Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs (2012/2134(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs' (COM(2011)0870),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Ewropa 2020 – strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni 'L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro' (COM(2011)0803),
– wara li kkunsidra l-programm tal-Kummissjoni għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, il-programm 'COSME' (COM(2011)0834),
– wara li kkunsidra l-'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa' (COM(2008)0394), li jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-SMEs fl-ekonomija tal-UE u għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-SMEs u jippromwovi l-potenzjal tagħhom li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi billi jtaffi għadd ta' problemi kkunsidrati bħala fatturi li jimpedixxu l-iżvilupp tal-SMEs,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 dwar ir-reviżjoni tal-'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa' (COM(2011)0078) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Mejju 2011 dwarha(1),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (COM(2011)0860),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (COM(2011)0862),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-2011 tal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew rigward l-Istħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzi għall-SMEs,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 2/2012 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0001/2013),
A. billi regolamentazzjoni tal-industrija finanzjarja b'dgħufijiet fit-tfassil, flimkien mal-effetti ħorox u mifruxa tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn, jistgħu jwasslu għal aċċess għall-finanzi aktar diffiċli għall-SMEs;
B. billi huwa kruċjali li jinħolqu u jiġu żviluppati l-għodod meħtieġa u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet it-tajbin li jippermettu lill-Unjoni tagħti spinta lit-tkabbir fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni b'mod ġenerali;
C. billi s-self bankarju huwa s-sors ewlieni ta' finanzjament għall-SMEs fl-Unjoni Ewropea;
D. billi, skont data tal-BĊE, ir-rati tas-self għall-SMEs ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u hemm żbilanċi fl-aċċess għal-likwidità, b'rati għolja ta' rifjut fir-rigward ta' self għal proġetti ta' negozju f'ċerti pajjiżi;
E. billi l-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 98 % tan-negozji Ewropej u jipprovdu aktar minn 67 % tal-impjiegi fl-Unjoni; billi, għalhekk, huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u xpruni importanti tat-tkabbir ekonomiku Ewropew fit-tul u ta' opportunitajiet ta' ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fi ħdan is-27 Stat Membru;
F. billi 85 % tal-impjiegi ġodda kollha fl-UE bejn l-2002 u l-2010 nħolqu mill-SMEs, b'mod partikolari minn ditti ġodda; billi 32,5 miljun persuna fl-UE jaħdmu għal rashom;
G. billi hemm tipi differenti ta' SMEs li kollha għandhom ħtiġijiet differenti;
H. billi l-azzjonijiet li jappoġġaw l-SMEs u l-intraprenditorija huma regolati mill-'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' li l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea impenjaw ruħhom li jimplimentawh,
Kwistjonijiet ġenerali
1. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u l-ġabra wiesgħa ta' proposti u rakkomandazzjonijiet tagħha rigward l-SMEs;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li s-suċċess ekonomiku, l-eċċellenza u l-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea jiddependu fil-wisa' minn tkabbir u ħolqien ta' impjiegi sostenibbli abbażi ta' SMEs impenjati li jipprovdu prodotti u servizzi ta' kwalità; jenfasizza l-importanza li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku tul il-firxa kollha ta' kumpaniji; jenfasizza li l-SMEs huma parti minn 'ekosistema' usa' ta' intrapriżi; jinnota li f'din l-'ekosistema' hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata enfasi ugwali fuq it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi jew għal negozjanti individwali; jinnota li kumpaniji akbar jiddependu b'mod estensiv minn netwerk wiesa' ta' SMEs iżgħar;
3. Jenfasizza li, minħabba l-effett aggravanti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, bosta SMEs għandhom diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi u li l-SMEs jeħtiġilhom jikkonformaw ma' kriterji regolatorji ġodda u xi drabi aktar stretti minn qabel; jenfasizza li l-istituzzjonijiet bankarji li matul il-kriżi bbenefikaw minn għajnuna mill-istat, kif ukoll minn forom impliċiti oħra ta' għoti ta' sussidju bħal garanziji pubbliċi u appoġġ ta' likwidità minn banek ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, għandhom ikunu suġġetti għal miri rigward l-ammonti ta' finanzjament tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-prinċipju 'L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir', li jimplika semplifikazzjoni ulterjuri tal-ambjent regolatorju u amministrattiv għall-SMEs;
4. Jenfasizza l-fatt li fis-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju u amministrattiv għall-SMEs, jeħtieġ li jiġi pprovdut ħarsien adegwat għall-impjegati fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw diskriminazzjoni potenzjali fl-aċċess għall-finanzi fil-każ ta' SMEs immexxija minn persuni jew gruppi soċjali żvantaġġati;
5. Jinnota li f'dawn l-aħħar snin saru sforzi konsiderevoli sabiex titnaqqas il-burokrazija;
6. Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ is-sistema bankarja lokali; jenfasizza r-responsabilità u l-funzjonijiet tal-banek, minn banek fuq skala lokali għal dawk fuq skala Ewropea, b'rabta mal-investiment għaqli fl-ekonomija u b'mod aktar speċifiku fl-SMEs; jinnota d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-prezz tas-self għall-SMEs u fl-aċċess għall-finanzi għall-SMEs minħabba kuntest makroekonomiku mhux favorevoli, li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet negattivi għall-kompetizzjoni f'żoni periferiċi; jindika li, għalkemm il-problemi ta' aċċess għall-finanzi għall-SMEs għadhom ivarjaw fost l-Istati Membri, ir-riżultati tal-Istħarriġ tal-BĊE dwar is-Self mill-Banek ta' Ottubru 2011 juru ssikkar sinifikanti ġenerali fl-istandards tal-kreditu għas-self lill-SMEs u juru li tnaqqis fl-investimenti għal livell minimu jista' jwassal għal kriżi tal-kreditu; jirrikonoxxi, minbarra dan, li hemm domanda sinifikanti għal mikrokrediti fl-UE;
7. Itenni li regoli kuntrattwali riveduti għall-akkwist pubbliku u l-konċessjoni m'għandhomx ixekklu l-aċċess tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għas-suq tal-akkwist;
8. Ifakkar li fl-Ewropa, is-sors ewlieni tal-finanzjament tal-SMEs huwa s-settur bankarju; jemmen li minħabba l-frammentazzjoni tas-settur bankarju u d-diverġenza kbira sussegwenti fir-rati ta' self u l-offerta ta' kreditu fost il-pajjiżi, jeħtieġ li jkun hemm approċċ differenzjat għat-titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż;
Id-diversità tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju
9. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-SMEs madwar l-Ewropa huma eteroġenji ħafna, minn negozji tradizzjonali ħafna mmexxija mill-familja għal intrapriżi li jikbru b'rata mgħaġġla, ditti ta' teknoloġija avvanzata, mikrointrapriżi, intrapriżi soċjali u negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, u li l-approċċi biex jassistuhom għandhom ikunu diversi wkoll;
10. Jindika li fis-sitwazzjoni attwali fejn l-aċċess insuffiċjenti għal sorsi adegwati ta' kapital ta' riskju, partikolarment fl-istadji tal-bidu, għadu wieħed mill-aktar restrizzjonijiet sinifikanti għall-ħolqien u l-iżvilupp tad-ditti orjentati lejn it-tkabbir, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni jenfasizza ħafna l-kapital ta' riskju bħala mezz possibbli ta' finanzjament tat-tkabbir; jenfasizza, madankollu, li dan it-tip ta' finanzjament huwa adegwat biss għal numru żgħir ta' SMEs u li s-self bankarju għadu s-sors ewlieni ta' finanzjament;
11. Jenfasizza li m'hemmx mezz ta' finanzjament wieħed tajjeb għal kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' firxa wiesgħa ta' programmi, strumenti u inizjattivi mfasslin apposta, minn ekwità (bħal investituri privati (business angels), finanzjament kollettiv u faċilitajiet ta' kummerċ multilaterali) għal kważi ekwità (bħal finanzjament intermedju ('mezzanine finance')) u strumenti tad-debitu (bħal bonds ta' kumpaniji ta' ammonti żgħar ('small-ticket company bonds'), faċilitajiet ta' garanzija u pjattaformi), fi sħubijiet bejn il-banek u operaturi oħra involuti fil-finanzjament tal-SMEs (professjonisti tal-kontabilità, assoċjazzjonijiet tan-negozju jew tal-SMEs jew kmamar tal-kummerċ) sabiex in-negozji jiġu appoġġati fil-fażijiet tal-bidu, tat-tkabbir u tat-trasferiment b'kunsiderazzjoni tal-kobor, id-dħul u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tagħhom;
12. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollu s-suq tal-ishma sabiex itejjeb l-aċċess għal-likwidità kemm għall-SMEs u kemm għall-investituri fi stadji differenti; ifakkar li fiż-żona tal-euro diġà huma stabbiliti swieq tal-ishma mfasslin speċifikament għall-SMEs u li dawn tfasslu b'rispons għar-rekwiżiti speċifiċi tas-suq u tal-finanzjament;
Il-vulnerabbiltà tal-SMEs
13. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ir-regolamenti l-ġodda rilevanti għall-SMEs ikunu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali u inklużiva, inkluż test rigoruż, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet u l-isfidi li jridu jiffaċċjaw l-SMEs;
14. Jenfasizza l-fatt li l-SMEs spiss jinsabu fi tmiem katina twila tal-provvista u għaldaqstant huma dawk li l-aktar li jiġu affettwati minn ħlasijiet tard u perjodi qosra ta' ħlas; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri jaċċeleraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard;
15. Jissottolinja l-fatt li l-istħarriġ tal-Kummissjoni juri li mhux biss l-aċċess għall-finanzi iżda wkoll l-aċċess għall-ħiliet, inklużi dawk maniġerjali u l-għarfien finanzjarju u tal-kontabilità, jikkostitwixxu fatturi kritiċi għall-SMEs sabiex ikollhom aċċess għall-fondi, ikunu innovattivi, jikkompetu u jikbru; jemmen, għaldaqstant, li d-disponibilità ta' strumenti finanzjarji tal-UE għandu jiġi akkumpanjat minn forniment ta' skemi xierqa ta' gwida, pariri u taħriġ u servizzi tan-negozju bbażati fuq l-għarfien;
16. Iqis li hu meħtieġ li l-SMEs ikunu appoġġati fil-livell lokali sabiex jiġu żviluppati politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-SMEs tul il-ħajja operattiva tagħhom u sabiex dawn jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal swieq ġodda; jemmen li r-rikonoxximent u l-iskambju ta' prattiki tajba huma elementi ewlenin ta' din il-politika;
Lejn aktar professjonalità fl-intraprenditorija
17. Jinnota li n-nuqqas ta' għarfien bażiku tal-imprendituri fil-qasam tal-finanzi jillimita l-kwalità tal-pjanijiet ta' negozju u għaldaqstant ukoll is-suċċess ta' applikazzjonijiet għal kreditu; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għat-taħriġ professjonali għal imprendituri potenzjali kif ukoll għas-sħubijiet bejn banek, kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet ta' negozju u professjonisti fil-kontabilità;
18. Jemmen li l-intraprenditorija femminili hija riżors mhux sfruttat għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE li għandu jiġi mrawwem u msaħħaħ u li għandhom jitneħħew l-ostakli kollha li jiffaċċjaw in-nisa fis-suq tax-xogħol;
19. Jemmen li fis-sistemi ta' edukazzjoni bażika għandhom jiġu inklużi l-iżvilupp ta' ħiliet imprenditorjali kif ukoll programmi ta' tagħlim dwar kif is-suq, l-ekonomija u s-sistema finanzjarja joperaw, jiffunzjonaw u jaffettwaw lil xulxin; jemmen li pjan ta' negozju mħejji tajjeb huwa l-ewwel pass lejn aċċess aħjar għall-finanzi u l-vijabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu mingħajr dewmien l-edukazzjoni finanzjarja fil-programmi edukattivi tagħhom; jappoġġa, f’dan ir-rigward, il-programm “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ’, imfassal sabiex jippromwovi kultura intraprenditorjali u jiżviluppa s-suq uniku u l-kompetittività;
20. Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm strateġija speċjali għal negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u għodod finanzjarji biex jiġu implimentati proġetti innovattivi u tiġi żviluppata l-kreattività tal-imprendituri żgħażagħ;
21. Jenfasizza l-fatt li f'uħud mill-Istati Membri diġà hemm element tal-aħjar prattika fil-qasam tat-titjib fit-tħejjija tal-imprendituri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-implimentazzjoni tagħha fi Stati Membri oħra;
22. Jenfasizza, li l-fatt li l-imprendituri u l-imprendituri potenzjali u l-banek jiġu infurmati bi kliem sempliċi u fuq bażi regolari dwar l-inizjattivi ta' taħriġ, il-finanzjament mill-UE u l-programmi għall-SMEs, huwa indispensabbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, billi jeħtieġ li dawn japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet u l-miżuri kollha disponibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-SMEs jiġu infurmati kif xieraq dwar l-inizjattivi tal-UE u l-proposti ta' politika;
23. Jappella għal aktar sforzi komunikattivi min-naħa tal-grupp tal-BEI sabiex jiġu promossi skemi finanzjarji għall-komunità tal-SMEs b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs;
24. Jindika li fid-dawl tal-fatt li 15 % tan-negozji jagħlqu minħabba falliment, huwa indispensabbli li l-imprendituri li fallew jingħataw gwida; jappoġġa s-semplifikazzjoni u t-tqassir fil-proċeduri ta' falliment sabiex l-imprendituri inkwistjoni jingħataw ċans ieħor, billi n-negozji stabbiliti minn persuni li jkunu se jiftħu negozju għat-tieni darba jista' jkollhom prestazzjoni aħjar;
It-trasparenza
25. Jinnota li l-għarfien tal-kredituri dwar l-għodod ta' kreditu ġeneralment huwa aħjar minn dak tal-imprendituri u li l-imprendituri għandhom jikkomunikaw aħjar mal-kredituri dwar il-pjan ta' negozju tagħhom u dwar l-istrateġija tagħhom fuq perjodu twil; jenfasizza li dawn il-lakuni fl-informazzjoni joħolqu diffikultajiet fid-diskussjoni dwar applikazzjoni għal kreditu; jirrikonoxxi l-fatt li jeħtieġ li l-SMEs jiksbu pariri mfasslin speċifikament dwar l-opportunitajiet ta' kreditu; jistieden lill-Kummissjoni trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki b'rabta ma' soluzzjonijiet speċifiċi fir-rigward tad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kredituri u l-imprendituri; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-imprendituri u l-kredituri;
26. Jenfasizza li l-kredituri għandhom jistabbilixxu kriterji ċari u speċifiċi dwar l-applikazzjoni għall-finanzjament b'mod trasparenti; jenfasizza li meta kreditur jiċħad applikazzjoni għal kreditu totalment jew parzjalment, il-kreditur għandu jinforma lill-imprenditur b'mod adegwat u kostruttiv ir-raġunijiet għaċ-ċaħda; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi linji gwida ċari dwar dan l-approċċ kostruttiv lejn it-trasparenza;
27. Jinnota li fil-ħlas minn qabel ta' self, l-SMEs iridu jħallsu għat-telf ta' finanzjament, u spiss multa addizzjonali lill-kreditur, li twassal għal spiża totali li hija għolja wisq biex jifilħuha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar trasparenza fil-kuntratti kollha dwar il-ħlas lura qabel il-waqt għall-SMEs u teżamina l-possibilità li jiġi stabbilit punt massimu sabiex l-ispejjeż għal din it-tip ta' operazzjoni jiġu limitati;
28. Jinnota li l-SMEs spiss iħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti dejjem aktar stretti, inklużi garanziji personali, sabiex jiksbu finanzjament mingħand istituzzjonijiet tal-kreditu; jinnota li rati ta' interessi aktar għoljin jistgħu jwasslu għal żieda fit-termini u l-kundizzjonijiet mhux marbuta mal-prezz, inklużi garanziji personali; iqis, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex tiġi rregolata l-industrija finanzjarja għandha tħares u tistimola b'mod espliċitu s-self effikaċi lill-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs;
29. Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż amministrattiv fil-bidu u matul il-ħajja operattiva tal-SMEs, fid-dawl tad-differenzi f’dan il-qasam bejn il-pajjiżi li qed jostakolaw l-ikkompletar tas-suq uniku; jenfasizza li huwa importanti li jitnaqqsu n-numru ta' ġranet meħtieġa sabiex jinfetaħ negozju ġdid; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki potenzjali li jridu jiġu implimentati fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tintroduċi numru ta' identifikazzjoni uniku tal-SMEs, miżmum f'bażi ta' data Ewropea unika għall-SMEs, inkluża d-data finanzjarja kollha, li jippermetti lill-SMEs japplikaw b'mod aktar faċli għall-programmi u l-finanzjament nazzjonali u tal-UE; jindika li fl-introduzzjoni ta' tali numru ta' identifikazzjoni tal-SME, għandha tingħata attenzjoni lill-prinċipji tal-ħarsien tad-data;
30. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-użu ta' klassifikazzjoni kwalitattiva bħala għodda sabiex tiġi kkomplementata l-valutazzjoni kwantitattiva standard tal-affidabilità kreditizja tal-SMEs;
Modi ġodda ta' finanzjament
31. Jilqa' l-programmi ġodda ta' finanzjament tal-Kummissjoni, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-finanzjament tal-UE mfassal apposta għall-SMEs; jenfasizza li l-frammentazzjoni tal-finanzjament għandha tiġi evitata u li l-finanzjament jista' jkun effikaċi biss meta jkun kapaċi jkopri parti sostanzjali ta' dak li huwa meħtieġ mill-SMEs inkwistjoni;
32. Jemmen bis-sħiħ li l-pakkett finanzjarju għall-istrumenti finanzjarji tad-debitu u l-ekwità fl-ambitu tal-Programm COSME u Orizzont 2020 għandu jiżdied sostanzjalment, u li l-aċċess tal-SMEs għal tali strumenti għandu jitjieb konsiderevolment;
33. Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tesplora metodi għat-titjib tas-suq ta’ kważi ekwità Ewropew, b’mod partikolari l-finanzjament intermedju; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tistħarreġ kif għandha ssaħħaħ il-faċilità Mezzanina għat-Tkabbir tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u tinvestiga prodotti intermedji ġodda, bħal garanzija għal self intermedju; jirrakkomanda wkoll li jiġu pprovduti data u analiżi dwar l-istrumenti finanzjarji biex jitnaqqsu l-ostakli għal intermedjarji finanzjarji li jkunu jixtiequ jesploraw is-suq tas-self għal kapital intermedju fl-UE;
34. Jitlob li tal-anqas 20 % tal-baġit ta' Orizzont 2020 ikun allokat lill-SMEs;
35. Jinnota li l-garanziji tal-kapital huma apprezzati u użati ħafna mill-SMEs u l-istituzzjonijiet tal-kreditu; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw qafas adegwat għall-garanziji tal-kapital;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas regolatorju xieraq u mfassal apposta għall-emittenti tal-finanzjament għall-SMEs li ma jkunx ta' piż għalihom u li jakkwista wkoll il-fiduċja tal-investituri (skont il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istandards tal-kontabilità, id-Direttiva dwar il-Prospett, id-Direttiva dwar it-Trasparenza, id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq u l-MIFID);
37. Jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-28 u tad-29 ta' Ġunju 2012 dwar iż-żieda fil-kapital tal-BEI bl-ammont ta' EUR 10 biljun, li se jippermetti lill-grupp BEI jżid il-kapaċità ta' self tiegħu ġewwa l-Unjoni b'madwar EUR 60 biljun tul il-perjodu 2012-2015 u jikseb madwar EUR 180 biljun f'investiment totali u li b'hekk ikollu rwol pożittiv fil-kuntest tal-isforzi magħquda biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea; jilqa' l-fatt li l-BEI, fil-prijoritajiet ta' self tiegħu, identifika b'mod speċifiku l-ħtieġa li tiġi estiża l-firxa ta’ sħab bankarji għal self lill-SMEs sabiex jiġu inklużi intermedjarji finanzjarji u mhux konvenzjonali ġodda; jenfasizza li dan l-impenn il-ġdid m'għandux idgħajjef l-isforzi paralleli biex jissaħħu u jittejbu l-istrumenti baġitarji konġunti tal-BEI u tal-Unjoni li jintużaw għall-kondiviżjoni tar-riskju u t-teħid ta' ishma tal-ekwità; fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tottimizza l-istrumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-programmi tal-Fond Ewropew tal-Investiment għall-portafolli tal-ekwità jew tal-finanzjament intermedju mogħti mill-istituzzjonijiet finanzjarji (intermedjarji) lill-SMEs; jirrikonoxxi li l-politika ta' koeżjoni hija waħda mis-sorsi ewlenin ta' appoġġ finanzjarju għall-SMEs u li programmi ta' finanzjament fl-ambitu tal-Fondi Strutturali, tnaqqis fil-burokrazija, u żieda fir-rapidità u l-effiċjenza huma essenzjali sabiex jitrawwem l-irkupru tal-ekonomija tal-UE u l-kompetittività tagħha;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma ta’ Garanzija Ewropea permanenti fl-ambitu tal-Fond Ewropew tal-Investiment biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, li ttejjeb l-iżvilupp tal-garanziji jew tal-prodotti tas-self ibbażati fuq garanziji Ewropej u tnaqqas ir-rekwiżiti tal-kapital bankarju u l-espożizzjoni għar-riskji għall-intermedjarji finanzjarji;
39. Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jibni fuq l-inizjattiva ta' Mikrofinanzjament tal-Proġetti u b'hekk ikattar il-kontribut tiegħu lejn l-iżvilupp tal-prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-qasam tal-inklużjoni soċjali;
40. Jinnota li f'uħud mill-Istati Membri hemm ammont rekord ta' tfaddil domestiku fil-kontijiet tal-bank, filwaqt li fi Stati Membri oħrajn id-depożiti qed jonqsu minħabba l-effetti tal-kriżi; jenfasizza li l-ħolqien ta' qafas adatt ta' inċentivi sabiex dan it-tfaddil domestiku jiġi attivat għandu jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, kemm dawk nazzjonali u kemm dawk transkonfinali, u jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar l-attivazzjoni ta' dan it-tfaddil, pereżempju billi tintroduċi inċentivi abbażi tal-aħjar prattiki li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri;
41. Jinnota li l-SMEs jikkontribwixxu lejn l-okkupazzjoni f'reġjuni fejn il-livelli ta' impjiegi huma aktar baxxi, filwaqt li jistimolaw żieda fl-impjiegi u jgħinu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali tar-residenti u għalhekk ikollhom effett pożittiv fuq l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali; jemmen għalhekk, li l-iżvilupp tal-SMEs huwa mod kif titnaqqas id-dispartità fil-livell nazzjonali;
42. Jilqa' l-appoġġ għall-SMEs u l-mikrointrapriżi permezz ta' inizjattivi bħall-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI), il-Programm Ewropa Kreattiva (inkluż il-Mekkaniżmu ta’ Garanzija għas-Self favur is-Settur Kulturali u Kreattiv), COSME u Orizzont 2020 li joħolqu mezzi ġodda kif jiġu żviluppati l-ħiliet u l-għarfien li jippermettu lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi jiżviluppaw b'mod dinamiku;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw modi kif jista' jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs bil-għan li jiġu pprovduti xogħlijiet, provvisti jew servizzi innovattivi lis-settur pubbliku; jitlob b'mod partikolari miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-finanzjament billi jiżguraw li l-kapital ta’ riskju u l-flussi ta' finanzjament rilevanti l-oħra jirrikonoxxu bis-sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-intrapriżi innovattivi li jaħdmu mal-imsieħba mis-settur pubbliku kemm fuq proġetti ta' akkwist prekummerċjali u kemm fil-kuntest tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni;
44. Jenfasizza li qafas regolatorju tal-UE dwar l-akkwist pubbliku li jkun ġust, miftuħ u trasparenti u infurzar proporzjonat, trasparenti u mhux diskriminatorju tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(3) huma indispensabbli sabiex l-SMEs jiksbu aċċess aħjar għall-kuntratti pubbliċi u jkunu jistgħu realment iwettqu b'suċċess dawn il-kuntratti;
45. Iżid jgħid li għandhom jittieħdu l-miżuri sabiex jiġi żgurat li s-semplifikazzjoni tal-attività transkonfinali għall-SMEs ma tiffaċilitax, fl-istess ħin, l-attività transkonfinali fil-kuntest ta' impjiegi indipendenti fittizji, b'mod speċjali fis-settur tal-kostruzzjoni;
o o o
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.