Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 (COM(2012)0298 – C7-0156/2012 – 2012/0158(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0298),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0156/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2012(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Novembru 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0342/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Japprova d-dikjarazzjoni tal-Parlament mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jressaq il-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-22 ta' Novembru 2012 (Testi adottati, P7_TA(2012)0448).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-6 ta' Frar 2013 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98 li jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħattu l-aringi għal skopijiet industrijali li mhux għall-konsum dirett tal-bniedem
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 227/2013.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar l-atti implimentattivi
Il-Parlament Ewropew jiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rigward l-atti implimentattivi huma r-riżultat ta' kompromess delikat. Sabiex jintlaħaq ftehim fl-ewwel qari qabel ma jiskadi r-Regolament (KE) Nru 850/98 fi tmiem l-2012, il-Parlament Ewropew aċċetta l-possibilità li jintużaw l-atti ta' implimentazzjoni f'ċerti każijiet speċifiċi fir-Regolament (KE) Nru 850/98. Il-Parlament Ewropew jenfasizza madankollu li dawk id-dispożizzjonijiet m'għandhomx jittieħdu jew jintużaw bħala preċedent fl-ebda regolament adottat bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b'mod partikolari l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar.