Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2923(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0013/2013

Dibattiti :

PV 17/01/2013 - 6
CRE 17/01/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2013 - 12.8

Testi adottati :

P7_TA(2013)0029

Testi adottati
PDF 209kWORD 22k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2013 - Strasburgu
Regolament dwar marki tal-oriġini obbligatorji għal ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi
P7_TA(2013)0029RC-B7-0013/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati fl-UE minn pajjiżi terzi. (2012/2923(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661 – C7-0048/2010 – 2005/0254 (COD)),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0273/2010),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari adottata fil-21 ta' Ottubru 2010(1)

–  wara li kkunsidra l-anness għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013”, tat-23 ta' Ottubru 2012 (COM(2012)0629),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha preċedenti tiegħu dwar immarkar tal-oriġini,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-21 ta' Ottubru 2010 adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi b'525 vot favur għal 49 kontra, b’44 astensjoni,

B.  billi, għalkemm għaddew aktar minn sentejn, il-Kunsill għadu ma adottax il-pożizzjoni komuni tiegħu, u ħalla l-proċess ta' kodeċiżjoni fi stat ta' staġnar;

C.  billi fil-Programm ta' Ħidma tagħha g]all-2013 il-Kummissjoni tindika li, minbarra n-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill, l-iżviluppi reċenti fl-interpretazzjoni legali tar-regoli tad-WTO mill-Korp ta’ Appell tal-organizzazzjoni rendew il-proposta tagħha antikwata;

D.  billi l-UE ma għandhiex fis-seħħ regoli armonizzati dwar id-dikjarazzjoni tal-oriġini ta' oġġetti importati, ħlief għal ċerti każijiet fis-settur agrikolu;

E.  billi skemi tal-immarkar tal-oriġini obbligatorji ġew implimentati għal ċerti prodotti minn pajjiżi terzi membri tad-WTO bħall-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina u l-Istati Uniti;

F.  billi dispożizzjonijiet komuni huma meħtieġa biex itejbu l-kompetittività fost il-pajjiżi membri tad-WTO u jiżguraw ambjent b'kundizzjonijiet ekwi mal-produtturi f'dawk il-pajjiżi sħab ewlenin tal-UE li implimentaw immarkar tal-oriġini;

G.  billi l-informazzjoni hija waħda mill-pedamenti tal-libertà taċ-ċittadini u l-ħarsien tal-konsumatur;

1.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira r-Regolament dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi, approvat fl-ewwel qari mill-Parlament, mingħajr ma informatu debitament fil-ħin u mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni dettaljata lill-koleġiżlaturi tal-iskop tagħha, qabel ma ħadet id-deċiżjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, bħala alternattiv, tipproponi leġiżlazzjoni ġdida kompatibbli mad-WTO li tippermetti lill-UE tindirizza dawk il-kwistjonijiet oriġinarjament fil-mira tal-proposta inizjali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament tal-kalendarju għall-azzjonijiet futuri neċessarji għar-rilanċ tal-proċess leġiżlattiv u biex jingħeleb l-istaġnar attwali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza tibda studju komparattiv tar-regolamenti leġiżlattivi dwar immarkar tal-oriġini attwalment fis-seħħ u implimentat f'kull pajjiż membru tad-WTO, bil-għan li tanalizza l-prinċipji sottostanti u tewalva l-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO;

6.  Ifakkar, hekk kif għamel f'okkażjonijiet preċedenti, l-importanza li jiġi preżervat, bħala parti mill-kummerċ multilaterali, ambjent b'kundizzjonijiet ekwi bejn l-impriżi tal-UE u l-kompetituri tagħhom minn pajjiżi terzi u li jkun ikun hemm approċċ konsistenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li dan huwa importanti wkoll sabiex jagħtu valur lill-produzzjoni ta' kwalità għolja u lil standards ambjentali u soċjali fil-kuntest preżenti tal-kompetizzjoni globali, li huwa partikolarment relevanti għall-SMEs

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw il-mezzi kollha disponibbli – fl-livell reġjonali, nazzjonali kif ukoll tal-UE – b'mod aktar effiċjenti sabiex il-konsumaturi fis-suq uniku jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta' xiri aktar informati, inkluż permezz tal-edukazzjoni u billi titqajjem il-kuxjenza pubblika permezz tal-midja għall-massa;

8.  Jistieden lill-Kunsill jiddefinixxi l-pożizzjoni komuni tiegħu wara l-ewwel qari tal-Parlament sabiex jippermettu d-dibattitu interistituzzjonali normali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 211.

Avviż legali - Politika tal-privatezza