Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2890(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0534/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2013 - 12.7

Testi adottati :

P7_TA(2013)0028

Testi adottati
PDF 223kWORD 24k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2013 - Strasburgu
Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani
P7_TA(2013)0028RC-B7-0534/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva (2012/2890(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Novembru 2012 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / il-Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton, dwar il-posponiment tal-Konferenza ta’ Ħelsinki li tittratta l-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ qerda massiva fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (2012/I)(1)ta' Awwissu 2012,

–  wara li kkunsidra t-tliet seminars tal-UE dwar “Is-Sigurtà tal-Lvant Nofsani”, “In-Nonproliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva” u “Id-Diżarm” li saru f'Pariġi f’Ġunju 2008, l-ewwel Seminar tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni dwar il-Lvant Nofsani li sar fi Brussell fis-6 u s-7 ta' Lulju 2011, u t-tieni Seminar tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni dwar il-Lvant Nofsani li sar fil-5 u s-6 ta' Novembru 2012, bil-għan li jħejju għall-konferenza tan-NU dwar żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta’ Frar 2004(2), tal-10 ta’ Marzu 2005(3), tas-17 ta’ Novembru 2005(4) u tal-14 ta’ Marzu 2007(5) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari, u tal-10 ta’ Marzu 2010(6) dwar Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar ir-riskju ta' proliferazzjoni nukleari fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta' Lulju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħrajn kollha ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, ippjanata għal Diċembru 2012, ġiet posposta;

B.  billi l-kanċellazzjoni tal-konferenza dwar żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, prevista fil-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-2010, tista' tħalli impatt negattiv fuq is-sigurtà reġjonali u l-isforzi internazzjonali ta' denuklearizzazzjoni;

C.  billi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u tal-Armi ta' Qerda Massiva huwa l-pedament tas-sigurtà internazzjonali; u billi l-aktar prijoritajiet urġenti għas-sigurtà huma li stati addizzjonali ma jitħallewx jiksbu jew jużaw armi nukleari, li jonqsu l-ħażniet globali u li jsir progress lejn dinja mingħajr armi nukleari;

D.  billi fid-dokument finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari tal-2010 hemm ftehim li fl-2012 tissejjaħ konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħrajn ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, u billi tali progress huwa meħtieġ b'urġenza sabiex tiġi affermata mill-ġdid il-validità tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni;

E.  billi t-tħejjijiet għal din il-konferenza ilhom għaddejjin minn meta Jaako Laajava, is-Sottosegretarju tal-Istat Finlandiż, inħatar bħala faċilitatur għal din il-Konferenza;

F.  billi għal reġjuni oħra madwar id-dinja, jiġifieri l-Amerika Latina u l-Karibew, in-Nofsinhar tal-Paċifiku, ix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, jeżistu diġà numru ta' trattati b'rabta ma' żoni ħielsa mill-armi nukleari; billi l-awtodikjarazzjoni tal-Mongolja bħala żona ħielsa mill-armi nukleari ġiet rikonoxxuta permezz tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sigurtà internazzjonali tal-Mongolja u l-istatus tagħha bħala żona ħielsa mill-armi nukleari; billi jeżistu trattati oħrajn li jindirizzaw ukoll id-denuklearizzazzjoni ta' ċerti żoni, bħat-Trattat tal-Antartika, it-Trattat dwar l-Ispazju Extraatmosferiku, il-Ftehim dwar il-Qamar u t-Trattat dwar Qiegħ il-Baħar;

G.  billi l-UE tħeġġeġ lill-istati kollha tar-reġjun ikomplu bl-impenn kostruttiv tagħhom mal-faċilitatur sabiex jieħdu inizjattivi ulterjuri biex jiġu eliminati kompletament l-armi kollha ta' qerda massiva, kemm jekk nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi, mir-reġjun, kif ukoll is-sistemi ta' kunsinna tagħhom;

H.  billi l-Unjoni Ewropea u l-membri kollha tas-Sħubija Ewro-Mediterranja impenjaw ruħhom fid-dikjarazzjoni ta' Barċelona tal-1995 favur l-għan li jippromwovu l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani; billi l-UE tappoġġa l-isforzi tal-faċilitatur u l-għan li jiġi promoss l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, partikolarment permezz tal-“Konsorzju għan-Nonproliferazzjoni” u sensiela ta' seminars dwar is-suġġett, bħal dawk organizzati fl-2008, fl-2011 u f'Novembru 2012;

I.  billi l-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti huma l-koparrini tar-Riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani, adottata fl-1995 fil-qafas tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-1995, kif ukoll Stati depożitarji tat-Trattat;

J.  billi s-sitwazzjoni politika fir-reġjun għadha instabbli ħafna, b'taqlib u b'tibdiliet politiċi drammatiċi li qed iseħħu fil-Lvant Nofsani, fosthom eskalazzjoni tal-kunflitt fis-Sirja, l-impass mal-Iran u t-tensjoni dejjem tikber bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-pajjiżi ġirien;

K.  billi l-UE tappoġġa t-tħejjijiet li qed isiru bħalissa għall-konferenza, bil-parteċipazzjoni tal-istati kollha tar-reġjun, u fid-dawl ta' riżultat ta' suċċess, fl-isfond tat-taqlib u l-bidla politika li qed iseħħu fil-Lvant Nofsani;

L.  billi t-talba tal-Moviment Mhux Allinjat għall-istabbiliment rapidu ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani hija pass ta' prijorità lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fir-reġjun;

1.  Jiddeplora l-posponiment tal-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħrajn ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, li l-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari kienet skedat għall-2012;

2.  Jilqa' r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti fl-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari verifikabbli b'mod reċiproku; jinnota li mhux l-istati kollha tar-reġjun huma partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari;

3.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-faċilitatur tan-NU, lill-parrini tar-Riżoluzzjoni tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li l-Konferenza tal-2012 issir mill-aktar fis possibbli fl-2013;

4.  Jemmen bis-sħiħ li l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani jsaħħaħ bi kbir il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, u jaf ikun ta' eżempju u pass pożittiv 'il quddiem għall-kampanja Global Zero;

5.  Jistieden lill-VP/RGħ Catherine Ashton biex tiżgura li l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata b'mod attiv fl-appoġġ ta' dan il-proċess, b'mod partikolari permezz tal-inkoraġġiment diplomatiku attiv tal-partijiet kollha kkonċernati sabiex jipparteċipaw b'mod kostruttiv u b'rieda politika msaħħa fin-negozjati;

6.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE fil-proċess lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' rieda tajba jirrappreżentaw l-ewwel pass sabiex tispiċċa s-sitwazzjoni staġnata attwali; huwa tal-fehma li soluzzjoni paċifika għall-kunflitti tal-Lvant Nofsani tista' toħloq il-fiduċja neċessarja għall-istabbiliment eventwali ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;

7.  Ifakkar lill-persuni interessati kollha dwar l-urġenza tal-kwistjoni, fid-dawl tal-kunflitt dwar il-programm nukleari tal-Iran u tan-negozjati dwaru, kif ukoll tal-gwerra ċivili fis-Sirja; ifakkar li l-Gvern Sirjan għadu jikkontrolla ħażna tal-armi kimiċi li hija fost l-aqwa u l-aktar perikolużi fid-dinja;

8.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jaderixxu mal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom u mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi;

9.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu li għaddej bħalissa dwar żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, bil-ħsieb li jiġu esplorati l-qafas wiesa' u l-passi proviżorji li jsaħħu l-paċi u s-sigurtà reġjonali; jenfasizza li l-konformità mas-salvagwardji komprensivi tal-IAEA (u protokoll addizzjonali), projbizzjoni fuq il-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u fuq l-arrikkiment tal-uranju lil hinn mill-grad normali ta' fjuwil, l-adeżjoni mat-trattati li jipprojbixxu l-armi bijoloġiċi u kimiċi, u l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani għandhom ikunu fost l-elementi ewlenin; jenfasizza li dawn il-miżuri jsaħħu bi kbir il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

10.  Jappella għal inizjattiva ġdida għall-bini tal-fiduċja fil-livell reġjonali, abbażi tal-eżempju tal-proċess ta’ Ħelsinki, bil-għan li jintlaħaq l-għan fit-tul li l-Lvant Nofsani jkun ħieles mill-kunflitti militari;

11.  Jitlob li l-VP/RGħ Catherine Ashton iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kull żvilupp relatat mal-isforzi li għaddejjin bħalissa sabiex il-Konferenza tissejjaħ mill-ġdid wara li ġiet posposta mid-data ppjanata tagħha f'Diċembru 2012;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-faċilitatur, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti fil-Lvant Nofsani.

(1) ĠU C 237, 7.8.2012, p. 1.
(2) ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.
(4) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 453.
(5) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 146.
(6) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 77.

Avviż legali - Politika tal-privatezza