dawn il-proposti ġodda;

9.  Jesprimi t-tama li, f'din l-okkażjoni, il-proposti jilħqu l-objettivi stabbiliti, mingħajr ma jaqtgħu qalb il-petizzjonanti milli jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-każijiet serji ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni;

10.  Jinnota l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li teżenta aktar miżuri mir-rekwiżit ta' notifika; jinnota, b'mod partikolari, li l-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-kopertura mir-Regolament ta' Awtorizzazzjoni tal-għajnuna mogħtija lill-kultura u l-għajnuna maħsuba biex tikkumpensa l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-konformità ex ante mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ta' miżuri de minimis u skemi ta' eżenzjoni ġenerali sabiex jippreservaw livell suffiċjenti ta' kontroll, filwaqt li l-Kummissjoni se tibqa' teżerċita l-kontroll ex post ta' tali każijiet; jenfasizza li dan ma jridx iwassal għal żieda fl-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm tnaqqis tal-għajnuna mill-Istat fuq perjodu twil;

11.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura skambju aħjar mal-Istati Membri f'termini ta' kwalità u puntwalità tat-tressiq tal-informazzjoni u t-tħejjija tan-notifiki; jenfasizza li sistemi nazzjonali effikaċi jridu jiżguraw li l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat eżentati mill-obbligu ta' notifika ex ante jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

12.  Jinnota li s'issa l-informazzjoni rilevanti għall-każijiet ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat ingħatat esklużivament mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk hux se jkun hemm aktar bżonn għal riżorsi umani addizzjonali sabiex testendi l-għodod tagħha maħsuba għall-ġbir tal-informazzjoni u sabiex tkun tista' tibda tirċievi l-informazzjoni direttament mill-parteċipanti fis-suq;

13.  Jinsab imħasseb bis-sħiħ minħabba li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-Kummissjoni ma tipprovax tidentifika sistematikament miżuri ta' għajnuna mingħajr notifika jew tivvaluta l-impatt ex post tal-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat b'mod komprensiv; jitlob kjarifika ulterjuri rigward l-40 % tal-każijiet tal-għajnuna mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament għal Eżenzjoni Sħiħa li jafu jkunu problematiċi; jisħaq fuq id-diffikultà partikolari li dan iqajjem għall-parteċipanti ġodda u għall-impriżi żgħar u medji, u l-effett ta' distorsjoni li dan għandu fuq il-kompetizzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, tindirizza l-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija u tiżgura li t-tnaqqis eventwali tal-monitoraġġ ex ante tan-notifiki jkun ikkumpensat mill-kontroll ex post effikaċi u strett min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata konformità adegwata;

15.  Jiddispjaċih li l-bażi legali għall-proposti ġodda, l-Artikolu 109 tat-TFUE, tipprevedi biss il-konsultazzjoni tal-Parlament, u mhux il-kodeċiżjoni f'konformità ma' oqsma oħrajn tal-integrazzjoni tas-suq u r-regolazzjoni ekonomika wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

16.  Jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat fir-rigward ta' proposti li jikkonċernaw il-mezzi ta' superviżjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjonijiet u atti li jsiru mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, speċjalment rigward servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali b'rabta mad-drittijiet fundamentali;

17.  Jipproponi li dan id-defiċit jingħeleb permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali u jiġi korrett fi kwalunkwe bidla futura fit-Trattati;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, sadanittant, iqisu kemm jista' jkun il-proposti għal emenda li l-Parlament iressaq fil-proċedura ta' konsultazzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

Avviż legali - Politika tal-privatezza