Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu (2012/2258(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Frar 2012, Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu’ (COM(2012)0083),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali ta’ Madrid dwar it-Tixjiħ ta’ April 2002,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu tas-17 ta’ Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumita tat-Reġjuni dwar “Tixjiħ Attiv: innovazzjoni – saħħa intelliġenti – ħajja aħjar’ ta’ Mejju 2012(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Orizzont 2020: Pjanijiet direzzjonali dwar it-tixjiħ’ ta’ Mejju 2012(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0029/2013),
1. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni li tippromwovi paradigma ġdida li tqis it-tixjiħ bħala opportunità għall-futur pjuttost milli bħala piż fuq is-soċjetà; barra minn hekk, jenfasizza li din l-opportunità m’għandhiex tkun limitata għal innovazzjonijiet tekniċi (ICT) u l-potenzjal tagħhom għas-suq intern u għall-industriji u l-intrapriżi tal-UE, billi s-soluzzjonijiet ICT għandhom ikunu faċli biex jintużaw għall-utent kif ukoll orjentati lejn l-utent aħħari, partikolarment lejn l-anzjani; jemmen li għandha tinkludi wkoll strateġija ċara u mhux ambigwa b’objettivi soċjali li jippromwovu u jirrikonoxxu formalment ir-rwol tal-anzjani, u l-valur tal-esperjenza tagħhom u tal-kontribut tagħhom lis-soċjetà u lill-ekonomija, ħielsa minn stigmi u diskriminazzjoni;
2. Jinnota li din l-istrateġija għandha tinkludi wkoll riċerka dwar forom ġodda ta’ okkupazzjoni adatta u xierqa għall-anzjani; jemmen li għandha ssir riċerka f’aktar dettall dwar il-potenzjal u l-valur miżjud li jiġu impjegati l-anzjani, sabiex jiġu żviluppati linji gwida li jinkludu soluzzjonijiet applikabbli u aċċettabbli għal kulħadd; jenfasizza li d-dividend demografiku tal-ġenerazzjonijiet aktar anzjani jista’ jagħti valur soċjetali kbir;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi formalment dimensjoni tal-ġeneru kif ukoll dimensjoni tal-età, u, għalhekk, tinkorpora l-kwistjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-istrateġija tagħha għal tixjiħ attiv u b’saħħtu;
4. Jinnota li t-tixjiħ tas-soċjetà huwa attribwibbli għal bidla demografika (tnaqqis fir-rati tat-twelid);
5. Jenfasizza kif l-anzjani jirrappreżentaw il-firxa tal-età li qed tikber b’mod l-aktar mgħaġġel fl-Ewropa; jittama, f'dak il-kuntest u bl-għan li jiġu żviluppati, mill-aktar fis possibbli, infrastruttura, servizzi u strumenti li kapaċi jirrispondu għal din it-tranżizzjoni soċjali, li l-Kummissjoni tkompli tinvolvi lill-gvernijiet nazzjonali, lill-awtoritajiet lokali, lid-WHO u lill-akbar numru possibbli ta’ partijiet interessati fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni;
6. Jirrimarka dwar l-għamla demografika differenti ħafna tal-Istati Membri u d-differenzi sinifikanti nazzjonali, politiċi u kulturali fil-perċezzjonijiet tal-isfida demografika u, speċjalment, tal-modi ta’ kif wieħed jindirizzaha u jippjana għaliha; jinnota ż-żieda kostanti fl-istennija tal-għomor f’kull Stat Membru u ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta’ nies li jkomplu jaħdmu wara li jirtiraw, bir-rati tal-impjieg fost dawk ta’ età bejn il-65 u l-74 sena jogħlew bi 15 % fil-perjodu 2006-2011;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jisma’ lill-persuni anzjani sabiex tiġi offruta ħbiberija permezz ta’ programmi soċjali li permezz tagħhom iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom ma’ persuni anzjani u jirċievu mingħandhom il-valuri u l-esperjenzi tagħhom; jemmen li l-appoġġ tas-soċjetà ċivili għall-EIP huwa meħtieġ f’termini ta’ għoti ta’ livell iżjed sinifikanti ta’ kura permezz ta’ fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet differenti;
8. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni ugwali fil-ħajja hija wkoll dritt fundamentali tal-membri anzjani tas-soċjetà;
9. Jirrimarka li opportunitajiet ta’ xogħol u volontarjat, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni soċjali, huma essenzjali biex jiġi żgurat tixjiħ attiv u b’saħħtu;
10. Jenfasizza li l-anzjani għandhom bżonn diversi forom ta’ appoġġ u kura, u li s-servizzi u s-soluzzjonijiet għandhom għalhekk dejjem ikunu orjentati lejn il-persuni u xprunati mid-domanda;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni abbażi tal-età fl-impjieg sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema anzjani jkunu jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom jew ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ impjieg;
12. Jenfasizza r-rwol importanti ta’ atturi lokali u reġjonali fil-modernizzazzjoni, it-titjib u r-razzjonalizzazzjoni tal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali bl-għan li jinħolqu mudelli li jiksbu riżultati aħjar għal individwi fis-suq tax-xogħol;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa li permezz tagħhom in-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jibqgħu produttivi, kemm billi tittejjeb il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol permezz tal-introduzzjoni ta’ kontijiet tul il-ħajja u possibbiltajiet ta’ xogħol part-time u billi jiġu previsti forom differenti ta’ kuntratti ta’ impjieg adatti għall-ħaddiema anzjani, kif ukoll arranġamenti flessibbli għall-irtirar, pereżempju permezz ta’ pensjonijiet parzjali jew snin ta’ bonus, filwaqt li dejjem tiġi ggarantita protezzjoni soċjali adegwata;
14. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi adottata d-definizzjoni ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu kif ifformulata mid-WHO; jenfasizza li tixjiħ attiv u b’saħħtu jinkludi l-ħajja kollha u li l-partikolaritajiet tal-kuntest tal-UE għandhom ikunu parti mid-definizzjoni, inklużi, b’mod aktar speċifiku, il-prijoritajiet tal-UE fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ambjentali b’saħħithom u ekoloġikament sostenibbli, is-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa, il-prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u l-iskrinjar bikri segwiti minn djanjożi xierqa u trattament effikaċi, il-litteriżmu rigward is-saħħa, is-saħħa elettronika, l-eżerċizzju fiżiku, is-sikurezza tal-ikel u n-nutrizzjoni adegwata, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali (inklużi l-kura tas-saħħa u l-assigurazzjoni fuq is-saħħa), u l-iskemi ta’ protezzjoni soċjali; jinnota li l-età aktar avvanzata mhijiex awtomatikament marbuta mal-mard, u għalhekk m’għandhiex tkun assoċjata mad-dipendenza jew id-diżabbiltà jew titqies daqshom;
15. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid in-numru medju ta’ SĦS (Snin ta’ Ħajja b’Saħħitha) b’sentejn bħala parti mill-objettivi ta’ Orizzont 2020, u jilqa’ l-progress mediku li jgħin biex tiżdied l-istennija tal-għomor; madanakollu, jenfasizza li biex jintlaħaq dan l-għan ambizzjuż għandha tiġi applikata perspettiva tul il-ħajja; jenfasizza li l-aċċess għall-prevenzjoni u l-kura primarja għandu jingħata prijorità u li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi xierqa biex jiġi affrontat l-impatt detrimentali tal-mard kroniku fuq it-tixjiħ attiv u b’saħħtu matul il-ħajja kollha;
16. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-saħħa bħala kwistjoni orizzontali, billi jinkorporaw kwistjonijiet dwar is-saħħa fil-politiki relevanti kollha tal-UE, inklużi s-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali, il-politika ekonomika u tal-impjieg, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-politiki ta' nondiskriminazzjoni u kontra d-diskriminazzjoni;
17. Jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja u tipprovdi data bbażata fuq l-evidenza, kompleta u miftuħa għall-aċċess dwar l-inċidenza u l-prevalenza ta' mard (kroniku), u tinkorpora dik id-data fi strateġiji u f’linji gwida rigward l-aħjar prassi għal tixjiħ attiv u b’saħħtu;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw perkorsi effiċjenti biex jivvalutaw u jimmoniterjaw l-abbuż tal-anzjani kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-saħħa u l-benessri tal-vittmi, u jiżviluppaw proċeduri aċċessibbli biex jgħinu u jipproteġu lill-vittmi;
19. Jenfasizza li l-kwistjonijiet dwar is-saħħa għandhom jiġu integrati fil-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea inklużi s-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali, il-politika tal-ekonomija u tal-impjieg, l-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza aktar li ż-żieda tan-numru medju ta’ snin ta’ ħajja b’saħħitha taċ-ċittadini tagħna b’sentejn hija l-għan ewlieni u li l-azzjonijiet kollha magħżula għandhom jikkontribwixxu b’mod li jkun jista’ jitkejjel għal dan il-għan;
21. Jinkuraġġixxi l-proposta tal-Kummissjoni li taġixxi bħala faċilitatur u koordinatur tal-EIP-AHA, billi tinvolvi ruħha ma’ partijiet interessati li jirrappreżentaw kemm in-naħa tad-domanda kif ukoll dik tal-provvista; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-EIP tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE, prinċipalment għal dawk mhux rappreżentati biżżejjed jew li jinsabu fir-riskju ta’ esklużjoni; hawnhekk, jilqa’ r-rikonoxximent fil-Komunikazzjoni (COM(2012)0083 tar-rwol tal-EIP fl-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda Diġitali, l-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa, inter alia, f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tal-inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi li jistgħu jagħtu data dwar il-mard kroniku u t-tixjiħ li tkun paragunabbli, komprensiva u tkun aċċessibbli b’mod faċli, sabiex jiġu żviluppati strateġiji aktar effettivi u tkun iffaċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f'’dak tal-UE;
23. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-anzjani fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika u li tistimula governanza reġjonali u lokali; jenfasizza, madankollu, li approċċ parteċipatorju minn isfel għal fuq minbarra l-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom fil-ħajja soċjali u kulturali jeħtieġ valutazzjonijiet ta’ bażi aktar fil-fond u monitoraġġ regolari tal-ħtiġijiet u talbiet attwali u futuri ta’ persuni anzjani u ta’ dawk li jipprovdulhom il-kura b’mod informali u formali;
24. Jenfasizza li l-informazzjoni u d-data miġbura fil-livell lokali u permezz ta’ approċċ parteċipatorju minn isfel għal fuq se jipprovdu lil min ifassal il-politika bl-għarfien meħtieġ biex ifasslu politiki li jkunu aċċettabbli u xierqa għall-komunitajiet lokali; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bħala rekwiżit l-użu ta’ approċċ ta’ riċerka parteċipatorja minn isfel għal fuq, kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri tal-indikaturi u l-indiċijiet relevanti, sabiex jiġu identifikati u mmoniterjati l-ħtiġijiet attwali għal politiki, programmi u servizzi effikaċi;
25. Ifakkar lill-Kummissjoni li r-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet rigward il-kura tas-saħħa, is-servizzi tal-kura, il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali adottati u implimentati mill-Kummissjoni u/jew mill-Istati Membri bħala sforz biex isir tfaddil finanzjarju u baġitarju u tnaqqis fin-nefqa pubblika (fil-qasam tas-saħħa u f’dak soċjali) b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, m’għandhom bl-ebda mod jinterferixxu mal-ħtiġijiet bażiċi u mad-dinjità tal-bniedem jew jaffettwawhom b’mod negattiv; jenfasizza li tali tfaddil u tnaqqis, sakemm ma jkunux ikkombinati ma’ riformi orjentati lejn il-pazjenti li jkunu meqjusa sew, jista’ jaggrava l-inugwaljanzi soċjali u fil-qasam tas-saħħa u jwassal għall-esklużjoni soċjali; jenfasizza li tali tfaddil u tnaqqis jaggrava r-riżultati ġenerali tas-saħħa, l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, l-inugwaljanzi soċjali u l-esklużjoni soċjali, u konsegwentement ikun theddida għas-solidarjetà interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Patt tal-Ġenerazzjonijiet li jinkludi strateġija ċara u mhux ambigwa sabiex tiġi salvagwardjata l-koeżjoni soċjali, jittejbu r-riżultati ġenerali tas-saħħa u jiġu ttrattati l-inugwaljanzi fis-saħħa; jenfasizza li l-mira ta’ strateġija bħal din għandha tkun li l-iskemi tas-saħħa u l-kura soċjali jkollhom prezzijiet raġonevoli u jkunu disponibbli u aċċessibbli;
26. Jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa għal finanzjament xieraq fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE biex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-intrapriżi soċjali; jiddubita kemm huma biżżejjed ir-riżorsi disponibbli tas-sħubija EIP-AHA li joriġinaw mill-partijiet interessati u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni l-finanzjament meħtieġ; jilqa’ l-allinjament previst tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE biex jiġi ottimizzat l-impatt tal-finanzjament, u jinkuraġġixxi l-użu u t-tkomplija ta’ proġetti bħal CASA, “Aktar Snin, Ħajja Aħjar’ u proġetti oħrajn li jippromwovu l-interoperabbiltà u l-iskambju ta’ għarfien, ta’ data u tal-aħjar prassi; jemmen li d-deċiżjoni biex l-”Innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u tixjiħ attiv’ tiġi identifikata bħala tema prijoritarja għall-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fl-2014-2015 tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) hija pass fid-direzzjoni t-tajba li trid tiġi kkomplementata bi strumenti finanzjarji konkreti, pereżempju finanzjament fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020, inklużi l-FSE, il-FE¯R, il-programm EPSCI, il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni u Orizzont 2020;
27. Huwa konvint li diversi strumenti finanzjarji, bħall-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali, il-Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju u l-“European Angels Fund’ (EAF), huma meħtieġa sabiex jittejjeb l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għas-swieq finanzjarji;
28. Jistenna li l-Istati Membri, meta jużaw il-Fondi Strutturali, jagħtu aktar attenzjoni lill-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ġenerazzjoni aktar anzjana, joħolqu b’mod konġunt Ewropa adatta għall-ġenerazzjonijiet sal-2020, u jespandu l-infrastruttura soċjali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-faqar fost l- anzjani;
L-ewwel pilastru: Prevenzjoni, skrining u dijanjożi bikrija
29. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni rigward il-prevenzjoni tal-fraġilità u t-tnaqqis funzjonali; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tapplika approċċ olistiku fir-rigward tal-prevenzjoni; jirrimarka dwar il-korrelazzjoni sistematika bejn l-istatus soċjoekonomiku u r-riżultati tas-saħħa tul il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jittrattaw kwistjonijiet strutturali, inkluż l-illitteriżmu rigward is-saħħa u jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi (li jwasslu għal inugwaljanzi fis-saħħa); barra minn hekk, filwaqt li jaċċetta li r-responsabbiltà individwali għandha rwol fit-titjib tal-istatus tas-saħħa, jisfida l-pressjoni li ssir fuq l-individwi biex itejbu l-istatus ta’ saħħithom bla ma l-kwistjonijiet strutturali jiġu ttrattati kif xieraq; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati membri joħolqu kundizzjonijiet strutturali li jittrattaw inugwaljanzi strutturali u fis-saħħa, inkluż l-illitteriżmu rigward is-saħħa, u jipprovdu l-finanzjament meħtieġ għal aktar riċerka dwar ir-rwol li l-komunitajiet lokali jista’ jkollhom meta jiġu ttrattati dawn l-inugwaljanzi;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jirrikonoxxu, jippromwovu u jiffinanzjaw il-forom kollha ta’ prevenzjoni, i.e. il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, skrining regolari għall-mard, interventi bikrija sabiex il-progressjoni tal-mard tinżamm lura jew titreġġa’ lura fl-istadji bikrija, u l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ prevenzjoni bl-għan li titnaqqas ir-rata ta’ deterjorament għall-pazjenti affettwati minn mard kroniku;
31. Jirrimarka li l-mobbiltà intellettwali tista’ tiżdied b’aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja (LLL), anke f’età aktar avvanzata, u b’hekk tgħin biex tingħeleb il-marda tad-demenzja;
32. Jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-promozzjoni tas-saħħa permezz ta’ programmi integrati; madankollu, jenfasizza l-fatt li dawn il-programmi għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza (li tirrefletti l-ħtiġijiet attwali u futuri tal-popolazzjoni li qed tixjieħ); barra minn hekk, jenfasizza li għandhom jinkorporaw approċċ xieraq fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex marbuta (b’mod sħiħ jew dirett) mal-imġiba individwali, bħall-kundizzjonijiet ambjentali (il-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma, it-tnaqqis tal-istorbju, il-ġestjoni tal-iskart), is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (il-ġestjoni tal-età) u l-ħarsien tal-konsumatur (standards tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-reklamar, sikurezza tal-ikel, drittijiet tal-konsumatur);
33. Jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda tal-livelli ta’ attività fiżika tal-popolazzjoni sabiex jittejjeb it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, filwaqt li jfakkar li nuqqas ta’ eżerċizzju regolari jwassal għal għadd ta’ problemi tas-saħħa li, skont id-WHO, jikkostitwixxu r-raba’ fattur ta’ riskju l-aktar komuni li jwassal għall-mewt; huwa preokkupat li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE ma jagħmlux l-ammont ta’ eżerċizzju rakkomandat għal kuljum;
34. Jinkuraġġixxi l-korrelazzjoni eqreb tat-tixjiħ b’saħħtu ma’ inklużjoni usa’ tal-eżerċizzju fiżiku fil-programmi edukattivi; jenfasizza l-importanza tal-għażliet ta’ kuljum (l-attività fiżika, id-dieta, eċċ.) fil-prevenzjoni tal-problemi tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jinjuraġġixxu lill-persuni ta’ kull età jagħmlu aktar eżerċizzju fiżiku bħala mezz biex itejbu s-saħħa individwali tagħhom li jissarraf f’għadd ikbar ta’ snin li wieħed iqatta’ f’saħħtu, kif ukoll f’benefiċċji konsiderevoli għas-soċjetà fil-forma ta’ saħħa pubblika ġenerali u ta’ riżultati finanzjarji;
35. Jilqa’ l-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, u speċjalment l-enfasi tiegħu fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u n-negozju, il-partijiet interessati pubbliċi u privati, il-professjonisti fis-settur tas-saħħa u tal-kura, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-anzjani u l-pazjenti, fuq l-iskambju u t-trasferiment ta’ ideat tajbin u tal-aħjar prassi (eż. il-pjattaforma “Marketplace’ bbażata diġitalment), u fuq l-ottimizzazzjoni ta’ strumenti eżistenti ta’ finanzjament; jenfasizza li t-tixjiħ għandu jitqies bħala opportunità aktar milli piż, u li l-valur tal-anzjani, l-esperjenzi tagħhom u l-kontribut kontinwu tagħhom lejn is-soċjetà għandhom ilkoll jiġu rikonoxxuti u promossi; jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni, li b’mod ċar hu mmirat lejn il-promozzjoni tal-vitalità u d-dinjità tal-anzjani fl-Ewropa permezz ta’ innovazzjonijiet ta’ relevanza għalihom, biex tissaħħaħ ”kultura ta' tixjiħ attiv’ f’Ewropa adatta għall-ġenerazzjonijiet u biex dan il-proċess jitfassal flimkien mas-sħab rikonoxxuti fil-qasam tar-riċerka u tas-soċjetà ċivili;
36. Ifakkar fil-ħtieġa ta’ rikonoxximent aktar sħiħ tal-edukazzjoni informali u mhux formali tal-anzjani, b’mod partikolari meta tkun inkisbet permezz tal-volontarjat jew tal-kura informali;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw kif jixjieħu n-nies fl-Ewropa, bħar-rati għoljin ta’ konsum ta’ alkoħol u tabakk;
It-tieni pilastru: Kura u fejqan
38. Jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tiżviluppa aktar is-sistemi integrati ta’ kura u fejqan; filwaqt li jqis l-adegwatezza ta’ sistemi ta' kura u fejqan eżistenti, preferuti u futuri b’rabta mal-iżvilupp ulterjuri tagħhom u filwaqt li jikkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasma tas-saħħa pubblika, jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw sistemi ta’ kura u fejqan nazzjonali, reġjonali u lokali li jinkorporaw approċċ olistiku u integrat għall-ġestjoni tal-mard relatat mal-età; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri f’dan ir-rigward, filwaqt li tirrispetta d-differenzi reġjonali u lokali fl-aspettattivi, in-normi u l-valuri taċ-ċittadini; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini dwar il-mediċini li jintużaw għall-anzjani u tintegraha sabiex ittejjeb l-aċċess għal mediċini sikuri u adegwati għall-pazjenti anzjani;
39. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta skemi ta’ ġestjoni ta’ każijiet u pjanijiet ta’ kura individwali; madanakollu, filwaqt li jirrikonoxxi li approċċ iċċentrat fuq il-klijent/pazjent huwa meħtieġ, jemmen li l-ispejjeż ta’ approċċ bħal dan f’termini ta’ użu ta’ fornituri tal-kura mħarrġa u tal-“għodda’ xierqa, m’għandhomx jitħallsu biss mill-individwu iżda għandhom jitqiesu bħala responsabilità soċjali, biex tiġi ggarantita s-solidarjetà interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni lil forom ġodda ta’ solidarjetà li jinsabu moħbija fil-potenzjal tal-ġenerazzjoni anzjana u li għandhom jiġu inkorporati f’soluzzjonijiet għal kwistjonijiet relatati mal-kura u l-fejqan;
40. Jinkuraġġixxi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-saħħa elettronika, biex issir aspett sinifikanti u sostanzjali tas-sistemi futuri tal-kura u l-fejqan; madanakollu, jirrikonoxxi li s-soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika, filwaqt li huma ta’ benefiċċju, jistgħu ma jtejbux b’mod sinifikanti r-riżultati tas-saħħa, inkluża l-benessri psikoloġika, jekk jieħdu post l-interazzjoni umana pjuttost milli jiġu integrati ma’ approċċ wiċċimbwiċċ bejn pazjenti u professjonisti tal-kura tas-saħħa; jemmen li t-teknoloġija tas-saħħa elettronika m’għandhiex tnaqqas ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-anzjani u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;
41. Jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkontribwixxi biex tagħmel is-sistemi tal-kura u l-fejqan aktar kosteffiċjenti; madanakollu, jenfasizza li ż-żieda kontinwa tal-ispejjeż ġenerali tal-kura tas-saħħa u l-appoġġ soċjali ma tistax tiġi attribwita biss għal popolazzjoni li qed tixjieħ; jirrikonoxxi li l-prevalenza li qed tiżdied tal-mard kroniku għandha rwol sostanzjali fl-ispejjeż li qed jiżdiedu tal-kura tas-saħħa u tal-appoġġ soċjali; madankollu, jinnota li meta l-piż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jiġġarrab dejjem iżjed mill-individwu dan x’aktarx joħloq ċirku vizzjuż li fih is-saħħa u l-benessri tal-persuni jitpoġġew fir-riskju billi jistgħu jkunu sfurzati jirriallokaw ir-riżorsi normalment limitati tagħhom jew meta jkollhom jipposponu, jabbandunaw jew saħansitra jwaqqfu t-trattament, l-assistenza u n-nutrizzjoni adegwata, li mbagħad jista’ jwassal għal spejjeż tal-kura tas-saħħa u l-appoġġ soċjali dejjem akbar kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjetà;
42. Jirrikonoxxi l-objettiv tal-Kummissjoni li tittratta l-inċertezzi legali u regolatorji u l-frammentazzjoni tas-suq, iżda jenfasizza li r-riformi meħtieġa kollha tas-suq għandhom iqisu l-importanza li l-kura tas-saħħa tibqa’ għall-but taċ-ċittadini kollha, u li l-kompetenzi tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali u tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-protezzjoni soċjali u tas-saħħa għandhom ikunu rikonoxxuti, rispettati u osservati, mingħajr ma tiġi kompromessa l-ħtieġa li jsir investiment fi skemi tal-kura bbażati fuq il-komunità;
43. Jibqa’ jsostni li jinħtieġu riformi ulterjuri tas-sistemi tal-pensjoni sabiex dawn jinżammu adegwati, sostenibbli u sikuri, b’attenzjoni speċjali għat-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fix-xogħol u konsegwentement fil-pensjonijiet, u li l-livelli tal-pensjonijiet iridu wkoll jibqgħu prevedibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; għal dan il-għan, jitlob li tiġi stabbilita aktar koerenza bejn l-età ta’ rtitrar effettiv, l-età ta’ rtirar uffiċjali u l-istennija tal-għomor; jistieden lil dawk l-Istati Membri li żiedu l-età statutorja tal-irtirar, jew li se jagħmlu dan, biex jinkuraġġixxu l-impjieg ta’ persuni anzjani, eż. permezz ta’ eżenzjonijiet fiskali u tas-sigurtà soċjali;
44. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi globali tal-potenzjal tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa b’rabta mal-potenzjal nazzjonali fl-Istati Membri, fid-dawl tan-nuqqas serju ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa f’xi Stati Membri minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma aktar attraenti f’pajjiżi Ewropej oħra;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija bl-għan biex jinkisbu opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini Ewropej kollha fil-qasam tal-kura tas-saħħa, sabiex tinħoloq sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej li qed jitilfu numru kbir ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa u dawk li jibbenefikaw mis-servizzi tagħhom;
46. Isostni li l-politiki ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol jippermettu lin-nisa jkampaw aħjar mat-tixjiħ, meta jitqies il-fatt li l-impjieg itejjeb il-kwalità tal-ħajja; jemmen ukoll li tali politiki jippermettu lin-nisa jevitaw differenza fil-pagi u, għaldaqstant, ir-riskju ta’ faqar aktar tard f’ħajjithom f’każijiet fejn, sabiex ikunu jistgħu jikkonċiljaw il-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol, ikollhom jagħżlu xogħlijiet part-time, mingħajr irbit jew atipiċi, b’riperkussjonijiet f’termini ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni;
47. Iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ l-adegwatezza tal-pensjonijiet billi tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol, b’mod speċjali billi jitnaqqsu d-differenzi fil-karrieri u l-pagi;
48. Jenfasizza l-ħtieġa għlal responsabbiltà personali, filwaqt li jitqies li jeħtieġ ukoll li l-individwi jaħsbu dwar x’jistgħu jagħmlu biex jiżguraw l-età tal-pensjoni tagħhom; jenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tas-solidarjetà tal-familja u dik interġenerazzjonali;
It-tielet pilastru: Tixjiħ attiv u ħajja indipendenti
49. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tixjiħ attiv u l-ħajja indipendenti, u aktar speċifikament, il-ħsieb komprensiv tagħha dwar ir-rwol u l-importanza tal-“post fit-tixjiħ’ hekk kif ir-radius jew il-perimetru li fih in-nies jgħixu ħajjithom jiċkien aktar ma dawn jixjieħu, u minħabba li l-anzjani għandhom tendenza li jippreferu jgħixu indipendentement għall-itwal żmien possibbli waqt li jibqgħu attivi fil-komunità tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-anzjani jiġu mħeġġa jgħixu indipendentement fi djarhom stess sakemm ikun vijabbli, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk, sabiex jitnaqqas it-tfixkil għar-rutina normal tagħhom, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. jenfasizza wkoll li s-soluzzjoni mhix biss id-djar għall-anzjani, iżda anke l-kwartieri interġenerazzjonalment u komprensivament attivi; iqis li l-AAL JP (il-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment) huwa strument importanti għall-użu ta' riżorsi tekniċi li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum;
50. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tas-soluzzjonijiet għal Għajxien Indipendenti, biex tikkunsidra l-problemi ppreżżntati mid-distakk li jeżisti f’ħafna Stati Membri bejn l-aspettativa medja ta’ ħajja b’saħħitha u l-età tal-pensjoni, li potenzjalment tħalli ħafna persuni b’perjodu li fih ma jkunux għadhom kapaċi jaħdmu iżda jkunu għadhom mhumiex eliġibbli li jirċievu d-drittijiet sħaħ tal-pensjoni tagħhom;
51. Ifakkar li ċ-ċittadini anzjani huma ta’ benefiċċju għas-soċjetajiet tagħna, u huwa essenzjali li nibnu fuq l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja u nappoġġjaw l-għajxien indipendenti tagħhom għall-itwal perjodu ta’ żmien possibbli;
52. Jemmen li huwa kruċjali li jiġi miġġieled l-iżolament tal-informazzjoni fost il-ġenerazzjoni anzjana, u li l-aċċess għal u l-użu ta' teknoloġiji ġodda jikkostitwixxu waħda mill-għodda essenzjali għal tixjiħ attiv u b’saħħtu u l-inklużjoni soċjali tal-anzjani;
53. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi ambjent fiżiku aċċessibbli u għall-but ta’ kulħadd u l-adattament tad-djar tal-anzjani bl-għan li tiffaċilita l-indipendenza tagħhom; jenfasizza li l-adattament tad-djar huwa l-aħjar prevenzjoni kontra l-inċidenti domestiċi li jistgħu jikkawżaw diżabbiltajiet serji, li jirriżultaw fi spejjeż kbar għas-servizzi pubbliċi u l-familji u li huma ta’ xkiel għal tixjiħ attiv u f’saħħtu;
54. Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li jinħolqu ambjenti adatti għall-anzjani, sabiex ikun evitat li l-kapaċitajiet potenzjali (u residwi) tal-anzjani ma jiġux ostakolati minn dak li jkun madwarhom u biex jiġu megħjuna jżommu l-kapaċitajiet fiżiċi u konoxxittivi tagħhom għall-itwal żmien possibbli, u jgħixu f'ambjenti familjari u sikuri filwaqt li jiġi evitat ukoll l-iżolament soċjali; jistieden lill-Kummissjoni, madanakollu, tinkuraġġixxi l-ħolqien ta’ ambjenti “mfassla għal kulħadd’, u jenfasizza li dawn l-ambjenti għandhom jinftiehmu f’kuntest wiesa’, li mhux biss jinkorpora l-ambjent urban u rurali bi djar, bankini, bliet, eċċ. komdi, sikuri u aċċessibbli, iżda anke l-ambjent soċjali, psikoloġiku, ekoloġiku, kulturali u naturali, li joffri diversi forom ta’ attività u li jagħti lil kull individwu opportunitajiet għal sodisfazzjon personali u motivazzjoni kondiviża; jenfasizza li dan l-ambjent urban għandu jiggarantixxi li l-persuni anzjani jkollhom iktar aċċessibbiltà għall-benefiċċji ta’ ħajja f’żona b’densità għolja ta’ popolazzjoni permezz ta’ aċċess iktar faċli għal kumditajiet vitali, u jirrimarka li, minkejja l-urbanizzazzjoni li għaddejja, ħafna nies għadhom jgħixu fil-kampanja, fejn jinħtieġu wkoll soluzzjonijiet innovattivi;
55. Jenfasizza wkoll l-importanza li l-ambjent ta’ ġewwa tad-djar tal-anzjani jiġi adattat sabiex jiġu evitati aħjar l-inċidenti domestiċi u l-waqgħat u jittawwal l-għajxien indipendenti; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li l-anzjani jkunu eliġibbli għal finanzjament għall-adattament ta' darhom; jappoġġja miżuri li jevitaw l-iżolament tal-persuni anzjani u/jew tal-persuni li ma jkunux jistgħu jħallu darhom u li jkissru l-istigma assoċjata mal-mard, kemm jekk ikun relatat mal-età kif ukoll jekk le;
56. Jenfasizza l-ħtieġa għal bilanċ bejn iż-żoni rurali u urbani f’termini ta’ kura għall-persuni anzjani; jemmen li innovazzjonijiet teknoloġiċi permezz ta’ ICTs għandhom jindirizzaw l-isfidi ta’ mobbiltà li jħabbtu wiċċhom magħhom l-anzjani li jgħixu fiż-żoni rurali;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-inklużjoni ta’ persuni li qed jixjieħu li jgħixu f’żoni remoti jew f’żoni b’ħafna żvantaġġi;
58. Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq ambjenti adatti għall-anzjani biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet potenzjali (u residwi) tal-anzjani ma jkunux ostakolati mill-ambjent tagħhom; jenfasizza li dawn l-ambjenti għandhom jitqiesu f’kuntest wiesa’, mhux biss relatat mal-ambjent mibni, iżda anke mal-ambjent soċjali, psikoloġiku, kulturali u naturali; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tipproponi wkoll Liġi Ewropea dwra l-Aċċessibbiltà;
59. Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina s-soluzzjonijiet u l-prassi tajba disponibbli relatati ma’ approċċ ġdid għal tixjiħ attiva u għall-ħolqien ta’ sistema ta’ tixjiħ attiv komprensiva u kompatibbli fl-Istati Membri kollha;
60. Jipproponi li l-politiki tal-UE skont it-Titolu XII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward l-edukazzjoni u l-isport għandhom jinkludu taqsima dwar it-tixjiħ attiv;
61. Jenfasizza li t-tneħħija tal-ostakli arkitettoniċi għall-persuni b’diżabbiltà għandha wkoll effett pożittiv fuq il-mobbiltà tal-anzjani, u tgħinhom biex jgħixu ħajja indipendenti u attiva aktar fit-tul; għalhekk, iqis li huwa importanti li dawn l-ostakli jitneħħew ukoll fil-bliet żgħar, fejn jgħixu numru kbir ta’ anzjani;
62. Jipproponi li jittieħdu miżuri li jinkuraġġixxu l-irtirar ikkombinat ma’ xi forma ta' attività;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra l-anzjani fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, fil-post tax-xogħol u fit-twettiq tax-xogħol, bl-għan li tinkiseb dinja tax-xogħol konsistentement favorevoli għall-ġenerazzjonijiet;
64. Jistieden lill-impjegaturi, fejn meħtieġ, iżidu l-isforzi tagħhom biex jadattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-istat tas-saħħa u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema anzjani u jinkuraġġixxu immaġni aktar pożittiva tal-persuni anzjani fil-post tax-xogħol;
65. Jinnota li t-tixjiħ ma jfissirx biss sfidi iżda joffri wkoll possibbiltajiet, b’mod speċjali opportunitajiet ta’ innovazzjoni li, fit-tul, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u benessri ekonomiku dejjem akbar fl-Ewropa;
Kwistjonijiet orizzontali
66. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ strumenti ta’ finanzjament, proċessi ta’ standardizzazzjoni, żvilupp ta’ repożitorji, sinerġiji u faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li huwa prerekwiżit li dawn l-objettivi jkunu marbuta mal-ħtiġijiet u t-talbiet attwali (i.e. li jkun żgurat li l-politiki, il-programmi u s-servizzi jkunu bbażati fuq l-evidenza u għalhekk ikunu sostnuti minn valutazzjoni rappreżentattiva u monitoraġġ regolari, biex tkun faċilitata u mħaffa l-kreazzjoni ta’ UE adatta għall-anzjani); għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tibda l-iżvilupp ta’ għodod ta’ valutazzjoni u monitoraġġ standardizzati li jipprovdu d-data meħtieġa fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet għall-politika bbażata fuq l-evidenza, l-iżvilupp ta’ programmi u l-provvista ta’ servizzi (tas-saħħa/kura);
67. Jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ innovazzjonijiet adatti għall-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tiżgura li dawn l-innovazzjonijiet ikunu orjentati lejn l-utent u faċli għall-utent u biex tinkorpora l-potenzjal tagħhom b’mod attiv; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija li permezz tagħha l-ħtiġijiet attwali u futuri tal-anzjani jistgħu jiġu evalwati, u tinvolvi aktar lill-utenti finali fil-politiki u l-programmi ta' finanzjament tagħha; ifakkar li karatteristiċi adattati għall-ħtiġijiet tal-anzjani normalment huwa ppruvat li huma ta’ vantaġġ għall-ġenerazzjonijiet kollha;
68. Iqis li hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli differenti involuti fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-benefiċċju tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ governanza f’diversi livelli f’dan il-qasam; jemmen li l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali m’għandhomx jitqiesu sempliċement bħala awtoritajiet ta’ implimentazzjoni, iżda għandhom ikunu involuti fil-proċess sħiħ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tal-valutazzjoni;
69. Jenfasizza r-rwol importanti ta’ atturi lokali u reġjonali fil-modernizzazzjoni, it-titjib u r-razzjonalizzazzjoni tal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali, bl-għan li jinħolqu mudelli li jiksbu riżultati aħjar għal individwi fis-suq tax-xogħol;
70. Jilqa’ l-inizjattivi eżistenti dwar l-aċċessibbiltà, bħall-Premijiet għal Bliet Aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tadotta Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà biex ittejjeb is-suq tal-oġġetti u s-servizzi aċċessibbli;
71. Jinkuraġġixxi l-idea li jiġi offrut taħriġ informali lil membri tal-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ bl-għan li jiġu promossi forom komuni ta’ servizzi ta’ kura għall-anzjani;
72. Jenfasizza r-rwol essenzjali ta’ aktar investiment u nfiq fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-taħriġ addizzjonali, filwaqt li tingħata prijorità lit-tagħlim tul il-ħajja u lill-promozzjoni ta' stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, sabiex jinħoloq ambjent tax-xogħol favorevoli għall-ġenerazzjonijiet u sabiex il-ħaddiema anzjani ma jibqgħux lura f’ambjent teknoloġiku li qed jinbidel; f’dan il-kunstest, iħeġġeġ li jkun hemm enfasi qawwija fuq it-tagħlim tul il-ħajja fi ħdan il-programm “Erasmus għal Kulħadd’, li huwa għodda effettiva għat-trawwim tal-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali kontinwu għaċ-ċittadini tal-UE ta’ kull età;
73. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku għat-tixjiħ u ta’ żvilupp u riforma komprensivi, mhux biss fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja u tas-suq tax-xogħol iżda anke fir-rigward tal-aċċess għalihom, inklużi fatturi bħat-trasport, l-infrastruttura u l-bini;
74. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sistemi ta’ appoġġ għal dawk li jieħdu ħsieb il-familja;
75. Jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni rigward il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ ambjenti adatti għall-anzjani, fejn dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala kontributur kruċjali għat-tixjiħ attiv u b’saħħtu tul il-ħajja kollha; jirrimarka, madankollu, li l-promozzjoni biss tal-ħolqien ta’ ambjenti adatti għall-anzjani mhijiex se tkun biżżejjed sabiex ikun żgurat titjib effettiv rigward kwistjonijiet bħall-mobbiltà tal-persuni, il-possibbiltà li wieħed ikun jista’ jimxi fil-viċinati jew il-faċilitajiet ta’ parteċipazzjoni soċjali tal-komunitajiet, kif ukoll aċċess għal servizzi tas-saħħa u l-kura kwalitattivi u għall-but ta’ kulħadd u għal djar xierqa u għall-but ta’ kulħadd;
76. Jilqa’ l-objettiv li jiġu promossi ambjenti adatti għall-anzjani bħala għodda essenzjali biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema anzjani u l-anzjani li qed ifittxu xogħol u li jiġu promossi soċjetajiet inklussivi li joffru opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
77. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà fil-posta tax-xogħol bħala prerekwiżit għal ħajja tax-xogħol sostenibbli u għal tixjiħ attiv, b’mod partikolari għal ħaddiema b'diżabbiltà jew b’kundizzjonijiet kroniċi; jirrimarka li l-ICT u r-robotika jista’ jkollhom rwol ewlieni f’dak il-kuntest billi jiffaċilitaw ix-xogħlijiet fiżiċi għall-forza tax-xogħol li qed tixjieħ tagħna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu teknoloġiji bħal dawn meta jkun xieraq; jilqa’ r-rikonoxximent tas-sinifikat tal-prevenzjoni fl-ewwel pilastru tal-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni; huwa konvint li l-prevenzjoni għandha wkoll rwol ewlieni fil-posta tax-xogħol, billi ttejjeb is-saħħa okkupazzjonali, filwaqt li tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa u l-kura fit-tul;
78. Huwa konvint li riformi komprensivi huma neċessarji għall-prevenzjoni u l-evitar ta’ nuqqasijiet serji fl-aċċess għas-swieq tax-xogħol li jirriżultaw f’aktar tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u f’thedidda għal-livell ta’ prosperità fl-Ewropa; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata perspettiva wiesgħa li tikkunsidra kwistjonijiet bħal politiki ekonomiċi, impjiegi, sigurtà soċjali, protezzjoni soċjali, ugwaljanza u diskriminazzjoni bejn il-ġeneri;
79. Jilqa’ l-inizjattivi attwali fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, bħall-mandati dwar “Disinn għal kulħadd’ u l-aċċessibbiltà tal-ICT u tal-ambjent mibni; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni biex tniedi inizjattivi simili għall-istandards Ewropej dwar is-saħħa elettronika u l-għajxien indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-korpi ta’ standardizzazzjoni jinvolvu iżjed lill-utenti f’dawn l-inizjattivi sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom b’mod adegwat;
80. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri iniedu kampanji li jtejbu l-perċezzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-kontribut u l-produttività ta’ ħaddiema anzjani, speċjalment ta’ dawk b’diżabbiltajiet jew b’kundizzjonijiet kroniċi;
81. Iqis li l-anzjani irid ikollhom livelli xierqa ta' dħul, djar, aċċess għal kull tip ta’ servizz tas-saħħa, soċjali u kulturali, u netwerks soċjali b’saħħithom sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom, kif ukoll li jeħtieġu opportunitajiet biex jibqgħu jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol, jekk ikunu jixtiequ, mingħajr restrizzjonijiet minħabba diskriminazzjoni abbażi tal-età;
82. Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati u megħjuna voluntiera anzjani u l-volontarjat interġenerazzjonali; jemmen li l-volontarjat u l-inizjattivi “anzjani għall-anzjani’ għall-popolazzjoni li qed tixjieħ jistgħu jipprovdu mezz ta’ inklużjoni kif ukoll jagħtu kontribut kbir mhux ħażin għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura fit-tul; għalhekk, jinkuraġġixxi l-iżvilupp u l-innovazzjoni f’dan il-qasam;
o o o
83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.